Language of document : ECLI:EU:T:2010:500

Kawża T-59/08

Nute Partecipazioni SpA et

La Perla Srl

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja verbali NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC — Trade marks nazzjonali figurattivi preċedenti la PERLA — Raġuni relattiva għal rifjut — Ħsara għar-reputazzjoni — Artikolu 8(5) u Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li saru l-Artikolu 8(5) u l-Artikolu 53(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 2007/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża lil prodotti jew servizzi li ma jixxibhux — Provi li għandhom jiġu prodotti mill-proprjetarju

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(5))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża lil prodotti jew servizzi li ma jixxibhux — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(5))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah li għandha reputazzjoni — Protezzjoni tat-trade mark preċedenti li għandha reputazzjoni estiża lil prodotti jew servizzi li ma jixxibhux — Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(5))

4.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Raġunijiet relattivi ta’ invalidità — Reġistrazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 8(5), u 52(1)(a))

1.      Sabiex jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu jipproduċi l-prova li l-użu mit-trade mark sussegwenti ser jieħu vantaġġ inġust jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew għar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti. Wieħed minn dawn it-tliet tipi ta’ ħsara huwa suffiċjenti sabiex ikun applikabbli l-Artikolu 8(5) tal-imsemmi regolament.

Il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma huwiex obbligat juri l-eżistenza ta’ ħsara effettiva u attwali fil-konfront tat-trade mark tiegħu fis-sens tal-Artikolu 8(5). Fil-fatt, meta jista’ jiġi dedott li tali ħsara ser tirriżulta mill-użu li l-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti jista’ jagħmel mit-trade mark tiegħu, il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti ma huwiex obbligat jistenna li din effettivament isseħħ sabiex ikun jista’ jipprojbixxi l-imsemmi użu. Il-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandu madankollu jistabbilixxi l-eżistenza ta’ elementi li jippermettu li jiġi konkluż li hemm probabbiltà serja li ħsara bħal din isseħħ fil-futur.

Meta l-proprjetarju tat-trade mark preċedenti jirnexxielu juri l-eżistenza ta’ ħsara effettiva u attwali għat-trade mark tiegħu, jew, fin-nuqqas ta’ dan, probabbiltà serja li tali ħsara ser isseħħ fil-futur, huwa l-proprjetarju tat-trade mark sussegwenti li għandu jistabbilixxi li teżisti raġuni valida għall-użu minn din it-trade mark.

(ara l-punti 31-34)

2.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-użu mit-trade mark sussegwenti jiħux vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-intensità tar-reputazzjoni u l-grad tal-karattru distintiv tat-trade mark, il-grad ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti kif ukoll in-natura u l-grad ta’ rabta tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Fir-rigward tal-intensità tar-reputazzjoni u tal-grad ta’ karattru distintiv tat-trade mark, iktar ma jkunu kunsiderevoli l-karattru distintiv u r-reputazzjoni ta’ din it-trade mark, iktar ikun faċli li tiġi ammessa l-eżistenza ta’ ħsara. Barra minn dan, iktar ma tkun immedjata u b’saħħitha l-evokazzjoni tat-trade mark preċedenti mit-trade mark sussegwenti, iktar huwa kbir ir-riskju li l-użu attwali jew futur mis-sinjal jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, jew li jippreġudikahom.

Fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni globali, tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ taħlit jew ta’ titbigħ tat-trade mark preċedenti.

(ara l-punti 42-43)

3.      L-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżistenza ta’ kisba ta’ vantaġġ inġust miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, la tippreżumi l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni u lanqas ta’ probabbiltà ta’ ħsara kkawżata lil dan il-karattru distintiv jew reputazzjoni, jew, b’mod iktar ġenerali, lill-proprjetaru ta’ din tal-aħħar. Il-vantaġġ li jirriżulta mill-użu minn terz minn trade mark li tixbah lil trade mark li għandha reputazzjoni huwa inġustament miksub minn dan it-terz mill-imsemmi karattru distintiv jew reputazzjoni meta b’dan l-użu, huwa jipprova japprofitta minn fuq dahar din it-trade mark li għandha reputazzjoni sabiex jibbenefika mis-setgħa ta’ attrazzjoni tagħha, mir-reputazzjoni tagħha u mill-prestiġju tagħha, kif ukoll sabiex juża, mingħajr ebda kumpens finanzjarju, l-isforz kummerċjali magħmul mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti sabiex joħloq u jżomm l-immaġni tagħha.

(ara l-punt 45)

4.      Ġiet prodotta l-prova li l-proprjetarju tat-trade mark verbali NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC, irreġistrata bħala trade mark Komunitarja għal “perli” li jaqgħu fil-klassi 14 skont il-Ftehim ta’ Nice, ħa vantaġġ inġust, fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, mir-reputazzjoni tat-trade mark figurattiva la PERLA, irreġistrata preċedentement fl-Italja għal “Malji, ilbies sportiv u ilbies inġenerali” għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25 tal-imsemmi ftehim, jew li, tal-inqas, kien hemm probabbiltà serja li tali ħsara setgħet isseħħ fil-futur.

Fil-fatt, it-trade mark preċedenti la PERLA għandha reputazzjoni għal bjankerija intima u l-malji u tista’ wkoll tiġi kkunsidrata bħala reputazzjoni għolja ħafna. Barra minnhekk, jeżisti ċertu grad ta’ xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti u li l-prodotti koperti mit-trade mark preċedenti, jiġifieri l-ħwejjeġ tan-nisa, u dawk koperti mit-trade mark sussegwenti, jiġifieri l-perli, jappartjenu għal setturi tas-suq qrib ta’ xulxin.

Finalment, il-perli jistgħu jintużaw fil-produzzjoni ta’ malji u ħwejjeġ oħra tan-nisa. Ma huwiex eskluż li l-konsumaturi ta’ ġojjelli u, iktar b’mod partikolari, ta’ perli jafu bil-bjankerija intima u l-malji kkummerċjalizzati mill-proprjetarju tat-trade mark preċedenti.

(ara l-punti 36, 56-58)