Language of document : ECLI:EU:T:2015:805

Kawża T‑552/13

Oil Turbo Compressor Co. (Private Joint Stock)

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament – Politika barranija u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran bl-għan li tixxekkel il-proliferazzjoni nukleari – Iffriżar ta’ fondi – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Tardività – Inammissibbiltà – Talba għad-danni – Inammissibbiltà”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-23 ta’ Ottubru 2015

1.      Rikors għal annullament – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Att li jwassal għal miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità – Att ippubblikat u kkomunikat lid-destinatarji – Data tal-komunikazzjoni tal-att – Komunikazzjoni lill-parti kkonċernata permezz ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – Ammissibbiltà – Obbligu ġenerali li d-destinatarji jiġu informati dwar ir-rimedji ġudizzjarji u t-termini – Assenza

(Ir-raba’ u s-sitt paragrafi tal-Artikolu 263 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 102; Regolament tal-Kunsill Nru 267/2012, Artikolu 46(3))

2.      Rikors għal annullament – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Att li jwassal għal miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità – Att ippubblikat u kkomunikat lid-destinatarji – Data tal-komunikazzjoni tal-att – Komunikazzjoni lill-parti kkonċernata permezz ta’ pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet – Impossibbiltà għall-Kunsill li jipproċedi b’notifika – Diliġenza tal-Kunsill – Portata

(Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 102; Regolamenti tal-Kunsill Nru 1245/2011 u Nru 267/2012)

3.      Rikors għal annullament – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Notifika – Kunċett – Notifika lir-rappreżentant ta’ rikorrent – Kundizzjoni

(Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

4.      Rikors għal annullament – Termini – Bidu tad-dekorrenza – Att li jwassal għal miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuna jew ta’ entità – Att mhux ippubblikat u mhux ikkomunikat lir-rikorrent – Data li fiha l-att sar magħruf

(Is-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali (1991), Artikolu 102; Regolamenti tal-Kunsill Nru 1245/2011 u Nru 267/2012)

5.      Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Miżuri ta’ eżekuzzjoni – Rifjut li jiġu adottati miżuri li jmorru lil hinn mis-sostituzzjoni tal-att annullat – Kontestazzjoni dwar il-portata tal-obbligu ta’ eżekuzzjoni – Rimedju proċedurali – Rikors għal nuqqas li tittieħed azzjoni

(Artikoli 263 TFUE, 265 TFUE u 266 TFUE)

6.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima – Talba għad-danni, imressqa għall-ewwel darba fir-replika – Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 44(1)(c) u 48(2))

1.      Fir-rigward ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran, il-Kunsill ma huwiex ħieles li jagħżel b’mod arbitrarju l-metodu ta’ komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet tiegħu lill-persuni kkonċernati. Huwa biss meta jkun impossibbli li jikkomunika b’mod individwali lill-parti kkonċernata l-att li permezz tiegħu ġew adottati jew miżmuma miżuri restrittivi fir-rigward tagħha li l-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali tagħti l-bidu għad-dekorrenza tat-terminu tar-rikors.

F’dan ir-rigward, il-fatt li tali avviż ma fih ebda indikazzjoni fir-rigward tal-possibbiltà għall-persuni u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi li jressqu azzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE u tar-raba’ u s-sitt paragrafi tal-Artikolu 263 TFUE ma huwiex ta’ natura li jikkontesta l-konstatazzjoni li din il-pubblikazzjoni ppermettiet lill-parti kkonċernata li tkun informata bil-kontenut tar-raġunijiet tal-inklużjoni tagħha fil-lista tal-persuni u entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi kontra l-Iran.

Fil-fatt, fl-assenza ta’ dispożizzjoni espressa tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax jiġi rrikonoxxut obbligu ġenerali fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jinformaw lill-partijiet fil-kawża bir-rimedji ġudizzjarji disponibbli kif ukoll bil-kundizzjonijiet li fihom dawn jistgħu jeżerċitawhom.

Issa, ir-Regolament Nru 267/2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament Nru 961/2010, ma fih ebda dispożizzjoni li timponi fuq il-Kunsill sabiex, mal-komunikazzjoni permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali, jindika r-rimedji legali disponibbli u l-kundizzjonijiet li fihom dawn jistgħu jiġu eżerċitati. B’mod partikolari, l-Artikolu 46(3) ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda l-komunikazzjoni tar-raġunijiet tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi lill-persuni u entitajiet ikkonċernati, ma fih ebda obbligu f’dan is-sens.

(ara l-punti 43, 67-69)

2.      Fir-rigward ta’ miżuri restrittivi kontra l-Iran, il-Kunsill jista’ jitqies li huwa impossibbli għalih li jikkomunika individwalment lil persuna fiżika jew ġuridika jew lil entità, att li jinvolvi miżuri restrittivi li jikkonċernawha kemm meta l-indirizz ta’ din il-persuna jew entità ma jkunx pubbliku u ma jkunx ingħatalu, kif ukoll meta l-komunikazzjoni mibgħuta fl-indirizz li l-Kunsill għandu ma tasalx, minkejja l-isforzi li jkun wettaq, bid-diliġenza kollha rikjesta, sabiex iwettaq tali komunikazzjoni.

Il-Kunsill ikun jinsab f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà li jwettaq il-komunikazzjoni individwali, analoga għas-sitwazzjoni li kien ikun fiha kieku ma kienx jaf l-indirizz tal-entità kkonċernata, meta jibgħat, b’dikjarazzjoni ta’ riċevuta, ittra lil entità sabiex jinformaha bl-inklużjoni tagħha fil-lista tal-persuni u entitajiet previsti mill-miżuri restrittivi kontra l-Iran u din l-ittra tiġi rritoranata lilu mis-servizzi postali Iranjani b’indikazzjoni “bidla fl-indirizz”. Din il-konstatazzjoni hija applikabbli, anki jekk l-indirizz tal-entità ikun korrett.

Fil-fatt, minn naħa, din in-norma ta’ trażmissjoni ta’ posta hija magħrufa mis-servizzi, fl-Iran, inkarigati mid-distribuzzjoni tal-posta. Min-naħa l-oħra, hija tikkostitwixxi metodu xieraq ta’ komunikazzjoni individwali, peress li n-notifika permezz ta’ ittra rreġistrata b’dikjarazzjoni ta’ riċevuta ffirmata tippermetti li jiġi stabbilit b’ċertezza l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

Għaldaqstant, il-Kunsill, li fl-Iran jista’ jkollu biss riżorsi limitati għall-finijiet ta’ riċerka tal-indirizzi privati tal-persuni u l-entitajiet kollha kkonċernati mis-sistema tal-miżuri restrittivi, ta prova tad-diliġenza meħtieġa fir-rigward tal-obbligu tiegħu li jikkomunika lill-entità kkonċernata l-miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tagħha.

Minn dan isegwi li l-Kunsill il-Kunsill seta’ b’mod leġittimu jibbaża ruħu fuq l-indikazzjoni, ipprovduta mis-servizzi postali Iranjani, li l-entità inkwistjoni kienet bidlet l-indirizz, mingħajr ma huwa l-obbligu tiegħu li jerġa’ jwettaq il-komunikazzjoni permezz ta’ tentattiv ta’ notifika ġdid bil-posta, jew b’miżuri oħra.

(ara l-punti 44, 47-51)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 62)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 72-76)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 81)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 86, 91, 92)