Language of document :

Rikors ippreżentat fis-7 ta' Frar 2008 - Nute Partecipazione u La Perla vs L-UASI - Worldgem Brands (NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC)

(Kawża T-59/08)

Lingwa tar-rikors: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Nute Partecipazione SpA (Bologna, l-Italja) u La Perla Srl (Bologna, l-Itlaja) (rappreżentanti: R. Morresi u A. Dal Ferro, avukati)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord ta' l-Appell: Worldgem Brands Srl (Olmo di Creazzi, l-Italja)

Talbiet tar-rikorrenti

Prinċipalment, tannulla u tirriforma d-deċiżjoni tad-19 ta' Novembru 2007 tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI minħabba l-applikazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 8(5), kif ukoll minħabba ksur ta' l-Artikoli 63(6), 73 u 74 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja;

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni tad-19 ta' Novembru 2007 tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI minħabba applikazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 8(5), kif ukoll minħabba ksur ta' l-Artikoli 63(6), 73 u 74 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja;

b'mod aktar sussidjarju, tannulla u/jew tirriforma d-deċiżjoni tad-19 ta' Novembru 2007 tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI minħabba applikazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja, kif ukoll minħabba ksur ta' l-Artikoli 63(6), 73 u 74 tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja;

fi kwalunkew każ tikkundanna lill-UASI u lil Worldgem Brands Srl flimkien sabiex ibatu l-ispejjeż tal-proċedura kollha, inklużi dawk relatati mal-proċeduri quddiem it-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI.

Motivi u argumenti prinċipali

Trade mark Komunitarja rreġistrata li hija s-suġġett tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità: Trade mark Komunitarja verbali "NIMEI LA PERLA MODERN CLASSIC (Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni Nru 713.446), għal prodotti fil-klassi 15. Din l-istess trade mark diġà kienet is-suġġett ta' talba preċedenti għal dikjarazzjoni ta' invalidità. Id-deċiżjoni li ċaħdet din it-talba preċedenti u li ngħatat mill-Ewwel Bord ta' l-Appell ġiet annullata mis-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza fil-kawża 137/05, La Perla vs L-UASI - Worldgem Brands.1

Proprjetarju tat-trade mark Komunitarja: WORLDGEM BRANDS Srl

Parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità tat-trade mark Komunitarja: Ir-rikorrenti

Dritt tat-trade mark tal-parti li qed titlob id-dikjarazzjoni ta' invalidità: Ir-reputazzjoni ta' diversi trade marks figurattivi Taljani "PERLA", għal prodotti fil-klassijiet 3, 9, 14, 16, 18, 24, 25 u 35.

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni: Ilqugħ tat-talba u dikjarazzjoni ta' invalidità tar-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja in kwistjoni.

Deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell : L-annullament tad-deċiżjoni appellata u l-ilqugħ parzjali tat-talba għal dikjarazzjoni ta' invalidità.

Motivi invokati : Ksur tal-liġi u interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljata ta' l-Artikoli 63, 73 u 74 tar-Regolament (KE) Nru 40/94, dwar it-trade mark Komunitarja. Sussidjarjament, ksur tal-liġi u applikazzjoni żbaljata ta' l-Artikolu 8(1)(b) ta' l-istess Regolament.

____________

1 - Għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġabra