Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Lulju 2021 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-791/91) 1

(Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Sistema dixxiplinari applikabbli għall-imħallfin – Stat tad-dritt – Indipendenza tal-imħallfin – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Ksur dixxiplinari minħabba l-kontenut ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji – Qrati dixxiplinari indipendenti u stabbiliti bil-liġi – Osservanza tat-terminu raġonevoli u tad-drittijiet tad-difiża fil-proċeduri dixxiplinari – Artikolu 267 TFUE – Limitazzjoni tad-dritt u tal-obbligu tal-qrati nazzjonali li jressqu talbiet għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment K. Banks, S. L. Kalėda u H. Krämer, sussegwentement K. Banks, S. L. Kalėda u P. J. O. Van Nuffel, aġenti)

Konvenut: Ir-Reppubblika tal-Polonja (rappreżentanti: B. Majczyna, D. Kupczak, S. Żyrek, A. Dalkowska u A. Gołaszewska, aġenti)

Intervenjenti insostenn tar-rikorrent: Ir-Renju tal-Belġju (rappreżentanti: C. Pochet, M. Jacobs u L. Van den Broeck, aġenti), ir-Renju tad-Danimarka (rappreżentanti: inizjalment M. Wolff, M. Jespersen u J. Nymann-Lindegren, sussegwentement M. Wolff u J. Nymann-Lindegren, aġenti), ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (rappreżentanti: M. K. Bulterman u J. Langer, aġenti), ir-Repubblika tal-Finlandja (rappreżentanti: M. Pere u H. Leppo, aġenti), ir-Renju tal-Isvezja (rappreżentanti: C. Meyer-Seitz, H. Shev, A. Falk, J. Lundberg u H. Eklinder, aġenti)

Dispożittiv

– Billi ma ggrantixxietx l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari), tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja), li għandha l-kompitu tal-istħarriġ tad-deċiżjonijiet mogħtija fil-proċeduri dixxiplinari kontra l-imħallfin (il-punt 5 tal-Artikolu 3, Artikolu 27 u Artikolu 73(1) tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema), tat‑8 ta’ Diċembru 2017, fil-verżjoni konsolidata tagħha kif ippubblikata fid-Dziennik Ustaw Rzeczpospolitej Polskiej tal-2019 (pożizzjoni 825) (iktar ’il quddiem, il-“Liġi dwar il-Qorti Suprema”), moqrija flimkien mal-Artikolu 9a tal-ustawa o Krajowej Radzie Sądownictwa (il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura) tat‑12 ta’ Mejju 2011, kif emendata mill-ustawa o zmianie ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u Ċerti Liġijiet Oħra) tat‑8 ta’ Diċembru 2017);

– billi ppermettiet li l-kontenut tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji jista’ jiġi kkwalifikat bħala ksur dixxiplinari li jikkonċerna l-imħallfin tal-qrati ordinarji (Artikolu 107(1) tal-ustawa – Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji), tas‑27 ta’ Lulju 2001 fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emendi suċċessivi ppubblikati fid-Dziennik Ustaw Rzeczypospolitej Polskiej tal-2019 (pożizzjonijiet 52, 55, 60, 125, 1469 u 1495) u Artikolu 97(1) u (3) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, fil-verżjoni kkonsolidata tagħha kif ippubblikata fid-Dziennik Ustaw Rzeczypospolitej Polskiej tal-2019 (pożizzjoni 825));

– billi tat lill-President tal-Izba Dyscyplinarna (l-Awla Dixxiplinari) tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) is-setgħa diskrezzjonali li jaħtar il-Qorti Dixxiplinari kompetenti fl-ewwel istanza fil-kawżi dwar l-imħallfin tal-qrati ordinarji (Artikolu 110(3) u Artikolu 114(7) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emendi suċċessivi ppubblikati fid-Dziennik Ustaw Rzeczypospolitej Polskiej tal-2019 (pożizzjonijiet 52, 55, 60, 125, 1469 u 1495)) u, b’dan il-mod, billi ma ggarantixxietx li l-kawżi dixxipinari jiġu eżaminati minn qorti “stabbilita mil-liġi”, u

– billi ma ggarantixxietx li l-kawżi dixxiplinari kontra l-imħallfin tal-qrati ordinarji jiġu eżaminati fi żmien raġjonevoli (it-tieni sentenza tal-Artikolu 112b(5) ta’ din il-liġi), kif ukoll billi pprevediet li l-atti marbuta mal-ħatra ta’ avukat u l-patroċinju tad-difiża min-naħa tiegħu ma jkollhomx effett sospensiv fuq l-iżvolġiment tal-proċedura dixxiplinari (Artikolu 113a tal-imsemmija liġi) u li l-Qorti Dixxiplinari tmexxi l-proċedura anki fil-każ ta’ assenza ġġustifikata tal-imħallef imqiegħed inkwistjoni, informat, jew tal-avukat tiegħu (Artikolu 115a(3) tal-istess liġi), u, b’dan il-mod, billi ma żguratx ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-imħallfin tal-qrati ordinarji li huma mqiegħda inkwistjoni,

ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 19(1) TUE.

Billi ppermettiet li d-dritt tal-qrati li jressqu talbiet għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jiġi limitat bil-possibbiltà li tinbeda proċedura dixxiplinari, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha bis-saħħa tat-tieni u t-tielet paragrafi tal-Artikolu 267 TFUE.

Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea, inklużi dawk relatati mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

Ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

____________

1     ĠU C 413, 9.12.2019.