Language of document : ECLI:EU:C:2021:596

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Lulju 2021 (*)

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin – Stat tad-dritt – Indipendenza tal-imħallfin – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ksur dixxiplinari minħabba l-kontenut ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji – Qrati dixxiplinari indipendenti u stabbiliti bil-liġi – Osservanza tat-terminu raġonevoli u tad-drittijiet tad-difiża fil-proċeduri dixxiplinari – Artikolu 267 TFUE – Limitazzjoni tad-dritt u tal-obbligu tal-qrati nazzjonali li jressqu talbiet għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”

Fil-Kawża C‑791/19,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fil‑25 ta’ Ottubru 2019,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata, inizjalment, minn K. Banks, S. L. Kalėda u H. Krämer, sussegwentement minn K. Banks, S. L. Kalėda u P. J. O. Van Nuffel, bħala aġenti,

rikorrenti,

sostnuta minn:

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet, M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat inizjalment minn M. Wolff, M. Jespersen u J. Nymann‑Lindegren, sussegwentement minn M. Wolff u J. Nymann‑Lindegren, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn K. Bulterman u J. Langer, bħala aġenti,

Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn M. Pere u H. Leppo, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn C. Meyer-Seitz, H. Shev, A. Falk, J. Lundberg u H. Eklinder, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, D. Kupczak, S. Żyrek, A. Dalkowska u A. Gołaszewska, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal (Relatriċi), M. Vilaras, M. Ilešič, A. Kumin u N. Wahl, Presidenti ta’ Awla, T. von Danwitz, C. Toader, K. Jürimäe, C. Lycourgos, N. Jääskinen, I. Ziemele u J. Passer, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: M. Aleksejev, Kap ta’ Diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑1 ta’ Diċembru 2020,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Mejju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha l-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal‑Ġustizzja tikkonstata li,

–        billi ppermettiet li l-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jista’ jiġi kkwalifikat bħala ksur dixxiplinari li jikkonċerna l-imħallfin tal-qrati ordinarji (Artikolu 107(1) tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji), tas‑27 ta’ Lulju 2001 (Dz. U. Nru 98, pożizzjoni 1070), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emendi suċċessivi ppubblikati fid-Dziennik Ustaw Rzeczypospolitej Polskiej tal-2019 (pożizzjonijiet 52, 55, 60, 125, 1469 u 1495) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qrati Ordinarji”), u Artikolu 97(1) u (3) tal-ustawa Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema), tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal-2018, pożizzjoni 5), fil-verżjoni kkonsolidata tagħha kif ippubblikata fid-Dziennik Ustaw Rzeczypospolitej Polskiej tal-2019 (pożizzjoni 825) (iktar ’il quddiem il-“Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema”);

–        billi ma ggarantixxietx l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari), tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) (iktar ’il quddiem l-“Awla Dixxiplinari”), li għandha l-kompitu tal-istħarriġ tad-deċiżjonijiet mogħtija fil-proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin (il-punt 5 tal-Artikolu 3, Artikolu 27 u Artikolu 73(1) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema, moqrija flimkien mal-Artikolu 9a tal-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura) tat‑12 ta’ Mejju 2011 (Dz. U. Nru 126, pożizzjoni 714), kif emendata mill-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal-2018, pożizzjoni 3) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-KRS”));

–        billi tat lill-President tal-Awla Dixxiplinari s-setgħa diskrezzjonali li jaħtar il-qorti dixxiplinari kompetenti fl-ewwel istanza fil-kawżi dwar l-imħallfin tal-qrati ordinarji (Artikolu 110(3) u Artikolu 114(7) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji) u, b’dan il-mod, billi ma ggarantixxietx li l-kawżi dixxiplinari jiġu eżaminati minn qorti “stabbilita mil-liġi”, u

–        billi tat lill-Ministru għall-Ġustizzja s-setgħa li jaħtar Uffiċjali Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja (Artikolu 112b tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji) u, b’dan il-mod, billi ma ggarantixxietx li l-kawżi dixxiplinari kontra l-imħallfin tal-qrati ordinarji jiġu eżaminati fi żmien raġonevoli, kif ukoll billi pprevediet li l-atti marbuta mal-ħatra ta’ avukat u l-patroċinju tad-difiża min-naħa tiegħu ma jkollhomx effett sospensiv fuq l-iżvolġiment tal-proċedura dixxiplinari (Artikolu 113a ta’ din il-liġi) u li l-qorti dixxiplinari tmexxi l-proċedura anki fil-każ ta’ assenza ġġustifikata tal-imħallef imqiegħed inkwistjoni, informat, jew tal-avukat tiegħu (Artikolu 115a(3) tal-imsemmija liġi), u, b’dan il-mod, billi ma żguratx ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-imħallfin tal-qrati ordinarji li huma mqiegħda inkwistjoni,

ir-Repubblika tal-Polonja naqset mill-obbligi tagħha bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE,

u li,

billi ppermettiet li d-dritt tal-qrati li jressqu talbiet għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jiġi llimitat bil-possibbiltà li tinfetaħ proċedura dixxiplinari, ir-Repubblika tal-Polonja naqset mill-obbligi tagħha bis-saħħa tat-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 It-Trattati UE u FUE

2        L-Artikolu 2 TUE jinqara’ kif ġej:

“L-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-non-diskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”

3        L-Artikolu 19(1) TUE jipprovdi:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha tinkludi l-Qorti tal-Ġustizzja, il-Qorti Ġenerali u l-qrati speċjalizzati. Hija għandha tara li d-dritt ikun rispettat fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-Trattati.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.”

4        Skont l-Artikolu 267 TFUE:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea għandha jkollha l-kompetenza li tagħti sentenzi preliminari dwar:

a)      l-interpretazzjoni tat-Trattati;

b)      il-validità u l-interpretazzjoni ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet, korpi jew organi ta’ l-Unjoni.

Meta l-kwistjoni titqajjem quddiem xi qorti jew tribunal ta’ xi Stat Membru, dik il-Qorti jew tribunal jistgħu, jekk ikun jidhrilhom li deċiżjoni fuq dik il-kwistjoni tkun meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jagħtu s-sentenza, jitolbu lill-Qorti sabiex tagħti deċiżjoni dwarha.

Meta l-kwistjoni titqajjem f’każ pendenti quddiem xi qorti jew tribunal ta’ Stat Membru li kontra id-deċiżjonijiet tiegħu ma jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, dik il-qorti jew dak it-tribunal, għandhom jirriferu l-kwistjoni lill-Qorti.

[…]”

 Il-Karta

5        It-Titolu VI tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem, il-“Karta”), intitolat “Ġustizzja”, jinkludi b’mod partikolari l-Artikolu 47, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, li huwa fformulat kif ġej:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. […]

[…]”

 Id-dritt Pollakk

 Il-Kostituzzjoni

6        Bis-saħħa tal-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni, il-President tar-Repubblika tal-Polonja (iktar ’il quddiem il-“President tar-Repubblika”) jaħtar lill-imħallfin, fuq proposta tal-Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura, il-Polonja, iktar ’il quddiem il-“KRS”), għal żmien indeterminat.

7        L-Artikolu 187 tal-Kostituzzjoni jipprovdi:

“1.      Il-[KRS] għandu jkun kompost minn:

1)      l-Ewwel President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], il-Ministru għall-Ġustizzja, il-President [tan-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema)] u persuna maħtura mill-President tar-Repubblika;

2)      ħmistax-il membru eletti minn fost l-imħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], tal-qrati ordinarji, tal-qrati amministrattivi u tal-qrati militari;

3)      erba’ membri eletti mis-[Sejm (il-Parlament, il-Polonja)] minn fost id-deputati tiegħu u żewġ membri eletti mis-Senat minn fost is-senaturi.

[…]

3.      Il-mandat tal-membri eletti tal-[KRS] huwa ta’ erba’ snin.

4.      Ir-regoli, il-qasam ta’ attività, il-metodu ta’ ħidma tal-[KRS] kif ukoll il-mod li bih jiġu eletti l-membri tiegħu huma ddefiniti mil-liġi.”

 Il-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema

8        Il-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema, fil-verżjoni inizjali tagħha, daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ April 2018. Hija stabbilixxiet, fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), żewġ awli ġodda, jiġifieri, minn naħa, l-Awla Dixxiplinari, imsemmija fil-punt 5 tal-Artikolu 3 ta’ din il-liġi u, min-naħa l-oħra, l-Izba Kontroli Nadzwyczajnej i Spraw Publicznych Sądu Nawyższego (l-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi).

9        Skont l-Artikolu 6 tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema:

“1.      L-ewwel President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] għandu jissottometti lill-awtoritajiet kompetenti osservazzjonijiet dwar l-irregolaritajiet jew il-lakuni kkonstatati fil-liġi u li għandhom jiġu eliminati sabiex jiġu żgurati l-Istat tad-dritt, il-ġustizzja soċjali u l-koeżjoni tas-sistema legali tar-Repubblika tal-Polonja.

2.      Il-President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li jmexxi l-ħidma tal-Awla Dixxiplinari għandu jissottometti lill-awtoritajiet kompetenti osservazzjonijiet dwar l-irregolaritajiet jew il-lakuni kkonstatati fil-liġi u li għandhom jiġu eliminati sabiex jiġi żgurat it-trattament effikaċi tal-kawżi li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ din l-awla jew sabiex jiġi llimitat in-numru ta’ ksur dixxiplinari.”

10      Skont l-Artikolu 7(1), (3) u (4) ta’ din il-liġi:

“3.      Il-President Ewlieni [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] għandu s-setgħat tal-Ministru inkarigat mill-finanzi pubbliċi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].

4.      Fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-baġit [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] dwar il-funzjonament tal-Awla Dixxiplinari, is-setgħat tal-Ministru inkarigat mill-finanzi pubbliċi għandhom jiġu ttrasferiti lill-President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li jidderieġi x-xogħol tal-Awla Dixxiplinari.”

11      L-Artikolu 20 tal-imsemmija liġi jiddikjara:

“Fir-rigward tal-Awla Dixxiplinari u tal-imħallfin li jiġġudikaw fl-Awla Dixxiplinari, il-prerogattivi tal-President Ewlieni [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] kif iddefiniti:

–        fil-punti 1, 4 u 7 tal-Artikolu 14(1), fl-Artikolu 31(1), fl-Artikolu 35(2), fl-Artikolu 36(6), fl-Artikolu 40(1) u (4), u fl-Artikolu 51(7) u (14), għandhom jiġu eżerċitati mill-President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li għandu jidderieġi x-xogħol tal-Awla Dixxiplinari;

–        fil-punt 2 tal-Artikolu 14(1) u fit-tieni sentenza tal-Artikolu 55(3), għandhom jiġu eżerċitati mill-President Ewlieni [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] bi qbil mal-President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li għandu jidderieġi x-xogħol tal-Awla Dixxiplinari.”

12      L-Artikolu 27(1) tal-istess liġi jipprevedi:

“Il-każijiet segwenti għandhom jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-Awla Dixxiplinari:

1)      proċeduri dixxiplinari:

a)      li jinvolvu l-imħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)],

b)      eżaminati [mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] inkonnessjoni mal-proċeduri dixxiplinari taħt il-liġijiet li ġejjin:

[…]

–        Il-Liġi [dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji] […]

[…]”

13      Bis-saħħa tal-Artikolu 35(2) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema, il-President Ewlieni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jista’ jittrasferixxi mħallef, permezz ta’ ftehim tiegħu, għal pożizzjoni fi ħdan awla oħra.

14      L-Artikolu 73(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Il-qrati dixxiplinari fil-kawżi dixxiplinari li jikkonċernaw l-imħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] huma:

1)      fl-ewwel istanza: [is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], bħala kulleġġ ġudikanti ta’ żewġ Imħallfin tal-Awla Dixxiplinari u ta’ ġurat [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)];

2)      fl-appell: [is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], bħala kulleġġ ġudikanti ta’ tliet Imħallfin tal-Awla Dixxiplinari u ta’ żewġ ġurati [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].”

15      L-Artikolu 97 tal-imsemmija liġi huwa fformulat kif ġej:

“1.      [Is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], jekk tikkonstata ksur manifest tar-regoli waqt l-eżami ta’ kawża – indipendentement mill-prerogattivi l-oħra tagħha – għandha tindirizza l-konstatazzjoni ta’ żball lill-qorti kkonċernata. Qabel ma tindirizza l-konstatazzjoni ta’ żball, hija għandha tinforma lill-Imħallef jew lill-Imħallfin li jifformaw parti mill-kulleġġ ġudikanti bil-possibbiltà li jippreżentaw spjegazzjonijiet bil-miktub f’terminu ta’ 7 ijiem. L-iskoperta u l-konstatazzjoni ta’ żball ma jaffettwawx l-eżitu tal-kawża.

[…]

3.      [Is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], meta tindirizza konstatazzjoni ta’ żball, tista’ tressaq talba għall-eżami ta’ kawża dixxiplinari quddiem qorti dixxiplinari. Il-qorti dixxiplinari tal-ewwel istanza hija [s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].”

16      Id-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema jinkludu, b’mod partikolari, l-Artikolu 131 tagħha, li jipprovdi:

“Sakemm jimtlew il-karigi kollha tal-imħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fl-Awla Dixxiplinari, imħallef minn awla [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] ma għandux jiġi ttrasferit għal kariga f’dik l-awla.”

17      L-Artikolu131 tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema ġie emendat bil-punt 14 tal-Artikolu 1 tal-ustawa o zmianie ustawy o Sądzie Najwyższym (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑12 ta’ April 2018 (Dz. U. tal-2018, pożizzjoni 847), li daħlet fis-seħħ fid‑9 ta’ Mejju 2018. Kif emendat, dan l-artikolu jipprevedi:

“L-imħallfin li, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, jokkupaw karigi f’awli oħra [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], jistgħu jiġu ttrasferiti għal karigi fl-Awla Dixxiplinari. Sal-jum li fih l-imħallfin kollha [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fl-Awla Dixxiplinari jkunu ġew maħtura għall-ewwel darba, l-imħallef li jokkupa kariga f’awla oħra [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] għandu jissottometti lill-[KRS] talba għal trasferiment għal kariga fl-Awla Dixxiplinari, wara li jikseb il-qbil tal-President Ewlieni [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] u tal-President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li għandhom jidderieġu x-xogħol tal-Awla Dixxiplinari u tal-Awla fejn l-imħallef li jagħmel it-talba għat-trasferiment ikollu kariga. Sal-jum li fih il-karigi fl-Awla Dixxiplinari jkunu mtlew kollha għall-ewwel darba, imħallef [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] fl-Awla Dixxiplinari għandu jinħatar mill-[President tar-Repubblika] fuq proposta tal-[KRS].”

 Il-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji

18      L-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprovdi:

“Imħallef għandu jkun responsabbli għal azzjoni dixxiplinari għal kondotta ħażina professjonali, inkluż ksur manifest u flagranti tal-liġi u ksur tad-dinjità tal-kariga tiegħu (ksur dixxiplinari).”

19      L-Artikolu 110(1) u (3) ta’ din il-liġi huwa fformulat kif ġej:

“1.      Fil-kawżi dixxiplinari li jinvolvu mħallfin, dawn li ġejjin għandhom jiġġudikaw:

1)      fl-ewwel istanza:

a)      qrati dixxiplinari fi qrati tal-appell, komposti minn tliet imħallfin,

b)      [is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], komposta minn żewġ imħallfin mill-Awla Dixxiplinari u mħallef ġurat [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], f’każijiet ta’ reati dixxiplinari li għandhom il-karatteristiċi ta’ reati intenzjonati li jistgħu jiġu ppersegwiti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur jew ta’ reati intenzjonati ta’ natura fiskali jew każijiet li fihom [is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] ressqet talba għall-eżami ta’ każ dixxiplinari flimkien ma’ indikazzjoni ta’ kondotta ħażina;

2)      fit-tieni istanza: [is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] komposta minn żewġ imħallfin mill-Awla Dixxiplinari u mħallef ġurat [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].

[…]

3.      Il-qorti dixxiplinari li fil-ġurisdizzjoni tagħha l-imħallef li huwa s-suġġett tal-proċedura dixxiplinari jeżerċita l-kariga tiegħu ma hijiex ammessa li tieħu konjizzjoni tal-kawżi msemmija fil-punt (1)(a) tal-paragrafu 1. Il-qorti dixxiplinari kompetenti sabiex tisma’ l-kawża għandha tinħatar mill-President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li jidderieġi l-ħidma tal-Awla Dixxiplinari fuq it-talba tal-Uffiċjal Dixxiplinari.”

20      L-Artikolu 112b tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“1.      Il-Ministru għall-Ġustizzja jista’ jaħtar Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja biex imexxi każ partikolari li jikkonċerna mħallef. Il-ħatra ta’ Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja għandha tipprekludi lil kull uffiċjal ieħor milli jaġixxi f’dan il-każ.

2.      […] F’każijiet iġġustifikati, b’mod partikolari fil-każ tal-mewt tal-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja jew ostakli fit-tul għall-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja għandu jaħtar floku mħallef ieħor jew, fil-każ ta’ reat dixxiplinari li jkollu l-karatteristiċi ta’ reat intenzjonat li jista’ jiġi ppersegwit mill-Uffiċċju tal-Prosekutur, imħallef jew prosekutur pubbliku.

3.      L-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja jista’ jibda l-proċeduri fuq talba tal-Ministru għall-Ġustizzja jew jingħaqad fi proċeduri li jkunu għaddejjin.

4.      Il-ħatra tal-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja hija ekwivalenti għal talba biex jinbdew proċeduri investigattivi jew dixxiplinari.

5.      Il-funzjoni tal-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja għandha tiskadi malli ssir finali deċiżjoni ġudizzjarja li tiċħad il-ftuħ ta’ proċeduri dixxiplinari, li twaqqaf proċeduri dixxiplinari jew li tagħlaq proċeduri dixxiplinari. L-iskadenza tal-funzjoni tal-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja ma għandhiex tipprekludi l-ħatra mill-ġdid mill-Ministru għall-Ġustizzja tal-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja fl-istess kawża.”

21      L-Artikolu 113(2) u (3) tal-istess liġi jipprovdi:

“2.      Jekk l-imħallef imqiegħed inkwistjoni ma jistax jieħu sehem fil-proċedura quddiem il-qorti dixxiplinari għal raġunijiet ta’ saħħa, għandu jinħatar avukat ex officio mill-President tal-qorti dixxiplinari jew mill-qorti fuq talba motivata tal-imħallef imqiegħed inkwistjoni, li jintgħażel minn fost avukati jew konsulent legali. L-imħallef imqiegħed inkwistjoni huwa obbligat li mal-applikazzjoni tiegħu jannetti ċertifikat maħruġ minn tabib awtorizzat li juri li l-istat ta’ saħħa tiegħu ma jippermettix li dan jieħu sehem fil-proċedura dixxiplinari.

3.      Eċċezzjonalment, meta miċ-ċirkustanzi jirriżulta li n-nuqqas ta’ tressiq ta’ talba jirriżulta minn raġunijiet mhux imputabbli lill-imħallef imqiegħed inkwistjoni, avukat ex officio jista’ jinħatar fl-assenza tat-talba msemmija fil-paragrafu 2.”

22      L-Artikolu 113a tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji huwa redatt kif ġej:

“Attivitajiet relatati mal-ħatra ta’ avukat ex officio u l-patroċinju tad-difiża min-naħa tiegħu ma għandux ikollhom effett sospensiv fuq l-iżvolġiment tal-proċedura.”

23      Skont l-Artikolu 114(7) ta’ din il-liġi:

“Man-notifika tal-akkużi dixxiplinari, l-Uffiċjal Dixxiplinari għandu jitlob lill‑President [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li jidderieġi l-ħidma tal-Awla Dixxiplinari sabiex jinnomina l-qorti dixxiplinari inkarigata mill-eżami tal-kawża fl-ewwel istanza. Il-President tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li jidderieġi l-ħidma tal-Awla Dixxiplinari għandu jinnomina lil din il-qorti fi żmien sebat ijiem minn meta jirċievi t-talba.”

24      L-Artikolu 115a(3) tal-imsemmija liġi jipprovdi:

“Il-qorti dixxiplinari għandha tmexxi l-proċeduri minkejja l-assenza ġġustifikata tal-akkużat innotifikat jew tal-avukat difensur tiegħu, sakemm dan ma jmurx kontra t-tmexxija tajba tal-proċedura dixxiplinari.”

 Il-Liġi dwar il-KRS

25      Skont l-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-KRS:

“1.      [Is-Sejm (il-Parlament)] għandu jeleġġi minn fost l-imħallfin [tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], tal-qrati ordinarji, tal-qrati amministrattivi u tal-qrati militari ħmistax-il membru tal-[KRS] għal mandat konġunt ta’ erba’ snin.

2.      Fit-twettiq tal-elezzjoni li tissemma fil-paragrafu 1, [is-Sejm (il-Parlament)] għandu, sa fejn ikun possibbli, jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonn ta’ rappreżentanza fil-[KRS] ta’ mħallfin minn tipi u livelli differenti ta’ qrati.

3.      Il-mandat konġunt ta’ membri ġodda tal-[KRS] eletti minn fost l-imħallfin għandu jibda l-għada tal-ġurnata tal-elezzjoni tagħhom. Il-membri tal-[KRS] tal-mandat preċedenti għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom sal-ġurnata li fiha jibda l-mandat konġunt tal-membri l-ġodda tal-[KRS].”

26      Id-dispożizzjoni tranżitorja li tinsab fl-Artikolu 6 tal-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra, li daħlet fis-seħħ fis‑17 ta’ Jannar 2018, tipprevedi:

“Il-mandat tal-membri [tal-KRS] imsemmija fil-punt 2 tal-Artikolu 187(1) tal-[Kostituzzjoni], eletti bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet attwali, għandu jibqa’ effettiv sal-jum ta’ qabel jibda l-mandat tal-membri l-ġodda [tal-KRS], mingħajr ma jaqbeż madankollu 90 jum mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, sakemm ma jkunx spiċċa qabel minħabba li jkun wasal fi tmiemu.”

 Il-proċedura prekontenzjuża

27      Peress li qieset li, billi adottat dispożizzjonijiet ġodda applikabbli għas-sistema dixxiplinari tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati ordinarji, ir-Repubblika tal-Polonja kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tat-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, il-Kummissjoni, fit‑3 ta’ April 2019, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru. Dan tal-aħħar wieġeb permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Ġunju 2019 li fiha kkontesta kull ksur tad-dritt tal-Unjoni.

28      Fis‑17 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata li fiha sostniet li s-sistema dixxiplinari l-ġdida hekk stabbilita kienet tmur kontra l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, din l-istituzzjoni stiednet lir-Repubblika tal-Polonja tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahrejn minn meta tirċeviha. Fit-tweġiba tiegħu tas‑17 ta’ Settembru 2019, l-imsemmi Stat Membru qies li l-ilmenti fformulati mill-Kummissjoni ma kinux fondati.

29      Peress li ma kinitx konvinta b’din it-tweġiba, il-Kummissjoni ddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30      Permezz ta’ att separat, sottomess fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑25 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 133(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, talbet lil din tal-aħħar biex tissuġġetta din il-kawża għal proċedura mħaffa. Insostenn ta’ din it-talba, il-Kummissjoni sostniet li l-ilmenti li hija tressaq fir-rikors tagħha fir-rigward tas-sistema dixxiplinari l-ġdida applikabbli għall-imħallfin Pollakki huma bbażati fuq ksur sistemiku tal-garanziji meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom. Għaldaqstant, ħtieġa imperattiva ta’ ċertezza legali tirrikjedi eżami tal-kawża li ssir f’qasir żmien sabiex jitneħħew id-dubji dwar il-konformità tal-imsemmija sistema mad-dritt tal-Unjoni.

31      L-Artikolu 133(1) tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’, fuq talba jew tal-parti rikorrenti jew tal-parti konvenuta, u wara li jinstemgħu l-parti l-oħra, l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, jiddeċiedi li l-kawża għandha tiġi ssuġġettata għal proċedura mħaffa li tidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dawn ir-regoli.

32      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li tali proċedura mħaffa tikkostitwixxi strument proċedurali intiż li jwieġeb għal sitwazzjoni ta’ urġenza straordinarja. Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-proċedura mħaffa tista’ ma tiġix applikata meta l-applikazzjoni ta’ tali proċedura tkun diffiċli minħabba n-natura sensittiva u kumplessa tal-problemi ġuridiċi mqajma minn kawża, b’mod partikolari meta ma jkunx jidher xieraq li titqassar il-fażi bil-miktub tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, C‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, iktar ’il quddiem is-“sentenza Asociaţia ‘Forumul Judecătorilor din România’ et”, EU:C:2021:393, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan il-każ, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda, fis‑26 ta’ Novembru 2019, wara li nstemgħu l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali, li kellha tiġi miċħuda t-talba tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza.

34      Fil-fatt, għalkemm il-kwistjonijiet li jqajjem dan ir-rikors, li jirrigwardaw dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, jistgħu a priori jkunu ta’ importanza primordjali għall-funzjonament it-tajjeb tas-sistema ġudizzjarja tal-Unjoni, li għaliha hija essenzjali l-indipendenza tal-qrati nazzjonali, in-natura sensittiva u kumplessa ta’ dawn il-kwistjonijiet, li barra minn hekk jaqgħu fil-kuntest ta’ riformi kbar fil-qasam tal-ġustizzja fil-Polonja, diffiċilment twassal għall-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa (ara, b’analoġija, is-sentenza Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      Madankollu, fid-dawl tal-għan tal-imsemmi rikors u tan-natura tal-kwistjonijiet li jqajjem, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja, permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Novembru 2019, ta trattament prijoritarju lil din il-kawża bis-saħħa tal-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

36      Barra minn hekk, il-Kummissjoni, permezz ta’ att separat, sottomess fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑23 ta’ Jannar 2020, ressqet talba għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 TFUE u l-Artikolu 160(2) tar-Regoli tal-Proċedura intiżi li jordnaw lir-Repubblika tal-Polonja, fl-istennija tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-mertu:

–        tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-punt 5 tal-Artikolu 3, tal-Artikolu 27 u tal-Artikolu 73(1) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema, li jikkostitwixxu l-bażi tal-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari sabiex tiddeċiedi, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, fil-kawżi dixxiplinari relatati ma’ mħallfin;

–        tastjeni milli tibgħat il-kawżi pendenti quddiem l-Awla Dixxiplinari lil kulleġġ ġudikanti li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza ddefiniti, b’mod partikolari, fis-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, A. K. Et (Indipendenza tal-Awla Dixxiplinari tal-Qorti Suprema) (C‑585/18, C‑624/18 u C‑625/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza A. K. et”, EU:C:2019:982), u

–        tikkomunika lill-Kummissjoni, sa mhux iktar tard minn xahar wara n-notifika tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jordna l-miżuri provviżorji mitluba, kull miżura li hija tkun adottat sabiex tikkonforma ruħha bis-sħiħ ma’ dan id-digriet.

37      Permezz ta’ digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑791/19 R, EU:C:2020:277), il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet din it-talba sakemm tingħata s-sentenza li tagħlaq din il-kawża.

38      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja ġew awtorizzati jintervjenu fil-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑11, tad‑19 u tal‑20 ta’ Frar 2020.

39      Wara l-fażi bil-miktub tal-proċedura li matulha r-Repubblika tal-Polonja ssottomettiet risposta u, sussegwentement, kontroreplika bi tweġiba għar-replika prodotta mill-Kummissjoni kif ukoll risposta għan-noti ta’ intervent rispettivament sottomessi mill-ħames Stati Membri intervenjenti msemmija fil-punt preċedenti, l-argumenti orali tal-partijiet instemgħu waqt is-seduta li nżammet fl‑1 ta’ Diċembru 2020. L-Avukat Ġenerali ppreżenta l-konklużjonijiet tiegħu fis‑6 ta’ Mejju 2021, data li fiha l-fażi orali tal-proċedura konsegwentement ingħalqet.

40      Permezz ta’ att sottomess fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Ġunju 2021, ir-Repubblika tal-Polonja talbet il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura. Insostenn ta’ din it-talba, hija tindika, essenzjalment, li ma taqbilx mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, li, barra minn hekk, jindikaw li ċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża ma ġewx iċċarati biżżejjed.

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-partijiet, li jressqu osservazzjonijiet bi tweġiba għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu jippreżenta pubblikament bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mall-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja la hija marbuta b’dawn il-konklużjonijiet u lanqas ma hija marbuta bil-motivazzjoni li permezz tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għal dawn il-konklużjonijiet. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu liema jkunu l-kwistjonijiet li huwa jeżamina fihom, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi kwalunkwe mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari jekk tqis li ma għandhiex biżżejjed tagħrif.

44      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, madankollu, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li, fi tmiem il-fażi bil-miktub tal-proċedura u tas-seduta li nżammet quddiemha, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, hija għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq ir-rikors

45      Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tressaq ħames ilmenti, l-ewwel erbgħa bbażati fuq ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-ħames wieħed ibbażat fuq ksur tat-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

 Fuq l-ewwel erba’ lmenti, ibbażati fuq il-ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE

 Dwar l-applikabbiltà u l-portata tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE

–       L-argumenti tal-partijiet

46      Il-Kummissjoni ssostni li, kuntrarjament għal dak li sostniet ir-Repubblika tal-Polonja fit-tweġiba tagħha għall-opinjoni motivata, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa applikabbli f’dan il-każ. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri jiggarantixxu li l-istanzi nazzjonali li jistgħu jiddeċiedu, fil-kwalità tagħhom ta’ “qrati”, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt, li huwa l-każ tal-qrati Pollakki ordinarji u tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), jissodisfaw ir-rekwiżiti xierqa għall-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fosthom dawk marbuta mal-indipendenza u mal-imparzjalità tal-imsemmija qrati.

47      Issa, dawn ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jeħtieġu, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ regoli li jippermettu li jiġi eskluż kwalunkwe dubju leġittimu, fi ħsieb il-partijiet f’kawża, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal-impermeabbiltà tal-qrati kkonċernati fir-rigward ta’ fatturi esterni u tan-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi kkonċernati. F’dan ir-rigward, l-indipendenza tal-ġustizzja ma tirrigwardax biss l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji f’kawżi speċifiċi iżda wkoll l-organizzazzjoni ġudizzjarja u l-kwistjoni dwar jekk il-qorti kkonċernata toffrix garanziji ta’ natura li jiżguraw “apparenza ta’ indipendenza” xierqa sabiex tinżamm il-fiduċja li l-qrati għandhom jispiraw f’soċjetà demokratika.

48      Għal dawn il-finijiet, huwa neċessarju, b’mod partikolari, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li s-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin tinkludi l-garanziji indispensabbli li jippermettu li jiġi evitat kull riskju ta’ użu tagħha bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, li jkun jirrikjedi li jiġu ppromulgati regoli li jiddefinixxu kemm l-aġir li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari kif ukoll is-sanzjonijiet applikabbli b’mod konkret, li jipprevedu l-intervent ta’ qorti indipendenti konformement ma’ proċedura li tiggarantixxi bis-sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, u li jistabbilixxu l-possibbiltà li d-deċiżjonijiet tal-korpi dixxiplinari jiġu kkontestati f’qorti.

49      Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni b’mod partikolari li l-Artikoli 47 u 48 tal-Karta ma humiex applikabbli għall-kawżi dixxiplinari li jikkonċernaw il-qrati nazzjonali, fl-assenza ta’ sitwazzjoni ta’ implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. B’mod partikolari, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE la jikkostitwixxi s-sors tad-drittijiet fundamentali tad-difiża u lanqas tad-dritt għal smigħ f’terminu raġonevoli. Dan l-Istat Membru jqis li l-kawżi dixxiplinari mmexxija fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet proċedurali kkontestati mill-Kummissjoni huma ta’ natura purament interna u li, billi jiddefinixxu dawn il-proċeduri, l-awtoritajiet Pollakki ma rregolawx oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-imsemmi artikolu moqri flimkien mal-Artikolu 5 TUE u l-Artikoli 3 u 4 TFUE.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

50      Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-Unjoni tiġbor fi ħdanha Stati li aderixxew liberament u volontarjament għall-valuri komuni msemmija fl-Artikolu 2 TUE, jirrispettaw dawn il-valuri u jimpenjaw ruħhom li jippromwovuhom. B’mod partikolari, mill-Artikolu 2 TUE jirriżulta li l-Unjoni hija bbażata fuq valuri, bħalma huwa l-Istat tad-dritt, li huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà kkaratterizzata, fost oħrajn, mill-ġustizzja. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u, b’mod partikolari, il-qrati tagħhom hija bbażata fuq il-premessa fundamentali li l-Istati Membri jikkondividu sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, kif ippreċiżat f’dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punti 42 u 43 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, punt 160 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

51      Barra minn hekk, l-osservanza minn Stat Membru tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE tikkostitwixxi kundizzjoni għat-tgawdija tad-drittijiet kollha li jirriżultaw mill-applikazzjoni tat-Trattati għal dan l-Istat Membru. Għaldaqstant, Stat Membru ma jistax jemenda l-leġiżlazzjoni tiegħu b’mod li jwassal għal rigressjoni tal-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt, valur li huwa kkonkretizzat, b’mod partikolari, mill-Artikolu 19 TUE. L-Istati Membri għandhom għalhekk jiżguraw li tiġi evitata kull rigressjoni, fir-rigward ta’ dan il-valur, tal-leġiżlazzjoni tagħhom fil-qasam tal-organizzazzjoni tal-ġustizzja, billi joqogħdu lura milli jadottaw regoli li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza tal-imħallfin (sentenzi tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 63 sa 65 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, punt 162).

52      Kif previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistema ta’ rimedji u ta’ proċeduri li tiżgura lill-partijiet f’kawża l-osservanza tad-dritt tagħhom għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni. Il-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni, li għalih f’dan is-sens jirreferi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta mill-prassi kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri u li ġie stabbilit fl-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmat f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u li fil-preżent huwa affermat fl-Artikolu 47 tal-Karta (sentenza Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, punt 190 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

53      Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għandu jitfakkar, barra minn hekk, li din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment għall-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”, indipendentement mis-sitwazzjoni li fiha l-Istati Membri jimplimentaw dan id-dritt, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, punt 192 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, kull Stat Membru għandu għalhekk jiżgura, b’mod partikolari, li l-istanzi li, bħala “qrati” fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jagħmlu parti mis-sistema ta’ rimedji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni u li, għalhekk, jistgħu jagħtu deċiżjoni, f’din il-kwalità, dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2021, A.B. et (Ħatra tal-imħallfin fil-Qorti Suprema – Rimedji), C‑824/18, iktar ’il quddiem is-“sentenza A. B. et”, EU:C:2021:153, punt 112 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55      Issa, huwa paċifiku li kemm is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u, b’mod partikolari, l-Awla Dixxiplinari li minnha tagħmel parti, kif ukoll il-qrati ordinarji Pollakki jistgħu jiġu msejħa biex jagħtu deċiżjoni dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, bħala “qrati”, fis-sens iddefinit minn dan id-dritt, jaqgħu taħt is-sistema Pollakka ta’ rimedji fl-“oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, b’tali mod li dawn il-qrati għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 56, u tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji), C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 104).

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm, kif tosserva r-Repubblika tal-Polonja, l-organizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri taqa’, ċertament, taħt il-kompetenza ta’ dawn tal-aħħar, xorta jibqa’ l-fatt li, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri huma meħtieġa josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, taħt id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) (sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema), C‑619/18, EU:C:2019:531, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑5 ta’ Novembru 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-qrati ordinarji), C‑192/18, EU:C:2019:924, punt 102).

57      Ġaladarba t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jimponi fuq l-Istati Membri kollha biex jistabbilixxu r-rimedji neċessarji sabiex jiżguraw, fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, protezzjoni ġudizzjarja effettiva, b’mod partikolari fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, din id-dispożizzjoni tal-aħħar għandha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, sabiex jiġi ggarantit li istanzi li jistgħu jintalbu jiddeċiedu dwar kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni u mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni jkunu jistgħu jiżguraw tali protezzjoni ġudizzjarja effettiva, iż-żamma tal-indipendenza tagħhom hija primordjali, kif jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv (sentenza Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, punt 194 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

58      Dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza tal-qrati, li huwa inerenti għall-funzjoni ta’ ġudikatura, jagħmel parti mill-kontenut essenzjali tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u tad-dritt fundamentali għal smigħ xieraq, li għandu importanza kardinali bħala garanti tal-protezzjoni tad-drittijiet kollha li l-partijiet f’kawża għandhom taħt id-dritt tal-Unjoni u tal-ħarsien tal-valuri komuni għall-Istati Membri ddikjarati fl-Artikolu 2 TUE, b’mod partikolari l-valur tal-Istat tad-dritt (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni jirrikjedu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-istanza, tal-ħatra, tat-tul tal-kariga kif ukoll tar-raġunijiet għall-astensjoni, għar-rikuża u għat-tneħħija tal-membri tagħha, li jippermettu li jiġi eskluż kull dubju leġittimu, fi ħsieb il-partijiet f’kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fil-konfront ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi inkwistjoni quddiemha (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li l-imħallfin ikunu protetti minn interventi jew pressjonijiet esterni li jistgħu jipperikolaw l-indipendenza tagħhom. Ir-regoli applikabbli għall-istatus tal-imħallfin u għall-eżerċizzju tal-funzjoni tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jippermettu li tiġi eskluża mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati, u b’hekk jeskludu assenza ta’ apparenza ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tagħhom li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fil-partijiet f’kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt (sentenza Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, punt 197 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      B’mod iktar partikolari, fir-rigward tar-regoli li jiggvernaw is-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin, ir-rekwiżit ta’ indipendenza li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jimponi, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, li din is-sistema jkollha l-garanziji neċessarji sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ użu ta’ tali sistema bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. F’dan ir-rigward, il-promulgazzjoni ta’ regoli li jiddefinixxu, b’mod partikolari, kemm l-aġir li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari kif ukoll is-sanzjonijiet applikabbli konkretament, li jipprevedu l-intervent ta’ istanza indipendenti konformement ma’ proċedura li tiggarantixxi b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża, u li jistabbilixxu l-possibbiltà li d-deċiżjonijiet tal-korpi dixxiplinari jiġu kkontestati quddiem qorti, jikkostitwixxu ġabra ta’ garanziji essenzjali għall-finijiet tal-ħarsien tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja (sentenza Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, punt 198 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

62      Fid-dawl tal-punti preċedenti, ir-regoli nazzjonali, fil-qasam dixxiplinari, imqiegħda inkwistjoni mill-Kummissjoni fil-kuntratt tal-ewwel erba’ lmenti jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u għaldaqstant huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk seħħx il-ksur ta’ din id-dispożizzjoni hekk kif allegat minn din l-istituzzjoni.

 Fuq it-tieni lment

–       L-argumenti tal-partijiet

63      Permezz tat-tieni lment tagħha, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, il-Kummissjoni tikkonkludi li hemm ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, sa fejn l-Awla Dixxiplinari li hija mitluba tiddeċiedi, fl-ewwel istanza u fl-istadju ta’ appell, il-kawżi dixxiplinari li jikkonċernaw lill-Imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u, skont il-każ, jew fl-istadju ta’ appell, jew kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-istadju ta’ appell, il-kawżi dixxiplinari li jikkonċernaw l-imħallfin tal-qrati ordinarji, ma jissodisfawx il-garanziji ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità meħtieġa.

64      Għalkemm, b’mod ġenerali, l-intervent ta’ korp eżekuttiv fil-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin ma huwiex, fih innifsu, ta’ natura li jaffettwa l-indipendenza jew l-imparzjalità tagħhom, hemm lok, madankollu, li jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan il-każ, il-fatt li l-konġunzjoni u l-introduzzjoni simultanja, fil-Polonja, ta’ diversi riformi leġiżlattivi ħolqot ksur strutturali li ma ppermettiex iktar li tiġi ppreżervata d-dehra ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tal-ġustizzja u l-kunfidenza li l-qrati għandhom jispiraw f’soċjetà demokratika u lanqas jneħħu kull dubju leġittimu, fil-ħsieb tal-partijiet f’kawża, fir-rigward tal-impermeabbiltà tal-Awla Dixxiplinari fir-rigward ta’ elementi esterni u tan-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi inkwistjoni.

65      Dan il-ksur jirriżulta minn diversi fatturi, fosthom iċ-ċirkustanza li l-Awla Dixxiplinari, li hija mogħnija b’mod partikolari bil-kompetenza ġudizzjarja fil-qasam dixxiplinari fir-rigward tal-imħallfin, inħolqot ex nihilo filwaqt li ngħatat, fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), grad elevat ta’ awtonomija organizzattiva u finanzjarja li minnu ma jgawdux l-awli l-oħra ta’ din il-qorti, kif ukoll il-fatt li ġie previst, mingħajr ġustifikazzjoni apparenti, u b’deroga mir-regola ġenerali applikabbli, li l-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew fi ħdan din l-awla l-ġdida jistgħu jimtlew biss permezz tal-ħatra ta’ mħallfin ġodda, mill-President tar-Repubblika fuq proposta tal-KRS, u mhux permezz ta’ trasferiment ta’ mħallfin diġà fil-kariga f’awli oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

66      Hija wkoll rilevanti, f’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanza li, eżatt qabel ma seħħew il-ħatriet ta’ dawn l-imħallfin il-ġodda fi ħdan l-Awla Dixxiplinari, il-KRS ġie kompletament kompost mill-ġdid, permezz ta’ tqassir tal-mandati fis-seħħ tal-membri tal-imsemmi korp, u dan fuq il-bażi ta’ regoli ġodda li jirregolaw il-mod ta’ ħatra tal‑15‑il membru li jikkomponuha u li għandhom il-kwalità ta’ mħallef, billi issa jipprevedi l-elezzjoni tagħhom mhux iktar mill-imħallfin infushom, bħalma kien il-każ qabel, iżda mis-Sejm (il-Parlament). Bħala konsegwenza ta’ dan it-tiġdid, 23 mill-25 membru li għandu l-KRS issa jinħatru mill-awtorità leġiżlattiva jew eżekuttiva jew jirrappreżentaw lil dawn l-awtoritajiet, liema fatt iwassal għal politiċizzazzjoni ta’ dan il-korp u, konsegwentement, għal żieda fl-influwenza tal-imsemmija awtoritajiet fuq il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari, kif enfasizzaw b’mod partikolari kemm il-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (imsejjaħ il-“Kummissjoni ta’ Venezia”), fl-opinjoni tiegħu Nru 904/2017 tal‑11 ta’ Diċembru 2017 [CDL (2017)031], kif ukoll il-Grupp ta’ Stati kontra l-Korruzzjoni (GRECO), fir-rapport ad hoc tiegħu dwar il-Polonja, tat‑23 ta’ Marzu 2018.

67      Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li kemm il-proċedura ta’ ħatra tal-membri tal-Awla Dixxiplinari, li barra minn hekk hija simili għal dik fis-seħħ fi Stati Membri oħra, kif ukoll il-garanziji l-oħra li minnhom jibbenefikaw dawn il-membri ladarba jinħatru huma ta’ natura li jiggarantixxu l-indipendenza tal-imsemmija awla.

68      Fil-fatt, il-kundizzjonijiet li għandhom jissodisfaw il-kandidati għall-funzjonijiet ta’ mħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) huma ddefiniti b’mod eżawrjenti mid-dritt nazzjonali u l-proċedura ta’ ħatra tagħhom timplika, wara l-pubblikazzjoni ta’ sejħa pubblika għall-kandidaturi, selezzjoni mwettqa mill-KRS li fuq il-bażi tagħha dan il-korp jifformula proposta ta’ ħatra tal-kandidati magħżula, li twassal, finalment, għall-att ta’ ħatra, mill-President tar-Repubblika, li ma huwiex obbligat li jsegwi l-proposta tal-KRS.

69      Barra minn hekk, il-kompożizzjoni l-ġdida tal-KRS bilkemm hija differenti minn dik prevalenti fir-rigward tal-kunsilli nazzjonali tal-ġudikatura stabbiliti f’ċerti Stati Membri oħra u kkontribwixxiet biex issaħħaħ il-leġittimità demokratika ta’ dan il-korp u sabiex fih tiżgura rappreżentattività mtejba tal-ġudikatura Pollakka.

70      Finalment, l-indipendenza tal-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari tirriżulta, wara l-ħatra tagħhom, mill-eżistenza ta’ sistema elaborata ta’ garanziji marbuta b’mod partikolari mat-tul indeterminat tal-mandat tagħhom, mal-irremovabbiltà tagħhom, mal-immunità tagħhom, mal-obbligu tagħhom li jibqgħu apolitiċi kif ukoll ma’ diversi inkompatibbiltajiet professjonali u ma’ remunerazzjoni partikolarment għolja. Fir-rigward tal-grad elevat ta’ awtonomija amministrattiva, finanzjarja u ġurisprudenzjali li tgawdi minnha l-Awla Dixxiplinari, dan huwa ta’ natura li jsaħħaħ l-indipendenza ta’ din il-qorti billi jipproteġi lill-membri tiegħu mir-riskji marbuta ma’ sottomissjoni professjonali organiku jew mal-kolleġġjalità meta dawn jintalbu jiddeċiedu fil-qasam dixxiplinari fir-rigward tal-imħallfin tal-awli l-oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

71      Barra minn hekk, l-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari fil-konfront tas-setgħa eżekuttiva Pollakka hija riflessa wkoll fid-deċiżjonijiet ta’ din l-istanza li juru b’mod partikolari li, mit-tmintax-il rikors tal-Ministru għall-Ġustizzja kontra sentenzi ta’ qrati dixxiplinari tal-ewwel grad mogħtija fir-rigward ta’ mħallfin, f’seba’ każijiet, id-deċiżjonijiet ikkontestati ġew ikkonfermati, f’ħames każijiet, dawn ġew mibdula permezz tal-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet dixxiplinari iktar severi, f’żewġ każijiet, l-Awla Dixxiplinari kienet bidlet sentenzi li kienu jeżoneraw u tat sanzjonijiet dixxiplinari, f’żewġ każijiet ukoll, hija bidlet sentenzi ta’ nuqqas ta’ sejba ta’ ħtija billi kkonstatat it-twettiq tar-reat filwaqt li rrinunzjat milli tagħti sanzjoni, f’każ, is-sentenza ġiet annullata u l-proċedura dixxiplinari ngħalqet minħabba l-mewt tal-imħallef ikkonċernat u, f’każ, din l-awla bidlet is-sentenza inkwistjoni u rrinunzjat l-impożizzjoni ta’ sanzjoni wara li kklassifikat mill-ġdid il-ksur inkwistjoni fi ksur dixxiplinari minuri.

72      Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li s-sentenza A. K. et, mogħtija wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, fil-frattemp, ikkonfermat il-fondatezza ta’ dan l-ilment.

73      L-istess japplika għas-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2019 (III PO 7/18) u tad-digrieti tal‑15 ta’ Jannar 2020 (III PO 8/18 u III PO 9/18), li permezz tagħhom is-Sąd Najwyższy (Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych) (il-Qorti Suprema (Awla Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali), il-Polonja), li kienet il-qorti tar-rinviju fil-kawżi prinċipali li taw lok għas-sentenza A. K. et, iddeċidiet, fuq il-bażi tat-tagħlim li jirriżulta minn din l-aħħar sentenza, li, fil-kompożizzjoni attwali tagħha, il-KRS ma jikkostitwixxix istanza imparzjali u indipendenti tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi Pollakki u li l-Awla Dixxiplinari ma hijiex “qorti”, fis-sens tal-Artikolu 47 tal-Karta, tal-Artikolu 6 tal-KEDB u tal-Artikolu 45(1) tal-Kostituzzjoni. F’dawn id-deċiżjonijiet, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) issemmi b’mod partikolari, minbarra l-fatturi diġà msemmija fil-punt 65 ta’ din is-sentenza, li, l-ewwel, l-Awla Dixxiplinari kienet ingħatat ukoll kompetenza esklużiva f’dak li jirrigwarda l-kawżi relatati mal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fil-qasam tad-dritt industrijali, ta’ sigurtà soċjali u ta’ rtirar, jiġifieri daqstant materji li qabel kienu jaqgħu taħt il-kompetenza tal-qrati ordinarji, it-tieni, matul il-proċedura ta’ ħatra tal-imħallfin ikkonċernati, il-possibbiltajiet għal kandidat li ma jkunx intgħażel li jikkontesta r-riżoluzzjonijiet tal-KRS kienu ġew kunsiderevolment ristretti wara diversi emendi suċċessivi tal-Liġi dwar il-KRS, it-tielet, il-persuni maħtura bħala mħallfin fl-Awla Dixxiplinari għandhom rabtiet mill-viċin ħafna mas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi Pollakki, u, ir-raba’, sa mill-ħolqien tagħha, l-Awla Dixxiplinari kienet ħadmet b’mod partikolari sabiex jiġu rtirati talbiet għal deċiżjoni preliminari indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li taw lok għas-sentenza A. K. et.

74      Il-konstatazzjonijiet hekk stabbiliti fl-imsemmija deċiżjonijiet, sussegwentement, ġew imtennija mill-ġdid f’riżoluzzjoni tat‑23 ta’ Jannar 2020, mogħnija bl-effett ta’ prinċipju ta’ dritt, adottat mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) b’kompiżizzjoni li jiġbor flimkien l-Awli Ċivili, Kriminali u Industrijali u tas-Sigurtà Soċjali tal-imsemmija qorti.

75      Barra minn hekk, l-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari jinsabu f’sitwazzjoni pprivileġġata meta mqabbla mal-imħallfin tal-awli l-oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Fil-fatt, mis-sentenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), tal‑5 ta’ Diċembru 2019 (III PO 7/18), jirriżulta wkoll li l-piż ta’ xogħol li jaqa’ fuq l-Awla Dixxiplinari huwa kunsiderevolment iżgħar minn dak mistenni għall-awli l-oħra tal-imsemmija qorti, minkejja li, kif sostniet ir-Repubblika tal-Polonja fir-risposta tagħha, il-membri tal-Awla Dixxiplinari jirċievu remunerazzjoni li teċċedi b’madwar 40 % dik tal-imħallfin tal-awli l-oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

76      Fir-rigward tal-garanziji li allegatament jipproteġu lill-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari wara l-ħatra tagħhom li għalihom tirreferi r-Repubblika tal-Polonja, mit-tagħlim li jinsilet mis-sentenza A. K. et jirriżulta li, indipendentement mill-eżistenza tal-imsemmija garanziji, jibqa’ neċessarju li jiġi żgurat, permezz ta’ analiżi globali tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-ħolqien tal-istanza kkonċernata u relatati, b’mod partikolari, mal-kompetenzi mogħtija lilha, mal-kompożizzjoni tagħha u mal-modalitajiet ta’ ħatra tal-imħallfin imsejħa sabiex ipoġġu fiha, li dawn id-diversi elementi ma jkunux ta’ natura li joħolqu, fil-ħsieb tal-partijiet f’kawża, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħhom b’rabta mal-interessi inkwistjoni, ladarba l-persuni kkonċernati jiġu maħtura.

77      Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li mir-rikors tal-Kummissjoni jirriżulta li t-tieni lment tagħha jirrigwarda evalwazzjoni ġuridika tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors u mhux l-istabbiliment ta’ fatti. Issa, il-parametri marbuta mal-indipendenza tal-Awla Dixxiplinari li, konformement mas-sentenza A. K. et, kellhom jiġu eżaminati mill-qorti tar-rinviju fil-kawżi prinċipali li taw lok għall-imsemmija sentenza, ma għandhom ebda rabta mal-evalwazzjoni tal-konformità astratta mad-dritt tal-Unjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali, iżda jaqgħu taħt il-qasam fattwali. Għalhekk, id-deċiżjonijiet mogħtija mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), wara s-sentenza A. K. et, huma irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu invokat fil-konfront ta’ dan l-Istat Membru fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Min-naħa tagħha, ir-riżoluzzjoni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tat‑23 ta’ Jannar 2020 ma tikkonċernax il-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari u l-imsemmija riżoluzzjoni ġiet, barra minn hekk, iddikjarata antikostituzzjonali mit-Trybunał Konstytucyjny (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Polonja) f’sentenza tal‑20 ta’ April 2020.

78      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Polonja tipproduċi, bħala anness mal-kontroreplika tagħha, dokumentazzjoni li tammonta għal madwar 2 300 paġna li toffri ħarsa sħiħa tad-deċiżjonijiet tal-Awla Dixxiplinari li jsostnu lill-imsemmi Stat Membru fil-konvinzjoni tiegħu li l-imsemmija istanza tiddeċiedi b’imparzjalità sħiħa u b’indipendenza sħiħa. Barra minn hekk, minn evalwazzjoni komparattiva tad-deċiżjonijiet mogħtija fil-proċeduri dixxiplinari mressqa fuq rikors tal-Ministru għall-Ġustizzja matul is-snin 2017 sa 2019, ukoll annessa ma’ din in-nota, jirriżulta li, filwaqt li, fl-2017 u fl-2018, l-Awla Kriminali tal-Qorti Suprema laqgħet 6 azzjonijiet tal-Ministru għall-Ġustizzja minn 14, l-Awla Dixxiplinari, fl-2018 u fl-2019, laqgħet 17 minn 44, liema fatt kien jirrifletti proporzjonijiet ekwivalenti.

79      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja jqisu, min-naħa tagħhom, li jirriżulta b’mod partikolari mit-tagħlim tas-sentenza A. K. et li l-Awla Dixxiplinari ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ imparzjalità u ta’ indipendenza li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni. Skont ir-Renju tal-Belġju, din il-konklużjoni tista’, barra minn hekk, tkun ibbażata fuq strumenti differenti adottati fil-kuntest ta’ istanzi internazzjonali, bħall-Karta Ewropea dwar l-Istatus tal-Imħallfin u l-Opinjoni Nru 977/2019, tas‑16 ta’ Jannar 2020, tal-Kummissjoni ta’ Venezia, dwar l-emendi magħmula, fl‑20 ta’ Diċembru 2019, b’mod partikolari għal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji kif ukoll għal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

80      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1), kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin tal-qrati nazzjonali li jaqgħu taħt is-sistema tagħhom ta’ rimedji fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni tosserva l-prinċipju ta’ indipendenza tal-qrati, b’mod partikolari billi tiżgura li d-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest tal-proċeduri dixxiplinari mressqa kontra l-imħallfin tal-imsemmija qrati jkunu mistħarrġa minn istanza li tissodisfa hija stess il-garanziji inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fosthom dik ta’ indipendenza (digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277, punt 35).

81      Issa, mill-Artikolu 27(1), mill-Artikolu 73(1) u mill-Artikolu 97(3) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema kif ukoll mill-Artikolu 110(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jirriżulta li d-deċiżjonijiet dixxiplinari li jistgħu jiġu adottati fir-rigward tal-imħallfin Pollakki issa jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Awla Dixxiplinari, stabbilita bis-saħħa tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema. Din l-awla tiddeċiedi, fl-ewwel istanza u fl-istadju ta’ appell, fil-kawżi dixxiplinari li jikkonċernaw l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kif ukoll, skont il-każ, jew fl-appell, jew kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-istadju ta’ appell, fil-kawżi dixxiplinari li jikkonċernaw l-imħallfin tal-qrati ordinarji. B’hekk mill-prinċipji mfakkra fil-punt preċedenti jirriżulta li, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, istanza bħalma hija l-Awla Dixxiplinari għandha toffri l-garanziji kollha meħtieġa fir-rigward tal-indipendenza u l-imparzjalità tagħha.

82      Kif spjegat diġà l-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, is-sempliċi perspettiva, għall-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-qrati ordinarji, li jinkorru r-riskju ta’ proċedura dixxiplinari li tista’ twassal sabiex tiġi adita istanza li l-indipendenza tagħha ma tkunx żgurata tista’ taffettwa l-indipendenza rispettiva tagħhom (digriet tat‑8 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑791/19 R, EU:C:2020:277).

83      Jeħtieġ, b’mod partikolari, li jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, il-fatt li l-miżuri dixxiplinari jistgħu jkollhom konsegwenzi serji fuq il-ħajja u l-karriera tal-imħallfin issanzjonati. Kif irrilevat ukoll il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, l-istħarriġ ġudizzjarju eżerċitat għandu għalhekk jiġi adattat għan-natura dixxiplinari tad-deċiżjonijiet inkwistjoni. Fil-fatt, meta Stat jibda tali proċedura dixxiplinari, hija l-fiduċja tal-pubbliku fil-funzjonament u l-indipendenza tal-qrati li titqiegħed taħt eżami, fiduċja li, fi Stat demokratiku, tiggarantixxi l-eżistenza stess tal-istat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, tas‑6 ta’ Novembru 2018, Ramos Nunes de Carvalho e Sá vs Il‑Portugal, CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punt 196, kif ukoll tad‑9 ta’ Marzu 2021, Eminağaoğlu vs It‑Turkija, CE:ECHR:2021:0309JUD007652112, punt 97).

84      Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li, fid-dawl tal-kuntest partikolari li fih seħħ il-ħolqien tal-Awla Dixxiplinari, ta’ ċerti karatteristiċi tagħha u tal-proċess li wassal għall-ħatra tal-imħallfin imsejħa biex jippresjedu fi ħdanha, l-imsemmija istanza ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità hekk meħtieġa bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

85      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li, kif enfasizzaw il-Kummissjoni u l-intervenjenti, fis-sentenza tagħha A. K. et, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ntalbet teżamina talba għal deċiżjoni preliminari tas-Sąd Najwyższy (Izba Pracy i Ubezpieczeń Społecznych) (il-Qorti Suprema (Awla tax-Xogħol u tal-Assigurazzjonijiet Soċjali)) li tirrigwarda b’mod partikolari l-punt dwar jekk id-dritt tal-Unjoni kellux jiġi interpretat fis-sens li istanza bħal dik tal-Awla Dixxiplinari tissodisfa r-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità msemmija fl-Artikolu 47 tal-Karta.

86      Kif jirriżulta mid-dispożittiv tas-sentenza A. K. et, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, f’dan ir-rigward, li istanza li ma tikkostitwixxix qorti indipendenti u imparzjali, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta l-kundizzjonijiet oġġettivi li fihom inħolqot din l-istanza, il-karatteristiċi tagħha kif ukoll il-mod kif inħatru l-membri tagħha jkunu ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, fil-ħsieb tal-partijiet f’kawża, dwar l-impermeabbiltà tal-imsemmija istanza fil-konfront ta’ elementi esterni, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti mill-poter leġiżlattiv u mill-poter eżekuttiv, u dwar in-newtralità tagħha fil-konfront tal-interessi li jkunu inkwistjoni. Tali dubji jistgħu b’hekk iwasslu għal assenza ta’ dehra ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tal-imsemmija istanza li tkun ta’ natura li tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira fl-imsemmija partijiet f’kawża f’soċjetà demokratika.

87      Issa, kif jirriżulta fil-punti 52 u 57 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 47 tal-Karta għandu jittieħed debitament inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

88      Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Awla Dixxiplinari tissodisfax ir-rekwiżit ta’ indipendenza u imparzjalità hekk meħtieġ bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, bħala istanza inkarigata mill-istħarriġ tad-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri dixxiplinari mressqa kontra l-imħallfin li jistgħu jintalbu jiddeċiedu dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandu jitfakkar, qabel kollox, li, kif sostniet il-Kummissjoni, il-ħolqien tal-imsemmija awla, permezz tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema, saret fil-kuntest iktar globali ta’ riformi ewlenin li jirrigwardaw l-organizzazzjoni tas-setgħa ġudizzjarja fil-Polonja, liema riformi kienu jinkludu, b’mod partikolari, dawk li jirriżultaw mill-adozzjoni ta’ din il-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema u mill-emendi magħmula, rispettivament, għal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u l-Liġi dwar il-KRS.

89      F’dan il-kuntest, fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, kif sostniet il-Kummissjoni, l-Awla Dixxiplinari hekk maħluqa ex nihilo ngħatat speċifikament, konformement mal-Artikolu 27, l-Artikolu 73(1), l-Artikolu 97(3) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema u mal-Artikolu 110(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, kompetenza esklużiva biex tieħu konjizzjoni tal-kawżi f’materji kemm dixxiplinari kif ukoll ta’ dritt industrijali u ta’ assigurazzjonijiet soċjali u ta’ rtirar li jikkonċernaw l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), kif ukoll il-kompetenza biex jieħdu konjizzjoni, skont il-każ, jew fl-istadju ta’ appell, jew kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-istadju ta’ appell, tal-kawżi f’materji dixxiplinari li jikkonċernaw l-imħallfin tal-qrati ordinarji.

90      Issa, b’mod partikolari, għandu jitfakkar li, kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 148 u 149 tas-sentenza A. K. et, u fir-rigward, partikolarment, tal-kawżi relatati mal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), l-attribuzzjoni ta’ din il-kompetenza lill-Awla Dixxiplinari saret, b’mod parallel, b’mod partikolari, mal-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema li pprevedew tnaqqis fl-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u l-applikazzjoni ta’ din il-miżura għall-imħallfin ta’ din il-qorti fis-servizz, filwaqt li taw lill-President tar-Repubblika s-setgħa diskrezzjonali li jestendi l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji attivi ta’ dawn l-imħallfin lil hinn mill-età ta’ rtirar kif iffissata mill-ġdid. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531), li, minħabba l-adozzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali, ir-Repubblika tal-Polonja kienet ippreġudikat l-irremovabbiltà u l-indipendenza tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u kienet naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

91      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, kif sostniet il-Kummissjoni u kif irrilevat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 151 tas-sentenza A. K. et, mid-dispożittiv stabbilit mil-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema, u, b’mod partikolari mill-Artikoli 6, 7 u 20 ta’ din il-liġi, jirriżulta li, minkejja li ġiet stabbilita, formalment, bħala awla tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), l-Awla Dixxiplinari tgawdi, fi ħdan l-imsemmija qorti, minn grad ta’ awtonomija organizzattiva, funzjonali u finanzjarja partikolarment elevat meta mqabbla mal-awli oħra ta’ din il-qorti.

92      F’dan ir-rigward, l-argument imressaq mir-Repubblika tal-Polonja li, hawnhekk, dan huwa biss każ ta’ tisħiħ tal-indipendenza tal-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari billi jiġu protetti mir-riskji marbuta ma’ suġġezzjoni professjonali organika jew mal-kolleġġjalità ma jistax jirnexxi, peress li, b’mod partikolari, l-imħallfin infushom li jifformaw l-Awla Dixxiplinari jistgħu jkunu partijiet f’tilwim ta’ natura dixxiplinari jew li jirrigwardaw kwistjonijiet ta’ liġi industrijali, sigurtà soċjali jew irtirar u li l-leġiżlatur Pollakk ma qiesx li kien neċessarju li jagħti l-kompetenza għat-teħid ta’ konjizzjoni ta’ tali tilwim lil awla oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

93      Fit-tielet lok, u fir-rigward tal-fatt li l-imħallfin li jifformaw l-Awla Dixxiplinari għandhom dritt għal remunerazzjoni li teċċedi b’madwar 40 % dik li minnha jibbenefikaw l-imħallfin assenjati lill-awli l-oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), għandu jiġi rrilevat li, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika tal-Polonja fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u waqt is-seduta, dan l-ammont addizzjonali kunsiderevoli ta’ remunerazzjoni huwa esklużivament iġġustifikat bl-eżistenza ta’ regola ta’ inkompatibbiltà speċifikament applikabbli għall-imħallfin tal-Awla Dixxiplinari u li tipprekludihom milli jeżerċitaw funzjonijiet akkademiċi. Madankollu, skont dawn l-istess spjegazzjonijiet, il-partijiet ikkonċernati jibqgħu, minkejja din is-sistema ta’ inkompatibbiltà, liberi li jagħżlu tali funzjonijiet akkademiċi sakemm dawn ma jmorrux kontra d-dinjità tal-istatus ta’ membru tal-ġudikatura u sakemm jirrinunzjaw, f’dan il-każ, għal dan l-ammont addizzjonali ta’ remunerazzjoni. Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali spjegazzjonijiet ma jippermettux b’mod partikolari li jinftiehmu r-raġunijiet oġġettivi li għalihom l-imħallfin assenjati lill-awli l-oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma jistgħux, huma wkoll, jingħataw din l-istess possibbiltà li ssir għażla bejn, minn naħa, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet akkademiċi u, min-naħa l-oħra, il-benefiċċju ta’ tali remunerazzjoni addizzjonali kunsiderevoli.

94      Fir-raba’ lok, għandha tiġi enfasizzata ċ-ċirkustanza, invokata mill-Kummissjoni u diġà rrilevata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 150 tas-sentenza A. K. et, li, bis-saħħa tal-Artikolu 131 tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema, l-Awla Dixxiplinari hekk vestita bil-kompetenzi msemmija fil-punt 89 ta’ din is-sentenza kellha, fl-okkażjoni tad-dħul fis-seħħ inizjali tagħha, tkun komposta biss minn imħallfin ġodda maħtura mill-President tar-Repubblika, fuq proposta tal-KRS, bl-esklużjoni, għaldaqstant, ta’ kwalunkwe possibbiltajiet ta’ trasferiment lejn l-imsemmija awla ta’ mħallfin diġà fil-kariga fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), filwaqt li tali trasferimenti ta’ membri tal-ġudikatura minn awla għal oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) huma, bħala prinċipju, permessi bis-saħħa tal-imsemmija liġi. Barra minn hekk, qabel ma dawn il-ħatriet seħħew, il-KRS ġie kompletament kompost mill-ġdid.

95      Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita mfakkra fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, il-garanziji xierqa sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin meħtieġa bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni jeżiġu b’mod partikolari l-eżistenza ta’ regoli madwar il-ħatra tal-imħallfin (ara, f’dan is-sens, is-sentenza A. B. et, punti 117 u 121). Bl-istess mod, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 56 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom, b’mod partikolari dik dwar l-istabbiliment ta’ regoli nazzjonali li jirregolaw il-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin, l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi li jirriżultaw, għalihom, mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi A. B. et, punti 68 u 79, kif ukoll tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 48).

96      Konformement mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri li jikkaratterizza l-funzjonament ta’ Stat tad-dritt, l-indipendenza tal-qrati għandha b’mod partikolari tiġi żgurata fil-konfront tal-poter leġiżlattiv u dak eżekuttiv (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

97      Iktar preċiżament, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li jaqgħu fihom id-deċiżjonijiet ta’ ħatra tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), u b’mod partikolari tal-Awla Dixxiplinari, il-Qorti tal-Ġustizzja, ċertament, diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li s-sempliċi fatt li l-imħallfin ikkonċernati jinħatru mill-President tar-Repubblika ta’ Stat Membru ma kienx ta’ natura li joħloq dipendenza ta’ dawn tal-aħħar fil-konfront tiegħu u lanqas li joħloq dubji dwar l-imparzjalità tagħhom jekk, ladarba jinħatru, il-persuni kkonċernati ma jkunu suġġetti għal ebda pressjoni u ma jirċevux istruzzjonijiet fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom (sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

98      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li kien għad hemm bżonn li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet sostantivi u l-modalitajiet proċedurali li jirregolaw l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet ta’ ħatra jkunu tali li ma jkunux jistgħu joħolqu, fi ħsieb il-partijiet f’kawża, dubji leġittimi dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati fir-rigward ta’ elementi esterni u dwar in-newtralità tagħhom fir-rigward tal-interessi inkwistjoni, ladarba l-persuni kkonċernati jinħatru, u li kien importanti, b’mod partikolari, għal dan l-għan, li l-imsemmija kundizzjonijiet u modalitajiet jippermettu li jiġu esklużi mhux biss kull influwenza diretta, fil-forma ta’ istruzzjonijiet, iżda wkoll il-forom ta’ influwenza iktar indiretta li jistgħu jiggwidaw id-deċiżjonijiet tal-imħallfin ikkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 2021, Repubblika, C‑896/19, EU:C:2021:311, punti 55 u 57 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

99      Wara li rrilevat li, bis-saħħa tal-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni, l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jinħatru mill-President tar-Repubblika fuq proposta tal-KRS, jiġifieri l-korp vestit mill-Artikolu 186 tal-Kostituzzjoni bil-missjoni ta’ gwardjan tal-indipendenza tal-qrati u tal-imħallfin, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, fil-punt 137 tas-sentenza A. K. et, kif ukoll fil-punt 124 tas-sentenza A. B. et, li l-intervent ta’ tali korp, fil-kuntest ta’ proċess ta’ ħatra tal-imħallfin seta’, bħala prinċipju, ikun ta’ natura li jikkontribwixxi biex dan il-proċess ikun oġġettiv, billi tiġi llimitata l-marġni ta’ manuvra li għandu l-President tar-Repubblika fl-eżerċizzju tal-kompetenza li hija mogħtija lilu b’dan il-mod.

100    Fil-punt 138 tas-sentenza A. K. et, kif ukoll fil-punt 125 tas-sentenza A. B. et, il-Qorti tal-Ġustizzja, madankollu, indikat li dan kien il-każ biss bil-kundizzjoni, b’mod partikolari, li l-imsemmi korp innifsu jkun suffiċjentement indipendenti mill-poteri leġiżlattivi u eżekuttivi u mill-awtorità li lilha huwa jkun imsejjaħ jissottometti tali proposta ta’ ħatra.

101    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bis-saħħa tal-Artikolu 179 tal-Kostituzzjoni, l-att li permezz tiegħu l-KRS jipproponi kandidat għall-ħatra f’pożizzjoni ta’ mħallef fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jikkostitwixxi kundizzjoni sine qua non sabiex tali kandidat ikun jista’ jinħatar għal tali pożizzjoni mill-President tar-Repubblika. Għalhekk jirriżulta li r-rwol tal-KRS f’dan il-proċess ta’ ħatra huwa determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza A. B. et, punt 126).

102    F’tali kuntest, il-grad ta’ indipendenza li minnu jgawdi l-KRS fir-rigward tal-poteri leġiżlattivi u eżekuttivi Pollakki fl-eżerċizzju tal-kompiti mogħtija lilu jista’ jkun rilevanti meta jiġi evalwat jekk l-imħallfin li huwa jagħżel ikunux huma stess f’pożizzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi A. K. et, punt 139, kif ukoll A. B. et, punt 127).

103    Ċertament, kif sostniet ir-Repubblika tal-Polonja, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ċ-ċirkustanza li korp, bħal kunsill nazzjonali tal-ġudikatura, involut fil-proċess ta’ ħatra tal-imħallfin ikun, b’mod predominanti, kompost minn membri magħżula mill-poter leġiżlattiv ma jistax, waħdu, iwassal biex tiġi ddubitata l-indipendenza tal-imħallfin maħtura fi tmiem l-imsemmi proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Lulju 2020, Land Hessen, C‑272/19, EU:C:2020:535, punti 55 u 56). Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod iktar partikolari, mis-sentenzi A. K. et u A. B. et, jirriżulta wkoll li jista’ jkun mod ieħor meta din l-istess ċirkustanza, flimkien ma’ elementi oħra rilevanti u mal-kundizzjonijiet li fihom saru dawn l-għażliet, iwasslu biex joħolqu tali dubji.

104    F’dan ir-rigward, jeħtieġ, l-ewwel, li jiġi rrilevat li, kif sostniet il-Kummissjoni, filwaqt li l-15‑il membru tal-KRS eletti minn fost l-imħallfin kienu, preċedentement, eletti mill-kollegi tagħhom, il-Liġi dwar il-KRS ġiet emendata reċentement, b’tali mod li, kif jirriżulta mill-Artikolu 9a tal-imsemmija liġi, dawn il-15‑il membru huma issa maħtura minn fergħa tal-poter leġiżlattiv Pollakk, bil-konsegwenza li 23 mill-25 membru li jikkostitwixxu l-KRS f’din il-kompożizzjoni l-ġdida ġew maħtura mill-poteri eżekuttivi u leġiżlattivi Pollakki jew huma membri tal-imsemmija poteri. Issa, tali emendi huma ta’ natura li joħolqu riskju, li sa dak iż-żmien kien assenti fil-kuntest tal-metodu ta’ elezzjoni preċedentement fis-seħħ, ta’ influwenza ikbar ta’ dawn il-poteri leġiżlattivi u eżekuttivi fuq il-KRS u ta’ preġudizzju għall-indipendenza ta’ dan il-korp.

105    It-tieni, u kif enfasizzat ukoll il-Kummissjoni, mill-Artikolu 6 tal-liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017 riprodott fil-punt 26 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-KRS hekk kompost ġdid inġieb fis-seħħ permezz ta’ tqassir tal-mandat pendenti, ta’ tul ta’ erba’ snin previst fl-Artikolu 187(3) tal-Kostituzzjoni, tal-membri li sa dak iż-żmien kienu jikkomponu dan il-korp.

106    It-tielet, għandu jiġi osservat li r-riforma leġiżlattiva li għalhekk kienet wara l-istabbiliment tal-KRS f’din il-kompożizzjoni l-ġdida saret konġuntament mal-adozzjoni tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema li għamlet riforma vasta tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li tinkludi, b’mod partikolari, il-ħolqien, fi ħdan l-imsemmija qorti, ta’ żewġ awli ġodda fosthom l-Awla Dixxiplinari, kif ukoll l-istabbiliment tad-dispożittiv, li sadanittant ġie deċiż li jmur kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u li riferiment għalih diġà sar fil-punt 90 ta’ din is-sentenza, li jipprevedi riduzzjoni tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u l-applikazzjoni ta’ din il-miżura għall-imħallfin li kienu fil-kariga f’din il-qorti.

107    Għalhekk, huwa paċifiku li t-terminazzjoni antiċipata tal-mandati ta’ wħud mill-membri tal-KRS li dak iż-żmien kienu fil-kariga u l-bidla tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tagħha seħħew f’kuntest fejn kien mistenni li kien hemm bosta pożizzjonijiet li kienu ser jimtlew fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), u b’mod partikolari tal-Awla Dixxiplinari, hekk kif diġà enfasizzat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 22 sa 27 tad-digriet tas‑17 ta’ Diċembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑619/18 R, EU:C:2018:1021), fil-punt 86 tas-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2019, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:531), kif ukoll fil-punt 134 tas-sentenza A. B. et.

108    Issa, għandu jiġi kkonstatat li l-elementi enfasizzati fil-punti 104 sa 107 ta’ din is-sentenza huma ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, f’dak li jirrigwarda l-indipendenza tal-KRS u r-rwol tiegħu fi proċess ta’ ħatra bħal dak li wassal għall-ħatra tal-membri tal-Awla Dixxiplinari.

109    Barra minn hekk, mill-punti 89 sa 94 ta’ din is-sentenza jirriżulta, minn naħa, li dan il-proċess ta’ ħatra japplika għall-kandidati għall-pożizzjoni ta’ membru ta’ awla ġudizzjarja li tkun għadha kif inħolqot sabiex tiddeċiedi, b’mod partikolari, dwar il-proċeduri dixxiplinari li jikkonċernaw l-imħallfin nazzjonali u dwar kwistjonijiet marbuta mar-riforma tad-dispożizzjonijiet relatati mas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li ċerti aspetti tagħhom diġà wasslu għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu min-naħa tar-Repubblika tal-Polonja fir-rigward tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u, min-naħa l-oħra, li din l-istanza hija msejħa biex tkun komposta esklużivament minn imħallfin ġodda li ma jpoġġux diġà fi ħdan is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), u li jiġu jibbenefikaw minn remunerazzjoni sinjifikattivament ogħla kif ukoll minn grad ta’ awtonomija organizzattiva, funzjonali u finanzjarja partikolarment elevat meta mqabbel mal-kundizzjonijiet prevalenti fl-awli ġudizzjarji l-oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

110    Dawn l-elementi, miġbura fil-kuntest ta’ analiżi globali li tinkludi r-rwol importanti li għandu l-ħatra tal-membri tal-Awla Dixxiplinari mill-KRS, jiġifieri, kif jirriżulta mill-punt 108 ta’ din is-sentenza, korp li l-indipendenza tas-setgħa politika tiegħu għandha tittieħed b’kawtela, huma ta’ natura li joħolqu dubji leġittimi, fi ħsieb il-partijiet f’kawża, fir-rigward tal-indipendenza u tal-imparzjalità tal-imsemmija awla dixxiplinari.

111    Fir-rigward tad-data relatata mal-ġurisprudenza tal-Awla Dixxiplinari msemmija fil-punti 71 u 78 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, minbarra l-fatt li l-istatistika inkwistjoni f’dan il-punt 71 tidher pjuttost li turi li l-Awla Dixxiplinari, fil-maġġoranza tal-każijiet fejn hija sabet ruħha adita b’rikors tal-Ministru għall-Ġustizzja kontra deċiżjoni mogħtija minn qorti dixxiplinari tal-ewwel grad, żammet jew aggravat ir-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin ikkonċernati, it-tieni lment tal-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, kif enfasizzat din tal-aħħar, ma tirrigwardax l-attività ġudizzjarja konkreta eżerċitata mill-Awla Dixxiplinari u mill-imħallfin li jikkomponu din tal-aħħar, iżda tirrigwarda effettivament l-assenza ta’ dehra ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità tagħha, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 86 ta’ din is-sentenza. Konsegwentement, la l-istatistika msemmija mir-Repubblika tal-Polonja fir-risposta u fil-kontroreplika tagħha, u lanqas, b’mod iktar ġenerali, il-madwar 2 300 paġna ta’ deċiżjonijiet attribwiti lill-Awla Dixxiplinari li tipproduċi r-Repubblika tal-Polonja insostenn ta’ din l-aħħar risposta billi sempliċement tafferma, b’mod ġenerali, li l-imsemmija deċiżjonijiet ma humiex ta’ natura li joħolqu dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imsemmija istanza, ma huma tali li jqiegħdu inkwistjoni l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

112    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha ddikjarati fil-punti 89 sa 110 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li, ikkunsidrati flimkien, il-kuntest partikolari u l-kundizzjonijiet oġġettivi li fihom inħolqot l-Awla Dixxiplinari, il-karatteristiċi tagħha kif ukoll il-mod kif inħatru l-membri tagħha, huma tali li joħolqu dubji leġittimi, fil-ħsieb tal-partijiet f’kawża, dwar l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fir-rigward ta’ elementi esterni, b’mod partikolari, ta’ influwenzi diretti jew indiretti tal-poteri leġiżlattivi u eżekuttivi Pollakki, u dwar in-newtralità tagħha fir-rigward tal-interessi inkwistjoni u, għalhekk, jistgħu jwasslu għal assenza ta’ dehra ta’ indipendenza jew ta’ imparzjalità tal-imsemmija istanza li tista’ tippreġudika l-fiduċja li l-ġustizzja għandha tispira lill-imsemmija partijiet f’kawża f’soċjetà demokratika u fi Stat tad-dritt. Tali żvilupp jikkostitwixxi rigressjoni fil-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza.

113    Minn dan isegwi, b’mod partikolari, li, billi ma tiggarantixxix l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari li hija mitluba tiddeċiedi, fl-ewwel istanza u fl-istadju ta’ appell, il-kawżi dixxiplinari li jikkonċernaw l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), u, skont il-każ, jew fi stadju ta’ appell, jew kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fi stadju ta’ appell, il-kawżi dixxiplinari li jikkonċernaw l-imħallfin tal-qrati tad-dritt ordinarji u billi, b’dan il-mod, tippreġudika l-indipendenza ta’ dawn l-imħallfin, u dan, barra minn hekk, bir-riżultat li jkun hemm rigressjoni fil-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt f’dan l-Istat Membru, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

114    Għalhekk, it-tieni motiv għandu jintlaqa’.

 Fuq l-ewwel ilment

–       L-argumenti tal-partijiet

115    Permezz tal-ewwel motiv tagħha li għandu jiġi eżaminat fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u l-Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema jiksru t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, sa fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali jippermettu, bi ksur tal-prinċipju ta’ indipendenza tal-imħallfin, li titqiegħed inkwistjoni r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin tal-qrati ordinarji Pollakki minħabba l-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tagħhom u, b’hekk, li jużaw is-sistema dixxiplinari applikabbli għalihom sabiex jeżerċitaw kontroll politiku fuq l-attività ġudizzjarja tagħhom.

116    Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jiddefinixxi r-reat dixxiplinari bħala li jinkludi, b’mod partikolari, il-każijiet ta’ “ksur manifest u flagranti tar-regoli tad-dritt”. Issa, tali formulazzjoni tawtorizza interpretazzjoni fis-sens li r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin testendi għall-eżerċizzju, min-naħa tagħhom, tal-funzjoni ġudizzjarja.

117    Dan huwa, barra minn hekk, dak li tikkonferma l-prassi interpretattiva reċentement żviluppata mill-Uffiċjal Dixxiplinari inkarigat mill-kawżi li jikkonċernaw lill-imħallfin sedenti fil-qrati ordinarji u l-viċi tiegħu (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“Uffiċjal Dixxiplinari”). Fil-fatt, l-Uffiċjal Dixxiplinari fetaħ b’mod partikolari investigazzjonijiet fir-rigward ta’ tliet imħallfin b’rabta mat-talbiet għal deċiżjoni preliminari li dawn kienu ressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi li taw lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234), kif ukoll id-digriet tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Prokuratura Rejonowa w Słubicach (C‑623/18, mhux ippubblikat, EU:C:2020:800), u ordna, permezz ta’ ittri tad‑29 ta’ Novembru 2018, lil kull wieħed minn dawn l-imħallfin, li jissottomettu dikjarazzjoni bil-miktub li jirrigwarda eċċess ġudizzjarju potenzjali marbut mall-imsemmija talbiet, qabel ma spjega. F’dan ir-rigward, f’ittra tal‑4 ta’ Jannar 2019, li huwa “kien iqis li kien dmir tiegħu li jeżamina jekk it-tressiq ta’ domandi preliminari, bi ksur tal-kundizzjonijiet iddefiniti b’mod ċar fid-dispożizzjoni tal-Artikolu 267 TFUE […] [kienx] tali li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari”.

118    Bl-istess mod, wara li s-Sąd Okręgowy w Warszawie (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, il-Polonja), fil-Kawżi magħquda C‑748/19 sa C‑754/19, ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talbiet għal deċiżjoni preliminari dwar ir-rekwiżiti ta’ indipendenza tal-kulleġġ ġudikanti li fih ikun sedenti mħallef ikkollokat ma’ din il-qorti fuq deċiżjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja, l-Uffiċjal Dixxiplinari kien informa, permezz ta’ komunikazzjoni tat‑3 ta’ Settembru 2019, li kienu ttieħdu miżuri istruttorji sabiex jiġi ddeterminat jekk l-aġir tal-imħallef li jippresjedi l-imsemmi kulleġġ u li fformula l-imsemmija domandi setax jikkostitwixxi ksur dixxiplinari.

119    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema jawtorizza lis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), inkluż lill-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi tagħha meta tiġi adita b’rikors straordinarju, tindirizza “konstatazzjoni ta’ żball” lill-qorti kkonċernata fil-każ ta’ “ksur manifest tar-regoli”, kif ukoll li tadixxi, f’dan il-każ, lill-Awla Dixxiplinari b’talba għal eżami dixxiplinari li tirrigwarda lill-imħallfin ikkonċernati, konformement mal-Artikolu 110(1)(b) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji. Issa, il-kunċett ta’ “ksur manifest tar-regoli” jawtorizza, min-naħa tiegħu, interpretazzjoni fis-sens li r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin testendi għall-eżerċizzju, minnhom, tal-funzjoni ġudizzjarja.

120    Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li d-definizzjoni tal-ksur dixxiplinari li tinsab fl-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji ma hijiex ta’ natura li tippermetti stħarriġ politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni restrittiva stabbilita sew dwar din id-dispożizzjoni min-naħa tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Fil-fatt, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-imsemmija qorti jirriżulta li ksur dixxiplinari ma jistax jirriżulta minn żball komuni ta’ interpretazzjoni jew ta’ applikazzjoni tar-regola tad-dritt li tirriżulta minn deċiżjoni ġudizzjarja, iżda, biss, minn ksur “manifest u flagranti” tar-regoli tad-dritt, jiġifieri, bħala prinċipju, ksur ta’ regoli ta’ natura proċedurali u mhux direttament ikkorrelatati mad-deċiżjoni nnifisha, li jista’ jiġi kkonstatat mill-ewwel minn kulħadd u li pproduċa effetti negattivi sinjifikattivi li jippreġudikaw l-interessi tal-partijiet, lil partijiet oħra fil-kawża jew lill-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

121    Issa, skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-fatt li jiġi identifikat ksur dixxiplinari ta’ tali aġir billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-mala fide jew injoranza profonda min-naħa ta’ mħallef huwa ġġustifikat, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-partijiet fil-kawża u sabiex tinżamm l-immaġni ta’ ekwità inerenti għas-setgħa ġudizzjarja. Limitata għal każijiet ta’ dan it-tip, il-perspettiva ta’ proċeduri dixxiplinari eventwali ma hijiex tali li taffettwa l-indipendenza tal-ġudikatura.

122    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi biżgħa li d-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni differenti minn dik adottata b’mod kostanti mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma hijiex konnessa mar-realtà u hija purament ipotetika. Fir-rigward tal-Uffiċjal Dixxiplinari, dan jikkostitwixxi biss korp investigattiv u ta’ prosekuzzjoni li l-evalwazzjonijiet tiegħu ma jorbtux lill-qrati dixxiplinari.

123    Skont ir-Repubblika tal-Polonja, l-istess kunsiderazzjonijiet għandhom jipprevalu fir-rigward tal-Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema.

124    Fir-replika tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Polonja ma jqiegħdux inkwistjoni l-konklużjoni li l-kunċetti msemmija fil-punti 116 u 119 ta’ din is-sentenza jistgħu jiġu interpretati bħala li jirreferu għall-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif barra minn hekk ikomplu jixhdu l-proċeduri dixxiplinari mibdija wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors.

125    B’hekk, fis‑6 ta’ Diċembru 2019, l-Uffiċjal Dixxiplinari fetaħ tali proċedura kontra l-imħallef li jissemma fil-punt 118 ta’ din is-sentenza, billi indika, fi stqarrija, li, fil-fehma tiegħu, din l-imħallef, “billi marret lil hinn mid-deliberazzjoni tal-kulleġġ ġudikanti, ippreżentat il-pożizzjoni personali tagħha dwar l-eżistenza ta’ raġunijiet supplimentari għall-posponiment tas-seduta u kkontestat pubblikament lill-imsemmi kulleġġ ġudikanti, stabbilit konformement mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ sabiex jieħu konjizzjoni ta’ din il-kawża, billi qiegħdet inkwistjoni l-imparzjalità u l-indipendenza tal-imħallef ikkonċernat, membru tal-kulleġġ ġudikanti, u billi rrifjutatlu d-dritt li jpoġġi fi ħdanu” u li, barra minn hekk, hija “marret lil hinn mis-setgħat tagħha billi waqt l-aġġornament tal-proċedura fl-appell adottat illegalment u mingħajr ma tikkonsulta ż-żewġ membri l-oħra tal-kulleġġ ġudikanti debitament maħtura, id-digriet ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari”.

126    Min-naħa tagħha, l-Awla Dixxiplinari, istanza li minnha issa tiddependi għal kollox l-interpretazzjoni tal-kunċetti msemmija fil-punti 116 u 119 ta’ din is-sentenza, kif jirriżulta minn deċiżjoni tal‑4 ta’ Frar 2020 (II DO 1/20) li tipproduċi l-Kummissjoni, issospendiet mill-funzjonijiet tagħha lil imħallef tas-Sąd Rejonowy w Olsztynie (il-Qorti Distrettwali ta’ Olsztyn, il-Polonja) li kontra tiegħu kienu nbdew proċeduri dixxiplinari, minħabba, b’mod partikolari u kif jirriżulta minn stqarrija ppubblikata fid‑29 ta’ Novembru 2019 mill-Uffiċjal Dixxiplinari, li, waqt l-eżami ta’ appell, l-azzjoni ta’ dan l-imħallef “kienet wasslet għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni mingħajr bażi legali” billi intima lis-Sejm (il-Parlament) tipproduċi l-listi taċ-ċittadini u tal-imħallfin li sostnew kandidaturi għall-pożizzjonijiet ta’ membri tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu.

127    Fil-motivi tal-imsemmija deċiżjoni, l-Awla Dixxiplinari ddeċidiet b’mod partikolari li, “jekk, fid-dawl tat-tip ta’ att imwettaq mill-Imħallef, l-awtorità tal-qorti jew l-interessi essenzjali tas-servizz jirrikjedu li dan jiġi immedjatament irrilevat mill-obbligi tiegħu ta’ servizz, il-President tal-qorti jew il-Ministru għall-Ġustizzja jistgħu immedjatament jissospendu l-attivitajiet tal-imħallef sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-qorti dixxiplinari meħuda f’terminu ta’ inqas minn xahar. Tnejn mill-kundizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq (l-awtorità tal-qorti u l-interessi essenzjali tas-servizz) japplikaw f’dan il-każ, b’rabta mal-aġir tal-qorti fil-forma ta’ ksur manifest u flagranti tar-regoli tad-dritt u ta’ preġudizzju għad-dinjità tal-funzjoni fis-sens tal-Artikolu 107(1) tal-[Liġi dwar il-Qrati Ordinarji]”. F’din l-istess deċiżjoni, l-Awla Dixxiplinari affermat wkoll li “ma jeżistux dubji dwar il-fatt innifsu tal-illegalità tad-deċiżjoni ġudizzjarja. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma tipprovdix, fil-fatt, bażi għall-indħil fuq il-prerogattivi tal-Kap tal-Istat u għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, mill-imħallfin, fuq il-kwistjoni ta’ min huwa mħallef u min ma huwiex imħallef”.

128    Fl-aħħar, b’riferiment għall-proċeduri dixxiplinari msemmija fil-punti 125 u 126 ta’ din is-sentenza, kif ukoll għal proċeduri dixxiplinari oħra miftuħa fir-rigward ta’ mħallfin minħabba l-fatt li qiegħdu f’dubju l-validità tal-ħatra ta’ ċerti mħallfin li għalihom isir riferiment fiż-żewġ stqarrijiet tal-Uffiċjal Dixxiplinari tal‑15 ta’ Diċembru 2019 u tal‑14 ta’ Frar 2020 li tipproduċi l-Kummissjoni, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għamlet riferiment, fir-riżoluzzjoni tagħha tat‑23 ta’ Jannar 2020, imsemmija fil-punt 74 ta’ din is-sentenza, għall-“fatt li korp politiku, bħalma huwa l-Ministru għall-Ġustizzja, iwettaq, permezz ta’ uffiċjali dixxiplinari maħtura minnu, atti ta’ natura repressiva kontra mħallfin li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji bil-għan li jikkjarifikaw dubji fir-rigward tal-modalitajiet ta’ organizzazzjoni tal-kompetizzjoni ta’ reklutaġġ ta’ mħallfin”.

129    Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li d-deċiżjonijiet tal-Uffiċjal Dixxiplinari u dik tal-Awla Dixxiplinari li ssemmi l-Kummissjoni fir-replika tagħha huma irrilevanti peress li l-ilment ifformulat mill-Kummissjoni jikkonċerna l-kompatibbiltà astratta ta’ definizzjonijiet legali tal-ksur dixxiplinari mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u mhux ksur tad-dritt tal-Unjoni li jirriżulta minn azzjonijiet iddeterminati mill-korpi tal-Istat. Barra minn hekk, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrigwarda s-sitwazzjoni li tipprevali fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata. Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni msemmija fil-punt 125 ta’ din is-sentenza tirrigwarda l-fatt li mħallef ikun mar lil hinn mis-setgħat tiegħu billi ddeċieda waħdu li jsir rinviju għal deċiżjoni preliminari f’kawżi li kellhom jiġu deċiżi minn tliet imħallfin, filwaqt li d-deċiżjoni tal-Awla Dixxiplinari lanqas ma kienet tirrigwarda proċedura ddeċida motivata minn ksur manifest u flagranti tar-regoli tad-dritt, iżda minn suspett ta’ reat ta’ abbuż ta’ poter u ta’ preġudizzju għad-dinjità tal-funzjoni u tikkostitwixxi, barra minn hekk, miżura provviżorja.

130    L-Istati Membri kollha li intervjenew insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni jqisu li d-dispożizzjonijiet nazzjonali kkritikati fil-kuntest ta’ dan l-ilment jistgħu jkollhom effett dissważiv fir-rigward tal-qrati tal-qrati ordinarji fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħhom u li dawn għalhekk jippreġudikaw ir-rekwiżit ta’ indipendenza tagħhom li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

131    Ir-Renju tad-Danimarka huwa tal-opinjoni li, għalkemm l-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji ma jmurx kontra l-prinċipju tal-indipendenza tal-imħallfin b’ħarsa lejn il-kliem tiegħu biss, il-formulazzjoni vaga ta’ din id-dispożizzjoni tagħti madankollu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-awtorità dixxiplinari għall-finijiet tal-konstatazzjoni ta’ reat dixxiplinari. Issa, flimkien mal-kompożizzjoni problematika tal-korpi inkarigati mill-applikazzjoni tagħha, u, b’mod partikolari, tal-Awla Dixxiplinari, kif ukoll il-mod kif hija interpretata u applikata fil-prattika, din id-dispożizzjoni nazzjonali toħloq riskju ta’ użu tas-sistema dixxiplinari bħala mezz ta’ pressjoni fuq l-imħallfin u ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. L-istess japplika f’dak li jirrigwarda d-definizzjoni tal-ksur li tinsab fl-Artikolu 97(1) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema, b’mod partikolari fid-dawl tal-fakultà, ftit li xejn komprensibbli skont dan l-Istat Membru, għall-Awla ta’ Kontroll Straordinarju u tal-Affarijiet Pubbliċi, li tibda, ex officio, proċedura dixxiplinari minħabba żbalji fil-kontenut tad-deċiżjonijiet li hija teżamina.

132    Min-naħa tagħha, ir-Repubblika tal-Finlandja ssostni li minn diversi sorsi indipendenti u affidabbli kif ukoll minn elementi msemmija fis-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234), jirriżulta li effettivament intużat il-possibbiltà li jinbdew proċeduri dixxiplinari kontra mħallfin minħabba l-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tagħhom.

133    Fir-risposta tagħha għan-noti ta’ intervent, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li d-definizzjonijiet tal-ksur dixxiplinari li jinsabu fil-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stati Membri ma humiex inqas wesgħin minn dawk li jinsabu fl-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji. Ir-riferimenti għal kunċetti ġenerali huma kemm frekwenti kif ukoll inevitabbli f’dan il-qasam u ma tistax issir evalwazzjoni negattiva tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati billi jiġu injorati l-kontenut, l-għan u l-applikazzjoni prattika mill-qrati dixxiplinari nazzjonali.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

134    Kif jirriżulta mill-punt 61 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità li jirriżulta, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li għandhom jissodisfaw il-qrati nazzjonali li, bħall-qrati ordinarji Pollakki, jistgħu jkollhom jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni, jimponi, sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ użu tas-sistema dixxiplinari applikabbli għal dawk li għandhom il-kompitu li jiddeċiedu bħala sistema ta’ stħarriġ politiku dwar il-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, li tali sistema tinvolvi, b’mod partikolari, regoli li jiddefinixxu l-aġir li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari.

135    Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi jiddefinixxu l-aġir li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari fil-konfront tal-imħallfin tal-qrati ordinarji bħala li jkopri, rispettivament, kull “ksur manifest u flagranti tar-regoli tad-dritt” u kull “żball” li jinvolvi “ksur manifest tar-regoli”, l-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u l-Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema jippermettu tali stħarriġ politiku, kif jixhdu, wara kollox, il-każijiet konkreti ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet li għalihom għamlet riferiment l-imsemmija istituzzjoni.

136    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, qabel kollox, li s-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin ċertament taqa’ taħt l-organizzazzjoni tal-ġustizzja u, għaldaqstant, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u li l-possibbiltà għall-awtoritajiet ta’ Stat Membru li jqiegħdu inkwistjoni r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin tista’, b’mod partikolari u skont l-għażla tal-Istati Membri, tikkostitwixxi element li jippermetti li jsir kontribut għar-responsabbiltà u l-effikaċja tas-sistema ġudizzjarja. Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 56, 57 u 61 ta’ din is-sentenza, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni billi jiżguraw b’mod partikolari l-indipendenza tal-qrati mitluba jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni ta’ dan id-dritt, sabiex jiżguraw lill-partijiet f’kawża l-protezzjoni ġudizzjarja effettiva meħtieġa mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE (ara, b’analoġija, is-sentenza Asociaţia “Forumul judecătorilor din România” et, punti 229 u 230).

137    F’dan il-kuntest, is-salvagwardja ta’ din l-indipendenza ma tistax, b’mod partikolari, ikollha bħala konsegwenza li teskludi totalment li tista’ tirriżulta r-responsabbiltà dixxiplinari ta’ mħallef, f’ċerti każijiet għalkollox eċċezzjonali, minħabba deċiżjonijiet ġudizzjarji adottati minnu. Fil-fatt, tali rekwiżit ta’ indipendenza ma huwiex intiż, evidentement, biex jikkawża aġir gravi u totalment mhux skużabbli min-naħa ta’ mħallfin, li jkun jikkonsisti, pereżempju, f’li jiġu injorati deliberatament u in mala fide jew minħabba negliġenzi partikolarment gravi u għolja r-regoli tad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni li tagħhom huma mistennija jiżguraw l-osservanza, jew li jimxu b’mod arbitrarju jew b’mod li tiġi miċħuda l-ġustizzja meta dawn, bħala depożitarji tal-funzjoni ta’ ġudikanti, jintalbu jiddeċiedu dwar tilwim li jitressaq quddiemhom minn partijiet f’kawża.

138    Min-naħa l-oħra, jidher essenzjali, sabiex tiġi ppreżervata din l-istess indipendenza u sabiex jiġi evitat li s-sistema dixxiplinari tkun tista’ tiġi ddevjata mill-għanijiet leġittimi tagħha u użata għal finijiet ta’ kontroll politiku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jew ta’ pressjoni fuq l-imħallfin, li l-fatt li deċiżjoni ġudizzjarja jkun fiha żball eventwali fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt nazzjonali u tal-Unjoni, jew fl-evalwazzjoni tal-fatti u fl-evalwazzjoni tal-provi, ma jistax, waħdu, iwassal sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallef ikkonċernat (ara, b’analoġija, is-sentenza Asociaţia “Forumul judecătorilor din România” et, punt 234).

139    Konsegwentement, jeħtieġ li t-tqegħid inkwistjoni tar-responsabbiltà dixxiplinari ta’ mħallef minħabba deċiżjoni ġudizzjarja jkun limitat għal każijiet għalkollox eċċezzjonali bħal dawk imsemmija fil-punt 137 ta’ din is-sentenza u rregolat, f’dan ir-rigward, minn kriterji oġġettivi u verifikabbli li jimxu ma’ rekwiżiti imperattivi bbażati fuq l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja kif ukoll minn garanziji intiżi li jevitaw kull riskju ta’ pressjoni esterna fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji u li b’hekk jippermettu li jiġi eskluż, fi ħsieb il-partijiet f’kawża, kull dubju leġittimu dwar l-impermeabbiltà tal-imħallfin ikkonċernati u dwar in-newtralità tagħhom b’rabta mal-interessi inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Asociaţia “Forumul judecătorilor din România” et, punt 233).

140    Għal dan il-għan, huwa essenzjali li, b’mod partikolari, ikunu previsti regoli li jiddefinixxu b’mod ċar u preċiż biżżejjed l-aġir li jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin, sabiex tiġi ggarantita l-indipendenza inerenti għall-missjoni tagħhom u sabiex jiġi evitat li dawn ikunu esposti għar-riskju li r-responsabbiltà dixxiplinari tagħhom tkun tista’ tiġi stabbilita sempliċement minħabba d-deċiżjoni tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza Asociaţia “Forumul judecătorilor din România” et, punt 234).

141    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tas-sempliċi formulazzjoni tagħhom, l-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u l-Artikolu 97(1) u(3) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni stabbiliti fil-punt 140 ta’ din is-sentenza. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-espressjonijiet “ksur manifest u flagranti tal-liġi” u “konstatazzjoni ta’ żball” li jinvolvu “ksur manifest tal-liġi”, li għalihom jirrikorru rispettivament l-imsemmija dispożizzjonijiet ma humiex tali li jeskludu li r-responsabbiltà tal-imħallfin tista’ tiġi stabbilita biss fuq il-bażi tal-kontenut allegatament “żbaljat” tad-deċiżjonijiet tagħhom, filwaqt li jiżguraw li din ir-responsabbiltà tkun dejjem strettament limitata għal ipoteżijiet għalkollox eċċezzjonali, bħal dawk imsemmija fil-punt 137 ta’ din is-sentenza.

142    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-portata tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali li huma s-suġġett ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha, bħala regola ġenerali, tiġi evalwata fid-dawl tal-interpretazzjoni mogħtija lilhom mill-qrati nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑490/04, EU:C:2007:430, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas‑16 ta’ Settembru 2015, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja, C‑433/13, EU:C:2015:602, punt 81).

143    F’dan ir-rigward, huwa minnu li r-Repubblika tal-Polonja semmiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod iddettaljat, għall-ġurisprudenza żviluppata, għal diversi snin, mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fir-rigward tad-diversi elementi li jikkostitwixxu l-kunċett ta’ “ksur manifest u flagranti tal-liġi”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji. Issa, il-ġurisprudenza nazzjonali deskritta u li l-eżistenza u l-kontenut tagħha ma ġewx ikkontestati mill-Kummissjoni tidher li effettivament adottat, fir-rigward tal-imsemmi kunċett, interpretazzjoni partikolarment restrittiva, li tirrifletti intenzjoni manifesta li tiġi ppreżervata l-indipendenza tal-imħallfin.

144    Madankollu, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li ż-żewġ dispożizzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan l-ilment jużaw formoli parzjalment distinti, peress li l-Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema, fil-fatt, jirrigwarda biss il-ksur “manifest” tal-liġi. Issa, l-ommissjoni, f’din id-dispożizzjoni l-ġdida, tal-preċiżazzjoni dwar in-natura “flagranti” tal-ksur tar-regoli tad-dritt inkluża, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, preċiżazzjoni b’mod partikolari meħuda inkunsiderazzjoni fil-ġurisprudenza stabbilita tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) imsemmija fil-punt 143 ta’ din is-sentenza, hija ta’ natura li toħloq dubji fir-rigward tal-portati rispettivi tal-imsemmija dispożizzjonijiet. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li, fuq il-bażi tal-imsemmi Artikolu 97(1) u (3), l-awla kkonċernata tista’, meta twettaq “konstatazzjoni ta’ żball” fir-rigward ta’ mħallef li tiegħu hija teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni u li hija tqis, f’dan il-kuntest, li l-imsemmi “żball” jimplika “ksur manifest tal-liġi”, titlob direttament li jsir eżami ta’ kawża dixxiplinari kontra dan l-imħallef quddiem l-Awla Dixxiplinari, tista’ tinftiehem li timplika li r-responsabbiltà tal-imħallfin tista’ tirriżulta fuq is-sempliċi bażi tal-kontenut allegatament “żbaljat” tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tagħhom f’każijiet mhux limitati għall-ipoteżijiet għalkollox eċċezzjonali msemmija fil-punt 137 ta’ din is-sentenza.

145    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjonijiet tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) dwar l-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji msemmija mir-Repubblika tal-Polonja ma ġewx adottati mill-Awla Dixxiplinari attwali tal-imsemmija qorti iżda mill-awla tagħha li kellha kompetenza qabel ir-riforma.

146    Barra minn hekk, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li, kif jirriżulta mill-punt 61 ta’ din is-sentenza, sabiex jiġi żgurat li t-tqegħid inkwistjoni tar-responsabbiltà dixxiplinari tal-imħallfin ikun irregolat minn garanziji intiżi li jevitaw kwalunkwe riskju ta’ pressjoni esterna fuq il-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, ir-regoli li jiddefinixxu l-aġir li jikkostitwixxi ksur fil-kuntest tas-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin għandhom jinftiehmu flimkien mar-regoli l-oħra li jikkaratterizzaw tali sistema u b’mod partikolari ma’ dawk li għandhom jipprevedu li d-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest tal-proċeduri dixxiplinari mressqa kontra l-imħallfin jittieħdu jew jiġu mistħarrġa minn qorti indipendenti u imparzjali.

147    F’dan il-każ, u kif jirriżulta mill-motivi li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-tieni lment invokat mill-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha, l-Awla Dixxiplinari reċentement imwaqqfa bil-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema u li lilha ġiet fdata l-kompetenza sabiex tieħu konjizzjoni, skont il-każ, jew tat-tieni istanza ta’ ġurisdizzjoni, jew tal-ewwel u t-tieni istanza ta’ ġurisdizzjoni, tal-kawżi dixxiplinari li jikkonċernaw l-imħallfin tal-qrati ordinarji, ma tissodisfax dan ir-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità.

148    Għaldaqstant, tali ċirkustanza hija, min-naħa tagħha, ta’ natura li ssaħħaħ ir-riskju li dispożizzjonijiet bħall-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u l-Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema, li jiddefinixxu l-ksur dixxiplinari f’termini li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni ddikjarati fil-punt 140 ta’ din is-sentenza u li ma jiżgurawx li t-tqegħid inkwistjoni tar-responsabbiltà tal-imħallfin minħabba d-deċiżjonijiet tagħhom ikun strettament limitat għall-ipoteżijiet imsemmija fil-punt 137 ta’ din is-sentenza, ikunu suġġetti għal interpretazzjoni li tippermetti għalhekk li s-sistema dixxiplinari tintuża bil-għan li jiġu influwenzati d-deċiżjonijiet ġudizzjarji.

149    L-eżistenza tar-riskju li s-sistema dixxiplinari effettivament tintuża bil-għan li jiġu influwenzati d-deċiżjonijiet ġudizzjarji hija barra minn hekk ikkonfermata mid-deċiżjoni tal-Awla Dixxiplinari tal‑4 ta’ Frar 2020 imsemmija fil-punti 126 u 127 ta’ din is-sentenza.

150    F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li din id-deċiżjoni tal-Awla Dixxiplinari ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat fil-konfront ta’ dan l-Istat Membru, minħabba li dan in-nuqqas għandu, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, jiġi evalwat fid-data li fiha skada t-terminu mogħti fl-opinjoni motivata. Fil-fatt, kif sostniet ġustament il-Kummissjoni waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din id-deċiżjoni tal-Awla Dixxiplinari tikkostitwixxi biss prova prodotta wara l-ħruġ tal-opinjoni motivata intiża li turi l-ilment imsemmi kemm f’din l-opinjoni motivata kif ukoll fil-kuntest ta’ dan ir-rikors dwar ir-riskju li, fil-kuntest li jirriżulta mir-riformi normattivi li seħħew reċentement fil-Polonja, is-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin tal-qrati ordinarji Pollakki tkun tista’ tintuża bil-għan li tinfluwenza l-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Issa, kif diġà rrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ prova li seħħet wara l-ħruġ tal-opinjoni motivata ma jikkostitwixxix bidla fis-suġġett tal-kawża kif jirriżulta mill-imsemmija opinjoni motivata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2002, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑139/00, EU:C:2002:438, punt 21).

151    Mill-imsemmija deċiżjoni tal-Awla Dixxiplinari jirriżulta li ksur dixxiplinari jista’, bħala prinċipju, jiġi attribwit lil imħallef fuq il-bażi tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji minħabba l-fatt li ordna lis-Sejm (il-Parlament), bi ksur allegatament flagranti u manifest tal-liġi, jipproduċi dokumenti relatati mal-proċess ta’ ħatra tal-membri tal-KRS fil-kompożizzjoni l-ġdida tiegħu.

152    Tali interpretazzjoni wiesgħa tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji titbiegħed mill-interpretazzjoni partikolarment restrittiva ta’ din id-dispożizzjoni adottata mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kif imsemmija fil-punt 143 ta’ din is-sentenza u għalhekk tirrifletti, fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat, rigressjoni fil-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt.

153    Għandu jingħad ukoll li meta leġiżlazzjoni nazzjonali tkun is-suġġett ta’ interpretazzjonijiet ġudizzjarji diverġenti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, fejn uħud iwasslu għal applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni li tkun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni filwaqt li oħrajn iwasslu għal applikazzjoni inkompatibbli ma’ dan id-dritt, hemm lok li jiġi kkonstatat li, minimament, tali liġi ma hijiex biżżejjed ċara u preċiża biex tiżgura applikazzjoni kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2003 Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑129/00, EU:C:2003:656, punt 33).

154    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni semmiet diversi każijiet konkreti reċenti li fihom l-Uffiċjal Dixxiplinari, fil-kuntest tas-sistema dixxiplinari l-ġdida stabbilita mil-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, ta bidu għal investigazzjonijiet dixxiplinari fir-rigward ta’ mħallfin minħabba l-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji adottati minnhom, mingħajr ma jidher li l-imħallfin ikkonċernati wettqu nuqqasijiet fid-dmirijiet tagħhom bħalma huma dawk imsemmija fil-punt 137 ta’ din is-sentenza. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, b’mod iktar partikolari, li proċeduri dixxiplinari nbdew b’mod partikolari minħabba deċiżjonijiet ġudizzjarji li permezz tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ġiet adita b’talbiet għal deċiżjoni preliminari intiżi li jiżguraw ruħhom bil-konformità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-Istat tad-dritt u mal-indipendenza tal-imħallfin.

155    Anki jekk ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-ilmenti mressqa mill-Uffiċjal Dixxiplinari fl-imsemmija każijiet ma jirrigwardawx ksur manifest u flagranti tar-regoli tal-liġi, fis-sens tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, iżda jirrigwardaw iċ-ċirkustanza li l-imħallfin ikkonċernati marru lil hinn mill-kompetenza tagħhom jew li ppreġudikaw il-funzjoni ta’ mħallef, xorta jibqa’ l-fatt li dawn l-ilmenti jinvolvu rabta diretta mal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda mill-imsemmija imħallfin.

156    Issa, is-sempliċi perspettiva ta’ ftuħ ta’ tali investigazzjonijiet dixxiplinari tista’, bħala tali, teżerċita pressjoni fuq dawk li għandhom il-kompitu li jiddeċiedu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Asociaţia “Forumul Judecătorilor din România” et, punt 199).

157    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li ġie stabbilit li, fil-kuntest partikolari li jirriżulta mir-riformi reċenti li affettwaw is-setgħa ġudizzjarja Pollakka u s-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin tal-qrati ordinarji, u, b’mod partikolari, fid-dawl taċ-ċirkustanza li l-indipendenza u l-imparzjalità tal-istanza ġudizzjarja kompetenti biex tiddeċiedi dwar il-proċeduri dixxiplinari li jikkonċernawhom ma humiex iggarantiti, id-definizzjonijiet tal-ksur dixxiplinari li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u dawk tal-Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema ma jippermettux li jiġi evitat li l-imsemmija sistema dixxiplinari tintuża bil-għan li tiġġenera, fir-rigward ta’ dawn l-imħallfin li jissejħu jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni, pressjonijiet u effett dissważiv li jistgħu jinfluwenzaw il-kontenut tad-deċiżjonijiet tagħhom. Għaldaqstant l-imsemmija dispożizzjonijiet jippreġudikaw l-indipendenza ta’ dawn l-imħallfin, u barra minn hekk, bir-riżultat li jkun hemm rigressjoni fil-protezzjoni tal-valur tal-Istat tad-dritt fil-Polonja, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, bi ksur tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

158    Minn dan isegwi li l-ewwel ilment għandu jintlaqa’.

 Fuq it-tielet ilment

–       L-argumenti tal-partijiet

159    Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Artikolu 110(3) u l-Artikolu 114(7) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji ma jissodisfawx ir-rekwiżit li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li l-kawżi dixxiplinari li jikkonċernaw lill-imħallfin tal-qrati ordinarji għandhom ikunu jistgħu jiġu eżaminati minn qorti “stabbilita mil-liġi”, peress li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jagħtu lill-President tal-Awla Dixxiplinari s-setgħa diskrezzjonali li jaħtar il-qorti dixxiplinari li territorjalment għandha kompetenza biex tieħu konjizzjoni ta’ tali kawżi.

160    Il-Kummissjoni tqis, f’dan ir-rigward, li, fl-assenza, b’mod partikolari, tal-kriterji kollha previsti mil-liġi sabiex jiġi rregolat l-eżerċizzju tal-imsemmija setgħa, din tista’ tintuża biex kawża tiġi attribwita lil qorti dixxiplinari speċifika, u, konsegwentement, tal-inqas, tiġi pperċepita bħala mezz li jippermetti l-użu tas-sistema dixxiplinari għal finijiet ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Barra minn hekk, tali riskju huwa f’dan il-każ aggravat mill-fatt li l-Awla Dixxiplinari ma hijiex korp indipendenti u imparzjali.

161    Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li mill-punt 1(a) tal-Artikolu 110(1) u mill-Artikolu 110a(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jirriżulta li l-kawżi dixxiplinari jaqgħu taħt il-kompetenza tal-ħdax-il qorti dixxiplinari stabbiliti fi ħdan il-qrati tal-appell u li l-membri tagħhom jinħatru, permezz ta’ opinjoni tal-KRS, mill-Ministru għall-Ġustizzja, minn fost l-imħallfin tal-qrati ordinarji, u jpoġġu, f’kompożizzjoni permanenti, għal perijodu ta’ sitt snin. Minn dan isegwi li l-imsemmija qrati huma effettivament stabbiliti mil-liġi.

162    Min-naħa tiegħu, il-President tal-Awla Dixxiplinari sempliċement jaħtar wieħed minn dawn il-qrati dixxiplinari, billi jieħu inkunsiderazzjoni fatturi bħall-ekonomija tal-ġudizzju, il-livell tal-piż tax-xogħol tal-imsemmija qrati, id-distanza, kif ukoll ir-rabtiet eventwali bejn il-partijiet fil-proċedura u l-imsemmija qrati. L-iffissar tal-imsemmija kriterji fil-liġi ma jservi ebda għan identifikabbli, b’mod partikolari f’termini ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-imħallef li kontrih jinfetħu proċeduri jew tal-interess tal-ġustizzja, sa fejn il-qrati dixxiplinari kollha li jistgħu jinħatru jkollhom l-istess garanziji ta’ kompetenza u ta’ indipendenza.

163    Huwa preċiżament sabiex tiġi ggarantita l-imparzjalità tal-imsemmija qrati dixxiplinari li ġiet stabbilita s-soluzzjoni li tikkonsisti f’li tiġi magħżula, bħala li territorjalment għandha kompetenza, qorti tal-appell li tinsab f’ġurisdizzjoni territorjali differenti minn dik li fiha jinsab l-imħallef ikkonċernat. Barra minn hekk, peress li l-membri tal-qorti dixxiplinari msejħa biex ipoġġu fi ħdanha jinħatru permezz ta’ tlugħ bix-xorti minn fost l-imħallfin kollha ta’ din il-qorti, l-allegazzjoni li s-setgħa ta’ ħatra tal-qorti dixxiplinari li territorjalment għandha kompetenza biex tieħu konjizzjoni tal-kawża tgħaddi mir-riskju li tintuża għal finijiet ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji hija infondata.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

164    Kif tfakkar fil-punti 61 u 80 ta’ din is-sentenza, ir-rekwiżit ta’ indipendenza li jirriżulta, b’mod partikolari, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li għandhom jissodisfaw il-qrati nazzjonali li, bħall-qrati ordinarji Pollakki, jistgħu jkollhom jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni, jimponi li r-regoli li jiggvernaw is-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin li jifformaw dawn il-qrati jipprevedu, b’mod partikolari, l-intervent ta’ istanzi li jissodisfaw huma stess il-garanziji inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva konformement ma’ proċedura li tiggarantixxi b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta.

165    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li sa fejn il-Karta tiddikjara drittijiet li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa maħsub li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet li jinsabu fiha u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, mingħajr ma dan jippreġudika l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni. Skont l-iSpjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007, C 303, p. 17), it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB u l-Artikolu 48 tal-Karta huwa l-istess bħall-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għalhekk, tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6 tal-KEDB, kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Gambino u Hyka, C‑38/18, EU:C:2019:628, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

166    Skont l-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġonevoli minn “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”.

167    Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, il-garanziji ta’ aċċess għal qorti indipendenti, imparzjali u stabbilit minn qabel mil-liġi, u b’mod partikolari dawk li jiddeterminaw il-kunċett kif ukoll il-kompożizzjoni tagħha, jirrappreżentaw il-pedament tad-dritt għal smigħ xieraq. Il-verifika tar-rekwiżit li istanza, bil-kompożizzjoni tagħha, tikkostitwixxi tali qorti hija neċessarja b’mod partikolari għall-kunfidenza li l-qrati ta’ soċjetà demokratika għandhom jispiraw fi ħdan il-parti f’kawża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Eżami mill-ġdid Simpson vs Il‑Kunsill, u HG vs Il‑Kummissjoni, C‑542/18 RX‑II u C‑543/18 RX‑II, EU:C:2020:232, punt 57).

168    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-espressjoni “mwaqqaf b’liġi” li tinsab fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB ma tikkonċernax biss il-bażi legali tal-eżistenza nnifisha tal-qorti, iżda wkoll il-kompożizzjoni ġudikanti f’kull kawża. L-imsemmija espressjoni għandha l-għan li tevita li l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja titħalla għad-diskrezzjoni tal-eżekuttiv u li tiżgura li dan il-qasam ikun irregolat minn liġi. Barra minn hekk, f’pajjiżi rregolati mid-dritt ikkodifikat, l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja lanqas ma tista’ titħalla għad-diskrezzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji, li madankollu ma jeskludix li tiġi rrikonoxxuta lilhom ċerta setgħa ta’ interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali f’dan il-qasam. Wara kollox, id-delega ta’ poteri fi kwistjonijiet li jirrigwardaw l-organizzazzjoni ġudizzjarja hija aċċettabbli sa fejn din il-possibbiltà tidħol fil-kuntest tad-dritt intern tal-Istat inkwistjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-kostituzzjoni tagħha (ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, 28 ta’ April 2009, Savino et vs L‑Italja, CE:ECHR:2009:0428JUD001721405, punti 94 u 95 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

169    Fil-kawża preżenti, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 110(3) u tal-Artikolu 114(7) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji mqiegħda inkwistjoni mill-Kummissjoni ma jirrigwardawx l-eżistenza nnifisha tal-qrati dixxiplinari mitluba jiddeċiedu dwar il-proċeduri dixxiplinari mibdija kontra l-imħallfin tal-qrati ordinarji Pollakki, iżda pjuttost il-kundizzjonijiet li fihom issir l-assenjazzjoni tal-proċeduri dixxiplinari fil-konfront ta’ dawn l-imħallfin lil tali qrati dixxiplinari.

170    Permezz tat-tielet ilment tagħha, il-Kummissjoni fil-fatt ma tqegħedx inkwistjoni l-kundizzjonijiet li fihom huma stabbiliti l-qrati dixxiplinari Pollakki jew huma maħtura l-imħallfin li jikkomponuhom, iżda pjuttost il-kundizzjonijiet li fihom hija indikata l-qorti dixxiplinari li, fost il-qrati dixxiplinari li jinsabu fid-diversi ġurisdizzjonijiet territorjali eżistenti fil-Polonja, ser tintalab tiddeċiedi dwar proċedura dixxiplinari partikolari mmexxija kontra mħallef.

171    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, b’mod partikolari, iddeċidiet li r-rekwiżit li l-qrati għandhom jiġu stabbiliti mil-liġi jeskludi li l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ kawża lil qorti li tinsab f’ġurisdizzjoni territorjali oħra tista’ taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali ta’ istanza partikolari. L-imsemmija qorti qieset, b’mod iktar partikolari, li ċ-ċirkustanza li la r-raġunijiet li għalihom tali assenjazzjoni mill-ġdid tista’ sseħħ u lanqas il-kriterji li għandhom ikunu prevalenti fiha ma ġew ippreċiżati fil-leġiżlazzjoni applikabbli hija ta’ natura li tista’ twassal għal apparenza ta’ assenza ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità min-naħa tal-qorti hekk ikkostitwita b’mod diskrezzjonali u ma toffrix il-livell ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza meħtieġ sabiex tali qorti tkun tista’ titqies li ġiet “stabbilita mil-liġi” (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, 12 ta’ Jannar 2016, Miracle Europe kft vs L‑Ungerija, CE:ECHR:2016:0112JUD005777413, punti 58, 63 u 67).

172    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-Kummissjoni tikkontesta fil-kuntest ta’ dan l-ilment jagħtu lill-President tal-Awla Dixxiplinari s-setgħa diskrezzjonali li jaħtar il-qorti dixxiplinari li territorjalment għandha kompetenza biex tieħu konjizzjoni ta’ kawża dixxiplinari mmexxija kontra mħallef tal-qrati ordinarji mingħajr ma l-kriterji li għandhom jirregolaw tali ħatra jkunu ġew speċifikati fil-leġiżlazzjoni applikabbli.

173    Issa, kif sostniet il-Kummissjoni, fl-assenza ta’ tali kriterji, tali setgħa tista’ tintuża b’mod partikolari sabiex ċerti każijiet jiġu diretti lejn ċerti mħallfin billi jiġi evitat li dawn jiġu indirizzati lil imħallfin oħra jew ukoll sabiex issir pressjoni fuq l-imħallfin hekk maħtura (ara wkoll, f’dan is-sens, Qorti EDB, 12 ta’ Jannar 2016, Miracle Europe kft vs L‑Ungerija, ECHR: 2016: 0112JUD005777413, punt 58).

174    F’dan il-każ, u kif sostniet ukoll il-Kummissjoni, tali riskju huwa inkrementat mill-fatt li l-persuna inkarigata li taħtar il-qorti dixxiplinari li territorjalment għandha kompetenza ma hija ħadd ħlief il-President tal-Awla Dixxiplinari, jiġifieri l-istanza msejħa biex tieħu konjizzjoni, bħala qorti tat-tieni grad, tar-rikorsi diretti kontra d-deċiżjonijiet mogħtija mill-imsemmija qorti dixxiplinari, awla dixxiplinari li l-indipendenza u l-imparzjalità tagħha ma humiex iggarantiti, kif jirriżulta mill-punti 80 sa 113 ta’ din is-sentenza.

175    Fl-aħħar nett, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, is-sempliċi fatt li l-imħallfin inkarigati li jiddeċiedu fuq proċeduri dixxiplinari speċifiċi jinħatru permezz ta’ tlugħ bix-xorti ma huwiex ta’ natura li jeskludi r-riskju msemmi fil-punt 173 ta’ din is-sentenza peress li dan it-tlugħ bix-xorti jseħħ esklużivament minn fost il-membri tal-qorti dixxiplinari maħtura mill-President tal-Awla Dixxiplinari.

176    Mill-punti kollha preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 110(3) u l-Artikolu 114(7) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, sa fejn jagħtu lill-President tal-Awla Dixxiplinari s-setgħa diskrezzjonali li jaħtar il-qorti dixxiplinari li territorjalment għandha kompetenza biex tieħu konjizzjoni tal-proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin tal-qrati ordinarji, jiġifieri mħallfin li jistgħu jiġu msejħa jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni, ma jissodisfawx ir-rekwiżit li jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE li tali kawżi għandhom ikunu jistgħu jiġu eżaminati minn qorti “stabbilita bil-liġi”.

177    Konsegwentement, it-tielet ilment għandu jintlaqa’.

 Fuq ir-raba’ lment

–       L-argumenti tal-partijiet

178    Permezz tar-raba’ lment tagħha, li jinkludi żewġ partijiet, il-Kummissjoni ssostni li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 112b, 113a u tal-Artikolu 115a(3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jiksru t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, inkwantu dawn la jiggarantixxu l-eżami tal-kawżi dixxiplinari li jikkonċernaw lill-imħallfin tal-imsemmija qrati f’terminu raġonevoli u lanqas id-drittijiet tad-difiża tal-imħallef imqiegħed inkwistjoni.

179    Fir-rigward tal-ewwel parti ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni hija tal-fehma li mill-Artikolu 112b(3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jirriżulta li l-Ministru għall-Ġustizzja jista’ jaħtar Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja sabiex jissostitwixxi lill-Uffiċjal Dixxiplinari li sa dak il-mument ikun qiegħed jittratta l-kawża kkonċernata, u dan fi kwalunkwe stadju ta’ proċedura dixxiplinari, inkluż wara l-assenjazzjoni tal-kawża lill-qorti dixxiplinari jew matul l-eżami ta’ appell mid-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 112b(5) ta’ din il-liġi, meta deċiżjoni li tirrifjuta li tiftaħ proċedura dixxiplinari jew li ttemm din il-proċedura mingħajr ma tittieħed azzjoni ulterjuri jew inkella meta deċiżjoni ġudizzjarja li tagħlaq tali proċedura jsiru definittivi, dawn is-sitwazzjonijiet ma jostakolawx iċ-ċirkustanza li Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja jerġa’ jinħatar fl-istess kawża, b’tali mod li l-imsemmi ministru jkollu l-possibbiltà li jżomm b’mod permanenti l-akkużi miġjuba kontra mħallef. Għaldaqstant l-osservanza tat-terminu raġonevoli ma hijiex iggarantita.

180    Permezz tat-tieni parti tar-raba’ lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża jinkiser, minn naħa, mill-Artikolu 113a tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-proċedura quddiem il-qorti dixxiplinari tista’ titkompla fl-assenza ta’ ħatra ta’ avukat mitlub jirrappreżenta lil imħallef li ma jistax jipparteċipa fil-proċedura quddiem din il-qorti għal raġunijiet ta’ saħħa, jew meta l-avukat maħtur minn dan l-imħallef ikun għadu ma assumiex l-inkarigu tad-difiża tal-interessi tiegħu.

181    Min-naħa l-oħra, sa fejn l-Artikolu 115a(3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprevedi li l-qorti dixxiplinari tista’ tkompli bil-proċedura anki fl-assenza ġġustifikata tal-imħallef imqiegħed inkwistjoni jew tal-avukat tiegħu, dan jikser il-prinċipju audiatur et altera pars, li jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali tad-drittijiet tad-difiża. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti l-fatt li l-imsemmija dispożizzjoni tippreċiża li t-tkomplija tal-proċedura sseħħ biss jekk dan ma jmurx kontra l-iżvolġiment tajjeb tagħha, peress li tali kunċett ma jistax jiġi assimilat mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi leġittimi tal-imħallef inkwistjoni. L-istess japplika għaċ-ċirkustanza li l-Artikolu 115(2) u (4) ta’ din il-liġi jipprovdi li, fl-istess waqt li tinnotifika ċ-ċitazzjoni biex l-imħallef imqiegħed inkwistjoni jidher quddiemha, il-qorti dixxiplinari tistieden lill-istess imħallef jissottometti kjarifiki bil-miktub u l-provi kollha, peress li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi, fil-fatt, ukoll il-possibbiltà għal dan l-imħallef li jipparteċipa fil-proċedura meta l-ammissibbiltà u l-valur probatorju ta’ dawn il-provi jiġu eżaminati mill-imsemmija qorti.

182    Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li, filwaqt li, permezz tal-ewwel parti tal-ilment kif ifformulata fit-talbiet tar-rikors, il-Kummissjoni tqiegħed inkwistjoni l-ħolqien stess tal-funzjoni ta’ Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja u l-Artikolu 112b tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji fl-intier tiegħu, l-imsemmija istituzzjoni ma ppreċiżatx ir-raġunijiet għalfejn il-ħatra ta’ tali uffiċjal tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, iżda fir-realtà llimitat ruħha sempliċement biex tikkontesta t-tieni sentenza tal-imsemmi Artikolu 112b(5).

183    Fir-rigward tat-tieni tal-Artikolu 112b(5) ta’ din il-liġi, l-argumenti tal-Kummissjoni ma jirrigwardawx il-kontenut normattiv ta’ din id-dispożizzjoni iżda biss il-possibbiltà li l-Ministru għall-Ġustizzja jista’, minkejja deċiżjoni definittiva f’kawża dixxiplinari, jipprova juża din id-dispożizzjoni sabiex iżomm b’mod permanenti l-istess akkużi kontra mħallef. Issa, il-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, illimitat ruħha li tagħti interpretazzjoni purament ipotetika ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali, li għadha ma ġietx ivverifikata fil-prattika u li hija kuntrarja għall-Istat tad-dritt nazzjonali applikabbli. Fil-fatt, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 112b(5) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji tipprevedi li l-mandat tal-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja jiskadi fit-tliet ipoteżijiet imsemmija fih u t-terminu ta’ dan il-mandat ikollu natura definittiva peress li l-prinċipju ta’ ne bis in idem, li jirriżulta mill-punt 7 tal-Artikolu 17(1) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali, dispożizzjoni li tapplika, mutatis mutandis, għall-proċeduri dixxiplinari, skont l-Artikolu 128 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, jipprekludi azzjoni ġdida fl-istess kawża.

184    Skont ir-Repubblika tal-Polonja, barra minn hekk ma teżisti ebda rabta bejn it-tul tal-proċedura u l-fatt li din titmexxa mill-Uffiċjal Dixxiplinari jew mill-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja peress li l-intervent ta’ dan tal-aħħar ma għandu ebda effett fuq l-iżvolġiment tal-atti diġà mwettqa u lanqas fuq it-termini proċedurali vinkolanti li japplikaw, mingħajr distinzjoni, skont jekk il-proċedura titmexxiex minn uffiċjal jew minn ieħor.

185    Fir-rigward tat-tieni parti tar-raba’ lment, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Artikolu 113a tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji għandu l-għan waħdieni li jiżgura l-iżvolġiment effikaċi tal-proċedura dixxiplinari billi jipprekludi kull xkiel fl-istadju tal-eżami tal-kawża mill-qorti dixxiplinari.

186    Fir-rigward tal-Artikolu 115a(3) ta’ din il-liġi, il-kundizzjoni marbuta mal-iżvolġiment it-tajjeb tal-proċedura dixxiplinari tiġi eżaminata minn qorti indipendenti li tevalwa jekk l-istruttorja tal-fatti kollha, kemm inkriminanti kif ukoll favur l-imħallef imqiegħed inkwistjoni, tippermettix jew le li titmexxa l-proċedura fl-assenza ta’ dan l-imħallef jew tal-avukat tiegħu. Għandu jingħad ukoll li d-dritt għal smigħ tal-imħallef ikkonċernat huwa ggarantit sa mill-istadju tal-proċedura mmexxija mill-Uffiċjal Dixxiplinari jew mill-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja, kif jirriżulta mill-Artikolu 114 tal-imsemmija liġi, inkwantu dawn l-uffiċjali jistgħu, qabel kollox, jistiednu lil dan l-imħallef jissottometti dikjarazzjoni bil-miktub dwar is-suġġett tal-eżami, għandhom, sussegwentement, jistiednu lil dan tal-aħħar, meta jiġu nnotifikati l-ilmenti dixxiplinari, jissottometti kjarifiki bil-miktub kif ukoll il-provi kollha u jistgħu, fl-aħħar nett, jisimgħu l-imsemmi imħallef sabiex jiġbru l-imsemmija spjegazzjonijiet, u saħansitra għandhom jagħmlu dan jekk il-parti kkonċernata titlob dan. Barra minn hekk, meta l-qorti dixxiplinari tistieden lill-partijiet għas-seduta, konformement mal-Artikolu 115 tal-istess liġi, din għandha titlobhom jipproduċu l-provi u lill-imħallef imqiegħed inkwistjoni jissottometti kjarifiki bil-miktub.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

187    Kif tfakkar fil-punt 164 ta’ din is-sentenza, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jeżiġi li r-regoli li jiggvernaw is-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin li jistgħu jkollhom jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni jipprevedu proċedura li tiggarantixxi b’mod sħiħ id-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta.

188    Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li diġà mill-eżami u mill-fatt li ntlaqgħu l-ewwel sat-tielet ilment tal-Kummissjoni jirriżulta li, kuntrarjament għar-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, is-sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin tal-qrati ordinarji Pollakki hija kkaratterizzata b’mod partikolari mill-fatt li l-qrati involuti fil-proċedura dixxiplinari ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ indipendenza u ta’ imparzjalità jew ir-rekwiżit li jiġu stabbiliti bil-liġi, kif ukoll miċ-ċirkustanza li l-aġir li jikkostitwixxi ksur dixxiplinari ma huwiex iddefinit b’mod suffiċjentement ċar u preċiż mil-leġiżlazzjoni Pollakka. Ir-raba’ lment għandu jinftiehem billi jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-kuntest normattiv li minnu jagħmlu parti d-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-Kummissjoni tikkritika permezz tar-raba’ lment tagħha.

189    Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt li l-kawża tagħha tinstema’ fi żmien raġonevoli u li jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, li tiġi difiża u li tiġi rrappreżentata. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 48(2) tal-Karta jiddikjara li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża għandu jiġi ggarantit lil kull akkużat.

190    Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 165 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiżgura li l-interpretazzjoni li hija tagħti lit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 u lill-Artikolu 48 tal-Karta tiżgura livell ta’ protezzjoni li ma jmurx kontra dak iggarantit mill-Artikolu 6 tal-KEDB kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

191    Fir-rigward tal-ewwel parti tar-raba’ lment, għandu jitfakkar li d-dritt tal-persuni li l-kawża tagħhom tinstema’ f’terminu raġonevoli jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li ġie stabbilit fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB u, kif għadu kif tfakkar, fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għal dak li jikkonċerna l-proċedura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Kolev et, C‑612/15, EU:C:2018:392, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

192    Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tallegax li d-dritt għal smigħ f’terminu raġonevoli ġie miksur f’każ konkret speċifiku, ipoteżi li b’hekk taqa’ b’mod partikolari taħt il-portata tal-Artikolu 47 tal-Karta, iżda ssostni li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għar-raġuni, essenzjalment, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li din l-istituzzjoni tikkritika huma maħsuba b’tali mod li dawn għandhom bħala konsegwenza li dan id-dritt ma jistax jiġi ggarantit b’mod sħiħ fir-rigward tal-proċeduri dixxiplinari mressqa kontra l-imħallfin tal-qrati komuni Pollakki.

193    F’dan ir-rigward, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jirriżulta, b’mod partikolari, li huwa importanti, sabiex tiġi ppreżervata l-indipendenza tal-imħallfin li jistgħu jiġu msejħa jinterpretaw u japplikaw id-dritt tal-Unjoni u sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ użu tas-sistema dixxiplinari applikabbli għalihom bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tagħhom, li r-regoli nazzjonali li jiggvernaw il-proċeduri dixxiplinari relatati ma’ tali mħallfin ma jkunux maħsuba b’mod li jipprekludu li l-kawża tagħhom tinstema’ fi żmien raġonevoli (ara, b’analoġija, is-sentenza Asociaţia “Forumul judecătorilor din România” et, punt 221).

194    Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan ir-rigward, fid-dawl tal-argumenti żviluppati mill-Kummissjoni insostenn tal-ewwel parti tar-raba’ lment tagħha, ma jidhirx kif is-sempliċi ċirkustanza, imsemmija fil-petitum tar-rikors, li l-Artikolu 112b tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, imsemmi fl-intier tiegħu, kien “[jagħti] lill-Ministru għall-Ġustizzja s-setgħa li jaħtar Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja” hija ta’ natura li twassal biex jinqabeż b’mod sistematiku t-terminu raġonevoli fil-proċeduri dixxiplinari diretti kontra l-imħallfin tal-qrati ordinarji Pollakki u li b’hekk jiġi prekluż li l-kawża tagħhom tinstema’ f’tali terminu.

195    Min-naħa l-oħra, mill-imsemmi argument jirriżulta li l-kritika tal-Kummissjoni tirrigwarda, minn din il-perspettiva, b’mod iktar partikolari, id-dispożizzjoni speċifika tat-tieni sentenza tal-Artikolu 112b(5) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji.

196    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li mill-kliem innifsu tal-Artikolu 112b(5) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jirriżulta li, fil-każijiet imsemmija fl-ewwel sentenza ta’ din id-dispożizzjoni li fihom tiġi mitmuma l-funzjoni tal-Uffiċjal Dixxiplinari tal-Ministru għall-Ġustizzja, jiġifieri fil-preżenza ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva li tirrifjuta li tinfetaħ proċedura dixxiplinari jew li tagħlaq tali proċedura, tali deċiżjonijiet ma jipprekludux li tali uffiċjal dixxiplinari jiġi maħtur mill-ġdid mill-Ministru għall-Ġustizzja għall-istess kawża.

197    Issa, tali dispożizzjoni li t-termini ċari tagħha jissuġġerixxu li, wara li mħallef ikun ġie ssuġġettat għal investigazzjoni u għal proċedura dixxiplinari li jkunu ngħalqu permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva, l-imsemmi mħallef jista’, mill-ġdid, ikun is-suġġett ta’ tali investigazzjonijiet u proċeduri fl-istess kawża, b’tali mod li dan l-imħallef jibqa’, b’mod permanenti, taħt it-theddida potenzjali ta’ tali investigazzjonijiet u proċeduri, minkejja l-intervent ta’ tali deċiżjoni ġudizzjarja, tista’, min-natura tagħha stess, tipprekludi li l-kawża ta’ dan l-imħallef tista’ tinstema’ f’terminu raġonevoli.

198    Iċ-ċirkustanza, esposta mir-Repubblika tal-Polonja, li l-eżistenza ta’ prinċipji fundamentali oħra, bħall-prinċipju ta’ ne bis in idem, tipprekludi li tali investigazzjonijiet u proċeduri jinbdew wara l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni ġudizzjarja definittiva ma tinvalidax din il-konstatazzjoni.

199    Minn naħa, fil-fatt, iċ-ċirkustanza li t-tieni sentenza tal-Artikolu 112b(5) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji tista’, fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, jekk ikun il-każ, tirriżulta wkoll inkompatibbli ma’ prinċipji fundamentali oħra minbarra dak li għalih irreferiet il-Kummissjoni insostenn tal-ewwel parti tar-raba’ lment tagħha b’ebda mod ma jista’ jipprekludi li jiġi kkonstatat, jekk ikun il-każ, li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha minħabba l-ksur ta’ dan l-aħħar prinċipju.

200    Min-naħa l-oħra, din l-istess ċirkustanza ma hijiex ta’ natura li taffettwa l-konklużjoni li s-sempliċi eżistenza ta’ dispożizzjoni nazzjonali fformulata b’dan il-mod hija ta’ natura li toħloq, fil-konfront tal-imħallfin ikkonċernati t-theddida msemmija fil-punt 197 ta’ din is-sentenza u li twassal, b’dan il-mod, għal riskju ta’ użu tas-sistema dixxiplinari bħala sistema ta’ stħarriġ politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li dawn jintalbu jagħtu.

201    Bl-istess mod, il-fatt li l-Kummissjoni ma stabbilixxiet ebda każ konkret li fih it-tieni sentenza tal-Artikolu 112b(5) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji ġiet applikata fil-preżenza ta’ deċiżjoni definittiva bħal dawk imsemmija fl-ewwel sentenza tal-imsemmi Artikolu 112b(5) huwa irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-fondatezza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat, li jirrigwarda l-adozzjoni nnifisha tad-dispożizzjoni nazzjonali kkontestata u l-preġudizzju fuq l-indipendenza tal-imħallfin tal-qrati ordinarji Pollakki li jista’ jirriżulta minn dan.

202    Mill-punti kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni sentenza tal-Artikolu 112b(5) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, sa fejn din tippreġudika l-indipendenza tal-imħallfin tal-qrati ordinarji Pollakki billi ma tiggarantixxix li l-kawża tagħhom fil-qasam ta’ proċeduri dixxiplinari tista’ tinstema’ f’terminu raġonevoli ma tissodisfax ir-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE. Konsegwentement, l-ewwel parti tar-raba’ lment għandu jintlaqa’ sa fejn jirrigwarda l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali.

203    Għal dak li jikkonċerna t-tieni parti ta’ dan l-istess ilment, għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-prinċipju fundamentali ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet, iddikjarat mill-ġdid fl-Artikolu 47 tal-Karta, u l-kunċett ta’ “smigħ xieraq”, imsemmi fl-Artikolu 6 tal-KEDB, huma kkostitwiti minn diversi elementi, li jinkludu, b’mod partikolari, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u d-dritt persuna tieħu parir, li tiġi difiża u li tiġi rrappreżentata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑305/05, EU:C:2007:383, punt 31, kif ukoll tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

204    Bl-istess mod, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jikkostitwixxi, fi kwalunkwe proċedura li tista’ tagħti lok għal sanzjonijiet, prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li ġie stabbilit fl-Artikolu 48(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni et, C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 92 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

205    Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li d-dritt għal smigħ f’kull proċedura jagħmel parti integrali mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif stabbiliti fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, sentenza tat‑3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata kif ukoll il-punt 29) u li tali dritt jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul l-imsemmija proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 34).

206    Fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess għal avukat, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan għandu, barra minn hekk, ikun effettivament f’pożizzjoni li jiżgura l-missjoni tiegħu ta’ għajnuna, ta’ difiża u ta’ rappreżentanza tal-klijent tiegħu b’mod adegwat, fejn fin-nuqqas ta’ dan tal-aħħar jiġi mċaħħad mid-drittijiet mogħtija lilu mill-Artikolu 47 tal-Karta u mill-Artikolu 6 tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑305/05, EU:C:2007:383, punt 32).

207    Fl-aħħar nett, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-drittijiet fundamentali, bħal dawk tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, inkluż id-dritt għal smigħ, ma jidhrux, tabilħaqq, bħala prerogattivi assoluti, iżda jistgħu jinvolvu restrizzjonijiet, bil-kundizzjoni, madankollu, li dawn jikkorrispondu b’mod effettiv għal għanijiet ta’ interess ġenerali li l-miżura inkwistjoni għandha l-intenzjoni li tilħaq u ma jikkostitwixxux, fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq, interferenza sproporzjonata u intollerabbli li tippreġudika s-sustanza nnifisha tad-drittijiet iggarantiti b’dan il-mod (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

208    F’dan il-każ, jirriżulta, minn naħa, mill-Artikolu 113a tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, moqri flimkien mal-Artikolu 113(2) u (3) ta’ din il-liġi, li, meta l-imħallef imqiegħed inkwistjoni ma jkunx jista’ jieħu sehem fil-proċedura quddiem il-qorti dixxiplinari għal raġunijiet ta’ saħħa u meta l-imsemmija qorti jew il-President tagħha jaħtar, fuq talba ta’ dan l-imħallef jew ex officio, avukat sabiex jinkariga ruħu mid-difiża tal-interessi tal-imsemmi mħallef, l-atti marbuta ma’ tali ħatra u ma’ tali teħid ta’ inkarigu ma għandhomx effett sospensiv fuq l-iżvolġiment tal-proċedura.

209    Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 115a(3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, jipprevedi li l-proċedura titmexxa mill-qorti dixxiplinari nnifisha anki fil-każ ta’ assenza ġġustifikata tal-imħallef imqiegħed inkwistjoni jew tar-rappreżentant tiegħu, sakemm dan ma jkunx kuntrarju għat-tmexxija tajba tal-proċedura dixxiplinari.

210    Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li tali regoli proċedurali huma ta’ natura li jirrestrinġu d-drittijiet tal-imħallfin li kontrihom tkunu tressqet proċedura dixxiplinari li effettivament jinstemgħu mill-qorti dixxiplinari u li jibbenefikaw minn difiża effettiva quddiem din tal-aħħar. Fil-fatt, l-imsemmija regoli ma humiex ta’ natura li jiggarantixxu li, fil-każ ta’ assenza ġġustifikata tal-imħallef ikkonċernat jew tal-avukat tiegħu matul il-proċedura quddiem l-imsemmija qorti, dan l-imħallef jibqa’ dejjem f’pożizzjoni li jkun jista’ jesprimi, b’mod utli u effettiv, il-pożizzjoni tiegħu, jekk ikun il-każ permezz tal-assistenza ta’ avukat li jkollu huwa stess il-possibbiltà effettiva li jiżgura d-difiża tiegħu.

211    Kuntrarjament għal dak li sostniet ir-Repubblika tal-Polonja, tali garanzija lanqas ma tirriżulta miċ-ċirkustanza li l-Artikolu 115a(3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jispeċifika li l-qorti dixxiplinari tkompli bil-proċedura biss jekk dan ma jmurx kontra t-tmexxija tajba tagħha, u lanqas mill-fatt li l-Artikolu 115 ta’ din il-liġi jipprevedi li, meta jinnotifika ċ-ċitazzjoni sabiex jidher, il-qorti dixxiplinari tistieden lill-imħallef imqiegħed inkwistjoni jissottometti kjarifiki bil-miktub u l-provi kollha li huwa jqis utli li għandu jipproduċi.

212    Fil-fatt, kif tenfasizza l-Kummissjoni fir-rikors tagħha, l-imsemmija dispożizzjonijiet ma humiex tali li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-imħallef ikkonċernat fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-qorti dixxiplinari.

213    Issa, esklużivament meta dawn jaqgħu, bħal f’dan il-każ, fil-kuntest ta’ sistema dixxiplinari li tippreżenta n-nuqqasijiet imfakkra fil-punt 188 ta’ din is-sentenza, regoli proċedurali nazzjonali, bħal dawk li huma s-suġġett tat-tieni parti ta’ dan l-ilment, jistgħu jirriżultaw li jkunu ta’ natura li jżidu ulterjorment ir-riskju ta’ użu tas-sistema dixxiplinari applikabbli għal dawk li għandhom il-kompitu li jiddeċiedu bħala sistema ta’ kontroll politiku tal-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji. Fil-fatt, l-imħallfin ikkonċernati jistgħu jaslu biex jibżgħu, jekk jiddeċiedu f’sens partikolari fil-kawżi li jkunu aditi bihom, li jkunu s-suġġett ta’ proċedura dixxiplinari li b’hekk ma joffrux il-garanziji xierqa sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq u, b’mod partikolari, ir-rekwiżit marbut mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. Ir-restrizzjonijiet għad-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw mill-imsemmija regoli proċedurali jippreġudikaw, b’dan il-mod, l-indipendenza tal-imħallfin tal-qrati ordinarji Pollakki u b’hekk ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

214    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-raba’ lment għandu jintlaqa’ wkoll fit-tieni parti tiegħu u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq il-ħames ilment, ibbażat fuq il-ksur tat-tieni u tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE

–       L-argumenti tal-partijiet

215    Il-Kummissjoni ssostni li, kif jixhdu l-każijiet ta’ applikazzjoni konkreti li għalihom hija rreferiet fl-argument li hija żviluppat insostenn tal-ewwel ilment tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u tal-Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema jistgħu jesponu mħallef għal proċeduri dixxiplinari fl-okkażjoni tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, liema fatt li jikser l-Artikolu 267 TFUE.

216    Fil-fatt, il-possibbiltà li investigazzjonijiet u proċeduri dixxiplinari jitmexxew b’dan il-mod fir-rigward ta’ imħallfin tal-qrati ordinarji Pollakki għar-raġuni li dawn ressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tippreġudika l-possibbiltà mogħtija minn din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li din tal-aħħar tiġi kkonsultata u hija ta’ natura li tiddiswadihom milli jużaw din il-possibbiltà sabiex ma jesponux lilhom infushom għar-riskju ta’ sanzjonijiet dixxiplinari. L-indipendenza tal-imsemmija qrati nazzjonali hija għalhekk affettwata, minkejja li tali indipendenza hija essenzjali għall-funzjonament it-tajjeb tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-imsemmija qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari.

217    Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 114 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jiddistingwi kjarament żewġ fażijiet proċedurali, jiġifieri, minn naħa, l-investigazzjoni, li tiġi miftuħa u mmexxija sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza eventwali ta’ ksur dixxiplinari u sabiex jiġi identifikat l-awtur tiegħu mingħajr ma tkun indirizzata kontra persuna partikolari, u, min-naħa l-oħra, il-proċedura dixxiplinari li, min-naħa tagħha, tinbeda biss jekk il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni jiġġustifikaw dan. Issa, fil-każijiet konkreti li ssemmi l-Kummissjoni, dawn ma humiex proċeduri dixxiplinari, iżda biss investigazzjonijiet indirizzati fir-rigward ta’ mħallfin li jkunu ressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, investigazzjonijiet li, barra minn hekk, ikunu laħqu ngħalqu.

218    L-ewwel investigazzjoni kienet tirrigwarda suspett ta’ reati dixxiplinari skont l-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji li twettqu minn ċerti mħallfin minħabba l-fatt li eżerċitaw influwenza illegali fuq il-presidenti tal-kulleġġi ġudikanti li ressqu talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din l-ewwel investigazzjoni ngħalqet wara x-xhieda ta’ tnejn mill-imħallfin ikkonċernati, peress li dawn ma kkonfermawx li kienu suġġetti għal pressjonijiet. Min-naħa tagħha, it-tieni investigazzjoni kienet tikkonċerna s-suspett li l-imsemmija mħallfin kienu wettqu nuqqas fil-konfront tad-dinjità tal-funzjonijiet tagħhom wara l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari li r-raġunijiet tagħhom kienu essenzjalment identiċi, kif ukoll il-possibbiltà li tal-inqas wieħed mill-imħallfin imsemmija kien għamel xhieda falza inkwantu kien żgura li r-redazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju tiegħu kienet saret minnu stess. L-imsemmija investigazzjoni kienet tirrigwarda wkoll il-punt dwar jekk l-interruzzjoni sine die ta’ proċedura kriminali kumplessa ta’ importanza kunsiderevoli minħabba tali rinviju għal deċiżjoni preliminari eventwalment imwettaq bi ksur tal-Artikolu 267 TFUE setgħetx tikkostitwixxi ksur dixxiplinari fil-konfront tal-imħallef ikkonċernat. Madankollu, anki din it-tieni investigazzjoni ngħalqet, peress li l-analiżi tal-provi, inkluża x-xhieda tal-imħallfin ikkonċernati, ma ppermettewx li jiġi konkluż li kien hemm tali nuqqasijiet fil-konfront tagħhom.

219    Skont ir-Repubblika tal-Polonja, tali investigazzjonijiet, peress li huma ta’ natura eċċezzjonali u ma jagħtux neċessarjament lok għal proċedura dixxiplinari, ma jippreġudikawx l-indipendenza tal-imħallfin peress li dawn ma humiex intiżi li jqiegħdu inkwistjoni l-validità tad-deċiżjonijiet adottati minnhom, iżda huma intiżi li jirrapportaw eventwali nuqqasijiet manifesti u flagranti tal-obbligi tagħhom, kif sostna l-imsemmi Stat Membru fil-kuntest tar-risposta tiegħu għall-ewwel ilment tal-Kummissjoni. Is-sistema dixxiplinari mqiegħda inkwistjoni fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għalhekk ma għandha ebda effett fuq l-eżerċizzju effettiv, mill-qrati kkonċernati, tas-setgħa tagħhom li jressqu talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas fuq il-possibbiltà tagħhom li jagħmlu rinviji għal deċiżjoni preliminari fil-futur.

220    Barra minn hekk, is-sempliċi ċirkustanza li Uffiċjal Dixxiplinari b’dan il-mod jifformula lmenti jew jeżamina każ partikolari ma tistax, fl-assenza ta’ kull deċiżjoni ġudizzjarja li tikkonferma tali interpretazzjoni, twassal biex jiġi kkunsidrat li s-sempliċi fatt li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jikkostitwixxi ksur dixxiplinari. La l-formulazzjoni tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u lanqas l-interpretazzjoni stabbilita ta’ din id-dispożizzjoni li għaliha tirreferi r-Repubblika tal-Polonja fil-kuntest tar-risposta tagħha għall-ewwel ilment ma jippermettu, fil-fatt, li tiġi stabbilita r-responsabbiltà dixxiplinari ta’ mħallef għal din ir-raġuni biss.

221    Skont il-ħames Stati Membri intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, jirriżulta b’mod ċar kemm mill-mod kif jiġi interpretat u applikat l-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji kif ukoll miċ-ċirkustanzi miġjuba għall-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mill-qrati tar-rinviju fil-kuntest tal-kawżi li taw lok għas-sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny (C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234), u t-tagħlim li jirriżulta minn din l-istess sentenza, li r-Repubblika tal-Polonja kisret l-Artikolu 267 TFUE. F’dan ir-rigward, ma huwiex importanti li l-investigazzjonijiet ikkonċernati jkunu ngħalqu mingħajr ma l-imħallfin imsemmija jkunu s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji peress li xejn li l-effett dissważiv li jirriżulta mir-riskju li jkun is-suġġett ta’ tali proċedura jista’ jaffettwa d-deċiżjoni tal-imħallfin fir-rigward tal-ħtieġa li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja f’kawża speċifika.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

222    Għandu jitfakkar, qabel kollox, li l-element ċentrali tas-sistema ġudizzjarja stabbilita mit-Trattati huwa kkostitwit mill-proċedura tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE li, billi tistabbilixxi djalogu bejn qorti u oħra, bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri, għandha l-għan li tiżgura l-unità fl-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u b’dan il-mod tippermetti li jiġu żgurati l-koerenza tiegħu, l-effett sħiħ tiegħu u l-awtonomija tiegħu kif ukoll, finalment, in-natura partikolari tad-dritt stabbilit mit-Trattati (Opinjoni 2/13 tat‑18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 176 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza A. B. et, punt 90 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

223    Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 267 TFUE jagħti lill-qrati nazzjonali l-iktar jedd wiesa’ biex jadixxu lil tal-ewwel jekk dawn iqisu li kawża pendenti quddiemhom tqajjem kwistjonijiet li jeħtieġu interpretazzjoni jew evalwazzjoni tal-validità tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni neċessarji għar-riżoluzzjoni tat-tilwima mressqa quddiemhom (sentenzi tal‑5 ta’ Ottubru 2010, Elchinov, C‑173/09, EU:C:2010:581, punt 26, kif ukoll A. B. et, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

224    Barra minn hekk, fir-rigward ta’ qrati li d-deċiżjonijiet tagħhom ma jistgħux jiġu appellati taħt id-dritt nazzjonali fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, din il-possibbiltà saħansitra tittrasforma ruħha, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet irrikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, f’obbligu li tressaq talba għal deċiżjoni preliminar quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza A. B. et, punt 92 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

225    Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li regola tad-dritt nazzjonali ma tistax tipprekludi qorti nazzjonali milli tagħmel użu mill-imsemmija diskrezzjoni jew milli tikkonforma ruħha mal-imsemmi obbligu, li huma, fil-fatt, inerenti għas-sistema ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, u għall-funzjonijiet ta’ mħallef inkarigat mill-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fdati minn din id-dispożizzjoni lill-qrati nazzjonali (sentenza A. B. et, punt 93 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

226    Barra minn hekk, regola nazzjonali li tirriskja, b’mod partikolari, li jkollha bħala konsegwenza li qorti nazzjonali tippreferi toqgħod lura milli tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreġudika l-prerogattivi hekk irrikonoxxuti lill-qrati nazzjonali mill-Artikolu 267 TFUE u, konsegwentement, l-effikaċja ta’ din is-sistema ta’ kooperazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza A. B. et, punt 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

227    B’hekk, dispożizzjonijiet nazzjonali li minnhom jirriżulta li l-imħallfin nazzjonali jistgħu jesponu lilhom infushom għal proċeduri dixxiplinari minħabba l-fatt li jkunu għamlu rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistgħux jiġu aċċettati. Fil-fatt, is-sempliċi perspettiva li persuna tkun tista’, jekk ikun il-każ, tkun is-suġġett ta’ proċeduri dixxiplinari minħabba li tkun għamlet tali rinviju jew li minħabba li tkun iddeċidiet li dan jinżamm wara l-introduzzjoni tiegħu hija ta’ natura li tippreġudika l-eżerċizzju effettiv mill-qrati nazzjonali kkonċernati tad-diskrezzjoni u tal-funzjonijiet imsemmija fil-punt 225 ta’ din is-sentenza (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 58).

228    Il-fatt, għal dawn l-imħallfin, li ma jiġux esposti għal proċeduri jew għal sanzjonijiet dixxiplinari talli eżerċitaw tali diskrezzjoni li jadixxu lill-Qorti tal-Ġustizzja, li taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tagħhom, jikkostitwixxi barra minn hekk garanzija inerenti għall-indipendenza tagħhom, liema indipendenza hija, b’mod partikolari, essenzjali għall-funzjonament it-tajjeb tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja msejsa fuq il-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE (sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2020, Miasto Łowicz u Prokurator Generalny, C‑558/18 u C‑563/18, EU:C:2020:234, punt 59, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

229    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li mill-eżami li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-ewwel ilment ifformulat mill-Kummissjoni diġà jirriżulta li d-definizzjonijiet tal-ksur dixxiplinari li jinsabu fid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u tal-Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema ma jissodisfawx ir-rekwiżiti li jirriżultaw mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, peress li dawn iwasslu għar-riskju li s-sistema dixxiplinari inkwistjoni tintuża għal finijiet ta’ ħolqien, fir-rigward ta’ imħallfin u tal-qrati ordinarji Pollakki, ta’ pressjonijiet u ta’ effett disswasiv, li jistgħu jinfluwenzaw il-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li dawn huma mitluba jagħtu.

230    Issa, tali riskju jikkonċerna wkoll id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom qorti nazzjonali tintalab tagħżel li teżerċita d-diskrezzjoni ggarantita lilha mill-Artikolu 267 TFUE li tressaq talba għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja jew, jekk ikun il-każ, li tikkonforma ruħha mal-obbligu tagħha li tagħmel tali rinviju għal deċiżjoni preliminari bis-saħħa ta’ din l-istess dispożizzjoni.

231    Fil-fatt, kif jixhdu l-eżempji enfasizzati mill-Kummissjoni u li jissemmew b’mod partikolari fil-punti 117, 118 u 125 ta’ din is-sentenza, il-prattika mibdija mill-Uffiċjal Dixxiplinari tikkonferma li tali riskju seħħ, sal-lum, immaterjalizza ruħu bil-ftuħ ta’ investigazzjonijiet li jirrigwardaw deċiżjonijiet li permezz tagħhom qrati ordinarji Pollakki ressqu talbiet għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja, liema investigazzjonijiet jinkludu b’mod partikolari s-smigħ tal-imħallfin ikkonċernati u t-trażmissjoni ta’ kwestjonarji lill-istess imħallfin dwar il-punt jekk ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari li kienu saru setgħu ħolqu ksur dixxiplinari.

232    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fir-risposta tagħha, ir-Repubblika tal-Polonja llimitat ruħha li timminimizza l-portata ta’ tali prattiki billi sostniet b’mod partikolari li l-imsemmija investigazzjonijiet ma kinux saru mill-qrati dixxiplinari nfushom iżda minn Uffiċjali Dixxiplinari, li kellha ssir distinzjoni bejn il-fażi ta’ investigazzjoni u dik relatata mal-proċeduri dixxiplinari fil-veru sens tal-kelma, li dawn l-istess investigazzjonijiet kienu sadanittant ingħalqu u li, barra minn hekk, kienu jikkonċernaw iċ-ċirkustanzi madwar l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tar-rinviju kkonċernati u l-aġir tal-imħallfin inkwistjoni f’din l-okkażjoni, pjuttost milli dawn id-deċiżjonijiet infushom.

233    Issa, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, minn naħa, li l-osservanza stretta tal-obbligi li jirriżultaw għal Stat Membru mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 267 TFUE hija imposta fuq l-awtoritajiet kollha tal-Istat u, għalhekk, b’mod partikolari, fuq korp li, bħall-Uffiċjal Dixxiplinari, huwa inkarigat li jinvestiga, jekk ikun il-każ taħt l-awtorità tal-Ministru għall-Ġustizzja, il-proċeduri dixxiplinari li jistgħu jiġu indirizzati kontra l-imħallfin. Min-naħa l-oħra, u kif sostnew kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri li intervjenew insostenn tal-konklużjonijiet tal-imsemmija istituzzjoni, is-sempliċi ċirkustanza li l-Uffiċjal Dixxiplinari jwettaq investigazzjonijiet fil-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 231 ta’ din is-sentenza huwa biżżejjed sabiex jikkonkretizza r-riskju ta’ pressjoni u ta’ effett dissważiv imsemmi fil-punt 229 ta’ din l-istess sentenza u sabiex tiġi ppreġudikata l-indipendenza tal-imħallfin li huma s-suġġett tagħha.

234    Minn dan jirriżulta li l-ħames ilment, ibbażat fuq nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mir-Repubblika tal-Polonja taħt it-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, billi din ippermettiet li d-dritt tal-qrati li jressqu talbiet għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jiġi llimitat bil-possibbiltà li jinbdew proċeduri dixxiplinari, għandu jintlaqa’.

235    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li,

–        billi ma ggarantixxietx l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awla Dixxiplinari, li għandha l-kompitu tal-istħarriġ tad-deċiżjonijiet mogħtija fil-proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin (il-punt 5 tal-Artikolu 3, Artikolu 27 u Artikolu 73(1) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema), moqrija flimkien mal-Artikolu 9a tal-Liġi dwar il-KRS);

–        billi ppermettiet li l-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jista’ jiġi kkwalifikat bħala ksur dixxiplinari li jikkonċerna l-imħallfin tal-qrati ordinarji (Artikolu 107(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, u Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi l-ġdida dwar il-Qorti Suprema),

–        billi tat lill-President tal-Awla Dixxiplinari s-setgħa diskrezzjonali li jaħtar il-qorti dixxiplinari kompetenti fl-ewwel istanza fil-kawżi dwar l-imħallfin tal-qrati ordinarji (Artikolu 110(3) u Artikolu 114(7) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, u, b’dan il-mod, billi ma ggarantixxietx li l-kawżi dixxiplinari jiġu eżaminati minn qorti “stabbilita mil-liġi”, u

–        billi ma ggarantixxietx li l-kawżi dixxiplinari kontra l-imħallfin tal-qrati ordinarji jiġu eżaminati fi żmien raġonevoli (it-tieni sentenza tal-Artikolu 112b(5) ta’ din il-liġi), kif ukoll billi pprevediet li l-atti marbuta mal-ħatra ta’ avukat u l-patroċinju tad-difiża min-naħa tiegħu ma jkollhomx effett sospensiv fuq l-iżvolġiment tal-proċedura dixxiplinari (Artikolu 113a tal-imsemmija liġi) u li l-qorti dixxiplinari tmexxi l-proċedura anki fil-każ ta’ assenza ġġustifikata tal-imħallef imqiegħed inkwistjoni, informat, jew tal-avukat tiegħu (Artikolu 115a(3) tal-istess liġi), u, b’dan il-mod, billi ma żguratx ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-imħallfin tal-qrati ordinarji li huma mqiegħda inkwistjoni,

ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE,

u li:

billi ppermettiet li d-dritt tal-qrati li jressqu talbiet għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jiġi llimitat bil-possibbiltà li tinbeda proċedura dixxiplinari, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tat-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

 Fuq l-ispejjeż

236    Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

237    Konformement mal-Artikolu 140(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-Repubblika tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      – Billi ma ggarantixxietx l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari), tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), li għandha l-kompitu tal-istħarriġ tad-deċiżjonijiet mogħtija fil-proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin (il-punt 5 tal-Artikolu 3, Artikolu 27 u Artikolu 73(1) tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema), tat8 ta’ Diċembru 2017, fil-verżjoni kkonsolidata tagħha kif ippubblikata fid-Dziennik Ustaw Rzeczypospolitej Polskiej tal-2019 (pożizzjoni 825), moqrija flimkien mal-Artikolu 9a tal-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura) tat12 ta’ Mejju 2011, kif emendata mill-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra) tat8 ta’ Diċembru 2017);

– billi ppermettiet li l-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jista’ jiġi kkwalifikat bħala ksur dixxiplinari li jikkonċerna l-imħallfin tal-qrati ordinarji (Artikolu 107(1) tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji), tas27 ta’ Lulju 2001 fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emendi suċċessivi ppubblikati fid-Dziennik Ustaw Rzeczypospolitej Polskiej tal-2019 (pożizzjonijiet 52, 55, 60, 125, 1469 u 1495) u Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, fil-verżjoni kkonsolidata tagħha kif ippubblikata fid-Dziennik Ustaw Rzeczypospolitej Polskiej tal-2019 (pożizzjoni 825));

– billi tat lill-President tal-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) is-setgħa diskrezzjonali li jaħtar il-qorti dixxiplinari kompetenti fl-ewwel istanza fil-kawżi dwar l-imħallfin tal-qrati ordinarji (Artikolu 110(3) u Artikolu 114(7) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emendi suċċessivi ppubblikati fid-Dziennik Ustaw Rzeczypospolitej Polskiej tal-2019 (pożizzjonijiet 52, 55, 60, 125, 1469 u 1495)) u, b’dan il-mod, billi ma ggarantixxietx li l-kawżi dixxiplinari jiġu eżaminati minn qorti “stabbilita mil-liġi”, u

– billi ma ggarantixxietx li l-kawżi dixxiplinari kontra l-imħallfin tal-qrati ordinarji jiġu eżaminati fi żmien raġonevoli (it-tieni sentenza tal-Artikolu 112b(5) ta’ din il-liġi), kif ukoll billi pprevediet li l-atti marbuta mal-ħatra ta’ avukat u l-patroċinju tad-difiża min-naħa tiegħu ma jkollhomx effett sospensiv fuq l-iżvolġiment tal-proċedura dixxiplinari (Artikolu 113a tal-imsemmija liġi) u li l-qorti dixxiplinari tmexxi l-proċedura anki fil-każ ta’ assenza ġġustifikata tal-imħallef imqiegħed inkwistjoni, informat, jew tal-avukat tiegħu (Artikolu 115a(3) tal-istess liġi), u, b’dan il-mod, billi ma żguratx ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-imħallfin tal-qrati ordinarji li huma mqiegħda inkwistjoni,

ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

2)      Billi ppermettiet li d-dritt tal-qrati li jressqu talbiet għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jiġi llimitat bil-possibbiltà li tinbeda proċedura dixxiplinari, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tat-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE.

3)      Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

4)      Ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.