Language of document : ECLI:EU:C:2010:662

Kawżi magħquda C-92/09 u C-93/09

Volker und Markus Schecke GbR

u

Hartmut Eifert

vs

Land Hessen

(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Wiesbaden)

“Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali — Pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ għajnuna agrikola — Validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jipprovdu għal din il-pubblikazzjoni u li jistabbilixxu r-regoli dettaljati tagħha — Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikoli 7 u 8 — Direttiva 95/46/KE — Interpretazzjoni tal-Artikoli 18 u 20”

Sommarju tas-sentenza

1.        Drittijiet fundamentali — Rispett għall-ħajja privata — Protezzjoni tad-data personali — Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Kamp ta’ applikazzjoni

(Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8)

2.        Drittijiet fundamentali — Rispett għall-ħajja privata — Protezzjoni tad-data personali — Limitazzjonijiet — Kundizzjonijiet

(Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7, 8 u 52(1))

3.        Agrikoltura — Politika agrikola komuni — Finanzjament mill-FAEG u mill- FAEŻR — Regolamenti Nri 1290/2005 u 259/2008 — Pubblikazzjoni obbligatorja tad-data personali dwar il-persuni fiżiċi benefiċjarji ta’ għajnuna mill-FAEG u mill-FAEŻR

(Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1290/2005, Artikolu 42, punt 8b u 44a; Regolament tal-Kummissjoni Nru 259/2008)

4.        Domandi preliminari — Evalwazzjoni tal-validità — Dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ regolamenti li jimponu l-pubblikazzjoni ta’ data personali dwar il-benefiċjarji tal-għajnuna mill-FAEG u mill-FAEŻR — Effetti — Limitazzjoni ratione temporis

(Artikolu 264(2) TFUE u 267 TFUE)

5.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali — Direttiva 95/46 — Obbligu ta’ notifika lill-awtorità ta’ kontroll — Deroga

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, it-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2))

6.        Approssimazzjoni tal-liġijiet — Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali — Direttiva 95/46 — Kontrolli minn qabel

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46, Artikolu 20)

1.        Ir-rispett tad-dritt tal-ħajja privata fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ ipproċessar ta’ data personali, rikonoxxut mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jirrigwarda kull informazzjoni li tikkonċerna persuna fiżika identifikata jew identifikabbli. Għalhekk, il-persuni ġuridiċi jistgħu jużaw il-protezzjoni tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta biss jekk l-isem legali tal-persuna ġuridika jidentifika persuna fiżika waħda jew iktar. Dan huwa l-każ meta l-isem legali ta’ kumpannija jidentifika direttament persuni fiżiċi li huma azzjonisti tagħha.

(ara l-punti 52-54)

2.        L-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jaċċetta li jista’ jkun hemm limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ drittijiet bħal dawk stabbiliti fl-Artikoli 7 u 8 ta’ din il-Karta, sakemm dawn il-limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u li, fir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, huma meħtieġa u jissodisfaw effettivament l-għanijiet ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet ta’ ħaddieħor. Dawn il-limitazzjonijiet li jistgħu leġittimament isiru għad-dritt tal-protezzjoni ta’ data personali, jikkorrispondu għal dawk aċċettati fil-kuntest tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(ara l-punti 52, 65)

3.        Il-punt 8b tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni, kif emendat bir-Regolament Nru 1437/2007, u r-Regolament Nru 259/2008, li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1290/2005 rigward il-pubblikazzjoni ta’ tagħrif dwar il-benefiċjarji tal-fondi mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), huma invalidi inkwantu, fir-rigward ta’ persuni fiżiċi li huma benefiċjarji ta’ għajnuna mill-FAEG u mill-FAEŻR, dawn id-dispożizzjonijiet jimponu l-pubblikazzjoni ta’ data personali relatata ma’ kull benefiċjarju, mingħajr distinzjoni skont kriterji rilevanti, bħall-perijodi li matulhom huma rċevew l-għajnuna, il-frekwenza jew anki t-tip u d-daqs tagħha.

Fil-fatt, l-ammonti li l-benefiċjarji jirċievu mill-FAEG u mill-FAEŻR jirrapreżentaw parti, ħafna drabi kunsiderevoli, tad-dħul tagħhom. Il-pubblikazzjoni fuq sit Internet tad-data nominattiva dwar l-imsemmija benefiċjarji u l-ammonti preċiżi li dawn irċevew, tikkostitwixxi għalhekk, minħabba l-fatt li din id-data ssir aċċessibbli għal terzi, indħil fil-ħajja privata tagħhom fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. F’dan ir-rigward, jibqa’ mingħajr effett il-fatt li d-data ppubblikata tirrigwarda attivitajiet professjonali. Barra minn hekk, il-pubblikazzjoni imposta bl-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005 u bir-Regolament Nru 259/2008 tikkostitwixxi operazzjoni ta’ ipproċessar ta’ data personali li taqa’ taħt l-Artikolu 8(2) tal-Karta msemmija. Barra minn hekk, il-fatt li l-benefiċjarji jkunu informati dwar il-pubblikazzjoni obbligatorja tad-data li tikkonċernahom ma jpoġġix indiskussjoni l-eżistenza stess ta’ indħil fil-ħajja privata tagħhom, peress li l-punt 8b tal-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1290/2005, u l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 259/2008, li jillimitaw ruħhom sabiex jistabbilixxu li l-benefiċjarji ta’ għajnuna jiġu informati bil-quddiem bil-pubblikazzjoni tad-data li tikkonċernahom, ma jipprovawx jibbażaw l-operazzjoni ta’ ipproċessar ta’ data personali li huma jistabbilixxu fuq il-kunsens tal-benefiċjarji kkonċernati.

Tali ksur ma jkunx iġġustifikat fid-dawl tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Fil-fatt, anki jekk huwa veru li, f’soċjetà demokratika, il-persuni taxxabbli għandhom dritt li jinżammu informati dwar l-użu tal-fondi pubbliċi, xorta jibqa’ l-fatt li bbilanċjar tal-interessi differenti inkwistjoni kien jeħtieġ, qabel l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, verifika, mill-istituzzjonijiet ikkonċernati, dwar jekk il-pubblikazzjoni permezz ta’ sit Internet uniku mill-Istat Membru u li jista’ jiġi liberament ikkonsultat, ta’ data nominattiva dwar il-benefiċjarji kollha kkonċernati u dwar l-ammonti preċiżi li ġejjin mill-FAEG u mill-FAEŻR riċevuti minn kull wieħed minnhom - u dan mingħajr distinzjoni skont il-portata, il-frekwenza u t-tip u d-daqs tal-għajnuna riċevuta - kinitx tmur lil hinn minn dak li kien meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi segwiti, fid-dawl b’mod partikolari tal-preġudizzju maħluq minn tali pubblikazzjoni għad-drittijiet rikonoxxuti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. F’dan ir-rigward, ma għandha tingħata l-ebda supremazija awtomatika lill-għan ta’ trasparenza fuq id-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali, anki jekk huma involuti interessi ekonomiċi sinjifikattivi. Peress li jidher li l-istituzzjonjiet ma għamlux ibbilanċjar bejn, minn naħa waħda, l-għanijiet tal-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005 u tar-Regolament Nru 259/2008 u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet rikonoxxuti għal persuni fiżiċi permezz tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, fid-dawl tal-fatt li d-derogi għall-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet tagħha għandhom jiġu applikati biss sa fejn dan ikun assolutament meħtieġ u li jeżistu miżuri li joħolqu preġudizzju inqas sinjifikattiv għall-persuni fiżiċi għall-imsemmi dritt fundamentali u li fl-istss ħin jikkontribwixxu b’mod effettiv għall-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea inkwistjoni, il-Kunsill u l-Kummissjoni, meta imponew il-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-persuni fiżiċi kollha li huma benefiċjarji tal-għajnuna mill-FAEG u mill-FAEŻR kif ukoll tal-ammonti preċiżi li rċevew, qabżu l-limiti li jitlob ir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi li huma benefiċjarji ta’ għajnuna mill-FAEG u mill-FAEŻR, u inkwantu huma jistgħu jinvokaw id-drittijiet rikonoxxuti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, għandu jiġi kkunsidrat li l-obbligu ta’ pubblikazzjoni li jirriżulta mill-punt 8b tal-Artikolu 42 u mill-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005, kif ukoll mir-Regolament Nru 259/2008, ma jeċċedix il-limiti li jitlob ir-rispett tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-fatt, il-gravità tal-preġudizzju għad-dritt tal-protezzjoni ta’ data personali għall-persuni ġuridiċi hija differenti minn dik għall-persuni fiżiċi. F’dan ir-rigward, il-persuni ġuridiċi huma diġà suġġetti għal obbligu iktar oneruż ta’ pubblikazzjoni ta’ data li tikkonċernahom. Barra minn hekk, l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li qabel il-pubblikazzjoni tad-data inkwistjoni, għal kull persuna ġuridika li hija benefiċjarja ta’ għajnuna mill-FAEG jew mill-FAEŻR, jeżaminaw jekk l-isem tagħha jidentifikax persuni fiżiċi, jimponi fuq dawn l-awtoritajiet nazzjonali, piż amministrattiv eċċessiv.

(ara l-punti 58-61, 63, 65, 79, 85-87, 89, 92, dispożittiv 1)

4.        Meta kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali jiġġustifikawha, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, applikabbli, b’analoġija, ukoll fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari għal evalwazzjoni tal-validità ta’ atti tal-Unjoni Ewropea, skont l-Artikolu 267 TFUE, setgħa diskrezzjonali sabiex tindika, f’kull każ partikolari, dawk l-effetti tal-att ikkonċernat li għandhom jiġu kkunsidrati bħala definittivi.

Fil-kuntest ta’ sentenza li tiddikjara invalidi l-punt 8b tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, kif emendat bir-Regolament Nru 1437/2007, kif ukoll bir-Regolament Nru 259/2008, li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1290/2005 rigward il-pubblikazzjoni ta’ tagħrif dwar il-benefiċjarji tal-fondi mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), u fid-dawl tan-numru sinjifikattiv ta’ pubblikazzjonijiet li seħħew fl-Istati Membri abbażi ta’ leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala valida, l-invalidità tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati ma tippermettix li jiġu kkontestati l-effetti tal-pubblikazzjoni ta’ listi ta’ benefiċjarji ta’ għajnuna mill-FAEG u mill-FAEŻR li saret mill-awtoritajiet nazzjonali, abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet, matul il-perijodu preċedenti għad-data tal-għoti ta’ din is-sentenza.

(ara l-punti 93, 94, dispożittiv 2)

5.        It-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-uffiċjal tal-protezzjoni ta’ data personali ma għandux obbligu li jipproċedi sabiex jinżamm ir-reġistru previst minn din id-dispożizzjoni qabel l-implementazzjoni tal-operazzjoni ta’ ipproċessar ta’ data personali, bħal dak li jirriżulta mill-punt 8b tal-Artikolu 42 u mill-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, kif emendat bir-Regolament Nru 1437/2007, kif ukoll bir-Regolament Nru 259/2008, li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1290/2005 rigward il-pubblikazzjoni ta’ tagħrif dwar il-benefiċjarji tal-fondi mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

(ara l-punt 101, dispożittiv 3)

6.        L-Artikolu 20 tad-Direttiva 95/46, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lill-Istati Membri li jissuġġettaw għall-verifiki minn qabel kif previst mill-imsemmija dispożizzjoni, il-pubblikazzjoni ta’ data li tirriżulta mill-punt 8b tal-Artikolu 42 u mill-Artikolu 44a tar-Regolament Nru 1290/2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni, kif emendat bir-Regolament Nru 1437/2007, kif ukoll bir-Regolament Nru 259/2008, li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1290/2005, rigward il-pubblikazzjoni ta’ tagħrif dwar il-benefiċjarji tal-fondi mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

(ara l-punt 108, dispożittiv 4)