Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tad-9 ta' Novembru 2010 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Verwaltungsgericht Wiesbaden - Ġermanja) - Volker und Markus Schecke GbR (C-92/09), Hartmut Eifert (C-93/09) vs Land Hessen

(Kawża C-92/09 u C-93/09)1

(Protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data ta' natura personali - Pubblikazzjoni ta' data dwar il-benefiċjarji ta' għajnuna agrikola - Validità ta' dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li jipprovdu għal din il-pubblikazzjoni u li jistabilixxu l-modalitajiet tagħha - Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Articoli 7 u 8 - Direttiva 95/46/KE - Interpretazzjoni tal-Artikoli 18 u 20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Wiesbaden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Volker und Markus Schecke GbR GbR (C-92/09), Hartmut Eifert (C-93/09)

Konvenut: Land Hessen

fil-preżenza ta': Bundesanstalt für Landwirtschaft und Ernährung

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Verwaltungsgericht Wiesbaden - Validità tal-punt 8b tal-Artikolu 42(1) u tal-Artikolu 44a tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta' Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 209, p. 1), tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 259/2008, tat-18 ta' Marzu 2008, li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 rigward il-pubblikazzjoni ta' tagħrif dwar il-benefiċjarji tal-fondi ġejjin mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 76, p. 28) u tad-Direttiva 2006/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta' Marzu 2006, dwar iż-żamma ta' data ġenerata jew proċessata b'konnessjoni mal-provvista ta' servizzi pubblikament disponibbli ta' komunikazzjoni elettronika jew ta' networks ta' komunikazzjoni pubblika u li temendi d-Direttiva 2002/58/KE (ĠU L 105, p. 54) - Interpretazzjoni tal-Artikolu 7, tat-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2) u tal-Artikolu 20 tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 95/46/KE, tal-24 ta' Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) - Ipproċessar ta' data ta' natura personali ta' benefiċjarji ta' fondi agrikoli Ewropej li jikkonsistu fil-pubblikazzjoni ta' din id-data fuq sit tal-Internet mgħammar b'għodda ta' riċerka - Validità, fid-dawl tad-dritt għall-protezzjoni ta' data ta' natura personali, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju li jipprovdu għal din il-pubblikazzjoni u li jistabbilixxu r-regoli dettaljati tagħha - Kundizzjonijiet li fihom tista' tiġi effettwata din il-pubblikazzjoni

Dispożittiv

Il-punt 8(b) tal-Artikolu 42 u l-Artikolu 44(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta' Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1437/2007, tas-26 ta' Novembru 2007, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 259/2008, tat-18 ta' Marzu 2008, li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1290/2005 rigward il-pubblikazzjoni ta' tagħrif dwar il-benefiċjarji tal-fondi mill-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) u tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), huma invalidi inkwantu, fir-rigward ta' persuni fiżiċi li huma benefiċjarji ta' għajnuna mill-FAEG u mill-FAEŻR, dawn id-dispożizzjonijiet jimponu l-pubblikazzjoni ta' data ta' natura personali relatata ma' kull benefiċjarju, mingħajr distinzjoni skont kriterji rilevanti, bħall-perijodi li matulhom huma rċevew l-għajnuna, il-frekwenza jew anki t-tip u d-daqs tagħha.

L-invalidità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea msemmija fil-punt 1 ta' dan id-dispożittiv ma tippermettix illi jiġu kkontestati l-effetti tal-pubblikazzjoni ta' listi ta' benefiċjarji ta' għajnuna mill-FAEG u mill-FAEŻR li saret mill-awtoritajiet nazzjonali, abbażi tal-imsemmija dispożizzjonijiet, matul il-perijodu preċedenti għad-data tal-għoti ta' din is-sentenza.

It-tieni inċiż tal-Artikolu 18(2) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta' Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il moviment liberu ta' dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens illi l-uffiċjal tal-protezzjoni ta' data ta' natura personali ma għandux obbligu li jipproċedi sabiex jinżamm ir-reġistru previst minn din id-dispożizzjoni qabel l-implementazzjoni tal-operazzjoni ta' ipproċessar ta' data ta' natura personali, bħal dak li jirriżulta mill-punt 8(b) tal-Artikolu 42 u mill-Artikolu 44(a) tar-Regolament Nru 1290/2005, kif emendat bir-Regolament Nru 1437/2007, u mir-Regolament Nru 259/2008.

L-Artikolu 20 tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens illi ma jobbligax lill-Istati Membri illi jissuġġettaw għall-verifiki minn qabel kif previst mill-imsemmija dispożizzjoni, il-pubblikazzjoni ta' data li tirriżulta mill-punt 8(b) tal-Artikolu 42 u mill-Artikolu 44(a) tar-Regolament Nru 1290/2005, kif emendat bir-Regolament Nru 1437/2007, u mir-Regolament Nru 259/2008.

____________

1 - ĠU C 129, 06.06.2009 ĠU C 119, 16.05.2009.