Language of document : ECLI:EU:T:2010:350

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)
6 ta’ Settembru 2010

Kawża T-60/08 P

Georgi Kerelov

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Servizz pubbliku — Reklutaġġ — Avviż ta’ kompetizzjoni ġenerali — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista ta’ riżerva — Esklużjoni mill-kompetizzjoni ġenerali minħabba ksur tar-regola li tipprojbixxi kuntatti diretti jew indiretti bejn il-kandidati u l-Bord tal-Għażla — Appell parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tad-29 ta’ Novembru 2007, Kerelov vs Il‑Kummissjoni (F‑19/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑399 u II‑A‑1‑2227), intiż għall-annullament ta’ dik is-sentenza.

Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Georgi Kerelov għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Proċedura — Termini — Terminu għal raġuni ta’ distanza

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 9; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 96(4) u 102(2))

2.      Appell — Aggravji — Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti — Inammissibbiltà — Stħarriġ mill-Qorti Ġenerali tal-evalwazzjoni tal-provi — Esklużjoni ħlief fil-każ ta’ żnaturament

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11)

3.      Uffiċjali — Kompetizzjoni ġenerali — Bord tal-Għażla — Kompetenza dixxiplinari sabiex jiġi eskluż kandidat minn kompetizzjoni ġenerali

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 30; Anness III, il-ħames paragrafu tal-Artikolu 5)

4.      Appell — Aggravji — Nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-iżball ta’ liġi invokat — Inammissibbiltà

(Artikolu 225A KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Anness I, Artikolu 11(1); Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 138(1))

1.      Skont l-Artikolu 96(4) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-preżentata ta’ talba għal għajnuna legali tissospendi t-terminu previst għall-preżentata tar-rikors sad-data tan-notifika tad-digriet li jagħti deċiżjoni dwar din it-talba. F’dan ir-rigward, it-terminu għal raġuni ta’ distanza ma għandux jiġi kkunsidrat bħala terminu separat mit-terminu proċedurali, iżda bħala sempliċi estensjoni ta’ dan tal-aħħar. It-terminu previst għall-preżentata ta’ rikors fis-sens tal-Artikolu 96(4) tar-Regoli tal-Proċedura għandu jinftiehem bħala t-terminu għall-preżentata ta’ rikors estiż darba b’terminu ta’ għaxart’ijiem għal raġuni ta’ distanza.

(ara l-punti 14 sa 16)

Referenza: Il-Qorti Ġenerali 20 ta’ Novembru 1997, Horeca-Wallonie vs Il‑Kummissjoni, T‑85/97, Ġabra p. II‑2113, punt 26

2.      Hija biss il-qorti tal-ewwel istanza li hija kompetenti, minn naħa, li tikkonstata l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, li tevalwa dawn il-fatti. Għaldaqstant, l-evalwazzjoni tal-fatti mill-qorti tal-ewwel istanza ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi ppreżentati quddiem dik il-qorti, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali.

Addizzjonalment, barra li ma hijiex kompetenti sabiex tikkonstata l-fatti, il-qorti tal-appell, fil-prinċipju, ma hijiex kompetenti sabiex teżamina l-provi li wasslu lill-qorti tal-ewwel istanza għall-konstatazzjoni ta’ dawk il-fatti. Fil-fatt, ġaladarba dawk il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari, ikunu ġew osservati r-regoli u l-prinċipji ġenerali tad-dritt fil-qasam tal-oneru tal-prova kif ukoll ir-regoli proċedurali fil-qasam tal-produzzjoni tal-provi, hija biss il-qorti tal-ewwel istanza li għandha tevalwa l-valur li għandu jiġi attribwit lill-provi li jkunu ġew prodotti quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawk il-provi, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali.

Tali żnaturament għandu jkun jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun neċessarju li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi.

(ara l-punti 28 u 29)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 27 ta’ April 2006, L vs Il‑Kummissjoni, C‑230/05 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 45 u 46; Il-Qorti Ġenerali 8 ta’ Settembru 2008, Kerstens vs Il‑Kummissjoni, T‑222/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑37 u, II‑B‑1‑267, punti 60 sa 62; Il-Qorti Ġenerali 8 ta’ Settembru 2009, ETF vs Landgren, T‑404/06 P, Ġabra p. II‑2841, punti 191 u 192

3.      Il-kompetenza sabiex tiġi stabbilita l-lista ta’ kapaċità tal-kandidati hija mogħtija espressament lill-Bord tal-Għażla mill-Artikolu 30 tar-Regolamenti tal-Persunal, kif ukoll mill-ħames paragrafu tal-Artikolu 5 tal-Anness III tal-imsemmija regolamenti, u dan jimplika neċessarjament il-kompetenza li jiġi eskluż minn kompetizzjoni ġenerali kandidat li jkun kiser ir-regola li tipprojbixxi l-kuntatt mal-membri tal-Bord tal-Għażla, iddikjarata fl-avviż tal-kompetizzjoni ġenerali.

(ara l-punt 61)

4.      Mill-Artikolu 225A KE, mill-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u mill-punt (ċ) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li appell għandu jindika, b’mod preċiż, l-elementi kkritikati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu din it-talba b’mod speċifiku.

Appell li ma jkun jinkludi ebda argument intiż b’mod speċifiku sabiex jidentifika l-iżball ta’ liġi li bih tkun ivvizzjata s-sentenza jew id-digriet inkwistjoni ma jissodisfax dak ir-rekwiżit.

Barra min hekk, dikjarazzjonijiet li jkunu wisq ġenerali u mhux preċiżi sabiex ikunu s-suġġett ta’ evalwazzjoni legali għandhom jiġu kkunsidrati bħala manifestement inammissibbli.

(ara l-punti 75 u 76)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ Settembru 1996, San Marco vs Il‑Kummissjoni, C‑19/95 P, Ġabra p. I‑4435, punt 37; Il-Qorti tal-Ġustizzja 8 ta’ Lulju 1999, Hercules Chemicals vs Il‑Kummissjoni, C‑51/92 P, Ġabra p. I‑4235, punt 113; Il-Qorti tal-Ġustizzja 1 ta’ Frar 2001, Area Cova et vs Il‑Kunsill, C‑300/99 P u C‑388/99 P, Ġabra p. I‑983, punt 37; Il-Qorti tal-Ġustizzja 12 ta’ Diċembru 2006, Autosalone Ispra vs Il‑Kummissjoni, C‑129/06 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 31 u 32; Il-Qorti tal-Ġustizzja 29 ta’ Novembru 2007, Weber vs Il‑Kummissjoni, C‑107/07 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 24; Il-Qorti Ġenerali 12 ta’ Marzu 2008, Rossi Ferreras vs Il‑Kummissjoni, T‑107/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑5 u II‑B‑1‑31, punt 27