Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' Marzu 2009 - Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-97/09)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: M. Lumma, assistit minn C. von Donat, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 8465 finali, tad-19 ta' Diċembru 2008, dwar it-tnaqqis tal-għajnuna ekonomika mogħtija mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) favur il-programm operattiv fir-reġjun Objettiv 1 tal-Land Sachsen fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (1994-1999), skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(94) 1939/4 tal-5 ta' Awwissu 1994, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(94) 2273/4 tat-22 ta' Awwissu 1994 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(94) 1425 tas-6 ta' Settembru 1994;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 8465 finali, tad-19 ta' Diċembru 2008, li permezz tagħha titnaqqas l-għajnuna ekonomika mogħtija mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) favur il-programm operattiv fir-reġjun Objettiv 1 tal-Land Sachsen fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (1994-1999).

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin:

Fl-ewwel lok, ma teżisti l-ebda bażi ġuridika li tiġġustifika kalkolu f'dan l-ammont u l-estrapolazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji matul il-perijodu ta' għajnuna 1994-1999.

Fit-tieni lok, id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KEE) Nru 4253/881, għaliex il-kundizzjonijiet tat-tnaqqis mhumiex sodisfatti. B'mod partikolari, il-Kummissjoni evalwat b'mod żbaljat kemm il-kunċett ta' "irregolarità" kif ukoll elementi importanti ta' fatt. L-affermazzjoni li twettqu żbalji sistematiċi fl-amministrazzjoni u fil-kontroll hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ta' fatt li mhumiex korretti.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma eżerċitatx fir-rigward tagħha s-setgħa diskrezzjonali li hija għandha skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament (KEE) Nru 4253/88. Il-korrezzjonijiet fl-ammont huma spoporzjonati u l-estrapolazzjoni ma saritx korrettament.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkontesta l-motivazzjoni insuffiċjenti tad-deċiżjoni kkontestata. Ir-raġunament u l-motivazzjoni għall-ammont adottat ma setgħux jiġu dedotti minn din id-deċiżjoni.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret il-prinċipju ta' assoċjazzjoni, għaliex minkejja l-konfermazzjoni tal-kapaċità ta' funzjonament tas-sistema ta' amministrazzjoni u ta' kontroll fi ftehim amministrattiv, fid-deċiżjoni kkontestata hija tibbaża ruħha fuq nuqqas sistematiku fis-sistema ta' amministrazzjoni u ta' kontroll.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4253/88, tad-19 ta' Diċembru 1988, li jistabbilixxi dispożizzjonijiet sabiex jiġi implementat ir-Regolament (KEE) Nru 2052/88 fir-rigward tal-koordinazzjoni tal-attivitajiet tal-Fondi Strutturali differenti bejniethom, minn naħa waħda, u bejniethom u dawk tal-Bank Ewropew għall-Investiment u strumenti finanzjarji oħrajn eżistenti, min-naħa l-oħra (ĠU 1998, L 374, p. 1).