Language of document : ECLI:EU:C:2021:428

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla)

3 ta’ Ġunju 2021 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tar-riċiklaġġ tal-batteriji tal-vetturi bil-mutur – Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 – Punt 26 – Immunità parzjali – Fatti addizzjonali li jżidu l-gravità jew it-tul tal-ksur – Elementi magħrufa mill-Kummissjoni Ewropea – Tnaqqis tal-ammont tal-multa – Klassifikazzjoni għall-finijiet tat-tnaqqis – Ordni kronoloġika”

Fil-Kawża C‑563/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑23 ta’ Lulju 2019,

Recylex SA, stabbilita f’Pariġi (Franza),

Fonderie et Manufacture de Métaux SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),

HarzMetall GmbH, stabbilita f’Goslar (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn M. Wellinger, avocat, S. Reinart u K. Bongs, Rechtsanwältinnen,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Szczodrowski, I. Rogalski u F. van Schaik, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda taġixxi bħala Mħallef tat‑Tieni Awla, A. Kumin, T. Von Danwitz (Relatur) u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑3 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom, Recylex SA, Fonderie et Manufacture de Métaux SA u Harz‑Metall GmbH jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑23 ta’ Mejju 2019, Recylex et vs Il‑Kummissjoni (T‑222/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:356), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 900 final tat‑8 ta’ Frar 2017 li jirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE (Il-Każ AT.40018 — Riċiklaġġ ta’ Batteriji tal-Vetturi) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Ilkuntest ġuridiku

 IrRegolament (KE) Nru 1/2003

2        Il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(2) u l-Artikolu 23(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) jipprovdu:

“2.      Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)      jiksru [l-Artikolu [101 jew 102 TFUE] […]

[…]

3.      Fit-twaħħil ta’ l-ammont li jrid jiġi mmultat, rigward irrid jingħata lejn il-gravità u it-tul tal-ksur.”

 LAvviż dwar ilkooperazzjoni tal2002

3        L-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002”) kien jipprevedi:

“Barra dan, jekk impriża tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni li għandhom rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni mhijiex ser tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li tipprovdi dawn il-provi”.

 LAvviż dwar ilkooperazzjoni tal2006

4        Il-punti 8, 10 u 11 kif ukoll il-punt 12(a) tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il‑kooperazzjoni tal‑2006”), inklużi taħt it-Titolu II ta’ dan l-avviż, bit-titolu “Immunità mill-multi” jipprovdu:

“(8)      Il-Kummissjoni se tagħti immunità minn kwalunkwe multa li kienet altrimenti tiġi imposta fuq impriża li tiżvela l-parteċipazzjoni tagħha f’kartell allegat li jaffettwa l-[Unjoni] jekk dik l-impriża tkun l-ewwel waħda li tissottometti informazzjoni u evidenza li fil-fehma tal-Kummissjoni jippermettulha li:

(a)      twettaq ispezzjoni mmirata f’konnessjoni mal-kartell allegat […]; jew

(b)      taqbad ksur tal-[Artikolu 101 TFUE] f’konnessjoni mal-kartell allegat.

[…]

(10)      Immunità skont il-punt (8)(a) ma tingħatax jekk, fiż-żmien tas-sottomissjoni, il-Kummissjoni diġà kellha evidenza biżżejjed biex tadotta deċiżjoni biex twettaq spezzjoni f’konnessjoni mal-kartell allegat jew diġà kienet wettqet ispezzjoni bħal din.

(11)      Immunità skont il-punt (8)(b) tingħata biss bil-kondizzjonijiet kumulattivi li l-Kummissjoni ma kellhiex, fiż-żmien tas-sottomissjoni, biżżejjed provi biex issib ksur tal-Artikolu [101 TFUE] b’konnessjoni mal-allegat kartell u li ebda impriża ma ngħatat immunità kondizzjonali minn multi taħt il-punt (8)(a) b’konnessjoni mal-allegat kartell. Sabiex tikkwalifika, impriża trid tkun l-ewwel waħda li tipprovdi evidenza inkriminanti kontemporanja tal-kartell allegat, flimkien ma’ prospett korporattiv li jkun fih l-istess tip ta’ informazzjoni speċifikata fil-punt (9)(a), li tippermetti lill-Kummissjoni li tikkostata ksur tal-Artikolu [101 TFUE].

(12)      B’żieda mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-punti (8)(a), (9), u (10) jew fil-punti(8)(b) u 11, kif xieraq, il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin għandhom jkunu milħuqa f’kull każ biex jikkwalifikaw għal xi immunità minn multa:

(a)      L-impriża tikkoopera b’mod ġenwin […], sħiħ, u fuq bażi kontinwa u mingħajr dewmien minn meta tissottometti l-applikazzjoni sat-tmiem tal-proċedura amministrattiva tal-Kummissjoni. […]”

5        Skont il-punti 23 sa 26 tal-Avviż dwar il‑kooperazzjoni tal‑2006, inklużi taħt it-Titolu III tiegħu, bit-titolu “Tnaqqis ta’ multa”:

“(23)      Impriżi li jiżvelaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’allegat kartell li jaffettwa lill-[Unjoni] u li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet taħt is-sezzjoni II hawn fuq jistgħu jkunu eliġibbli biex jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ kull multa li kieku kienet tkun imposta.

(24)      Biex tikkwalifika, impriża għandha tipprovdi l-Kummissjoni bi provi tal-ksur allegat li jirrapreżentaw valur miżjud sinifikanti b’rispett [meta pparagunati] għall-evidenza li diġa’ tkun tinstab fil-pussess tal-Kummissjoni u għanda tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fil-punti (12)(a) sa (12)(c) ta’ hawn fuq.

(25)      Il-kunċett ta’ ‘valur miżjud’ jirreferi għall-punt sa fejn il-provi prodotti jsaħħu, bin-natura tagħhom u/jew bil-livell ta’ preċiżjoni tagħhom, il-kapaċità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-eżistenza tal-akkordju allegat. F’din l-istima, il-Kummissjoni ġeneralment tikkunsidra l-provi bil-miktub li joriġinaw mill-perjodu ta’ żmien li miegħu jirrelataw il-fatti biex ikollhom valur ikbar mill-provi stabbiliti wara. Il-provi li huma direttament rilevanti għall-fatti msemmija ġeneralment jiġu kkunsidrati li għandhom valur akbar minn dawk b’rilevanza indiretta biss. Bl-istess mod, il-livell ta’ korroborazzjoni ta’ sorsi oħra, neċessarju sabiex il-provi ppreżentati jistgħu jkunu affidabbli kontra impriżi oħra involuti fil-kawża, jkollu effett fuq il-valur ta’ dawk l-provi, b’tali mod li provi determinanti jingħataw valur ogħla minn provi bħal ma huma dikjarazzjonijiet li jkunu jridu jiġu kkorroborati jekk jiġu kkontestati.

(26)      F’kull deċiżjoni finali mogħtija fi tmiem il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-livell ta’ tnaqqis li minnu għandha tibbenefika l-impriża, relattiv mal-multa li altrimenti tiġi imposta. Għal:

–        l-ewwel impriża li tipprovdi valur miżjud sinjifikanti: tnaqqis ta’ bejn 30 u 50 %,

–        it-tieni impriża li tipprovdi valur miżjud sinjifikanti: tnaqqis ta’ bejn 20 u 30 %,

–        impriża oħra li jipprovdu valur miżjud sinjifikanti: tnaqqis massimu ta’ 20 %”.

Biex tiddefinixxi l-livell ta’ tnaqqis f’dawn l-iskali, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni d-data li fiha ġew ikkomunikati l-provi li jissodisfaw il-kundizzjoni msemmija fil-punt (24) u l-livell tal-valur miżjud li dawn irrappreżentaw.

Jekk impriża li titlob tnaqqis fil-multa tkun l-ewwel li tippreżenta provi determinanti, fis-sens tal-punt (25), li l-Kummissjoni tuża biex tistabbilixxi fatti addizzjonali li jżidu l-gravità jew il-perjodu tal-ksur, il-Kummissjoni ma tiħux f’kunsiderazzjoni dawn il-fatti addizzjonali meta tiffissa l-ammont ta’ xi multa imposta fir-rigward tal-impriża li tkun ippreżentathom”.

 Ilfatti li wasslu għallkawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

6        Recylex, Fonderie et Manufacture de Métaux kif ukoll Harz‑Metall (iktar ’il quddiem, flimkien, “Recylex”) huma kumpanniji stabbiliti, rispettivament, fi Franza, fil-Belġju, kif ukoll fil-Ġermanja, u huma attivi fis-settur tal-produzzjoni taċ-ċomb irriċiklat u ta’ prodotti oħra.

7        Wara talba għall-immunità minn multi mressqa fit‑22 ta’ Ġunju 2012, skont l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006, minn Johnson Controls Inc., Johnson Controls Tolling GmbH & Co. KG u Johnson Controls Recycling GmbH (iktar ’il quddiem, flimkien, “JCI”), infetħet investigazzjoni fir-rigward ta’ Recylex, ta’ JCI u ta’ żewġ gruppi oħra ta’ impriżi, jiġifieri Campine NV u Campine Recycling NV (iktar ’il quddiem, flimkien, “Campine”), u Eco‑Bat Technologies Ltd, Berzelius Metall GmbH u Société de traitement chimique des métaux SAS (iktar ’il quddiem, flimkien, “Eco‑Bat”), dwar akkordju fis-settur tax-xiri ta’ tal-iskart ta’ batteriji tal-vetturi bil-mutur. Fit‑13 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni tat immunità kundizzjonali lil JCI, skont il-punt 18 tal-imsemmi avviż.

8        Bejn is‑26 u t‑28 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet mhux imħabbra fil-bini tad-diversi impriżi kkonċernati, fil-Belġju, fil-Ġermanja u fi Franza.

9        Eco‑Bat, fis‑27 ta’ Settembru 2012, u Recylex, fit‑23 ta’ Ottubru 2012, ressqu talbiet għal immunità jew, sussidjarjament, talbiet għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa, li fil-kuntest tagħhom huma ppreżentaw dikjarazzjonijiet ta’ impriża u pproduċew provi dokumentali. Fl‑4 ta’ Diċembru 2012, Campine ressqet, min-naħa tagħha, talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa.

10      Fl‑24 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura amministrattiva kontra JCI, Recylex, Eco‑Bat u Campine u bagħtitilhom id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet relatata. Permezz ta’ ittra tal-istess jum, il-Kummissjoni informat lil Eco‑Bat u lil Recylex dwar il-konklużjoni provviżorja tagħha li l-provi li dawn l-impriżi kienu pproduċewlha kienu jikkostitwixxu valur miżjud sinjifikattiv fis-sens tal-punti 24 u 25 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 u, għaldaqstant, informathom dwar l-intenzjoni tagħha li tnaqqas l-ammont tal-multa li kellha tiġi imposta fuqhom. Il-Kummissjoni informat ukoll lil Campine dwar l-intenzjoni tagħha li ma tnaqqasx l-ammont tal-multa fir-rigward tagħha.

11      Permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża, adottata fit‑8 ta’ Frar 2017, il-Kummissjoni kkonstatat li Recylex, JCI, Campine u Eco‑Bat kienu pparteċipaw, bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, f’akkordju li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu fis-settur tax-xiri tal-iskart ta’ batteriji tal-vetturi bil-mutur, imwettaq matul il-perijodu ta’ bejn it‑23 ta’ Settembru 2009 u s‑26 ta’ Settembru 2012 u li jikkonsisti fi ftehimiet u/jew fi prattiki miftiehma li għandhom bħala għan koordinazzjoni tal-prezzijiet.

12      Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet fuq Recylex, in solidum, multa ta’ ammont ta’ EUR 26 739 000, għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur ikkonstatat għall-perijodu ta’ bejn it‑23 ta’ Settembru 2009 u s‑26 ta’ Settembru 2012, liema ksur ikopri t-territorji ta’ diversi Stati Membri, fosthom Franza.

13      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ddeċidiet dwar l-applikazzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 għall-impriżi responsabbli mill-imsemmi ksur.

14      Fl-ewwel lok, din l-istituzzjoni tat lil JCI l-benefiċċju tal-immunità minn multi fis-sens tal-punt 8(a) ta’ dan l-avviż, wara li kkonstatat li l-kooperazzjoni ta’ din l-impriża kienet issodisfat il-kundizzjonijiet previsti fil-punt 12 tal-imsemmi avviż.

15      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni qieset li Eco‑Bat kienet l-ewwel impriża li pproduċiet provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv u tatha t-tnaqqis massimu tal-ammont tal-multa, jiġifieri 50 % skont l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006.

16      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni tat lil Recylex tnaqqis tal-ammont tal-multa ta’ 30 % fis-sens tat‑tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006, billi qieset li Recylex kienet it-tieni impriża li pproduċiet provi li kellhom valur miżjud sinjifikattiv dwar, b’mod partikolari, l-oriġini tal-akkordju, id-diversi skambji antikompetittivi mhux imsemmija minn impriżi oħra, il-laqgħa multilaterali ta’ Windhagen, li kienet inżammet f’Settembru 2009 (iktar ’il quddiem il-“laqgħa ta’ Windhagen”) u li kienet immarkat il-bidu tal-ksur u diversi konversazzjonijiet telefoniċi u skambji ta’ messaġġi bejn Recylex u l-kompetituri tagħha.

17      Il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti ta’ Recylex intiżi li jiksbu tnaqqis ikbar tal-ammont tal-multa, ta’ bejn 30 % u 50 %. B’mod partikolari, filwaqt li qieset li Recylex kienet l-ewwel waħda li pprovdiet dettalji dwar il-laqgħa ta’ Windhagen, il-Kummissjoni rrilevat li l-elementi hekk ipprovduti kienu jirrigwardaw biss kwistjonijiet organizzattivi u li hija kienet diġà kisbet, matul l-ispezzjoni tagħha mwettqa fil-bini ta’ Campine, “provi determinanti” dwar l-aġenda u l-kontenut ta’ din il-laqgħa. Il-Kummissjoni ċaħdet ukoll l-argument ta’ Recylex li din l-impriża kienet l-ewwel waħda li pproduċiet provi dwar il-portata territorjali tal-akkordju, li kienet testendi sa Franza. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni b’mod partikolari rrilevat li hija diġà kellha informazzjoni dwar il-portata ġeografika tal-akkordju, inkluż dwar it-territorju Franċiż.

18      Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, il-Kummissjoni rrifjutat li tilqa’ t-talba għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa mressqa minn Campine.

 Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

19      Permezz ta’ att ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑18 ta’ April 2017, Recylex ippreżentat, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors intiż għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża. Insostenn ta’ dan ir-rikors, tressqu sitt motivi. L-ewwel u t-tieni motiv kienu bbażati fuq żball fl-applikazzjoni tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006. F’dan ir-rigward, Recylex essenzjalment sostniet li hija kien imissha bbenefikat mill-immunità parzjali minn multa, prevista f’dan il-paragrafu, f’dak li jirrigwarda l-provi prodotti fir-rigward tal-fatt, minn naħa, li l-ksur kien beda waqt il-laqgħa ta’ Windhagen (l-ewwel motiv) u, min-naħa l-oħra, li l-portata territorjali tal-ksur kienet testendi sa Franza (it-tieni motiv). Fil-kuntest tar-raba’ motiv, Recylex sostniet li, billi ma tathiex il-benefiċċju ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa ugwali għal 50 %, il-Kummissjoni kienet wettqet żball fl-applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-punt 26 ta’ dan l-avviż. It-tliet motivi l-oħra imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali huma irrilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-appell.

20      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, fl-intier tiegħu, ir-rikors li hija kienet adita bih.

 Ilproċedura quddiem ilQorti tal-Ġustizzja u ttalbiet talpartijiet

21      Permezz tal-appell tagħha, Recylex titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, sa fejn din tikkonferma l-multa imposta fuqha permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża u sa fejn din tikkundannaha għall-ispejjeż;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn din timponi fuqha multa ta’ EUR 26 739 000;

–        tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuqha, fid-dawl tal-aggravji milqugħa; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk sostnuti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad l-appell u tikkundanna lil Recylex għall-ispejjeż.

 Fuq lappell

 Fuq lewwel parti talewwel aggravju u fuq ittieni aggravju

 Largumenti talpartijiet

23      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, intiż kontra l-punti 79 sa 99 tas-sentenza appellata u bbażat fuq żball ta’ liġi, Recylex issostni li r-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa nieqes mill-koerenza u miċ-ċarezza f’dak li jirrigwarda l-kriterji ġuridiċi applikabbli għall-għoti tal-immunità parzjali skont it-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006.

24      Permezz tat-tieni aggravju, intiż kontra l-punti 100 sa 108 tas-sentenza appellata, Recylex issostni wkoll li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tal-kriterji tal-għoti tal-immunità parzjali prevista fit-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-imsemmi avviż, billi qieset li hija ma setgħetx tippretendi tali immunità, peress li l-Kummissjoni kienet diġà taf dwar il-fatti li l-informazzjoni pprovduta minn din l-impriża kienet tirrigwarda, jiġifieri, minn naħa, l-eżistenza tal-laqgħa ta’ Windhagen u, min-naħa l-oħra, il-portata territorjali tal-akkordju, li kienet testendi sa Franza. Recylex tqis li hija kellha dritt tippretendi din l-immunità, peress li l-Kummissjoni ma kinitx f’pożizzjoni li tistabbilixxi dawn il-fatti, b’mod suffiċjenti fid-dritt, permezz tal-provi diġà fil-pussess tagħha. Skont Recylex, il-kwistjoni dwar jekk l-imsemmija fatti preċedentement ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni jew preċedentement kienu magħrufa mill-Kummissjoni kienet irrilevanti.

25      Insostenn ta’ dan l-argument, Recylex tafferma li l-formulazzjoni tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 hija differenti mid-dispożizzjoni korrispondenti tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002, jiġifieri l-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) ta’ dan tal-aħħar, li kien jirreferi espressament għall-“fatti li qabel ma kienux magħrufa” mill-Kummissjoni. B’hekk, il-kriterju bbażat fuq il-fatt li l-fatti kkonċernati kienu magħrufa mill-Kummissjoni, li kien rilevanti fil-kuntest tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002, ma huwiex iktar applikabbli abbażi ta’ dak tal‑2006. F’dan il-kuntest, huwa neċessarju li jsir paragun bejn il-valur probatorju tal-informazzjoni kkomunikata mill-impriża inkwistjoni u dak tal-informazzjoni li diġà kienet tinsab fil-fajl tal-Kummissjoni.

26      Il-Kummissjoni tqis li dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

27      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 ssostitwixxa, mill-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit‑8 ta’ Diċembru 2006, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002. F’dan il-kuntest, it-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 ssostitwixxa l-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002.

28      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 kien jipprevedi li, “jekk impriża [kienet] tipprovdi provi rrelatati ma’ fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni li [kellhom] rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspettat, il-Kummissjoni [ma kinitx] tieħu kont ta’ dawn l-elementi meta tordna li tiġi imposta multa fuq l-impriża li [kienet ipprovdiet] dawn il-provi. It-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 jipprevedi li, “[j]ekk impriża li titlob tnaqqis fil-multa tkun l-ewwel li tippreżenta provi determinanti, […] li l-Kummissjoni tuża biex tistabbilixxi fatti addizzjonali li jżidu l-gravità jew il-perjodu tal-ksur, il-Kummissjoni ma tiħux f’kunsiderazzjoni dawn il-fatti addizzjonali meta tiffissa l-ammont ta’ xi multa imposta fir-rigward tal-impriża li tkun ippreżentathom”.

29      Għalhekk, filwaqt li l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 kien jirreferi, b’mod espliċitu, għal “fatti li qabel ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni” li għandhom “rilevanza diretta fuq il-gravità u t-tul tal-kartell issuspetta”, l-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 jirreferi għal “fatti addizzjonali li jżidu l-gravità jew il-perjodu tal-ksur”.

30      Fil-ġurisprudenza tagħha relatata mal-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-immunità parzjali prevista minnu kienet teħtieġ li żewġ kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, jiġifieri, l-ewwel, li l-impriża inkwistjoni tkun l-ewwel waħda li tipproduċi prova tal-fatti li preċedentement ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni u, it-tieni, li dawn il-fatti, li għandhom effett dirett fuq il-gravità jew it-tul tal-akkordju ssuspettat, jippermettu lill-Kummissjoni tasal għal konklużjonijiet ġodda dwar il-ksur (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il‑Kummissjoni, C‑617/13 P, EU:C:2016:416, punt 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

31      Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kliem “fatti li [..] ma kienux magħrufa lill-Kummissjoni” ma huwiex ambigwu u jippermetti li tingħata interpretazzjoni restrittiva tal-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002, billi dan jiġi limitat għall-każijiet fejn kumpannija li tkun parti f’akkordju tipprovdi informazzjoni ġdida lill-Kummissjoni, marbuta mal-gravità jew mat-tul tal-ksur (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il‑Kummissjoni, C‑617/13 P, EU:C:2016:416, punt 67 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li s-sens li għandu jingħata lil dan il-kliem għandu jkun jista’ jiggarantixxi l-għanijiet li jridu jintlaħqu mill-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-imsemmi avviż u, b’mod partikolari, l-effikaċità tal-programm ta’ klemenza, li l-għan tiegħu huwa li tinkiseb id-denunzja tal-ksur mill-awturi tiegħu sabiex dan jintemm malajr u totalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il‑Kummissjoni, C‑617/13 P, EU:C:2016:416, punt 68 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kellu jiġi żgurat l-effett utli ta’ din id-dispożizzjoni, li, meta impriża kienet l-ewwel li tipproduċi quddiem il-Kummissjoni, sabiex tikseb immunità totali minn multa abbażi tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002, provi tali li jippermettulha tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE, iżda tkun naqset milli tiżvela informazzjoni li turi li l-ksur inkwistjoni kien itwal minn dak żvelat minn dawn il-provi, hija intiża li tinkoraġġixxi, permezz tal-għoti ta’ immunità parzjali minn multa, lil kull impriża oħra li tkun ipparteċipat f’dan il-ksur tkun l-ewwel waħda li tiżvela tali informazzjoni (sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il‑Kummissjoni, C‑617/13 P, EU:C:2016:416, punt 69 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34      Għandu jiġi kkonstatat li d-differenzi li jeżistu bejn il-formulazzjoni tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 u dik tal-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002 ma humiex ta’ natura li jissuġġerixxu li l-interpretazzjoni restrittiva adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ din l-aħħar dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata għat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006. B’mod partikolari, il-fatt li l-kliem “fatti li qabel ma kienux magħrufa”, previst fl-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002, ma ġiex espressament riprodott fit-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 ma jistax jiġġustifika interpretazzjoni oħra tat-tielet paragrafu ta’ dan il-punt 26.

35      Fil-fatt, skont it-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006, sabiex tibbaża ruħha fuq l-immunità parzjali, l-impriża kkonċernata għandha tipproduċi quddiem il-Kummissjoni provi dwar fatti addizzjonali, li għandhom l-effett li jżidu l-gravità jew it-tul tal-ksur inkwistjoni. Dawn huma fatti li jikkompletaw jew li jiżdiedu ma’ dawk li diġà huma magħrufa mill-Kummissjoni, u li jimmodifikaw il-portata ratione materiae jew ratione temporis tal-ksur, hekk kif ikkonstatata mill-Kummissjoni. Huwa biss fir-rigward ta’ tali fatti, li jiżdiedu mal-perimetru inizjali tal-ksur, li l-immunità parzjali tista’ tiġi applikata.

36      Hekk kif irrilevat korrettament il-Qorti Ġenerali fil-punt 86 tas-sentenza appellata, il-formulazzjoni tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 ma tbiddilx il-loġika tal-immunità parzjali hekk kif kienet ġiet interpretata mill-ġurisprudenza fid-dawl tal-formulazzjoni tal-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 għandu jiġi interpretat bħala li jkopri l-każijiet fejn kumpannija li tkun ipparteċipat f’akkordju tipproduċi provi determinanti quddiem l-Kummissjoni, li jippermettu lil din tal-aħħar tistabbilixxi fatti ġodda, relatati mal-gravità jew mat-tul tal-ksur, filwaqt li jiġu esklużi l-każijiet li fihom l-imsemmija kumpannija sempliċement ipprovdiet informazzjoni li tippermetti li jissaħħu l-provi relatati mal-eżistenza tal-ksur.

38      Hekk kif essenzjalment enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 59 sa 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-istruttura tal-punt 26 tal-imsemmi avviż. Fil-fatt, fir-rigward tal-fatti diġà magħrufa mill-Kummissjoni, il-produzzjoni ta’ provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv tista’ diġà tagħti lok għal tnaqqis tal-ammont tal-multa, skont l-ewwel paragrafu ta’ dan il-punt 26, moqri flimkien mal-punti 24 u 25 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006. Għaldaqstant, il-benefiċċju tal-immunità parzjali, prevista fit-tielet paragrafu tal-imsemmi punt 26, għandu jiġi rriżervat għall-impriża li tipproduċi elementi li jirrigwardaw fatti ġodda, li preċedentement ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni.

39      Fl-aħħar nett, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 63 tal-konklużjonijiet tiegħu, din l-interpretazzjoni hija wkoll konformi mal-għan imfittex mir-regola ta’ immunità parzjali stabbilita fit-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006, li huwa identiku għall-għan imfittex preċedentement mill-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002, hekk kif indikat fil-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza. L-imsemmi tielet paragrafu tal-punt 26 huwa intiż li jinkoraġġixxi lill-impriżi jikkooperaw bis-sħiħ mal-Kummissjoni, anki jekk huma ma ngħatawx immunità kundizzjonali skont il-punt 8 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006. Fil-fatt, fl-assenza tar-regola prevista fit-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006, dawn l-impriżi jistgħu jibżgħu, billi jipproduċu provi li għandhom impatt fuq it-tul jew il-gravità tal-ksur u li preċedentement ma kinux magħrufa mill-Kummissjoni, li jkunu esposti għar-riskju ta’ żieda tal-ammont tal-multi li jistgħu jiġu imposti fuqhom.

40      F’dan il-kuntest, hekk kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 88 tas-sentenza appellata, għandu jitfakkar li, fl-interpretazzjoni tal-aħħar paragrafu tal-punt 23(b) tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2002, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, meta l-informazzjoni pprovduta minn impriża tkun tirrigwarda fatti li preċedentement kienu magħrufa mill-Kummissjoni, it-talba għal immunità parzjali mressqa minn tali impriża għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma jkun neċessarju li l-valur probatorju ta’ din l-informazzjoni jiġi pparagunat ma’ dak tal-informazzjoni preċedentement pprovduta minn partijiet oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2015, LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni, C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 81). Din il-konstatazzjoni tapplika wkoll, fil-kuntest tat-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006, fir-rigward ta’ provi li ma jirrigwardawx “fatti addizzjonali”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

41      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta interpretat u applikat ir-rekwiżiti previsti fit-tielet paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006, peress li l-Kummissjoni kienet diġà taf dwar l-eżistenza tal-laqgħa ta’ Windhagen u dwar il-portata territorjali tal-akkordju qabel it-tressiq, minn Recylex, tat-talba tagħha għal immunità parzjali.

42      Fir-rigward tal-ilment ta’ Recylex inkluż fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ koerenza u ta’ ċarezza tar-raġunament segwit mill-Qorti Ġenerali fil-punti 79 sa 99 tas-sentenza appellata, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 46 sa 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-Qorti Ġenerali esponiet b’mod suffiċjenti fid-dritt, fl-imsemmija punti tas-sentenza appellata, il-motivi li jiġġustifikaw il-konferma tad-deċiżjoni kontenzjuża, fir-rigward tar-rifjut tal-immunità parzjali skont it-tielet paragrafu tal-punt 26 ta’ dan l-avviż.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju u t-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Fuq ittieni u ttielet parti talewwel aggravju

 Largumenti talpartijiet

44      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, Recylex issostni li l-Qorti Ġenerali manifestament żnaturat in-noti miktubin bl-idejn redatti minn impjegat ta’ Campine u ssekwestrati matul l-ispezzjoni tal-bini ta’ din l-impriża, moqrija fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta minn JCI fil-kuntest tat-talba tagħha għall-immunità minn multi tat‑22 ta’ Ġunju 2012, peress li qieset, fil-punt 95 tas-sentenza appellata, li dawn il-provi kienu jippermettu lill-Kummissjoni tistabbilixxi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza tal-laqgħa ta’ Windhagen u tistabbilixxi fid-data ta’ din il-laqgħa l-bidu tal-ksur. Minn naħa, Recylex issostni li l-informazzjoni pprovduta minn JCI ma tagħmel ebda riferiment għal laqgħa jew għal skambji antikompetittivi li seħħew f’Settembru 2009 u, barra minn hekk, li din lanqas ma tissuġġerixxi li l-akkordju kien beda f’dan il-mument preċiż. Min-naħa l-oħra, Recylex tosserva li dawn in-noti miktubin bl-idejn kienu jirreferu għal data li hija differenti minn dik ikkunsidrata mill-Kummissjoni, jiġifieri l‑24, minflok it‑23 ta’ Settembru 2009, li l-imsemmija noti ftit li xejn jipprovdu indikazzjonijiet dwar il-parteċipanti f’din il-laqgħa jew in-natura tagħha u, fl-aħħar nett, li Campine ċaħdet b’mod kostanti, matul il-proċedura amministrattiva kollha, li l-istess noti kellhom kontenut antikompetittiv.

45      Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju, Recylex issostni li l-Qorti Ġenerali naqset milli tqis il-fatt li l-huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tipproduċi prova tal-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur. In-noti miktubin bl-idejn redatti minn impjegat ta’ Campine, anki meta moqrija fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta minn JCI, ma jikkostitwixxux provi preċiżi u konkordanti tal-eżistenza ta’ ksur imwettaq waqt il-laqgħa ta’ Windhagen. Billi kkonkludiet li dawn in-noti ppermettew lill-Kummissjoni tistabbilixxi b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżistenza ta’ din il-laqgħa, il-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli dwar l-oneru tal-prova.

46      Skont il-Kummissjoni, l-argumenti mressqa minn Recylex f’dan il-kuntest huma, minn naħa, inammissibbli, inkwantu dawn jifformaw talba għall-eżami mill-ġdid tal-provi u, min-naħa l-oħra, infondati.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

47      Mingħajr ma hemm lok li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-argumenti ta’ Recylex jikkostitwixxux, jew le, talba għall-eżami mill-ġdid tal-provi u, fuq din il-bażi, li tittieħed deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ tali talba, għandu jiġi rrilevat li Recylex tibbaża ruħha fuq qari manifestament żbaljat tas-sentenza appellata, b’mod partikolari tal-punti 85 sa 97 tagħha, inkwantu din tippreżupponi li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq il-punt dwar jekk in-noti miktubin bl-idejn issekwestrati waqt l-ispezzjoni tal-bini ta’ Campine, moqrija fid-dawl tal-informazzjoni preċedentement ipprovduta minn JCI, kinux intrinsikament biżżejjed sabiex jiġu stabbiliti b’mod suffiċjenti fid-dritt id-data u l-kontenut tal-laqgħa ta’ Windhagen bħala punt tat-tluq tal-ksur.

48      Fil-fatt, hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 81 sa 84 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-punti 93 sa 97 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-Qorti Ġenerali llimitat ruħha tikkonstata li dawn in-noti miktubin bl-idejn, moqrija fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta minn JCI, ippermettew lill-Kummissjoni ssir taf dwar l-eżistenza tal-laqgħa ta’ Windhagen u dwar in-natura antikompetittiva tagħha. Kuntrarjament għal dak li tallega Recylex, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ddeċidiet fuq il-kwistjoni dwar jekk dawn kinux jippermettu, waħedhom, li jiġu stabbiliti b’mod suffiċjenti fid-dritt id-data u l-kontenut ta’ din il-laqgħa.

49      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li Recylex ma tikkontestax, fl-appell tagħha, li n-noti miktubin bl-idejn u l-informazzjoni prodotta minn JCI ppermettew lill-Kummissjoni ssir taf dwar iż-żamma tal-laqgħa ta’ Windhagen.

50      Għalkemm Recylex issostni li l-Qorti Ġenerali kien imissha wettqet paragun bejn l-elementi li l-Kummissjoni diġà kellha u dawk ipprovduti minn Recylex, paragun li kellu jwassalha tiddeċiedi li l-elementi li kellha l-Kummissjoni fid-data tat-talba ta’ Recylex għal immunità parzjali ma kinux jippermettulha tistabbilixxi, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza u l-kontenut ta’ din il-laqgħa, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 97 tas-sentenza appellata, li l-argumenti mressqa minn Recylex f’dan ir-rigward kienu ineffettivi. Għar-raġunijiet esposti fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, din il-konstatazzjoni mwettqa mill-Qorti Ġenerali hija ġġustifikata, peress li tali paragun ma kienx meħtieġ.

51      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni u t-tielet parti tal-ewwel aggravju huma manifestament infondati, b’mod li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet inklużi fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq ittielet aggravju

 Largumenti talpartijiet

52      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, intiż kontra l-punti 136 sa 154 tas-sentenza appellata, Recylex issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tagħha tal-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006, billi qieset li la l-formulazzjoni ta’ dan l-avviż u lanqas is-sens tiegħu ma kienu jsostnu interpretazzjoni li abbażi tagħha, fil-każ fejn żewġ impriżi jkunu pproduċew provi li jirrappreżentaw valur miżjud sinjifikattiv, dik li tkun ipproduċiethom fit-tieni lok tieħu post l-ewwel waħda jekk il-kooperazzjoni ta’ din tal-aħħar ma tkunx konformi mar-rekwiżiti inklużi fil-punt 12 tal-imsemmi avviż. Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fil-punt 153 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet korrettament irrifjutat li tagħti lil Recylex tnaqqis ta’ multa ta’ bejn 30 % u 50 %, skont l-ewwel inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-istess avviż, minkejja li, skont Recylex, Eco‑Bat kienet naqset mid-dmir tagħha ta’ kooperazzjoni billi pprovdiet biss informazzjoni inkompleta u qarrieqa dwar it-territorji koperti mill-ksur ikkonstatat.

53      Mill-formulazzjoni, mis-sens u mill-għanijiet tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 jirriżulta li impriża li l-kooperazzjoni tagħha ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti inklużi fil-punt 12 ta’ dan l-avviż għandha tkun eskluża għall-finijiet tal-klassifikazzjoni prevista fl-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-imsemmi avviż b’mod li l-kwistjoni tal-pożizzjoni tagħha f’din il-klassifikazzjoni ma tqumx.

54      Il-Kummissjoni ssostni li dan it-tielet aggravju huwa infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

55      Skont il-punt 24 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006, sabiex tkun tikkwalifika għal tnaqqis ta’ multa, kif previst fl-ewwel paragrafu tal-punt 26 ta’ dan l-avviż, impriża għandha tipproduċi quddiem il-Kummissjoni provi tal-ksur issuspettat li għandhom valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni, u għandha tissodisfa l-kundizzjonijiet kumulattivi stabbiliti fil-punti 12 tal-imsemmi avviż, fatt li b’mod partikolari jimplika, kooperazzjoni ġenwina, sħiħa, fuq bażi kontinwa u mingħajr dewmien, tul il-proċedura amministrattiva kollha.

56      B’hekk, impriża tista’ tiġi rrifjutata l-benefiċċju ta’ tnaqqis tal-multa jekk hija ma jkollhiex aġir konformi mar-rekwiżiti inklużi fil-punt 12 ta’ dan l-avviż. Madankollu, il-fatt li din l-impriża tkun eskluża mill-benefiċċju tat-tnaqqis ma jistax ikollu bħala riżultat li l-impriżi li sussegwentement ipproduċew provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv jistgħu jissostitwixxuha fil-klassifikazzjoni kronoloġika ddefinita fl-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-imsemmija komunikazzjoni.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 ma tipprevedi l-klassifikazzjoni mill-ġdid li Recylex tallega li tibbaża ruħha fuqha f’dan il-każ. L-ewwel paragrafu tal-punt 26 ta’ dan l-avviż jistabbilixxi biss kriterju ta’ natura kronoloġika, billi jiffissa meded ta’ tnaqqis tal-multa, fejn dawn jiddependu esklużivament fuq l-ordni li fiha l-impriżi inkwistjoni pproduċew quddiem il-Kummissjoni provi li għandhom valur miżjud sinjifikattiv. Bl-istess mod, ebda element imsemmi fil-punti 23, 24, 29 u 30 tal-imsemmi avviż ma jipprevedi klassifikazzjoni mill-ġdid ta’ din in-natura. F’dan ir-rigward, la l-kliem ta’ dawn il-punti u lanqas is-sens tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006 ma jagħtu lit-tieni impriża fil-klassifikazzjoni, jiġifieri Recylex, id-dritt li tissostitwixxi lill-ewwel impriża fiha, jiġifieri Eco‑Bat, minħabba li din tal-aħħar naqset milli tikkonforma ruħha mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 12 ta’ dan l-avviż.

58      Barra minn hekk, interpretazzjoni kuntrarja, hekk kif sostnuta minn Recylex, ma tistax tkun iġġustifikata fid-dawl tal-għan segwit mill-programmi ta’ klemenza, li, hekk kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 148 tas-sentenza appellata, huma intiżi li joħolqu klima ta’ inċertezza fi ħdan l-akkordji, bil-għan li titħeġġeġ id-denunzja tagħhom lill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Jannar 2016, DHL Express (Italy) u DHL Global Forwarding (Italy), C‑428/14, EU:C:2016:27, punt 82 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59      Fil-fatt, sabiex jintlaħaq dan il-għan, l-impriżi għandhom jiġu mħeġġa jikkooperaw kemm jista’ jkun malajr u bl-iktar mod effiċjenti possibbli mal-Kummissjoni fix-xogħlijiet ta’ investigazzjoni tagħha. Il-fatt li tiġi ammessa klassifikazzjoni mill-ġdid tal-impriżi li ma kinux l-iktar mgħaġġla sabiex jikkooperaw, minħabba n-nuqqas ta’ osservanza, minn impriża oħra, tar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 12 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006, ikun jikkomprometti l-għan li jitħaffef l-iżmantellament tal-akkordji segwit minn dan l-avviż.

60      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 136 sa 154 tas-sentenza appellata, li Recylex ma setgħetx tippretendi l-ogħla medda ta’ tnaqqis tal-multa, jiġifieri bejn 30 % u 50 %, peress li, skont id-deċiżjoni kontenzjuża, hija kienet biss it-tieni impriża li pprovdiet valur miżjud sinjifikattiv, fis-sens tat-tieni inċiż tal-ewwel paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni tal‑2006.

61      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

62      Peress li ebda wieħed mit-tliet aggravji mressqa minn Recyclex insostenn tal-appell tagħha ma jista’ jiġi milqugħ, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq lispejjeż

63      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

64      Peress li Recyclex tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hekk kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Recylex SA, Fonderie et Manufacture de Métaux SA u HarzMetall GmbH huma kkundannati għall-ispejjeż.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.