Language of document : ECLI:EU:C:2008:233

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fis-16 ta’ Ottubru 2008 1(1)

Kawżi magħquda C‑101/07 P u C‑110/07 P

Coop de France Bétail et Viande, li kienet Fédération nationale de la coopération bétail et viande (FNCBV)

u

Fédération nationale des syndicats d’exploitants agricoles (FNSEA)

et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali – Appell – Kompetizzjoni – Artikolu 81(1) KE – Akkordju – Laħam taċ-ċanga u tal-vitella – Sospensjoni tal-importazzjonijiet – Iffissar ta’ struttura ta’ prezzijiet sindikali – Multi – Determinazzjoni tal-limitu massimu ta’ multa – Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 – Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi”





1.        Permezz tal-appelli tagħhom, Coop de France bétail et viande, li kienet Fédération nationale de coopération bétail et viande (C‑101/07 P) u Fédération nationale des syndicats d’exploitants agricoles, Fédération nationale bovine, Fédération nationale des producteurs de lait kif ukoll Jeunes agriculteurs (C‑110/07 P) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-Komunitajiet Ewropej tat-13 ta’ Diċembru 2006, FNCBV et vs Il-Kummissjoni (T‑217/03 u T‑245/03, Ġabra p. II‑4987), li permezz tagħha l-Qorti tal-Prim’Istanza, minn naħa, naqqset il-multa imposta fuqhom mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej permezz tad-Deċiżjoni 2003/600/KE, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE (Każ COMP/C.38.279/F3 – Laħam taċ-ċanga Franċiż) (ĠU L 209, p. 12) u, min-naħa l-oħra, essenzjalment ċaħdet ir-rikorsi għal annullament imressqa kontra din id-deċiżjoni.

2.        Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2008, il-Qorti tal-Ġustizzja rrinvijat iż-żewġ kawżi quddiem it-Tielet Awla, komposta minn A. Rosas, il-President tat-Tielet Awla, U. Lõhmus (Relatur), J. Klučka, A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin. Billi ebda waħda mill-partijiet ma talbet li tinstema’, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tagħti s-sentenza tagħha mingħajr ma żżomm seduta għat-trattazzjoni.

3.        Jiena ppreżentajt l-ewwel konklużjonijiet tiegħi dwar il-kawżi preżenti fis-17 ta’ April 2008, id-data li fiha ngħalqet il-proċedura orali.

4.        Peress li P. Lindh kellha impediment milli twettaq il-funzjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla), permezz ta’ digriet tat-2 ta’ Ottubru 2008, iddeċidiet li tissostitwixxiha b’J. N. Cunha Rodrigues u fetħet mill-ġdid il-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura.

5.        Peress li seduta oħra ma ġietx organizzata, jien m’għandix x’inżid mal-konklużjonijiet tiegħi tas-17 ta’ April 2008.

I –    Konklużjonijiet

6.        Għaldaqstant, fl-opinjoni tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

1)      tiċħad l-appelli;

2)      tikkundanna lil Coop de France bétail et viande għall-ispejjeż fil-kawża C‑101/07 P u tikkundanna lil Fédération nationale des syndicats d’exploitants agricoles, lil Fédération nationale bovine, lil Fédération nationale des producteurs de lait u lil Jeunes agriculteurs għall-ispejjeż fil-Kawża C‑110/07 P;

3)      tikkundanna lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż tagħha.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.