Language of document : ECLI:EU:T:2021:604

Kawżi magħquda T-639/14 RENV, T-352/15 u T-740/17

Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI)

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tat22 ta’ Settembru 2021

“Għajnuna mill-Istat – Tariffa ta’ provvista tal-elettriku – Iffissar tat-tariffa ffatturata lil Alouminion b’deċiżjoni ta’ tribunal ta’ arbitraġġ – Deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni dwar l-ilment – Deċiżjoni li tikkonstata n-nuqqas ta’ għajnuna – Att li jista’ jiġi kkontestat – Kwalità ta’ persuna interessata – Interess ġuridiku – Locus standi – Ammissibbiltà – Imputabbiltà lill-Istat – Vantaġġ – Prinċipju tal-operatur privat – Diffikultajiet serji”

1.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tittiħidx azzjoni dwar ilment intiża li jiġi kkonstatat ksur tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni li ttemm il-proċedura preliminari billi tirrifjuta l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali tal-għajnuna mill-Istat – Inklużjoni

(Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 71-75, 197, 204, 205)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Proċedura amministrattiva – Persuna interessata fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE – Kunċett – Impriża li ma tinsabx f’relazzjoni kompetittiva diretta mal-benefiċjarju tal-għajnuna – Neċessità għal din l-impriża li turi effett konkret tal-għajnuna fuq is-sitwazzjoni tagħha

(Artikolu 108(2) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2015/1589, Artikolu 1(h))

(ara l-punti 79-85)

3.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mingħajr ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali – Rikors intiż li jiġu ssalvagwardati d-drittijiet proċedurali tal-persuni interessati – Ammissibbiltà

(Artikolu 108(2) u (3), u t-l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 266 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2015/1589, Artikolu 1(h))

(ara l-punti 86-92)

4.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-assenza ta’ għajnuna mill-Istat – Rikors ta’ persuni interessati fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE – Identifikazzjoni tas-suġġett tar-rikors – Rikors intiż li jiġu ssalvagwardati d-drittijiet proċedurali tal-persuni interessati – Motivi li jikkonċernaw l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-provi għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni – Ammissibbiltà

(Artikolu 108(2) u (3), u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2015/1589, Artikoli 1(h) u 4(3) u (4))

(ara l-punti 93-103, 206)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Fażi preliminari u fażi kontradittorja – Obbligu tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura kontradittorja fil-każ ta’ diffikultajiet serji – Kunċett ta’ diffikultajiet serji – Karattru oġġettiv – Stħarriġ ġudizzjarju – Portata

(Artikoli 107(1) u 108(2) u (3) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2015/1589, Artikolu 4)

(ara l-punti 112-116, 189-191, 233)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kompetenzi rispettivi tal-Kummissjoni u tal-qrati nazzjonali – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali – Kompetenzi esklużivi tal-Kummissjoni – Supremazija – Rwol tal-qrati nazzjonali – Prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata – Nuqqas ta’ infurzabbiltà tal-prinċipju ta’ awtorità ta’ res judicata fir-rigward ta’ deċiżjoni sussegwenti tal-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat illegali

(Artikoli 107(1) u 108(3) TFUE)

(ara l-punti 143-148, 186)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni skont il-kriterju tal-investitur privat – Evalwazzjoni fid-dawl tal-fatturi kollha rilevanti tal-miżura inkwistjoni u tal-kuntest tagħha – Deċiżjoni adottata minn tribunal ta’ arbitraġġ li tistabbilixxi tariffa tal-enerġija – Deċiżjoni ta’ arbitraġġ li, min-natura tagħha u mill-effetti ġuridiċi tagħha, hija komparabbli għal sentenzi ta’ qorti statali ordinarja – Tribunal ta’ arbitraġġ li jaġixxi bħala awtorità pubblika

(Artikolu 107(1))

(ara l-punti 150-159)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Obbligu għall-Kummissjoni li twettaq, f’kull tipi ta’ każijiet, analiżi kumplessa tal-prezz ipotetiku tas-suq – Assenza – Eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari li jeżiġuha

(Artikolu 107(1) TFUE)

(ara l-punti 160-167, 185)

9.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġi imputabbli lill-Istat – Implikazzjoni ta’ tribunal ta’ arbitraġġ fl-iffissar ta’ tariffa tal-elettriku – Deċiżjoni ta’ arbitraġġ li, min-natura tagħha u mill-effetti ġuridiċi tagħha, hija komparabbli għal sentenzi ta’ qorti statali ordinarja – Tribunal ta’ arbitraġġ li jaġixxi bħala awtorità pubblika

(ara l-punti 227-232)

Sunt

Il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kummissjoni kkonstatat li deċiżjoni ta’ arbitraġġ li tistabbilixxi tariffa tal-elettriku allegatament preferenzjali ma kinitx tinkludi l-għoti ta’ vantaġġ lill-produttur tal-aluminju Mytilinaios. Il-Kummissjoni kienet marbuta teżamina, b’mod diliġenti, suffiċjenti u komplet, l-eventwali eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat billi twettaq evalwazzjonijiet ekonomiċi u tekniċi kumplessi.

Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (iktar ’il quddiem “DEI”), produttriċi u fornitriċi tal-elettriku stabbilita f’Ateni (il-Greċja) u kkontrollata mill-Istat Grieg, u l-ikbar klijent tagħha, Mytilinaios AE - Omilos Epicheiriseon, preċedentement Alouminion tis Ellados VEAE, stabbilita f’Marousi (il-Greċja) (iktar ’il quddiem “Mytilinaios”), huma implikati f’tilwima twila dwar it-tariffa tal-provvista tal-elettriku intiża li tissostitwixxi t-tariffa preferenzjali li tibbenefika minnha Mytilinaios u li tirriżulta minn ftehim iffirmat fl-1960, iżda li skada fl-2006.

Fil-kuntest ta’ ftehim ta’ arbitraġġ iffirmat fis-16 ta’ Novembru 2011, iż-żewġ partijiet ftiehmu li jafdaw l-inkarigu tar-riżoluzzjoni tat-tilwima tagħhom lil Rythmistiki Archi Energeias (l-Awtorità Regolatorja tal-Enerġija Ellenika, il-Greċja, iktar ’il quddiem ir-“RAE”) li fi ħdanha hemm stabbilit, skont il-liġi Ellenika, organu ta’ arbitraġġ permanenti (iktar ’il quddiem it-“Tribunal ta’ Arbitraġġ”).

B’deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2013 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ arbitraġġ”), it-Tribunal ta’ Arbitraġġ stabbilixxa t-tariffa tal-enerġija applikabbli għal Mytilinaios (iktar ’il quddiem it-“tariffa inkwistjoni”). Ir-rikors ippreżentat minn DEI kontra din id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ġie miċħud mill-Efeteio Athinon (il-Qorti tal-Appell ta’ Ateni, il-Greċja).

F’dan il-kuntest, DEI ppreżentat żewġ ilmenti quddiem il-Kummissjoni, fejn sostniet, qabelxejn, li r-RAE, u sussegwentement it-Tribunal ta’ Arbitraġġ, kienu taw għajnuna mill-Istat illegali lil Mytilinaios, sa fejn it-tariffa inkwistjoni kienet tobbligaha tforni lil din tal-aħħar elettriku bi prezz inferjuri għall-ispejjeż tagħha u għalhekk għall-prezz tas-suq. B’ittra tat-12 ta’ Ġunju 2014, iffirmata minn kap ta’ diviżjoni tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Kompetizzjoni (iktar ’il quddiem l-“ittra kontenzjuża”), il-Kummissjoni informat lil DEI li ma kinitx ser tittieħed azzjoni dwar l-ilmenti tagħha. Skont il-Kummissjoni, it-tariffa inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, peress li l-kriterji ta’ imputabbiltà u ta’ vantaġġ ma kinux issodisfatti, b’mod li ma kienx hemm lok li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE.

Wara din l-ittra, DEI ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, irreġistrat bin-numru T‑639/14, intiż għall-annullament tad-deċiżjoni li ma tittiħidx azzjoni, inkluża fiha.

Matul din il-proċedura, il-Kummissjoni, permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2015 (1) (iktar ’il quddiem l-“ewwel deċiżjoni kkontestata”), irtirat u ssostitwixxiet l-ittra kontenzjuża. F’din id-deċiżjoni, hija qieset li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma kinitx timplika l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat favur Mytilinaios, essenzjalment minħabba li s-sottomissjoni volontarja minn DEI tat-tilwima tagħhom għall-arbitraġġ kienet tikkorrispondi għall-aġir ta’ investitur avżat f’ekonomija tas-suq u, għaldaqstant, ma kinitx tinvolvi vantaġġ.

DEI sussegwentement ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, irreġistrat bin-numru T‑352/15, intiż għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata.

B’digriet tad-9 ta’ Frar 2016, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors fil-Kawża T‑639/14. Adita b’appell, il-Qorti tal-Ġustizzja (2) madankollu annullat dan id-digriet u bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali fejn ġiet irreġistrata bin-numru T‑639/14 RENV.

Fl-14 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni adottat it-tieni deċiżjoni (iktar ’il quddiem it-“tieni deċiżjoni kkontestata”) (3), li ħassret u ssostitwixxiet kemm l-ittra kontenzjuża kif ukoll l-ewwel deċiżjoni kkontestata. Billi tibbaża ruħha fuq raġunijiet identiċi għal dawk esposti fl-ewwel deċiżjoni kkontestata, din it-tieni deċiżjoni tikkonferma li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma tinvolvix l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

DEI ppreżentat mill-ġdid rikors quddiem il-Qorti Ġenerali għall-annullament ta’ din it-tieni deċiżjoni, irreġistrat bin-numru T‑740/17.

Wara li għaqdet it-tliet kawżi pendenti, it-Tielet Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali laqgħet it-tliet rikorsi ppreżentati minn DEI u annullat kemm l-ittra kontenzjuża kif ukoll l-ewwel u t-tieni deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem, konġuntament, l-“atti kkontestati”). Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali tagħti kjarifiki dwar il-klassifikazzjoni ta’ lanjant bħala “parti interessata” li għandha locus standi kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, skont id-dritt tal-għajnuna mill-Istat, kontra miżura statali. Fuq il-mertu, is-sentenza tispeċifika, barra minn hekk, il-portata tal-obbligu tal-Kummissjoni li tivverifika jekk tribunal ta’ arbitraġġ li jkollu prerogattivi komparabbli ma’ dawk ta’ qorti statali ordinarja jkunx ta vantaġġ fis-sens tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat, meta jiffissa tariffa tal-provvista tal-elettriku li ma tikkorrispondix, skont il-każ, għall-prezz tas-suq.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors fil-Kawża T‑740/17, eżaminat fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tirrileva li t-tieni deċiżjoni kkontestata tipproduċi effetti legalment vinkolanti fir-rigward ta’ DEI. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-deċiżjoni li tikkonstata l-ineżistenza ta’ għajnuna, li permezz tagħha l-Kummissjoni tagħlaq il-fażi preliminari ta’ investigazzjoni, tinvolvi effetti legali vinkolanti wkoll fir-rigward ta’ parti interessata. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali żżid li DEI, sa fejn sostniet li t-tariffa inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna pprojbita mill-Artikolu 107(1) TFUE li kienet taffettwa l-interessi ekonomiċi tagħha, għandha l-istatus ta’ “parti interessata” fis-sens tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 1 (h) tar-Regolament li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE (4), li hija prekluża, mill-atti kkontestati li ma tittiħidx azzjoni dwar l-ilmenti tagħha, milli tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha waqt proċedura ta’ investigazzjoni formali.

Għalhekk, sa fejn ir-rikors ta’ DEI huwa intiż li tinkiseb is-salvagwardja tal-garanziji proċedurali li, bħala parti interessata, hija tgawdi minnhom fil-każ tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE, dan huwa ammissibbli. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tippreċiża li l-motivi ta’ annullament invokati minn DEI huma intiżi, fil-fatt, li tiġi invokata l-eżistenza ta’ dubji (5) jew ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

Fir-rigward tal-kwistjoni sostantiva dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex tiltaqa’ ma’ dubji jew ma’ diffikultajiet serji fl-evalwazzjoni tagħha tal-ilmenti mressqa minn DEI, il-Qorti Ġenerali tiċħad l-argument tal-Kummissjoni li investitur privat avżat li jinsab fis-sitwazzjoni ta’ DEI kien jagħżel l-arbitraġġ u kien jaċċetta l-iffissar tat-tariffa applikabbli minn tribunal ta’ arbitraġġ kompost minn esperti li s-setgħa diskrezzjonali tagħhom kienet limitata minn parametri komparabbli għal dawk li jinsabu fil-ftehim ta’ arbitraġġ, b’tali mod li l-iffissar tat-tariffa inkwistjoni mit-Tribunal tal-Arbitraġġ ma setax ikollu bħala effett l-għoti ta’ vantaġġ lil Mytilinaios.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tikkonferma li t-Tribunal ta’ Arbitraġġ, li jiddeċiedi skont proċedura ta’ arbitraġġ prevista mil-liġi u li jiffissa tariffa tal-elettriku permezz ta’ deċiżjoni legalment vinkolanti, għandu jiġi kklassifikat bħala organu li jeżerċita setgħa li taqa’ taħt il-prerogattivi tal-poter pubbliku, fid-dawl tan-natura tiegħu, tal-kuntest li fih taqa’ l-attività tiegħu, tal-għan tiegħu, kif ukoll tar-regoli li huwa suġġett għalihom, li jgħidu li d-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jiġu appellati quddiem il-qrati statali, għandhom l-awtorità ta’ res judicata u jimplikaw titolu eżekuttiv. Għaldaqstant, it-Tribunal ta’ Arbitraġġ jista’ jiġi assimilat ma’ qorti statali ordinarja.

Dan premess, fid-dawl tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, il-qrati nazzjonali stess jistgħu jiksru l-obbligi imposti fuqhom mill-Artikolu 107(1) TFUE u mill-Artikolu 108(3) TFUE u, b’hekk, jirrendu possibbli jew jipperpetwaw l-għoti ta’ għajnuna illegali, jew isiru l-istrument għal dan il-għan, li jaqa’ taħt il-kompetenza tal-kontroll tal-Kummissjoni.

Għalhekk, sabiex tkun tista’ tneħħi kull dubju jew diffikultà serja fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-tariffa inkwistjoni, stabbilita bid-deċiżjoni ta’ arbitraġġ, kinitx tinvolvi vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni kienet obbligata twettaq kontroll fuq il-kwistjoni dwar jekk miżura statali mhux innotifikata, bħal din it-tariffa, iżda kkontestata minn lanjant, kinitx tissodisfa l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, inkluż il-kriterju ta’ vantaġġ. Dan il-kontroll jeżiġi evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, relatati, b’mod partikolari, mal-konformità tal-imsemmija tariffa mal-kundizzjonijiet normali tas-suq.

Madankollu, billi llimitat l-analiżi tagħha għall-kwistjoni dwar jekk operatur privat kienx jissuġġetta ruħu għall-arbitraġġ aċċettat minn DEI, il-Kummissjoni ddelegat dawn l-evalwazzjonijiet kumplessi lill-istanzi Elleniċi filwaqt li eskludiet id-dmir ta’ kontroll tagħha stess. Barra minn hekk, fid-dawl tal-informazzjoni sottomessa minn DEI matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kellha twettaq l-analiżi tagħha stess tal-kwistjoni dwar jekk il-metodu ta’ determinazzjoni tal-ispejjeż ta’ DEI, kif applikat mit-Tribunal ta’ Arbitraġġ, kienx kemm xieraq kif ukoll suffiċjentement plawżibbli sabiex jiġi stabbilit li t-tariffa inkwistjoni kienet konformi mal-kundizzjonijiet normali tas-suq.

Peress li l-Kummissjoni ma ssodisfatx, fit-tieni deċiżjoni kkontestata, ir-rekwiżiti ta’ kontroll li kellha, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li hija kellha ssib diffikultajiet serji jew kellu jkollha dubji li jeħtieġu l-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tilqa’ r-rikors fil-Kawża T‑740/17 u tannulla t-tieni deċiżjoni kkontestata.

Peress li t-tieni deċiżjoni kkontestata hija għalhekk iddikjarata nulla u bla effett, din ma tistax tħassar u tissostitwixxi la l-ewwel deċiżjoni kkontestata u lanqas l-ittra kontenzjuża. Għaldaqstant, ir-rikors intiż għall-annullament tal-ewwel deċiżjoni kkontestata jżomm is-suġġett tiegħu.

Fid-dawl tal-kontenut kważi identiku tal-ewwel u tat-tieni deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali, għall-istess motivi, tilqa’ r-rikors fil-Kawża T‑352/15 u tannulla l-ewwel deċiżjoni kkontestata. Sa fejn din ma għadhiex ta’ natura li tħassar u tissostitwixxi l-ittra kontenzjuża, il-Kawża T‑639/14 RENV iżżomm ukoll is-suġġett tagħha.

Wara li ddikjarat li r-rikors f’din l-aħħar kawża huwa ammissibbli, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-ittra kontenzjuża, li tikkostitwixxi teħid ta’ pożizzjoni definittiva tad-dipartimenti tal-Kummissjoni dwar l-ilmenti ta’ DEI li ma tittiħidx azzjoni dwarhom, hija vvizzjata bi żball proċedurali sa fejn din kellha tiġi adottata mill-Kummissjoni bħala organu kolleġjali u mhux minn kap ta’ diviżjoni tad-DĠ Kompetizzjoni, raġuni li għaliha l-Kummissjoni stess kienet ħassret u ssostitwixxiet din l-ittra. Il-Qorti Ġenerali tikkonferma, barra minn hekk, li l-Kummissjoni kellha tiltaqa’ ma’ diffikultajiet serji jew ma’ dubji dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat jew, minn tal-inqas, li ma kellhiex dritt tiċħad tali dubji minħabba li d-deċiżjoni ta’ arbitraġġ ma kinitx imputabbli lill-Istat Grieg. Fil-fatt, filwaqt li tfakkar li, min-natura tagħha u mill-effetti legali tagħha, id-deċiżjoni ta’ arbitraġġ hija komparabbli ma’ sentenzi ta’ qorti ordinarja Ellenika, b’tali mod li hija għandha tiġi kklassifikata bħala att ta’ poter pubbliku, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li DEI wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt din l-imputabbiltà.

Għaldaqstant, peress li laqgħet it-tielet rikors, il-Qorti Ġenerali tannulla wkoll l-ittra kontenzjuża.


1      Deċiżjoni C(2015) 1942 final, tal‑25 ta’ Marzu 2015 [Każ SA.38101 (2015/NN) (ex 2013/CP) – Greċja – Allegata għajnuna mill-Istat favur Alouminion SA fil-forma ta’ tariffi tal-elettriku inferjuri għall-ispejjeż skont deċiżjoni ta’ arbitraġġ].


2      Sentenza tal-31 ta’ Mejju 2017, DEI vs Il-Kummissjoni (C-228/16 P, EU:C:2017:409).


3      Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 5622 final, tal‑14 ta’ Awwissu 2017 [Każ SA.38101 (2015/NN) (ex 2013/CP) – Greċja – Allegata għajnuna mill-Istat favur Alouminion SA fil-forma ta’ tariffi tal-elettriku inferjuri għall-ispejjeż skont deċiżjoni ta’ arbitraġġ].


4      Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 [TFUE] (ĠU 2015 L 248, p. 9).


5      Fis-sens tal-Artikolu 4(3) u (4) tar-Regolament li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 TFUE.