Language of document :

Rikors ippreżentat fid-19 ta' Novembru 2008 - Mauerhofer vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-515/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Volker Mauerhofer (Vienna, l-Awstrija) (rappreżentant: J. Schartmüller, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

prinċipalment, tannulla l-miżura kkontestata safejn din tikkonċerna lir-rikorrent;

sussidjarjament, jew bħala alternattiva għat-talba għal annulament, tiddeċiedi li l-konvenuta kisbet responsabbiltà mhux kuntrattwali permezz tal-adozzjoni illegali tal-miżura kkontestata;

tikkundanna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrent, bħala konsegwenza tal-miżura kkontestata, is-somma ta' EUR 5 500 għad-danni mhux kuntrattwali li dan tal-aħħar sofra, miżjuda b'rata ta' interessi ta' 4 % b'effett mill-4 ta' Novembru 2008 sal-ġurnata ta' meta tingħata s-sentenza li ttemm dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrent jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-9 ta' Settembru 2008, li permezz tagħha adottat digriet amministrattiv li jnaqqas in-numru ta' ġranet tax-xogħol imħallsa allokati lir-rikorrent sabiex jaqdi l-inkarigi tiegħu li jirriżultaw mill-kuntratt ta' konsulenza Nru MC/5043/025/001/2008 konkluż bejn ir-rikorrent u l-konsulent għall-parteċipazzjoni fi proġett "Value Chain Mapping Analysis", ibbażat fuq il-Kuntratt Qafas "EuropeAid/123314/C/SER/multi" imwettaq fil-Bożnija u l-Ħerżegovina, li kien ġie konkluż bejn il-konsulent u l-Kummissjoni. Barra minn dan, ir-rikorrent jitlob kumpens għad-danni li huwa sofra bħala konsegwenza tal-miżura kkontestata.

Insostenn tat-talba tiegħu r-rikorrent iressaq is-segwenti motivi:

L-ewwel nett, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni adottat il-miżura kkontestata bi ksur tar-rekwiżit proċedurali ta' proposta bil-miktub min-naħa tal-konsulent qabel l-adozzjoni tad-deċżjoni tal-Kummissjoni, kif meħtieġ mill-Kundizzjonijiet Ġenerali u l-Linji Gwida Speċifiċi applikabbli għall-proġett "Value Chain Mapping Analysis" tal-Kuntratt Qafas.

It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li l-miżura kkontestata ġiet adottata bi ksur tad-dritt tiegħu għal smigħ quddiem awtorità imparzjali.

It-tielet nett, huwa jsostni li l-miżura kkontestata ġiet adottata bi ksur tad-dritt tiegħu li l-każ tiegħu jiġi ttrattat minn awtorità ħielsa minn kunflitt ta' interessi.

Barra minn dan, ir-rikorrent isostni li, meta adottat il-miżura kkontestata, il-konvenuta naqset milli tikkalkula u tanalizza b'mod korrett u ġust in-numru ta' ġranet tax-xogħol imnaqqsa min-numru totali ta' ġranet allokati lir-rikorrent sabiex jaqdi l-inkarigi tiegħu.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni li meta adottat il-miżura kkontestata l-Kummissjoni abbużat mis-setgħa tagħha peress li, fl-evalwazzjoni tan-numru ta' ġranet tax-xogħol allokati lir-rikorrent, hija ma ħaditx inkonsiderazzjoni l-iżbalji mwettqa mill-konsulent.

____________