Language of document : ECLI:EU:T:2015:769

Kawża T‑547/13

Rosian Express SRL

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern

(Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tridimensjonali – Forma ta’ kaxxa tal-logħob – Raġuni assoluta għal rifjut – Assenza ta’ karattru distintiv – Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt ta’ smigħ – Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-8 ta’ Ottubru 2015

1.      Trade mark Komunitarja – Dispożizzjonijiet proċedurali – Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet – Artikolu 75, l-ewwel sentenza, tar-Regolament Nru 207/2009– Portata identika għal dik tal-Artikolu 296 TFUE

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 75, l-ewwel sentenza)

2.      Trade mark Komunitarja – Dispożizzjonijiet proċedurali – Deċiżjonijiet tal-Uffiċċju – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Portata tal-prinċipju

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 75, it-tieni sentenza)

3.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Trade mark tridimensjonali li hija kkostitwita mill-forma tal-prodott – Karattru distintiv – Kriterji ta' evalwazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b))

4.      Trade mark Komunitarja – Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja – Raġunijiet assoluti għal rifjut – Trade marks li ma humiex ta’ karattru distintiv – Trade marks tridimensjonali li huma kkostitwiti mill-forma tal-prodott – Forma ta’ kaxxa tal-logħob

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(b))

5.      Trade mark Komunitarja – Dispożizzjonijiet proċedurali – Eżami ex officio tal-fatti – Portata – Obbligu li tiġi stabbilita l-eżattezza tal-fatti magħrufa – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 76(1))

6.      Trade mark Komunitarja – Deċiżjonijiet tal-Uffiċċju – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prassi deċiżjonali preċedenti tal-Uffiċċju – Prinċipju ta’ legalità – Neċessità ta’ eżami strett u komplet f’kull każ konkret

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 15)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 24, 25)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 38-40)

4.      Huwa nieqes mill-karattru distintiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, is-sinjal ikkostitwit minn kaxxa rettangolari tal-injam b’sistema ta’ żluq tal-kavalletti li jżommu l-partijiet u b’sistema ta’ għeluq ta’ dawn il-kavalletti fiż-żewġ truf tal-kaxxa. Għalhekk, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għandha sistema ta’ żluq li tippermetti l-inkorporazzjoni tal-erba’ kavalletti tal-logħba fil-kuntest tal-istess immontar, u l-partijiet tal-logħba, kif ukoll l-istands tal-kavalletti, huma inklużi bejn l-erba’ kavalletti li jifformaw il-ħitan li jsostnu l‑intier, li għandu żewġ folji żgħar tal-metall marbuta b’viti li jintużaw bħala sistema ta’ għeluq, mingħajr ma hemm bżonn ta’ ppakkjar ulterjuri. Kull ħajt tal-ġnub għandu fuq in-naħa ta’ ġewwa żewġ gruvijiet miksuba permezz ta’ qtugħ li jippermettu ż-żluq taż-żewġ pari ta’ kavalletti. Iż-żewġ folji żgħar tal-metall li jservu għall-għeluq huma f’forma rettangolari bi truf ittondjati u bi xfur iċċanfrinati, marbuta mal-qafas b’vit.

Fid-dawl ta’ din id-deskrizzjoni, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma hijiex differenti b’mod sinjifikattiv min-norma jew mill-użanzi tas-settur ikkonċernat. Huwa kurrenti li l-logħob tal-mejda u l-ġugarelli (pereżempju, il-verżjonijiet ġugarelli tal-logħob tar-rummy għat-tfal) jiġu ppakkjati u mibjugħa f’ippakkjar magħmul minn diversi tipi ta’ materjali, inklużi kaxxi tal-injam.

Fil-fatt, huwa magħruf li l-prodotti inkwistjoni huma ta’ spiss ippreżentati f’kaxxa rettangolari tal-injam. Bl-istess mod, il-mod li bih tiġi miftuħa u mmontata l-kaxxa li l-forma tagħha tikkostitwixxi t-trade mark inkwistjoni, jiġifieri b’sistema ta’ żluq ta’ kavalletti li jippermettu li titqiegħed f’postha jew immontata l-logħba, ma humiex differenti b’mod sinjifikattiv min-norma u mill-użanzi tas-settur. Effettivament, huwa magħruf li jeżistu sistemi ta’ żluq simili sabiex jitqiegħdu f’posthom u sabiex jiġu mmontati l-prodotti inkwistjoni. Meħuda fl-intier tagħhom, id-diversi karatteristiċi tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni lanqas ma jippermettu l-kunsiderazzjoni li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni hija differenti b’mod sinjifikattiv min-norma u mill-użanzi tas-settur ikkonċernat. Għaldaqstant, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni ma għandhiex karattru distintiv li jippermetti lill-pubbliku rilevanti jidentifika l-prodotti inkwistjoni bħala prodotti li ġejjin minn impriża speċifika u għaldaqstant, li jiddistingwi dawn il-prodotti minn dawk li ġejjin minn impriżi oħra.

(ara l-punti 44-46)

5.      Skont l-Artikolu 76(1) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) huwa marbut jeżamina ex officio l-fatti rilevanti li jistgħu jwasslu għall-applikazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1) tal-istess regolament. Għaldaqstant l-Uffiċċju jista’ jitwassal jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu fuq fatti li ma ġewx invokati mill-applikant.

Jekk, bħala regola ġenerali, huwa l-Uffiċċju li għandu jistabbilixxi, fid-deċiżjonijiet tiegħu, l-eżattezza ta’ tali fatti, dan ma huwiex il-każ meta jsemmi fatti magħrufa. Xejn ma jipprekludi għaldaqstant lill-Uffiċċju milli jieħu inkunsiderazzjoni fatti magħrufa fl-evalwazzjoni tiegħu. Konsegwentement l-Uffiċċju jista’ legalment jikkonstata l-assenza ta’ karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni billi jibbaża ruħu fuq fatti magħrufa li jirriżultaw mill-esperjenza prattika ġeneralment miksuba mill-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti ta’ konsum ġenerali, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu pprovduti eżempji speċifiċi.

(ara l-punti 47, 48)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 52)