Language of document : ECLI:EU:C:2020:646

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PITRUZZELLA

ippreżentati fit-3 ta’ Settembru 2020 (1)

Kawża C563/19 P

Recylex SA,

Fonderie et Manufacture de Métaux,

Harz-Metall GmbH

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell – Akkordji – Prezz tax-xiri ta’ skart tal-batteriji taċ-ċomb-aċtu – Punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 – Immunità parzjali – Kriterju applikabbli – Klassifikazzjoni għall-finijiet tat-tnaqqis tal-multa – Ordni kronoloġiku”






1.        Permezz tal-appell li huwa s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet, Recylex SA, Fonderie et Manufacture de Métaux SA u Harz-Metall GmbH (iktar ’il quddiem, flimkien: “Recylex” jew l-“appellanti”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tat-23 ta’ Mejju 2019, Recylex et vs Il-Kummissjoni (2), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors minnhom ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-8 ta’ Frar 2017, li jirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE (3) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2.        Fil-kuntest ta’ dan l-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi, b’mod partikolari, fuq l-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell [akkordji] (4) (iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006”), li jipprovdi għall-għoti ta’ immunità parzjali mill-multa, b’referenza għal ċerti elementi tal-ksur, lill-impriżi li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja trid tikkjarifika b’mod partikolari sa fejn il-kriterji għall-eliġibbiltà tal-impriżi għall-immunità parzjali prevista minn din id-dispożizzjoni ġew mibdula meta mqabbla mal-verżjoni preċedenti tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni (5) (iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002”), minħabba l-formulazzjoni differenti adottata mill-Kummissjoni meta mqabbla ma’ dik li kienet tinsab fit-tielet paragrafu tal-punt 23 ta’ dan l-aħħar avviż.

I.      Il-kuntest ġuridiku

3.        It-tielet parti tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 tittratta dwar it-tnaqqis tal-multa. It-Taqsima A, intitolata “Rekwiżiti għal tnaqqis tal-multi”, tinkludi l-punti minn 23 sa 26. Skont il-punt 23, “[l-i]mpriżi li jiżvelaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’allegat kartell li jaffettwa lill-Komunità u li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet taħt is-sezzjoni II hawn fuq [dwar l-immunità mill-multa] jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull multa li kieku kienet tkun imposta”. Skont il-punt 24 sussegwenti, “[b]iex tikkwalifika, impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur allegat li jirrapreżentaw valur miżjud sinifikanti b’rispett għall-evidenza li diġa’ tkun tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni”. Il-punt 25 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “valur miżjud”. Fl-aħħar sentenza ta’ dan il-punt ġie ppreċiżat li “[…] il-livell ta’ korroborazzjoni ta’ sorsi oħra, neċessarju sabiex il-provi ppreżentati jistgħu jkunu affidabbli kontra impriżi oħra involuti fil-kawża, jkollu effett fuq il-valur ta’ dawk l-provi, b’tali mod li provi determinanti jingħataw valur ogħla minn provi bħal ma huma dikjarazzjonijiet li jkunu jridu jiġu kkorroborati jekk jiġu kkontestati”.

4.        L-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 jaqra kif ġej:

“F’kull deċiżjoni finali mogħtija fi tmiem il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-livell ta’ tnaqqis li minnu għandha tibbenefika l-impriża, relattiv mal-multa li altrimenti tiġi imposta. Għal:

–        l-ewwel impriża li tipprovdi valur miżjud sinjifikanti: tnaqqis ta’ bejn 30 u 50 %,

–        it-tieni impriża li tipprovdi valur miżjud sinjifikanti: tnaqqis ta’ bejn 20 u 30 %,

–        impriża oħra li jipprovdu valur miżjud sinjifikanti: tnaqqis massimu ta’ 20 %”.

5.        Skont it-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 “[j]ekk impriża li titlob tnaqqis fil-multa tkun l-ewwel li tippreżenta provi determinanti, fis-sens tal-punt (25), li l-Kummissjoni tuża biex tistabbilixxi fatti addizzjonali li jżidu l-gravità jew il-perjodu tal-ksur, il-Kummissjoni ma tiħux f’kunsiderazzjoni dawn il-fatti addizzjonali meta tiffissa l-ammont ta’ xi multa imposta fir-rigward tal-impriża li tkun ippreżentathom” (6).

6.        Skont it-tielet paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 “[…] jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi”.

II.    Il-fatti li wasslu għall-kawża

7.        Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu deskritti, għal dak li huwa rilevanti għal din il-kawża, fil-punti 1 sa 11 u 67 sa 72 tas-sentenza appellata.

8.        Ir-rikorrenti huma kumpanniji stabbiliti rispettivament fil-Belġju, fi Franza u fil-Ġermanja, u huma attivi fil-produzzjoni taċ-ċomb irriċiklat u ta’ prodotti oħra (polipropilen, żingu u metalli speċjali).

9.        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li Recylex u tliet impriżi oħra - Campine NV u Campine Recycling NV (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Campine”); Eco-Bat Technologies Ltd, Berzelius Metall GmbH u Société de traitement chimique des métaux SAS (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “Eco-Bat”); u Johnson Controls, Inc., Johnson Controls Tolling GmbH & Co. KG u Johnson Controls Recycling GmbH (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, “JCI”) – kienu pparteċipaw, bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, fi ksur uniku u kontinwu fis-settur tax-xiri tal-iskart ta’ batteriji tal-karozza taċ-ċomb u tal-aċtu użat għall-produzzjoni taċ-ċomb irriċiklat, imwettaq fil-perijodu mit-23 ta’ Settembru 2009 sas-26 ta’ Settembru 2012 u kien jikkonsisti f’akkordji u/jew prattiki miftiehma bl-iskop li jikkoordinaw il-prezzijiet (ara l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata).

10.      L-investigazzjonijiet bdew wara talba għall-immunità mill-multa skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, ippreżentata minn JCI fit-22 ta’ Ġunju 2012. Fit-13 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni tat immunità kundizzjonali lil din l-impriża, skont il-punt 18 ta’ dan l-avviż (premessa 29 tad-deċiżjoni kkontestata).

11.      Mis-26 sat-28 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fil-bini ta’ JCI, ta’ Recylex, ta’ Eco-Bat u Campine li jinsab fil-Belġju, fi Franza u fil-Ġermanja (premessa 30 tad-deċiżjoni kkontestata).

12.      L-ewwel Eco-Bat, fis-27 ta’ Settembru 2012, u mbagħad Recylex, fit-23 ta’ Ottubru 2012, ressqu talba għal immunità jew, sussidjarjament, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006. Fl‑4 ta’ Diċembru 2012, Campine ressqet, min-naħa tagħha, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa bis-saħħa tal-istess avviż (premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata).

13.      Fl-24 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura amministrattiva kontra JCI, Recylex, Eco-Bat u Campine u bagħtitilhom l-akkużi relattivi. Permezz ta’ ittra tal-istess ġurnata, il-Kummissjoni informat lil Eco-Bat u lil Recylex bil-konklużjoni provviżorja tagħha li tgħid li l-provi li dawn tal-aħħar kienu kkomunikawlha kienu jikkostitwixxu valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punti 24 u 25 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 u, għaldaqstant, bl-intenzjoni tagħha li tnaqqas l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuqhom. Il-Kummissjoni informat ukoll lil Campine bl-intenzjoni tagħha li ma tipproċedix bi tnaqqis fil-multa fil-konfront tagħha (premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata).

14.      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti, in solidum, multa fl-ammont ta’ EUR 26 739 000 minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur ikkonstatat mit-23 ta’ Settembru 2009 sas-26 ta’ Settembru 2012 (ara l-Artikolu 1(1)(d) u l-Artikolu 2(1)(d)).

15.      Il-Kummissjoni ppronunzjat ruħha dwar l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 għall-impriżi responsabbli mill-ksur fil-premessi 384 sa 411 tad-deċiżjoni kkontestata.

16.      Fl-ewwel lok, hija tat lil JCI l-benefiċċju tal-immunità mill-multi fis-sens tal-punt 8(a) ta’ dan l-avviż, wara li kkonstatat li l-kooperazzjoni ta’ din l-impriża kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 12 ta’ dan l-avviż (premessi 384 sa 386 tad-deċiżjoni kkontestata).

17.      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li Eco-Bat kienet l-ewwel impriża li pproduċiet provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv u tatha tnaqqis massimu fl-ammont tal-multa, ekwivalenti għal 50 %, kif jissemma fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 (premessi 387 sa 393 tad-deċiżjoni kkontestata).

18.      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tat lil Recylex tnaqqis fil-multa ta’ 30 % fis-sens tat-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, fejn ikkunsidrat li Recylex kienet it-tieni impriża li pproduċiet provi li kellhom valur miżjud sinjifikattiv dwar, b’mod partikolari: (i) l-oriġni tal-akkordju; (ii) diversi kuntatti antikompetittivi mhux imsemmija minn impriżi oħra; (iii) il-laqgħa multilaterali ta’ Windhagen fit-23 ta’ Settembru 2009 li mmarkat il-bidu tal-ksur u (iv) diversi kuntatti telefoniċi u skambji ta’ messaġġi bejn l-istess Recylex u l-kompetituri tagħha (premessi 394 sa 399 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti ta’ Recylex intiżi li jiksbu tnaqqis ikbar tal-multa, minn 30 % għal 50 %. B’mod partikolari, filwaqt li ammettiet li Recylex kienet l-ewwel waħda li pprovdiet spjegazzjonijiet dwar il-laqgħa ta’ Windhagen, il-Kummissjoni ppreċiżat li tali elementi kienu jirrigwardaw “kwistjonijiet organizzattivi” u li hija kienet diġà kisbet “provi determinanti” matul l-ispezzjoni għand Campine dwar l-aġenda u l-kontenut ta’ tali laqgħa (premessa 401 tad-deċiżjoni kkontestata li tirreferi għall-premessi 68 u 69). Il-Kummissjoni ċaħdet ukoll l-argument ta’ Recylex fejn jingħad li tali impriża kienet l-ewwel waħda li pprovdiet provi dwar l-attività tal-akkordju fi Franza. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija “diġà kellha l-informazzjoni dwar il-portata ġeografika tal-akkordju, inkluż rigward Franza” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 402 tad-deċiżjoni kkontestata).

19.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ċaħdet it-talba għat-tnaqqis tal-multa mressqa minn Campine (premessi 404 sa 411 tad-deċiżjoni kkontestata).

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

20.      Fit-18 ta’ April 2017 Recylex ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni kkontestata skont l-Artikolu 263 TFUE, intiż għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta. Insostenn tal-appell tagħha, Recylex ressqet sitt motivi. Permezz tal-ewwel żewġ motivi, hija invokat żball fl-applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006. Essenzjalment, hija sostniet li kellha tibbenefika mill-immunità parzjali tal-multa prevista f’din id-dispożizzjoni, peress li kienet l-ewwel waħda li pproduċiet provi determinanti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha biex taċċerta, min-naħa, id-data tal-bidu tal-ksur (l-ewwel motiv) u, min-naħa l-oħra, il-portata tal-ksur fuq is-suq Franċiż (it-tieni motiv). Permezz tat-tielet motiv, Recylex ikkontestat iż-żieda ta’ 10 % applikata fil-konfront tagħha abbażi tal-punt 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi (7). Permezz tar-raba’ motiv, hija sostniet li l-Kummissjoni kienet żbaljat meta tatha tnaqqis tal-multa ta’ 30 % skont it-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 flok tnaqqis ta’ 50 % skont l-ewwel paragrafu, minkejja li kienet l-ewwel waħda li pproduċiet provi determinanti dwar it-tul tal-ksur u dwar il-portata ġeografika. Il-ħames motiv kien jinvoka ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ individwalizzazzjoni tal-pieni. Fl-aħħar nett, permezz tas-sitt motiv, Recylex talbet lill-Qorti Ġenerali sabiex tuża l-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tiffissalhom termini għall-ħlas tal-partijiet mill-multi li għadhom dovuti.

21.      Bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu u kkundannat lil Recylex għall-ispejjeż.

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

22.      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Lulju 2019, Recylex ippreżentat l-appell li huwa s-suġġett ta’ dawn il-konklużjonijiet.

23.      Permezz tal-appell tagħha, Recylex titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn tikkonferma l-multa li l-Kummissjoni imponiet fuqha permezz tad-deċiżjoni kkontestata u sa fejn tikkundannaha għall-ispejjeż;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni imponiet fuqha multa ta’ EUR 26 739 000;

–        tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha (8); u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

24.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lil Recylex għall-ispejjeż.

V.      Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

25.      Il-programm ta’ klemenza huwa intiż li jikseb li l-impriżi li jipparteċipaw f’akkordju sigriet, li min-natura tiegħu stess huwa diffiċli li jiġi identifikat u investigat, ikunu inkoraġġuti jirrapportawh u jikkooperaw mal-awtorità tal-kompetizzjoni, b’mod li jippermetti li l-ksur jintemm malajr. Fil-bażi ta’ tali programmi hemm l-idea li l-għan li jiġu mikxufa u ssanzjonati l-akkordji, fl-interess tas-swieq, tal-konsumaturi u tal-vittmi stess ta’ tali aġiri illegali, huwa ikbar mill-interess li tiġi imposta sanzjoni fuq l-impriżi li jiddeċiedu li jikkooperaw (9).

26.      L-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 fih il-linji gwida li, għall-finijiet ta’ trasparenza u f’konsapevolezza tal-aspettattivi li dan joħloq fl-impriżi li għandhom l-intenzjoni li jikkollaboraw (10), il-Kummissjoni tipproponi li ssegwi meta tipproċessa t-talbiet għal klemenza. Għaldaqstant dawn huma regoli ta’ kondotta bil-għan li joħolqu effetti esterni u indikattivi tal-prassi li għandha tiġi adottata, li l-Kummissjoni ma tistax tinjora, f’każ partikolari, mingħajr ma tagħti raġunijiet li huma kompatibbli mal-prinċipju tat-trattament ugwali (11).

27.      Jeħtieġ ukoll li jiġi rilevat li r-regoli fil-qasam tal-klemenza huma ta’ natura eċċezzjonali meta mqabbla mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jipprojbixxu l-akkordji antikompetittivi u li, konsegwentement, għandhom jiġu interpretati b’mod strett (12).

28.      Recylex tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha.

29.      L-ewwel u t-tieni aggravju huma t-tnejn intiżi biex jikkontestaw l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali lit-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 kif ukoll l-applikazzjoni ta’ din ir-regola għas-sitwazzjoni tal-appellanti. Għaldaqstant, ser nittratta dawn iż-żewġ aggravji flimkien.

30.      Permezz tat-tielet aggravju, Recylex tikkritika lill-Qorti Ġenerali li kkonkludiet, b’mod żbaljat, li l-Kummissjoni ma kienet wettqet ebda żball meta ma applikatilhiex tnaqqis fil-medda ta’ bejn it-30 % u l-50 %, skont l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006.

B.      Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju

31.      L-ewwel aggravju jirrigwarda l-punti 79 sa 99 tas-sentenza appellata u jinqasam fi tliet partijiet. Permezz tal-ewwel parti Recylex issostni li r-raġunament adottat mill-Qorti Ġenerali huwa nieqes mill-koerenza u miċ-ċarezza f’dak li jikkonċerna l-kriterji ġuridiċi li fuqhom ikun ibbażat l-għoti ta’ immunità parzjali skont it-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006. Permezz tat-tieni u tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, Recylex tallega, rispettivament, żnaturament tal-provi u ksur tar-regoli li jirrigwardaw l-oneru tal-prova, inkwantu l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li n-noti miktubin bl-idejn ta’ Campine ppermettew li l-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza tal-laqgħa multilaterali antikompetittiva li nżammet f’Windhagen fit-23 ta’ Settembru 2009.

32.      Permezz tat-tieni aggravju, li huwa intiż kontra l-punti 100 sa 108 tas-sentenza appellata, Recylex tilmenta minn żball fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-immunità parzjali skont it-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, inkwantu l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni, b’mod korrett, ċaħdet li tapplika tali regola għall-appellanti billi bbażat ruħha fuq il-konstatazzjoni unika li tali istituzzjoni kienet diġà taf bil-fatt li l-akkordju antikompetittiv kien jinfirex ukoll fuq Franza.

1.      Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju u fuq it-tieni aggravju: inkoerenza tal-motivi u żball fl-interpretazzjoni tal-kriterju ġuridiku rilevanti għall-għoti tal-immunità parzjali

a)      Is-sentenza appellata

33.      Fil-punti 79 sa 99 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali eżaminat l-ewwel motiv tar-rikors li bih Recylex ikkontestat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ċaħħditha l-immunità parzjali b’riferiment għall-provi prodotti minn tali impriża li jirrigwardaw il-laqgħa ta’ Windhagen tat-23 ta’ Settembru 2009.

34.      Fil-punti 84 u 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali l-ewwel fakkret ir-ratio tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 u sussegwentement ippreċiżat, fuq il-bażi ta’ dak li diġà ġie affermat fis-sentenza tad-29 ta’ Frar 2016, Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni (13) (iktar ’il quddiem is-“sentenza Deutsche Bahn”), li l-użu tal-kliem “l-ewwel li tippreżenta provi determinanti” kienu jippermettu li tingħata interpretazzjoni restrittiva ta’ tali dispożizzjoni, fejn din tiġi limitata għall-każijiet fejn impriża li tkun ipparteċipat f’akkordju tipprovdi lill-Kummissjoni b’“informazzjoni ġdida”. Fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali affermat li l-loġika tal-immunità parzjali, kif interpretata mill-ġurisprudenza li tirrigwarda t-tielet paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 u, b’mod partikolari, tas-sentenza tat-23 ta’ April 2015, LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (14)(iktar ’il quddiem is-“sentenza LG Display”), ma ġietx mibdula bil-formulazzjoni tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 u li l-kriterju ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għadu bbażat fuq il-produzzjoni ta’ provi li jirrigwardaw “fatt ġdid” tali li jżid il-gravità u t-tul tal-ksur, bl-esklużjoni tal-każijiet fejn l-impriża tkun illimitat ruħha biex tipprovdi elementi li jippermettu li jissaħħu l-provi dwar l-eżistenza tal-ksur. Filwaqt li fakkret il-punt 81 tas-sentenza LG Display, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat ukoll li, meta l-informazzjoni pprovduta minn impriża tkun tirrigwarda “fatti li ma kinux preċedentement mhux magħrufa mill-Kummissjoni”, it-talba għall-immunità parzjali skont it-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 għandha tiġi miċħuda, mingħajr ħtieġa li l-valur probatorju ta’ tali informazzjoni jitqabbel ma’ dak tal-informazzjoni pprovduta preċedentement minn impriża oħra (punt 88 tas-sentenza appellata). L-evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-provi prodotti minn xi ħadd li jitlob l-immunità parzjali hija, skont il-Qorti Ġenerali, meħtieġa biss f’każ li tali informazzjoni tkun tirrigwarda fatt ġdid li jżid il-gravità u t-tul tal-ksur (punt 89 tas-sentenza appellata).

35.      Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-prinċipji msemmija hawn fuq, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti kollha mressqa minn Recylex fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha.

36.      Fil-punti 100 sa 108, il-Qorti Ġenerali qieset it-tieni motiv tar-rikors li permezz tiegħu Recylex ikkontestat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tikkonċedix l-immunità parzjali b’riferiment għall-provi prodotti minnha dwar il-ksur fi Franza. Fil-punt 104 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali fakkret il-prinċipji esposti fil-punti 82 sa 89 tal-istess sentenza u, fil-punti sussegwenti 105 sa 107, applikat tali prinċipji billi ddeċidiet li tiċħad it-tieni motiv tar-rikors.

b)      L-argumenti tal-partijiet

37.      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, Recylex tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli użat raġunament inkoerenti u mhux ċar għal dak li jirrigwarda l-kriterju ġuridiku applikabbli għall-finijiet tal-għoti tal-immunità parzjali msemmija fit-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006. F’ċerti punti tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet għal kriterju bbażat fuq in-nuqqas ta’ għarfien tal-Kummissjoni tal-fatti li jirreferu għalihom il-provi prodotti mill-impriża (punti 88, 91 u 96) u, f’punti oħrajn, għal kriterju bbażat fuq il-kapaċità tal-Kummissjoni li taċċerta tali fatti billi tibbaża ruħha fuq il-provi prodotti mill-impriża (punti 93 u 95).

38.      Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha Recylex tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli bbażat ir-raġunament tagħha fuq kriterju ta’ “għarfien” min-naħa tal-Kummissjoni tal-fatti kkonċernati mill-provi prodotti mill-impriża li titlob li tkun ammessa għall-benefiċċju tal-immunità parzjali. Issa, għalkemm tali kriterju kien dak li ġie effettivament adottat mit-tielet paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, dan madankollu ma jsib ebda bażi fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006.

39.      Skont Recylex, il-kriterju applikabbli abbażi tat-tielet paragrafu tal-punt 26 ta’ dan l-avviż, jikkonsisti filli jiġi vverifikat jekk l-impriża kinitx l-ewwel waħda li pproduċiet provi determinanti tali li jippermettu li l-Kummissjoni turi b’mod adegwat fatti addizzjonali li huma kapaċi jżidu l-gravità jew it-tul tal-ksur. Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, għalhekk, ma huwiex rilevanti l-fatt li fil-mument tal-preżentazzjoni tat-talba għall-immunità parzjali, il-Kummissjoni diġà kellha fil-pussess tagħha informazzjoni fuq il-fatti li għalihom jirreferu l-provi li fuqhom hija bbażata tali talba, iżda l-fatt ta’ jekk il-Kummissjoni kienet jew ma kinitx diġà f’pożizzjoni li turi b’mod adegwat, mingħajr ma tirrikorri għal tali provi, ir-realtà ta’ dawk il-fatti.

40.      B’kuntrast ma’ dak li sostniet il-Qorti Ġenerali, fil-fehma ta’ Recylex, l-applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 teħtieġ paragun veru u proprju bejn il-valur probatorju tal-informazzjoni pprovduta mill-impriża li titlob l-immunità parzjali u dak tal-informazzjoni li tkun diġà fil-pussess tal-Kummissjoni. Insostenn tat-teżi tagħha, Recylex tirreferi għall-punti 405 u 406 tas-sentenza Deutsche Bahn, kif ukoll għas-sentenzi tad-29 ta’ Frar 2016, Schenker vs Il-Kummissjoni (15) u tas-17 ta’ Mejju 2013, MRI vs Il-Kummissjoni (16).

41.      Recylex issostni finalment li, fil-punti 88 u 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq il-ġurisprudenza dwar it-tielet paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, inkwantu tali dispożizzjoni u t-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 huma bbażati fuq kriterji differenti għall-eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-immunità parzjali.

42.      Il-Kummissjoni tirrileva li l-għan tal-immunità parzjali, bħala eċċezzjoni għar-regola li impriża għandha tkun issanzjonata għall-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni li hija twettaq, huwa dak li tistimola l-ħeffa fil-kooperazzjoni tal-impriżi billi toħloq klima ta’ inċertezza permezz tal-għoti ta’ tnaqqis iżgħar fil-multa għal dawk li jdumu iktar biex jikkollaboraw.

43.      B’mod konformi ma’ dan l-għan, il-kriterju applikabbli għall-għoti tal-immunità parzjali skont it-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 jipprevedi, skont il-Kummissjoni, li jkunu ssodisfatti żewġ kundizzjonijiet: i) l-impriża li titlob l-immunità trid tkun l-ewwel waħda li turi fatti li ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni minn qabel, u (ii) l-imsemmija fatti jridu jkunu tali li jippermettu li l-Kummissjoni tasal għal konklużjonijiet ġodda dwar il-gravità u t-tul tal-ksur. Għaldaqstant, skont it-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, huma esklużivament il-provi prodotti mill-impriża li jridu jkunu determinanti u mhux dawk li jkunu diġà fil-pussess tal-Kummissjoni.

44.      Għalkemm il-formulazzjoni tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 ma hijiex identika għal dik tat-tielet paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, l-avviż il-ġdid tal-2006, skont il-Kummissjoni, la kien intiż li jikkontesta l-kriterju li fuqu kienet ibbażata din id-dispożizzjoni, u lanqas l-interpretazzjoni jew l-iskop tiegħu.

45.      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li l-kriterju li Recylex ikkunsidrat bħala rilevanti ma huwiex konformi mal-għanijiet imfittxija mill-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006. Min-naħa, huwa diffiċli li jiġi applikat fil-prattika, peress li jeħtieġ paragun bejn il-valur probatorju tal-informazzjoni pprovduta minn impriża u dak tal-informazzjoni li kienet diġà fil-pussess tal-Kummissjoni b’riferiment għall-istess fatt, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-aħħar informazzjoni hijiex determinanti fis-sens tal-punt 25 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, jiġifieri tali li ma teħtieġx li tkun ikkorroborata bi provi oħra. Min-naħa l-oħra, jekk jiġi applikat b’analoġija għat-talbiet għall-immunità totali, tali kriterju jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn żewġ impriżi jistgħu jibbenefikaw kontemporanjament minn immunità totali (17), minkejja li l-għan tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni huwa dak li tkun impriża waħda biss li tkun tista’ tiġi ppremjata b’immunità totali.

c)      Evalwazzjoni

46.      Jeħtieġ qabelxejn li tiġi miċħuda l-kritika li Recylex tagħmel fir-rigward tas-sentenza appellata mill-aspett tal-koerenza u taċ-ċarezza tar-raġunament użat mill-Qorti Ġenerali. Il-punti 84 sa 89 tas-sentenza appellata, li huma s-suġġett tal-imsemmija kritika, fil-fehma tiegħi ma fihom ebda ambigwità. Fil-fatt jirriżulta b’mod ċar mill-motivazzjoni esposta fihom li l-Qorti Ġenerali interpretat it-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 fis-sens li l-applikazzjoni tiegħu hija limitata għall-każ biss fejn l-impriża li tipparteċipa f’akkordju tipprovdi “informazzjoni ġdida” lill-Kummissjoni (punt 85), jiġifieri tipproduċi provi li jirrigwardaw “fatti ġodda” (punt 86), “li ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni minn qabel” (punt 84). Jirriżulta b’mod daqstant ċar minn tali punti tal-motivazzjoni li, skont il-Qorti Ġenerali, f’każ li tali kundizzjoni ma tkunx issodisfatta, jiġifieri f’każ li l-provi prodotti mill-impriża ma jirrigwardawx fatti li ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni minn qabel, it-talba għall-immunità parzjali għandha tiġi miċħuda, indipendentement minn kwalunkwe evalwazzjoni tal-valur probatorju ta’ tali provi (punt 88) u li tali evalwazzjoni tiġi kkunsidrata biss f’każ li l-impriża tkun ipprovdiet provi li jirrigwardaw “fatt ġdid” (punt 89).

47.      L-eżami mwettaq mill-Qorti Ġenerali fil-punti 90 sa 115 tas-sentenza appellata, dwar l-ewwel motiv tar-rikors, u fil-punti 105 sa 108, dwar it-tieni motiv tar-rikors, żamm strettament mal-prinċipji esposti fil-punti 84 sa 89 tas-sentenza appellata u mal-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 mogħtija f’dawn il-punti. Skont tali interpretazzjoni, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha fil-fatt biex tevalwa jekk, fil-mument tal-preżentazzjoni tat-talba għall-immunità parzjali min-naħa ta’ Recylex, il-Kummissjoni “[kellhiex] diġà l-għarfien”, min-naħa waħda, tal-laqgħa antikompetittiva ta’ Windhagen u tal-fatt li l-ksur kien diġà beda fil-ħarifa tal-2009 (l-ewwel motiv tar-rikors) u, min-naħa l-oħra, tal-fatt li l-akkordju kien jirrigwarda wkoll it-territorju Franċiż (18) (it-tieni motiv tar-rikors).

48.      Il-fatt li, f’żewġ siltiet differenti tas-sentenza appellata, li jirreferu għan-noti miktubin bl-idejn ta’ Campine, il-Qorti Ġenerali użat terminoloġija differenti, u kkonstatat, min-naħa waħda, li tali noti “kien fihom ħafna informazzjoni li tipprova li dawn kienu l-minuti ta’ laqgħa antikompetittiva” (“they contain information that established that this was a record of anticompetitive discussions”) (punt 93) u, min-naħa l-oħra, li “mill-kontenut u mis-sens ta’ tali noti kien possibbli li jiġi pprovat li d-diversi impriżi ċċitati u r-rappreżentanti tagħhom kienu pparteċipaw, fit-23 ta’ Settembru 2009, f’laqgħa antikompetittiva” (“it was possible to establish from the content and meaning of the handwritten notes that the various undertakings referred to and their representatives had participated, on 23 September 2009, in an anticompetitive meeting”) (punt 95) (19), ma jikkontestax dak li ġie affermat iktar kmieni.

49.      Fil-fatt, indipendentement mill-fatt li l-użu tal-verb “to establish” fil-punt 95 tas-sentenza appellata ma jittraduċix b’mod fidil l-espressjoni użata fil-Franċiż – li, għalkemm ma hijiex il-lingwa uffiċjali, hija l-lingwa li biha nkitbet tali sentenza (20) – il-Qorti Ġenerali affermat b’mod ċar, fil-punt 97 ta’ din tal-aħħar, li l-eżami tagħha ma ġiex estiż għall-evalwazzjoni tal-valur probatorju tal-provi li l-Kummissjoni diġà kellha qabel ma ġiet ippreżentata t-talba għall-klemenza min-naħa ta’ Recylex Fi kliem ieħor, il-Qorti Ġenerali ma qajmitx il-kwistjoni dwar jekk tali provi kinux, waħidhom, jippermettu li l-Kummissjoni tipprova b’mod adegwat il-fatti li fuqhom kienu bbażati l-provi prodotti minn Recylex, u lanqas ma ddeċidiet fuq din il-kwistjoni, kif jidher li qiegħda ssostni Recylex. Ser nirritorna fuq dan il-punt fil-kuntest tal-eżami tat-tieni u tat-tielet parti tal-ewwel aggravju.

50.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet suesposti nikkunsidra, għaldaqstant, li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, sa fejn tikklassifika bħala inkoerenti u mhux ċar ir-raġunament użat mill-Qorti Ġenerali fil-punti 79 sa 99 tas-sentenza appellata, għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

51.      Xi wħud mill-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ din il-parti u tat-tieni aggravju jinvokaw żball imwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006.

52.      Għall-finijiet li tiġi eżaminata din il-kritika, jidhirli li huwa xieraq, fl-ewwel lok, li titwarrab il-kwistjoni tas-sinjifikat li għandu jingħata lit-tibdil li sar lis-sistema tal-immunità parzjali fl-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 u dan minkejja li din il-kwistjoni hija ċentrali fl-argumenti mressqa mill-partijiet. Iktar milli niffokaw, tal-inqas inizjalment, fuq id-differenza fil-formulazzjonijiet adottati fiż-żewġ verżjonijiet sussegwenti tal-avviż dwar il-kooperazzjoni, jidhirli fil-fatt li jaqbel li wieħed jitlaq minn analiżi litterali, sistematika u teleoloġika tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006.

53.      Taħt l-ewwel aspett, kliem dan il-punt jippermetti li jiġu identifikati erba’ kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti mit-talba mressqa minn impriża biex tkun tista’ tibbenefika minn immunità parzjali.

54.      L-ewwel waħda hija kundizzjoni ta’ natura ratione temporis: l-impriża trid tkun l-ewwel waħda li tipproduċi quddiem il-Kummissjoni provi li jikkwalifikaw għall-iskop tal-għoti tal-immunità parzjali. L-istess kundizzjoni hija prevista fil-punt 8 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 għal dak li jirrigwarda l-immunità totali mill-multa. L-eżistenza ta’ kundizzjoni ratione temporis hija ta’ importanza fundamentali għall-effikaċità ta’ programm ta’ klemenza, peress li tikkostitwixxi l-inċentiv għall-impriżi li jikkooperaw mal-awtorità tal-kompetizzjoni u biex jagħmlu dan l-iktar kmieni possibbli. Fl-assenza ta’ tali kundizzjoni, l-impriżi jkunu mħajra jadottaw strateġija ta’ stennija – meħud kont b’mod partikolari tal-konsegwenzi negattivi li jesponu ruħhom għalihom jekk jirrapportaw l-akkordju – bit-tama li anki l-parteċipanti l-oħra fl-akkordju jiddeċiedu li ma jikkooperawx. Tali strateġija, min-naħa l-oħra, issir żvantaġġuża meta kull impriża tkun taf li huwa biss jekk tirrapporta l-akkordju qabel il-parteċipanti l-oħra li hija tkun tista’ tibbenefika mill-immunità (21). Il-previżjoni ta’ kundizzjoni ratione temporis tista’ tqanqal ukoll ċertu grad ta’ diffidenza reċiproka bejn il-parteċipanti fl-akkordju li jista’ jikkontribwixxi biex jantiċipa x-xoljiment tal-istess akkordju jew ir-rappurtar tiegħu lill-awtoritajiet. Dan jgħodd kemm għall-għoti tal-immunità totali mill-multa, kif ukoll fil-każ ta’ kooperazzjoni li tikkwalifika biss għall-finijiet ta’ immunità parzjali jew ta’ tnaqqis tal-multa, għalkemm bid-debiti differenzi. Il-kundizzjoni inkwistjoni timplika li hija biss impriża waħda – l-ewwel waħda, f’termini kronoloġiċi, li tkun ipproduċiet provi fis-sens tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni – li tkun tista’ tibbenefika mill-immunità parzjali, bl-istess mod li, kif enfasizzat b’mod korrett il-Kummissjoni, hija impriża waħda biss li tista’ tibbenefika minn immunità totali.

55.      It-tieni kundizzjoni prevista fit-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 tirrigwarda l-valur tal-provi prodotti mill-impriża li tressaq it-talba għall-immunità parzjali: iridu jkunu “provi determinanti”. Mill-punt 25 ta’ dan l-avviż jirriżulta li jkunu “determinanti” il-provi li ma jkunux jeħtieġu li jiġu kkorroborati fil-każ ta’ kontestazzjoni. Fi kliem ieħor, biex tibbenefika mill-immunità parzjali, l-impriża trid tipproduċi provi li, waħidhom, jippermettu li l-Kummissjoni turi b’mod adegwat il-fatti allegati mill-impriża (22).

56.      Abbażi tat-tielet kundizzjoni, l-impriża li titlob biex tkun tista’ tibbenefika mill-immunità parzjali trid tipproduċi quddiem il-Kummissjoni provi li jirrigwardaw “fatti addizzjonali”. Kif jirriżulta b’mod iktar evidenti f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, pereżempju dik Franċiża (“éléments de fait supplémentaires”), dik Ingliża (“additional facts”) jew dik Spanjola (“hechos adicionales”), din l-espressjoni tirreferi għal fatti oħra, supplimentari, li jservu biex jikkompletaw jew jintegraw dawk li diġà tkun taf bihom il-Kummissjoni (23). Tajjeb li jiġi enfasizzat li, abbażi ta’ din il-kundizzjoni, dak li jrid jiġi “integrat” hija l-bażi fattwali li fuqha hija bbażata l-evalwazzjoni tal-ksur min-naħa tal-Kummissjoni u mhux dik probatorja (24).

57.      Ir-raba’ kundizzjoni hija li l-fatti li jirreferu għalihom il-provi prodotti mill-impriża għandhom ikunu idonei biex iżidu l-gravità jew it-tul tal-ksur. Din teħtieġ li l-kooperazzjoni mogħtija tissupplimenta l-bażi fattwali b’mod li jippermetti li l-Kummissjoni tasal għal konklużjonijiet ġodda (25) fir-rigward tal-ksur meta mqabbla ma’ dawk li hija kienet għadha waslet għalihom f’dak il-mument abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn impriżi oħra jew mill-investigazzjoni tagħha stess.

58.      Il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq huma kumulattivi.

59.      Jekk wara kliem it-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni wieħed jgħaddi biex jikkunsidra l-pożizzjoni sistematika tiegħu, l-element li jispikka mill-ewwel huwa l-inklużjoni tas-sistema tal-immunità parzjali fil-punt li jistabbilixxi l-konsegwenzi, f’termini ta’ tnaqqis tal-multa, tal-kooperazzjoni rregolata fil-punt 24 ta’ dan l-avviż. Madankollu, għar-raġunijiet li ser nindika, ma jidhirlix li dan il-punt sistematiku għandu jinfluwenza b’mod determinanti l-interpretazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-immunità parzjali, b’mod partikolari li jdaħħal il-kooperazzjoni li tagħti lok għal din it-tip ta’ immunità fil-kuntest ta’ dik prevista fil-punt 24 ta’ dan l-avviż.

60.      Fil-fatt, it-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 jsegwi loġika differenti minn dik tal-punt 24 ta’ dan l-istess avviż, mhux biss fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà msemmija iktar ’il fuq (26), imma wkoll għall-modi li permezz tagħhom tiġi ppremjata l-kooperazzjoni tal-impriża. Jekk, skont l-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, l-applikazzjoni tal-punt 24 ta’ dan l-avviż jagħti lok għal tnaqqis tal-multa billi jiġu applikati skonti perċentwali deċiżi abbażi tal-kontribut effettiv – f’termini ta’ kwalità u ta’ żmien ta’ intervent – ta’ kull impriża, it-tielet paragrafu tal-punt 26 ta’ dan l-avviż jipprevedi li l-Kummissjoni ma tiħux inkunsiderazzjoni, meta tistabbilixxi l-ammont tal-multa eventwali li għandha tiġi imposta fuq l-impriża, il-punti ta’ fatt li fuqhom tkun ibbażata t-talba għall-immunità parzjali u għaldaqstant, essenzjalment, ta’ parti mill-aġir illegali tal-impriża inkwistjoni. Minn dan l-aspett, il-benefiċċju tal-immunità parzjali jixbah lil dak tal-immunità totali, mogħti lill-impriża li tipprovdi “[k]ontribuzzjoni deċiżiva għall-ftuħ ta’ investigazzjoni jew għall-kostatazzjoni ta’ xi ksur” (27).

61.      Id-diversità tal-kriterji li għalihom hija suġġetta l-applikazzjoni tal-immunità parzjali fir-rigward tat-tnaqqis tal-multa previst fid-dispożizzjonijiet konġunti tal-punt 24 u tal-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, kif ukoll il-mod differenti ta’ ppremjar previst jirriflettu differenza kwalitattiva tal-kooperazzjoni pprovduta mill-impriża. Biex impriża tkun tista’ taċċedi għall-benefiċċju tal-immunità parzjali, ma huwiex suffiċjenti li hija tipproduċi “provi tal-ksur allegat li jirrapreżentaw valur miżjud sinifikanti b’rispett [meta pparagunati] għall-evidenza li diġa’ tkun tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni”, li “jsaħħu […] il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza tal-akkordju allegat” (28), anki jekk determinanti fis-sens tal-aħħar sentenza tal-punt 25 tal-imsemmi avviż, iżda huwa meħtieġ quid pluris. Huwa għaldaqstant meħtieġ li l-elementi pprovduti mill-impriża jiżvelaw lill-Kummissjoni dimensjoni oħra tal-ksur, f’termini ta’ tul jew ta’ gravità.

62.      Kieku ma kienx hekk, il-każijiet irregolati mit-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 kienu jkunu distingwibbli minn dawk previsti fil-punti 24 u 25 ta’ dan l-avviż – li diġà jikkontempla l-ipoteżi fejn l-impriża tipproduċi “provi determinanti” – biss minħabba n-natura tal-fatti li fuqhom huma bbażati tali provi. Issa, barra minn dak li ngħad sa issa, kontra din l-assimilazzjoni hemm ukoll l-assenza ta’ kull riferiment espliċitu, fit-tielet paragrafu tal-punt 26, għall-bażi probatorja li l-Kummissjoni jkollha fil-pussess tagħha fil-mument tal-preżentazzjoni tat-talba għall-immunità parzjali, b’kuntrast ma’ dak li jiġri fil-każ tal-punt 24 li jafferma espressament li l-impriżi jridu jipproduċu provi li jikkostitwixxu valur miżjud sinjifikattiv “b’rispett [meta pparagunati] għall-evidenza li diġa’ tkun tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni”.

63.      Għal dak li jikkonċerna, fl-aħħar nett, l-għanijiet tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, dawn jikkonsistu, min-naħa, f’li jippermettu li l-Kummissjoni tippremja impriża li tipproduċi provi ġodda, tali li jiżvelaw li akkordju li hija kienet diġà taf bih kien itwal jew iktar gravi u li fir-rigward tiegħu diġà tat immunità totali lil impriża parteċipanta oħra, u min-naħa l-oħra, li jiggarantixxu lill-impriża li ma tkunx għad tista’ tikkwalifika għall-finijiet tal-immunità li, f’każ fejn tikkoopera billi tipproduċi provi ġodda fl-investigazzjoni, il-kontribut tagħha ma jwassalx għal żieda fis-sanzjoni li kellha tiġi imposta fuqha fil-każ li hija ma tiżvelax tali provi (29). L-impriża li tkun illimitat ruħha biex ittejjeb l-għarfien li l-Kummissjoni diġà kellha ta’ ċertu perijodu jew ta’ aspett partikolari tal-ksur ma tikkwalifikax, fid-dawl ta’ tali għanijiet, għall-fini ta’ immunità parzjali u dan minkejja r-rilevanza u l-utilità tad-dokumenti pprovduti sabiex tikkorrobora l-qafas probatorju li l-Kummissjoni kellha fil-pussess tagħha fir-rigward ta’ elementi li jirrigwardaw in-natura, il-portata jew il-mekkaniżmi tal-akkordju diġà magħrufa minnha (30).

64.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkunsidra li skont interpretazzjoni litterali, sistematika u teleoloġika tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż tal-2006, tali dispożizzjoni għandha tinqara fis-sens li ma huwiex suffiċjenti, biex impriża tkun eliġibbli biex tgawdi mill-benefiċċju tal-immunità parzjali, li hija tipproduċi provi determinanti li jippermettu li l-Kummissjoni taċċerta fatti li jistgħu iżidu l-gravità jew it-tul tal-ksur, iżda jeħtieġ ukoll li, fil-mument tat-tressiq tat-talba, tali fatti ma kinux diġà magħrufa mill-Kummissjoni, fis-sens li ser niċċara iktar ’il quddiem.

65.      Din il-konklużjoni ma hijiex, fil-fehma tiegħi, kontraddetta mill-fatt li t-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 ma rriproduċiex il-kliem, ħafna minnhom espliċiti, użati fit-tielet paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

66.      Ma hemmx dubju li l-espressjoni “fatti […] li l-Kummissjoni ma kinitx taf bihom” ma hijiex ambigwa fir-rigward tar-rekwiżit li t-talba għall-immunità parzjali trid tipprovdi “informazzjoni ġdida” lill-Kummissjoni” (31). Madankollu, fil-fehma tiegħi, ma jkunx korrett li mis-sempliċi fatt li l-istess espressjoni ma ġietx riprodotta fl-Avviż tal-2006 wieħed jinferixxi l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tneħħi tali rekwiżit mill-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għall-benefiċċju tal-immunità parzjali.

67.      Min-naħa, kif intwera iktar ’il fuq, kliem it-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, għalkemm inqas espliċitu fejn juża l-espressjoni “fatti addizzjonali”, joqgħod madankollu għal interpretazzjoni fis-sens li t-talba għall-immunità parzjali trid tgħarraf lill-Kummissjoni b’fatti oħra, li din ma kinitx taf bihom qabel.

68.      Min-naħa l-oħra, mid-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni li akkumpanjaw l-adozzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 jirriżulta li l-kriterju għall-għoti ta’ immunità parzjali ma tbiddilx iżda ġie biss ippreċiżat, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-valur probatorju li għandu jkollhom il-provi prodotti mill-impriżi (32).

69.      B’kuntrast ma’ dak li jsostnu l-appellanti, ma huwiex għalhekk possibbli li jingħata valur deċiżiv lill-paragun bejn id-diversi formulazzjonijiet tat-tielet paragrafdu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 u t-tielet paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002.

70.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha nikkunsidra għaldaqstant li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod korrett it-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż tal-2006, fejn ikkunsidrat li waħda mill-kundizzjonijiet biex dan japplika hija li l-provi prodotti mill-impriża jkunu jirrigwardaw fatti li l-Kummissjoni ma kinitx taf bihom qabel.

71.      Madankollu, jeħtieġ li jiġi ċċarat li biex jiġi eskluż il-benefiċċju tal-immunità parzjali ma huwiex biżżejjed il-fatt li l-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tippreżumi, abbażi ta’ sempliċi konġetturi, il-fatti li tirreferi għalihom l-informazzjoni pprovduta mill-impriża, iżda huwa meħtieġ li hija diġà jkollha provi, anki jekk indizjarji, li jippermettulha tikkonkludi li tali fatti seħħew, anki jekk għadha mhux fil-grad li tipprovahom b’mod adegwat. F’dawn il-każijiet, fil-fatt, l-elementi pprovduti mill-impriża ma jippermettux li “jikkostitwixxu” prova ġdida, iżda huma limitati biex isaħħu l-kapaċità tal-Kummissjoni sabiex tipprova l-fatti li jirreferu għalihom il-provi u jikkwalifikaw biss għaldaqstant għall-finijiet tat-tnaqqis tal-multa (33).

72.      Bħala konklużjoni, biex tikkwalifika għall-finijiet tal-immunità parzjali l-impriża trid tkun l-ewwel waħda li tgħarraf lill-Kummissjoni b’fatti li jistgħu jżidu t-tul jew il-gravità tal-ksur u li tipproduċi provi li jippermettu li din l-istituzzjoni taċċertahom. Jekk il-Kummissjoni kienet diġà taf b’tali fatti fis-sens iċċarat fil-punt preċedenti jew jekk l-elementi pprovduti ma jilħqux tali livell ta’ prova, l-impriża tkun tista’ eventwalment tgawdi minn tnaqqis tal-multa fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni.

73.      It-teżi ta’ Recylex li skontha ma huwiex meħtieġ, għall-finijiet tal-applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż tal-2006, li l-fatti li fuqhom tkun ibbażata t-talba għall-immunità parzjali ma ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi għalhekk miċħuda (34). Isegwi li, b’kuntrast ma’ dak li sostniet Recylex fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, u kif ġie ppreċiżat imbagħad mill-Qorti Ġenerali fil-punt 88 tas-sentenza appellata, paragun bejn il-valur probatorju tal-provi prodotti minnha, insostenn tat-talba għall-immunità parzjali tagħha, u l-valur probatorju ta’ dawk li diġà kienu fil-pussess tal-Kummissjoni fid-data tal-preżentazzjoni ta’ tali talba ma jkunx rilevanti fil-każ fejn l-imsemmija provi jirrigwardaw fatti li l-Kummissjoni tkun diġà taf bihom fis-sens iċċarat iktar ’il fuq. Fil-fatt, f’dan il-każ, l-applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż tal-2006 tiġi madankollu eskluża.

74.      Ninnota madankollu li, anki li kieku kellha tintlaqa’, l-interpretazzjoni ta’ tali dispożizzjoni mressqa minn Recylex tibqa’, fil-fehma tiegħi, żbaljata. Din tal-aħħar tafferma essenzjalment li l-benefiċċju tal-immunità parzjali huwa dovut lill-impriża kull darba li, fil-mument tal-preżentazzjoni tat-talba, il-Kummissjoni ma tkunx għadha f’pożizzjoni li tipprova b’mod adegwat il-fatti li jirreferu għalihom il-provi prodotti insostenn ta’ tali talba. Issa, tali interpretazzjoni, li essenzjalment tissuġġetta r-rifjut tal-għoti tal-immunità parzjali għall-kundizzjoni li l-Kummissjoni tkun diġà fil-pussess ta’ provi determinanti b’riferiment għal tali fatti, barra milli ma tissemma mkien fit-test tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż tal-2006, lanqas ma tinsab fost il-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-applikazzjoni tal-punt 24. Dan tal-aħħar jeżiġi fil-fatt li l-provi prodotti mill-impriża jkollhom valur miżjud sinjifikattiv għall-Kummissjoni, b’mod li jsaħħu l-kapaċità tagħha li tipprova l-eżistenza tal-akkordju inkwistjoni, iżda ma jeżiġix li t-talba għat-tnaqqis tal-multa tintlaqa’ awtomatikament fil-każijiet kollha fejn il-Kummissjoni ma tkunx għadha f’pożizzjoni li tipprova l-fatti li fuqhom ikunu bbażati l-provi msemmija. Għalkemm huwa evidenti li t-talba għat-tnaqqis tal-multa tkun tista’ tiġi miċħuda fil-każ fejn il-Kummissjoni jkollha diġà provi suffiċjenti, fil-każijiet kollha l-oħra l-kwistjoni ta’ jekk il-provi prodotti mill-impriża humiex idonei biex iwasslu għal tnaqqis tal-multa tiddependi fuq evalwazzjoni tal-valur tagħhom li għandha ssir każ b’każ.

d)      Konklużjonijiet dwar l-ewwel parti tal-ewwel aggravju u dwar it-tieni aggravju

75.      Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel parti tal-ewwel aggravju.

76.      Fil-kuntest tat-tieni aggravju tagħha, Recylex tikkritika lill-Qorti Ġenerali, min-naħa, talli interpretat b’mod żbaljat il-kriterju ġuridiku involut fl-applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż tal-2006 u, min-naħa l-oħra, talli ma eżaminatx, skont il-kriterju differenti li Recylex qieset li huwa rilevanti, jekk l-elementi fil-pussess tal-Kummissjoni qabel it-talba għall-klemenza mressqa minn Recylex kinux jippermettu li tali istituzzjoni tipprova b’mod adegwat l-eżistenza ta’ ksur li jirrigwarda lil Franza. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, dawn iż-żewġ ilmenti u, konsegwentement, it-tieni aggravju fl-intier tiegħu, għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq it-tieni u t-tielet parti tal-ewwel aggravju: żnaturament tal-provi u ksur tar-regoli fil-qasam tal-oneru tal-prova

a)      Sentenza appellata

77.      Fil-punti 91 sa 96 tas-sentenza appellata, li jirrigwardaw it-tieni u t-tielet parti tal-ewwel aggravju, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li min-noti miktuba bl-idejn minn impjegat ta’ Campine, li nkisbu waqt spezzjoni li saret fil-bini tal-istess kumpannija bejn is-26 u t-28 ta’ Settembru 2012, u moqrija fid-dawl tal-informazzjoni ġenerali dwar l-akkordju pprovduta minn JCI permezz tat-talba għall-klemenza tagħha, wieħed seta’ jiddeduċi mill-ewwel l-eżistenza ta’ laqgħa multilaterali antikompetittiva li seħħet viċin it-23 ta’ Settembru 2009. Għalkemm tali noti ma semmewx espressament il-post fejn inżammet tali laqgħa u semmew id-data tal-24 ta’ Settembru 2009 u mhux dik tat-23 ta’ Settembru 2009, skont il-Qorti Ġenerali dawn kien fihom ħafna informazzjoni li kienet tippermetti li jiġi konkluż li dawn kienu l-minuti ta’ laqgħa li fiha ġie diskuss il-prezz tax-xiri tal-iskart ta’ batteriji u mhux, kif sostniet Campine, il-minuti tan-negozjati fuq it-tiġdid tal-ftehim ta’ tolling bejn JCI u Campine. Fil-punt 94 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali osservat li, għall-finijiet li tiġi stabbilita d-data tal-bidu ta’ akkordju ma huwiex meħtieġ li tkun magħrufa l-informazzjoni dwar il-post fejn tkun seħħet l-ewwel laqgħa antikompetittiva. Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni “kienet taf” bil-fatt li kienet seħħet laqgħa antikompetittiva fit-23 ta’ Settembru 2009 qabel ma rċeviet l-informazzjoni pprovduta minn Recylex fil-kuntest tat-talba għall-klemenza tagħha, li pjuttost kienet limitata biex issaħħaħ il-kapaċità tal-Kummissjoni li tipprova tali fatt (ara l-punt 96 tas-sentenza appellata).

b)      L-argumenti tal-partijiet

78.      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, Recylex tikkritika lill-Qorti Ġenerali li żnaturat manifestament in-noti miktubin bl-idejn ta’ Campine u l-informazzjoni pprovduta minn JCI, inkwantu kkunsidrat li tali provi kienu jippermettu li l-Kummissjoni turi l-eżistenza ta’ laqgħa multilaterali antikompetittiva li nżammet fit-23 ta’ Settembru 2009 u li tiffissa l-bidu tal-ksur f’din id-data. Min-naħa, Recylex issostni li l-informazzjoni pprovduta minn JCI fit-28 ta’ Ġunju 2012 ma tagħmel ebda riferiment għall-ebda laqgħa jew kuntatti antikompetittivi li seħħew f’Settembru 2009 u ma jissuġġerixxu bl-ebda mod li l-akkordju beda f’dak iż-żmien. Min-naħa l-oħra, Recylex tosserva li n-noti miktubin bl-idejn ta’ Campine kienu jirreferu għal data differenti mit-23 ta’ Settembru 2009 (l-24 ta’ Settembru 2009), li dawn la jipprovdu indikazzjonijiet fuq il-parteċipanti fil-laqgħa u lanqas fuq in-natura antikompetittiva ta’ din il-laqgħa u fl-aħħar nett, li Campine, matul il-proċedura amministrattiva kollha, ċaħdet li tali noti kienu jirrigwardaw kuntatti antikompetittivi u dan minkejja li hija kienet obbligata, fil-kwalità tagħha bħala impriża li talbet il-klemenza, li tikkoopera lealment mal-Kummissjoni.

79.      Fil-kuntest tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, Recylex issostni li huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tipprova l-eżistenza tal-punti ta’ fatt li jikkostitwixxu ksur. In-noti miktubin bl-idejn ta’ Campine, anki meta moqrija fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta minn JCI fit-28 ta’ Ġunju 2012, ma jikkostitwixxux provi preċiżi u konkordanti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq permezz tal-organizzazzjoni tal-laqgħa antikompetittiva f’Windhagen fit-23 ta’ Settembru 2009. Bil-fatt li kkonkludiet li tali noti ppermettew li l-Kummissjoni tipprova l-eżistenza ta’ tali laqgħa, il-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli fil-qasam tal-oneru probatorju.

80.      Skont il-Kummissjoni l-argumenti mressqa minn Recylex fil-kuntest tal-ilmenti suesposti huma inammissibbli, peress li essenzjalment jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħmel eżami ġdid tal-provi. Hija tikkontesta dawn l-argumenti fil-mertu wkoll.

c)      Evalwazzjoni

81.      Iż-żewġ ilmenti mressqa minn Recylex huma bbażati, fil-fehma tiegħi, fuq interpretazzjoni żbaljata tas-sentenza appellata. B’kuntrast ma’ dak li sostniet Recylex, fil-verità il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx, fil-punti 93 sa 97 tas-sentenza appellata, li l-elementi li l-Kummissjoni kellha fil-pussess tagħha qabel it-tressiq tat-talba ta’ Recylex għall-klemenza, jiġifieri n-noti miktubin bl-idejn ta’ Campine u l-informazzjoni pprovduta minn JCI fit-28 ta’ Ġunju 2012, kienu jikkostitwixxu prova suffiċjenti tal-fatt li kienet inżammet laqgħa antikompetittiva bejn il-parteċipanti fl-akkordju fit-23 ta’ Settembru 2009 f’Windhagen (35).

82.      Kif diġà kelli l-opportunità nosserva fil-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, min-naħa l-oħra, biex tikkonstata li l-imsemmija dokumenti, ikkunsidrati flimkien, kienu ppermettew lill-Kummissjoni biex issir taf bil-fatt li kienet inżammet laqgħa antikompetittiva fit-23 ta’ Settembru 2009. Dan joħroġ ċar kemm mill-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punti 85 sa 89 tas-sentenza appellata li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, li l-punti 91 sa 97 ta’ tali sentenza jimplimentaw (36), kif ukoll, b’mod partikolari, mill-punti 96 u 97 tal-imsemmija sentenza.

83.      Fl-ewwel wieħed minn dawn il-punti, wara li analizzat in-noti miktubin bl-idejn ta’ Campine fid-dawl tad-dokumenti pprovduti minn JCI, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li “l-Kummissjoni kienet diġà taf bil-fatt li kienet inżammet laqgħa antikompetittiva fit-23 ta’ Settembru 2009, saħansitra qabel ma rċeviet l-informazzjoni mingħand Recylex” (37). Huwa minnu li, fl-istess punt, il-Qorti Ġenerali tkompli billi tippreċiża li l-informazzjoni pprovduta minn Recylex “kienet […] ippermettiet it-tisħiħ tal-kapaċità tal-Kummissjoni li tipprova tali fatt”. Madankollu, ma jidhirlix li jista’ jiġi dedott minn din il-frażi, b’mod partikolari meta moqrija fid-dawl tal-motivi kollha li fosthom tinsab, li l-Qorti Ġenerali riedet tafferma li l-imsemmija noti u dokumenti kienu minnhom infushom suffiċjenti biex jipprovaw b’mod adegwat il-fatt li nżammet l-imsemmija laqgħa.

84.      Fil-punt 97 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddikjarat bħala irrilevanti l-argumenti mressqa minn Recylex abbażi tal-paragun bejn il-valur probatorju tad-dokumenti pprovduti minn din u dawk li kienu diġà fil-pussess tal-Kummissjoni. B’mod konformi mal-interpretazzjoni tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 adottata fil-punti 85 sa 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li kien meħtieġ li jsir tali paragun. Għaldaqstant ma setax ikun li hija kkonkludiet, kif issostni Recylex b’mod żbaljat, li l-elementi li kienu fil-pussess tal-Kummissjoni kienu, minnhom infushom, suffiċjenti biex jipprovaw id-data tal-bidu tal-ksur, indipendentement mill-informazzjoni pprovduta minn Recylex fil-kuntest tat-talba tagħha għall-klemenza.

d)      Konklużjonijiet dwar it-tieni u t-tielet parti tal-ewwel aggravju u dwar dan l-aggravju fl-intier tiegħu

85.      Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jidhirli li anki t-tieni u t-tielet parti tal-ewwel aggravju ta’ Recylex għandhom jiġu miċħuda, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk, kif sostniet Recylex, il-Qorti Ġenerali wettqitx żnaturament tal-provi eżaminati. F’dan ir-rigward, nikkunsidra li Recylex ma kkontestatx, fil-kuntest tat-tieni parti tiegħu, li tali elementi kienu ppermettew li l-Kummissjoni ssir taf bil-fatt li nżammet laqgħa antikompetittiva bejn il-parteċipanti fl-akkordju fit-23 ta’ Settembru 2009, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali, imma biss li l-Kummissjoni kienet diġà f’pożizzjoni li tipprova b’mod adegwat tali fatt qabel ma kisbet l-informazzjoni pprovduta minn Recylex.

86.      Fil-fehma tiegħi, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

C.      Fuq it-tielet aggravju: żball fl-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006

1.      Is-sentenza appellata

87.      It-tielet aggravju huwa intiż kontra l-punti 136 sa 154 tas-sentenza appellata, li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-raba’ motiv ta’ Recylex. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, Recylex sostniet li Eco-Bat, li ġiet meqjusa mill-Kummissjoni bħala li kienet l-ewwel impriża li pproduċiet provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv, ma kinitx wettqet id-dmir ta’ kooperazzjoni tagħha mal-Kummissjoni, peress li kienet ipprovdiet informazzjoni mhux kompluta u ingannuża għal dak li jirrigwarda t-territorji koperti mill-ksur, u għaldaqstant kellha tiġi eskluża mill-benefiċċju previst fl-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006. Recylex sostniet li, wara l-esklużjoni ta’ Eco-Bat, hija kellha tidħol flokha u tibbenefika mit-tnaqqis massimu tal-multa, ekwivalenti għal 50 %, skont l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006.

88.      Mingħajr ma eżaminat l-argumenti ta’ Recylex dwar il-kooperazzjoni ta’ Eco-Bat, il-Qorti Ġenerali rrispondiet fin-negattiv għad-domanda dwar jekk, f’każ fejn żewġ impriżi jkunu t-tnejn li huma pproduċew provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv, dik li tkun ipprovdiethom l-aħħar tistax tieħu post l-ewwel waħda, meta l-kooperazzjoni ta’ dik l-ewwel waħda tirriżulta li ma hijiex konformi mar-rekwiżiti msemmija fil-punt 12 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 (38). Filwaqt li bbażat ruħha fuq interpretazzjoni restrittiva tar-regoli dwar il-kooperazzjoni, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 147 sa 150 tas-sentenza appellata li la mill-formulazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 u lanqas mil-loġika tiegħu ma jirriżulta li n-nuqqas ta’ osservanza tad-dmir ta’ kooperazzjoni jaffettwa l-ordni kronoloġiku ta’ eliġibbiltà mogħti lit-talbiet għal trattament favorevoli.

89.      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kienet wettqet ebda żball meta ma kkonċedietx lil Recylex tnaqqis tal-multa fil-medda ta’ bejn it-30 % u l-50 %.

2.      L-argumenti tal-partijiet

90.      Recylex issostni li l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 u wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li, anki li kieku l-kooperazzjoni ta’ Eco-Bat ma kinitx konformi mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 12 ta’ dan l-avviż, hija ma kinitx tkun tista’ tieħu postha fl-iskala tat-tnaqqis tal-multa msemmija fl-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-imsemmi avviż. Skont Recylex, jirriżulta mill-kontenut literali, mill-istruttura u mill-għanijiet tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 li impriża li l-kooperazzjoni tagħha ma tissodisfax il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 12 ta’ dan l-avviż għandha tkun eskluża għall-finijiet tal-klassifikazzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-istess avviż u li l-kwistjoni biex tiġi ddefinita l-pożizzjoni tagħha fil-kuntest ta’ tali klassifika ma tqumx. B’kuntrast ma’ dak li affermat il-Qorti Ġenerali, tali approċċ bl-ebda mod ma jirriskja li jdgħajjef l-inċentiv sabiex l-impriżi jikkooperaw mal-Kummissjoni malajr kemm jista’ jkun, anzi jħajjarhom iktar għal kooperazzjoni effettiva, sħiħa u rapida.

91.      Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet aggravju huwa infondat. Anki kieku Eco-Bat kisret l-obbligu ta’ kooperazzjoni tagħha, dan kien ikun iwassal biss għall-esklużjoni tal-istess mill-benefiċċju tat-tnaqqis tal-multa tagħha, mingħajr ma jagħti ebda vantaġġ lil Recylex, li ma tkunx tista’ tieħu post Eco-Bat peress li xorta waħda ma tissodisfax il-kundizzjoni li tkun “l-ewwel” impriża li tkun ipproduċiet provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv. Skont il-Kummissjoni, l-interpretazzjoni proposta minn Recylex ma hijiex konformi mal-għan tal-Avviż dwar il-klemenza tal-2006 peress li, mhux biss ma żżidx l-inċentiv għall-membri ta’ akkordju antikompetittiv biex jikkoperaw l-iktar malajr possibbli mal-Kummissjoni, imma tista’ saħansitra twassal għal sitwazzjoni ipotetika fejn żewġ impriżi jibbenefikaw minn tnaqqis tal-multa fi ħdan l-istess medda.

–       Evalwazzjoni

92.      Biex tkun tista’ tibbenefika minn tnaqqis tal-multa fis-sens tal-punt 24 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, impriża trid tipproduċi quddiem il-Kummissjoni provi tal-allegat ksur li jikkostitwixxu valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi li jkunu diġà fil-pussess ta’ tali istituzzjoni.

93.      L-aħħar sentenza ta’ dan il-punt tipprovdi li l-impriża, barra minn hekk, għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi indikati fil-punt 12(a), (b) u (ċ) tal-istess avviż. Hija għandha “tikkoopera b’mod ġenwin, sħiħ, u fuq bażi kontinwa u mingħajr dewmien minn meta tissottometti l-applikazzjoni sat-tmiem tal-proċedura amministrattiva tal-Kummissjoni” (punt 12(a)), għandha “tkun temmet l-involviment tagħha fl-akkordju allegat immedjatament wara t-talba tagħha” (punt 12(b)) u, meta tkun qiegħda tikkunsidra li tressaq it-talba tagħha għall-klemenza, hija “ma tridx tkun qerdet, iffalsifikat jew ħbiet xi provi tal-akkordju u lanqas żvelat li tixtieq tressaq tali talba jew żvelat xi partijiet mill-kontenut tat-talba” (punt 12(ċ)). Skont it-tieni paragrafu tal-punt 30 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, jekk il-Kummissjoni tikkonstata li l-impriża ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 12 ta’ dan l-avviż, hija “ma tibbenefika mill-ebda trattament favorevoli”.

94.      Il-punt 24 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 jistabbilixxi, għaldaqstant, ir-rekwiżit sostantiv biex ikun hemm aċċess għall-benefiċċju tat-tnaqqis tal-multa – jiġifieri t-trażmissjoni lill-Kummissjoni ta’ elementi li għandhom ċertu valur probatorju – u, min-naħa l-oħra, jeżiġi l-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet li jistgħu jkunu ddefiniti ta’ meritevolezza u li jirrigwardaw l-aġir tal-impriża kemm preċedenti kif ukoll sussegwenti għat-tressiq tat-talba għat-tnaqqis tal-multa. F’każ li l-ewwel rekwiżit ikun nieqes, l-impriża ma tikkwalifikax għall-finijiet ta’ tnaqqis tal-multa, skont il-punt 29 tal-imsemmi avviż, filwaqt li fil-każ fejn ma jkunx issodisfatt it-tieni wieħed, l-impriża, għalkemm tikkwalifika għat-tnaqqis, ma għandha tibbenefika minn ebda trattament favorevoli, skont l-imsemmi tieni paragrafu tal-punt 30.

95.      Il-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 jistabbilixxi l-kriterji għll-iffissar tal-livell ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa li minnu għandha tibbenefika l-impriża li tikkwalifika għall-finijiet ta’ tali tnaqqis u li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ meritevolezza stabbiliti fl-imsemmi punt 12.

96.      F’dan ir-rigward huwa importanti li jingħad li, fl-istruttura ta’ dan l-avviż, l-ewwel tiġi ddefinita, fuq bażi ratione temporis, il-medda ta’ tnaqqis tal-multa li minnha tista’ tibbenefika impriża waħda u, huwa biss wara, fil-kuntest ta’ tali medda, li jiġi stabbilit it-tnaqqis konkret tal-multa abbażi tal-valur miżjud tal-provi prodotti (39).

97.      Tali approċċ iwassal għal tisħiħ tal-kundizzjoni ratione temporis bħala fattur ta’ inċentiv għall-kooperazzjoni, li fuqu diġà kelli l-opportunità niffoka iktar kmieni fuq l-importanza ta’ din il-kundizzjoni għall-finijiet tal-effikaċità ta’ programm ta’ klemenza (40). L-impriżi jafu li huwa biss jekk jikkooperaw qabel l-oħrajn li huma jkunu jistgħu jikkwalifikaw għall-massimu tat-tnaqqis u dan indipendentement mill-valur miżjud effettiv tal-elementi pprovduti, li jiġi evalwat biss sussegwentement biex jiġi stabbilit l-ammont tat-tnaqqis fil-limiti tal-medda allokata.

98.      Minn dan isegwi li d-dimensjoni ratione temporis tal-kooperazzjoni u għaldaqstant l-ordni kronoloġiku tat-tressiq tat-talbiet għat-tnaqqis tal-multa jieħu importanza preponderanti fis-sistema tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 (41).

99.      Jekk tiġi segwita t-teżi ta’ Recylex ikun ifisser, għaldaqstant, mhux biss li jiġi injorat it-test tal-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006, li jistabbilixxi l-meded ta’ tnaqqis tal-multa biss skont l-ordni kronoloġiku tat-tressiq tat-talbiet, imma wkoll li wieħed imur kontra l-istruttura stess ta’ tali avviż.

100. Kif il-Kummissjoni ssostni b’mod korrett, anki kieku Eco-Bat ma kinitx issodisfat il-kundizzjonijiet ta’ meritevolezza indikati qabel u tilfet il-benefiċċju ta’ trattament favorevoli, Recylex xorta waħda ma tkunx tista’ tibbenefika mill-medda ta’ tnaqqis imsemmija fl-ewwel inċiż ta’ dan il-punt minħabba s-sempliċi raġuni li ma kinitx l-ewwel impriża li pproduċiet provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv u li għaldaqstant ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006.

101. It-telf tal-benefiċċju tat-tnaqqis tal-multa minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 12 tal-avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006 ma jammontax għal konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit sostantiv previst mill-punt 24 ta’ dan l-avviż u ma jistax, għaldaqstant, jaħdem favur il-parteċipanti l-oħra fil-programm ta’ klemenza tal-Kummissjoni, li t-talba tagħhom tiġi wara, u mill-ġdid jiftaħ għad-diskussjoni l-ordni kronoloġiku tat-tressiq tat-talbiet li fuqu hija bbażata d-determinazzjoni tal-meded ta’ tnaqqis fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-istess avviż (42).

102. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena tal-fehma għaldaqstant li anki t-tielet aggravju ta’ Recylex għandu jkun miċħud bħala infondat.

VI.    Konklużjoni intermedja

103. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jiena tal-fehma li l-aggravji kollha mressqa minn Recylex u l-appell fl-intier tiegħu għandhom jiġu miċħudin.

VII. Fuq l-ispejjeż

104. Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell jiġi miċħud, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Konformement mal-Artikolu 137(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

105. Peress li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u peress li l-Kummissjoni għamlet talba f’dan is-sens, l-appellanti għandhom, fil-fehma tiegħi, jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

VIII. Konklużjoni

106. Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.


1      Lingwa oriġinali: it-Taljan.


2      T‑222/17, EU:T:2019:356.


3      C(2017) 900 final (Każ AT.40018 – Riċiklaġġ ta’ Batteriji tal-Vetturi)


4      ĠU 2006, C 298, p. 17.


5      Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 2, p. 155).


6      Ninnota li dispożizzjoni simili, anki jekk ifformulata f’termini differenti, tinsab fl-Artikolu 18(3) tad-Direttiva (UE) 2019/1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 sabiex l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jingħataw setgħat biex ikunu inforzaturi aktar effettivi, u biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern (ĠU 2019, L 11, p. 3). It-test ta’ din id-dispożizzjoni huwa is-segwenti: “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk l-applikant jissottometti evidenza konvinċenti li l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tuża biex tipprova fatti addizzjonali li jwasslu għal żieda fil-multi meta mqabbla mal-multi li kieku kienu jiġu imposti fuq il-parteċipanti fil-kartell sigriet, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma għandhiex tieħu kont ta’ tali fatti addizzjonali meta tistabbilixxi kwalunkwe multa li għandha tiġi imposta fuq l-applikant għat-tnaqqis tal-multi li jkun ipprovda din l-evidenza”.


7      Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti bl-applikazzjoni tal-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2).


8      Recylex titlob li l-multa titnaqqas għal: EUR 5 876 512 f’każ li jintlaqgħu t-tliet aggravji; għal EUR 17 677 434 f’każ li jintlaqa’ l-ewwel aggravju; għal EUR 13 302 718 f’każ li jintlaqa’ t-tieni aggravju; għal EUR 19 099 000 f’każ li jintlaqa’ biss it-tielet aggravju; għal EUR 8 227 117 f’każ li jintlaqgħu l-ewwel u t-tieni aggravju; għal EUR 12 626 738 f’każ li jintlaqgħu l-ewwel u t-tielet aggravju; għal EUR 9 501 941 f’każ li jintlaqgħu t-tieni u t-tielet aggravju.


9      Ara f’dan is-sens, il-punt 3 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006.


10      Ara l-punt 38 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006.


11      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni (C‑397/03 P, EU:C:2006:328, punt 91), u tat-8 ta’ Diċembru 2011, Chalkor vs Il-Kummissjoni (C‑386/10 P, EU:C:2011:815, punt 60).


12      F’dan is-sens, ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (T‑128/11, EU:T:2014:88, punt 167).


13      T‑267/12, mhux ippubblikata, EU:T:2016:110, punt 377.


14      C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 79.


15      T‑265/12, EU:T:2016:111, punt 386.


16      T‑154/09, EU:T:2013:260, punti 117 u 127.


17      Dawn ikunu l-ewwel impriża li tkun ipprovdiet lill-Kummissjoni ċerta informazzjoni dwar ċertu ksur u t-tieni impriża, f’ordni kronoloġiku, li tkun ipprovdiet lill-Kummissjoni b’informazzjoni korroboranti dwar l-istess ksur tali li jippermettu li l-Kummissjoni tipprovah b’mod adegwat, minkejja li l-Kummissjoni tkun diġà taf bl-eżistenza tal-istess.


18      Il-Qorti Ġenerali eżaminat jekk “il-Kummissjoni kinitx taf, qabel it-talba għall-klemenza ta’ Recylex tat-23 ta’ Ottubru 2012, bil-fatt li kienet inżammet laqgħa antikompetittiva fit-23 ta’ Settembru 2009” (fil-verżjoni tal-lingwa uffiċjali tal-proċedura: “whether the Commission was already aware, before Recylex’s application for leniency of 23 October 2012, of the fact that an anticompetitive meeting had taken place on 23 September 2009”) (punt 91) u wara li ħadet inkunsiderazzjoni d-dokumenti varji fil-pussess tal-Kummissjoni qabel tali talba, waslet għall-konklużjoni li “il-Kummissjoni kienet diġà taf” b’tali laqgħa (“the Commission was already aware of the fact that an anticompetitive meeting had taken place on 23 September 2009 before it received the information provided by Recylex”) (punt 96). Bl-istess mod, fil-punt 106 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali kkonkludiet li “l-Kummissjoni kienet diġà taf bil-fatt li l-akkordju kien ikopri lil Franza qabel it-talba għall-immunità parzjali ta’ Recylex” (“the Commission was already aware of the fact that the cartel covered France before Recylex’s application for partial immunity”). L-enfasi ġiet miżjuda minni.


19      Il-korsiv miżjud minni.


20      Il-verżjoni Franċiża tal-punt 95 huwa s-segwenti: “le contenu et le sens des notes manuscrites permettaient de savoir que les différentes entreprises citées et leurs représentants avaient participé, le 23 septembre 2009, à une réunion anticoncurrentielle”; l-korsiv miżjud minni.


21      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza LG Display, punt 84, u d-digriet tal-21 ta’ Novembru 2013, Kuwait Petroleum et vs Il-Kummissjoni (C‑581/12 P, mhux ippubblikat, EU:C:2013:772, punt 20).


22      Ninnota li l-istess kundizzjoni hija prevista fl-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2019/1, fejn tintalab il-preżentazzjoni ta’ “evidenza konvinċenti”.


23      Il-verżjoni Taljana tal-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2019/1, li jipprevedi l-istess kundizzjoni, hija iktar espliċita fl-indikazzjoni li l-provi prodotti mill-impriża għandhom jippermettu li jiġu pprovati “ulteriori circostanze [ċirkustanzi ulterjuri]”.


24      Ninnota madankollu li, fis-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, MRI vs Il-Kummissjoni (T‑154/09, EU:T:2013:260, punt 117), li fuqha tibbaża ruħha Recylex insostenna tat-teżi tagħha, il-Qorti Ġenerali interpretat tali kundizzjoni fis-sens li l-provi prodotti mill-impriża jridu jippermettu li “jiġu stabbiliti punti ta’ fatt supplementari għal dawk li l-Kummissjoni hija f’pożizzjoni li tistabbilixxi”; il-korsiv miżjud minni.


25      Ara, f’dan is-sens, b’riferiment għall-formulazzjoni, inqas espliċita, tat-tielet paragrafu tal-punt 23 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, is-sentenza LG Dislay, punt 78. Il-formulazzjoni tad-Direttiva 2019/1 hija differenti minn dik tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni, sa fejn hija limitata li tipprevedi li l-elementi pprovduti mill-impriża iridu jippermettu li tiġi stabbilita ż-“żieda fil-multi meta mqabbla mal-multi li kieku kienu jiġu imposti fuq il-parteċipanti fil-kartell sigriet”.


26      Dwar id-diversità tal-kriterji ta’ evalwazzjoni għall-għoti tal-immunità parzjali jew ta’ tnaqqis tal-multa fis-sens tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (T‑128/11, EU:T:2014:88, punt 190).


27      Ara l-punt 4 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006.


28      Ara l-punti 24 u 25 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006.


29      Ara, f’dan is-sens, b’riferiment għall-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2011, Transcatab vs Il-Kummissjoni (T‑39/06, EU:T:2011:562, punt 381).


30      Ara, f’dan is-sens, b’riferiment għall-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2011, Transcatab vs Il-Kummissjoni (T‑39/06, EU:T:2011:562, punt 382).


31      Ara s-sentenza LG Display, punt 79.


32      Ara, f’dan is-sens, l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni, tas-7 ta’ Diċembru 2006, IP/06/1705. Ir-riforma tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni ġiet adottata wkoll biex tallinja tali avviż mal-għanijiet stabbiliti mill-programm mudell ta’ trattament favorevoli tan-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni; ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni, tad-29 ta’ Settembru 2006 IP/06/1288, fejn jingħad li waħda mit-tibdiliet proposti waqt id-diskussjoni fil-kuntest tan-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni kellha twassal biex “jiġi deċiż espressament li huma biss provi determninati li jiġu ppremjati barra mill-meded ta’ tnaqqis tal-multa”, disponibbli fl-indirizz https://ec.europa.eu/competition/cartels/legislation/leniency_legislation.html; ara wkoll id-dokument Competition: Revised Leniency – Frequently Asked Questions, disponibbli fl-indirizz https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/en/MEMO_06_469, għal dak li jikkonċerna l-kunċett ta’ “compelling evidence” għall-finijiet tal-għoti tal-immunità parzjali. Fuq ir-relazzjoni bejn il-programmi ta’ klemenza adottati fuq livell nazzjonali, tal-Unjoni u fil-kuntest tan-Netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni, ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Jannar 2016, DHL Express (Italy) u DHL Global Forwarding (Italy) (C‑428/14, EU:C:2016:27).


33      F’dan is-sens, ma huwiex eskluż li l-immunità parzjali tista’ tingħata anki fi-każ fejn il-Kummissjoni jkollha l-provi, iżda li ma tkunx f’pożizzjoni tinterpretahom fl-assenza tal-informazzjoni pporovduta mill-impriża li tkun ressqet it-talba għall-immunità parzjali, ara f’dan is-sens il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni (C‑617/13 P, EU:C:2015:487, punt 31).


34      Mis-sentenzi tal-Qorti Ġenerali ċċitati minn Recylex insostenn tat-teżi tagħha, hija biss is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 2013, MRI vs Il-Kummissjoni (T‑154/09, EU:T:2013:260, punti 117, 127 et seq.) li tidher li tikkorrobora tali teżi. Fil-fatt, is-sentenza Deutsche Bahn, iċċitata mill-istess Qorti Ġenerali fil-punt 89 tas-sentenza appellata tadotta, essenzjalment, l-istess interpretazione proposta f’dawn il-konklużjonijiet (ara l-punti 377, 381, 385 u 386). Għal dak li jirrigwarda l-punt 386 tas-sentenza tad-29 ta’ Frar 2016, Schenker vs Il-Kummissjoni (T‑265/12, EU:T:2016:111) din fiha biss parafrażi tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż tal-2006.


35      Ninnota li anki l-Kummissjoni tidher li taqbel mal-interpretazzjoni tas-sentenza appellata fis-sens li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet fis-sens li d-dokumenti li tali istituzzjoni diġà kellha fil-pussess tagħha fil-mument tal-preżentazzjoni tat-talba għall-klemenza ta’ Recylex kienu jippermettu li jiġi pprovat li nżammet il-laqgħa ta’ Windhagen fit-23 ta’ Settembru 2009.


36      Ara l-punt 91 tas-sentenza appellata.


37      Il-korsiv miżjud minni.


38      Ara l-punt 141 u 150 tas-sentenza appellata.


39      Ara l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2006.


40      Ara l-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41      Ara f’dan is-sens, għal dak li jirrigwarda l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2011, Transcatab vs Il-Kummissjoni (T‑39/06, EU:T:2011:562, punti 378 sa 380).


42      Kif tosserva l-Kummissjoni, għalkemm b’xi differenzi, interpretazzjoni analoga (u fil-fehma tiegħi kondiviżibbli) ġiet aċċettata mill-Qorti Ġenerali f’dak li jirrigwarda l-punt 8(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002, fil-qasam ta’ immunità totali mill-multa fis-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Repsol Lubricantes u Especialidades et vs Il-Kummissjoni (T‑496/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:464, punti 325 sa 336). Il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari enfasizzat il-preżentazzjoni tal-fatti kif ikkonstatata fid-deċiżjoni kkontestata bir-rikors li ta lok għal tali sentenza u fuq il-fatt li r-rikorrenti ma kinitx kapaċi tikkontesta l-fondatezza ta’ tali preżentazzjoni (ara l-punti 329 sa 333). Abbażi ta’ tali kunsiderazzjonijiet, hija kkonkludiet li r-rikorrenti xorta waħda ma kinitx tkun intitolata li tikseb l-immunità mill-multa, anki fil-każ li l-impriża li kienet l-ewwel waħda li rrappurtat l-akkordju kellha titlef dan il-benefiċċju minħabba nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fil-punt 11(a) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal-2002 (ara l-punti 335u 336 tas-sentenza).