Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Marzu 2024 – Acampora et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-261/23) 1

(“Aċċess għal dokumenti – Regolament (KE) Nru 1049/2001 – Dokumenti relatati ma’ proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu miftuħa mill-Kummissjoni kontra l-Italja – Rifjut ta’ aċċess – Eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ awditu – Obbligu ta’ motivazzjoni – Preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità – Interess pubbliku superjuri”)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Roberto Acampora (Napoli, l-Italja) u l-171 rikorrent ieħor li isimhom jinsab anness mas-sentenza (rappreżentant: E. Iorio, avukata)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Burón Pérez u A. Spina, aġenti)

Suġġett

Permezz tar-rikors tagħhom ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2023) 3436 tal-21 ta’ Mejju 2023 li tiċħad espliċitament it-talba tagħhom għal aċċess (GestDem 2023/0263) għall-ittra ta’ intimazzjoni komplementari tal-15 ta’ Lulju 2022 indirizzata lir-Repubblika Taljana fil-kuntest tal-proċedura ta’ ksur 2016/4081, relatata mal-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni Ewropea tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola s-servizz ipprovdut mill-membri tal-ġudikatura onorarji, u għat-tweġiba tar-Repubblika Taljana tal-15 ta’ Diċembru 2022.

Dispożittiv

Ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni Ewropea tal-15 ta’ Marzu 2023 li tiċħad it-talba konfermattiva ta’ aċċess.

Ir-rikors huwa miċħud inkwantu inammissibbli sa fejn jirrigwarda l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummisjoni tas-27 ta’ Jannar 2023 li tiċħad it-talba inizjali ta’ aċċess.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha u dawk ta’ Roberto Acampora u tar-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsab anness u li huma relatati mar-rikors u mat-talba li ma hemmx lok li tingħata deċijoni.

Roberto Acampora u r-rikorrenti l-oħra kollha li isimhom jinsab anness huma kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u dawk tal-Kummissjoni relatati mat-talba għal adattament tar-rikors.

____________

1     ĠU C 261, 24.7.2023.