Language of document : ECLI:EU:C:2009:410

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fit-30 ta’ Ġunju 2009 1(1)

Kawża C‑101/08

Audiolux et

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de Cassation (il‑Lussemburgu)]

“Dritt tal-kumpanniji – Prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju – Eżistenza ta’ prinċipju ġenerali fid-dritt Komunitarja ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae u ratione temporis – Drittijiet tal-azzjonisti minoritarji – Bilanċ istituzzjonali – Ċertezza legali – Nonretroattività”







Werrej

I –   Introduzzjoni

II – Il-kuntest ġuridiku

III – Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

IV – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

V –   L-argumenti prinċipali tal-partijiet

VI – Kunsiderazzjonijiet ġuridiċi

A –   L-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

B –   Analiżi tad-domandi magħmula

1.     Fuq l-ewwel domanda

a)     Rimarki preliminari

b)     Il-prinċipji ġenerali tad-dritt

i)     Il-kunċett

ii)   Fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti fid-dritt Komunitarju

–       L-eżami tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju

–       Argumenti kontra l-ħolqien ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt

c)     Konklużjoni

2.     Fuq it-tieni domanda

3.     Fuq it-tielet domanda

C –   Konklużjoni tal-kunsiderazzjonijiet

VII – Konklużjoni

I –    Introduzzjoni

1.        Il-Cour de Cassation (il-Lussemburgu) għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja tliet domandi li bihom tistaqsi essenzjalment jekk minn serje ta’ dispożizzjonijiet li jkunu jinsabu f’atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji, jistax jiġi dedott li jeżisti prinċipju ġenerali tad-dritt ta’ ugwaljanza bejn l-azzjonisti li jipproteġi lill-azzjonisti minoritarji ta’ kumpannija meta l-kontroll tagħha jinkiseb minn kumpannija oħra, fis-sens li huma jkollhom id-dritt li jassenjaw it-titoli tagħhom taħt kundizzjoniijet identiċi għal dawk tal-azzjonisti l-oħra kollha.

2.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet imressqa f’kawża bejn l-azzjonisti minoritarji tal-kumpannija b’responsabbiltà limitata RTL Group (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti fil-kawża prinċipali”) u l-kumpannija rreġistrata taħt id-dritt tal-Belġju Groupe Bruxelles Lambert (GBL), il-kumpannija rreġistrata taħt id-dritt Ġermaniż Bertelsmann AG (Bertelsmann), il-kumpannija b’responsabbiltà limitata RTL Group u l-membri tal-bord tad-diretturi ta’ RTL Group (iktar ’il quddiem il-“konvenuti fil-kawża prinċipali”). Bir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qegħdin jitolbu l-annullament tal-ftehim konkluż bejn GBL u Bertelsmann li bih GBL assenjat is-sehem tagħha ta’ 30 % fil-kapital ta’ RTL Group lil Bertelsmann inkontrakkambju għal 25 % mill-kapital ta’ Bertelsmann u, sussidjarjament, id-dikjarazzjoni li l-konvenuti fil-kawża prinċipali huma solidalment responsabbli għad-dannu subit minnhom u sabiex jiġu kkundannati jħallsu kumpens għal dan id-dannu.

II – Il-kuntest ġuridiku

Id-Direttiva 77/91/KEE

3.        Skont il-ħames premessa tad-Direttiva 77/91 (2), “huwa meħtieġ, wara li jiġu kunsidrati l-għanijiet ta’ l-Artikolu 54(3)(g), li l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar iż-żjieda jew tnaqqis ta’ kapital jassiguraw li l-prinċipji ta’ trattament indaqs ta’ azzjonisti fl-istess pożizzjoni u ta’ protezzjoni ta’ kredituri li t-talbiet tagħhom jeżistu qabel id-deċiżjoni dwar tnaqqis huma mħarsa u armonizzati”.

4.        L-Artikoli 20 u 42 tad-Direttiva 77/91 huma redatti rispettivament skont kif ġej:

“Artikolu 20

1.      L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu biex ma japplikawx l-Artikolu 19 għal:

[...]

(d) ishma akkwistati bis-saħħa ta’ obbligu legali jew li jirriżultaw minn deċiżjoni ta’ qorti għall-protezzjoni ta’ azzjonisti ta’ minoranza fil-każ, partikolarment, ta’ inkorporazzjoni, bidla fil-għan jew forma tal-kumpannija, trasferiment ta’ l-uffiċċju reġistrat barra, jew l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq it-trasferiment ta’ ishma

[...]

(f) ishma akkwistati sabiex jindennizzaw azzjonisti ta’ minoranza f'kumpanniji assoċjati;

[…]

Artikolu 42

Għall-għanijiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, l-liġijiet ta’ l-Istati Membri għandhom jassiguraw trattament indaqs ta’ l-azzjonisti kollha li huma fl-istess pożizzjoni”.

Ir-rakkomandazzjoni 77/534/KEE

5.        Skont il-punt 6 tar-Rakkomandazzjoni 77/534/KEE (3), “il-Kummissjoni, wara li kkonsultat l-ambjenti kkonċernati, setgħet tikkonstata li f’dawn l-ambjenti jeżisti kunsens wiesa’ fuq il-prinċipji tal-kodiċi”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6.        Il-punt 11 ta’ din ir-rakkomandazzjoni jipprovdi dan li ġej:

Il-prinċipji ġenerali huma d-dispożizzjonijiet essenzjali tal-kodiċi u għandhom importanza primordjali.

Huma jipprevalu u jisbqu sew id-dispożizzjonijiet iktar iddettaljati li jsegwuhom u li mhumiex ħlief eżempju tagħhom.

[...]

C.       It-tielet prinċipju ġenerali jirrigwarda l-ugwaljanza tal-azzjonisti. Il-Kummissjoni ssostni, minkejja ċerta kritika, li għandu jinżamm il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi turi kif dan japplika b’żewġ dispożizzjonijiet komplementari, u tagħmel enfasi partikolarment fuq obbligu konkret ta’ pubbliċità tal-informazzjoni.

Id-dispożizzjoni komplementari numru 17 ssemmi t-trattament ugwali li għandu jingħata lill-azzjonisti l-oħra fil-każ ta’ trasferiment ta’ sehem li jkollu kontroll iżda tammetti li l-protezzjoni ta’ dawn l-azzjonisti tista’ tintlaħaq mod ieħor, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ liġi fil-Ġermanja li tillimita s-setgħat tal-azzjonist dominanti.

[...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.        It-tielet prinċipju ġenerali tal-kodiċi ta’ kondotta Ewropew li jinsab anness ma’ din ir-rakkomandazzjoni jipprovdi dan li ġej:

“Għandu jiġi żgurat trattament ugwali għal kull detentur ta’ titoli tal-istess tip, li jinħarġu mill-istess kumpannija; b’mod partikolari, kull att li jinvolvi, direttament jew indirettament, it-trasferiment ta’ sehem li jkollu kontroll, fid-dritt jew fil-fatt, ta’ kumpannija li t-titoli tagħha jiġu nnegozjati fis-suq, għandu jieħu inkunsiderazzjoni d-dritt tal-azzjonisti kollha li jiġu ttrattati bl-istess mod”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.        Id-dispożizzjoni komplementari numru 17 tal-kodiċi ta’ kondotta Ewropew tipprovdi dan li ġej:

“Kull tranżazzjoni li tinvolvi t-trasferiment ta’ sehem li jkollu kontroll fis-sens tat-tielet prinċipju ġenerali m’għandux isir bil-moħbi mingħajr ma tingħata informazzjoni lill-azzjonisti l-oħra u lill-awtoritajiet regolaturi tas-suq.

Huwa mixtieq li l-possibbiltà li jassenjaw it-titoli tagħhom taħt kundizzjonijiet identiċi tiġi offruta lill-azzjonisti kollha tal-kumpannija li l-kontroll tagħha jkun ġie trasferit, ħlief jekk huma jibbenefikaw minn protezzjoni oħra li tista’ titqies bħala li hija ekwivalenti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-Direttiva 79/279/KEE

9.        Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 79/279 (4), “l-emittenti ta’ titoli ammessi għall-kwotazzjoni uffiċjali fil-Borża għandhom jirrispettaw l-obbligi elenkati fl-iskedi Ċ jew D annessi ma’ din id-direttiva, skont jekk humiex ishma jew titoli rispettivament”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10.      Fl-anness ta’ din id-direttiva, fil-punt 2(a) tal-Iskeda Ċ dwar l-“Obbligi tal-kumpannija li l-ishma tagħha huma ammessi għall-kwotazzjoni f’Borża uffiċjali” : “Il-kumpannija għandha tiżgura trattament ugwali tal-azzjonisti kollha li huma fl-istess pożizzjoni.”

Id-Direttiva 2001/34/KE

11.      Id-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq ġiet riprodotta fl-Artikolu 65(1) tad-Direttiva 2001/34 (5) li ħassret, bl-Artikolu 111(1) tagħha, id-Direttiva 79/279.

12.      Madankollu, l-Artikolu 65 tad-Direttiva 2001/34 ġie mħassar b’effett mill-20 ta’ Jannar 2007, bl-Artikolu 32(5) tad-Direttiva 2004/109 (6). L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/109, li huwa intitolat, “Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal emittenti li l-ishma tagħhom ikunu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat”, fil-paragrafu 1 tiegħu, jipprovdi li:

“L-emittent ta’ ishma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat għandu jiżgura t-trattament ugwali tad-detenturi kollha ta’ ishma li jkunu fl-istess posizzjoni.”

Id-Direttiva 2004/25/KE

13.      Il-premessi 8, 9 u 10 tad-Direttiva 2004/25 (7) huma redatti skont kif ġej:

“(8) Skond il-prinċipji ġenerali tal-Liġi tal-Komunità, u b’mod partikolari id-dritt għal seduta imparzjali, id-deċiżjonijiet ta’ l-awtorità superviżorja għandhom f’ċirkostanzi xierqa ikunu suġġetti għal reviżjoni minn qorti jew tribunal indipendenti. [...]

(9) L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipproteġu lid-detenturi tas-sigurtajiet, b’mod partikolari dawk b’assi f’minoranza, meta jinkiseb il-kontroll tal-kumpanniji tagħhom. L-Istati Membri għandhom jassiguraw din il-protezzjoni billi jobbligaw lill-persuna li tkun kisbet il-kontroll ta’ xi kumpannija biex tagħmel offerta lid-detenturi kollha tas-sigurtajiet tal-kumpannija għall-assi kollha tagħhom bi prezz raġonevoli skond id-definizzjoni komuni. [...]

(10) L-obbligu li ssir offerta lid-detenturi kollha tas-sigurtajiet m’għandiex tapplika għal dawk li jikkontrollaw l-assi diġà eżistenti fiddata ta’ meta tidħol fis-seħħ il-leġislazzjoni nazzjonali li tadotta din id-Direttiva”.

14.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/25, li huwa intitolat, “Prinċipji ġenerali”, jipprovdi dan li ġej fil-paragrafi 1(a) u 2(a):

“1. Għall-iskop li tiġi implimentata din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-prinċipji li ġejjin jiġu mħarsa:

a) id-detenturi kollha tas-sigurtajiet tal-kumpannija li qed tirċievi l-offerta ta’ l-istess klassi għandhom jiġu trattati b’mod ugwali; aktar minn hekk jekk persuna tikseb il-kontroll ta’ kumpannija, id-detenturi l-oħra tas-sigurtajiet għadhom jiġu protetti;

[…]

2. Bl-iskop li tiġi aċċertata l-konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-paragrafu 1, l-Istati Membri:

a) għandhom jassiguraw li l-ħtiġiet minimi kif stabbiliti f’din id-Direttiva jiġu osservati;

[…]”

15.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/25, li huwa intitolat “Il-protezzjoni ta’ l-azzjonisti f’minoranza, l-offerta obbligatorja u l-prezz raġonevoli”, jipprovdi fil-paragrafi 1, 3 u 4:

“1. Fejn persuna naturali jew legali, bħala riżultat ta’ l-akkwist tagħha jew ta’ l-akkwist tal-persuni li qed jaħdmu magħha, iżżomm sigurtajiet tal-kumpannija kif imsemmija fl-Artikolu 1(1) li, b’żieda ma’ l-assi eżistenti ta’ dawk is-sigurtajiet tagħha u l-assi ta’ dawk is-sigurtajiet tal-persuni li qed jaħdmu magħha, b’mod dirett jew indirett, jagħtuha l-persentaġġ speċifiku tad-drittijiet tal-vot f’dik il-kumpannija, li jagħtuha l-kontroll ta’ dik il-kumpannija, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li persuni bħal dawn ikunu meħtieġa jagħmlu offerta bħala mezz ta’ protezzjoni għall-azzjonisti f’minoranza ta’ dik il-kumpannija. Offerta bħal din għandha tiġi indirizzata fl-aktar opportunità kmieni lid-detenturi kollha ta’ dawk is-sigurtajiet għall-assi kollha tagħhom bi prezz raġonevoli kif stabbilit fil-paragrafu 4.

[…]

3. Il-persentaġġ tad-drittijiet tal-vot li jagħti kontroll għall-għanijiet tal-paragrafu 1 u l-metodu tal-kalkolazzjoni tiegħu għandu jiġi stabbilit permezz tar-regoli ta’ l-Istat Membru fejn il-kumpannija jkollha l-uffiċċju tagħha irreġistrat.

4. L-għola prezz imħallas għall-istess sigurtajiet minn min qed jagħmel l-offerta, jew mill-persuni li qed jaħdmu flimkien magħha, f’perjodu li għandu jiġi stabbilit mill-Istati Membri, ta’ mhux inqas minn sitt xhur u mhux aktar minn 12-il xahar qabel ma l-offerta msemmija fil-paragrafu 1 tibda titqies bħala l-prezz raġonevoli. [...]

Jekk jiġu rispettati l-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 3(1), l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-awtoritajiet superviżorji tagħhom biex jemendaw il-prezz imsemmi fl-ewwel subparagrafu fiċ-ċirkostanzi u skond il-kriterji li huma determinati b’mod ċar.

[...]”

16.      L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2004/25 jipprovdi li t-terminu għat-traspożizzjoni jiskadi fl-20 ta’ Mejju 2006.

III – Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17.      Audiolux SA u r-rikorrenti l-oħra fil-kawża prinċipali huma azzjonisti minoritarji fil-kumpannija b’responsabbiltà limitata RTL Group li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fil-Lussemburgu, bl-ishma tagħha jiġu nnegozjati fil-Borża tal-Lussemburgu, ta’ Brussell u ta’ Londra. Mill-fajl jirriżulta li qabel il-fatti li wasslu għall-kawża, GBL kellha 30 % mill-ishma ta’ RTL. Bertelsmann kellha sehem ta’ 80 % fil-kumpannija Bertelsmann Westdeutsche TV GmbH (iktar ’il quddiem “BWTV”), fejn ir-rimanenti 20 % kienu f’idejn il-kumpannija Westdeutschen Allgemeinen Zeitungsverlagsgesellschaft E. Brost & J. Funke GmbH & Co. (iktar ’il quddiem “WAZ”). BWTV kellha 37 % mill-ishma ta’ RTL, il-grupp Britanniku Pearson Television kellu 22 % u l-azzjonisti l-oħra, fosthom Audiolux, kellhom 11 %.

18.      Wara diversi tranżazzjonijiet li seħħew matul l-ewwel nofs tas-sena 2001, GBL assenjat sehemha ta’ 30 % fil-kapital ta’ RTL inkontrakkambju għal 25 % mill-kapital ta’ Bertelsmann.

19.      Sussegwentement, f’Diċembru 2001, Bertelsmann akkwistat sehem Pearson Television. RTL u talbet imbagħad li tirtira l-ammissjoni tagħha għall-kwotazzjoni fil-Borża ta’ Londra. L-assenjazzjoni li saret minn GBL lil Bertelsmann hija s-suġġett ta’ rikors ippreżentat minn Audiolux SA, BGL Investment Partners u l-azzjonisti minoritarji l-oħra (ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali) kontra GBL, Bertelsmann u RTL Group kif ukoll kontra membri oħra tal-bord tad-diretturi ta’ RTL Group quddiem is-sezzjoni tal-kummerċ tat-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg, li bih qed jintalab l-annullament tal-ftehim konklużi bejn GBL u Bertelsmann li bihom GBL assenjat lill-grupp Bertelsmann sehemha ta’ 30 % mill-kapital ta’ RTL inkontrakkambju għal 25 % mill-kapital ta’ Bertelsmann. Sussidjarjament, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu li l-konvenuti jiġu kkundannati solidalment iħallsu kumpens għad-dannu u sabiex ikunu awtorizzati jbigħu sehemhom bl-istess kundizzjonijiet. Sussegwentement, ir-rikorrenti żiedu xi talbiet oħra.

20.      Fil-kuntest ta’ rikors ieħor li sar kontra Bertelsmann u kontra kumpanniji oħra, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu sabiex il-konvenuti jkunu kkundannati li, ineżekuzzjoni tal-obbligi li jinsabu fil-prospett tal-ammissjoni ta’ RTL Group għall-Borża ta’ Londra, ippubblikat fit-30 ta’ Ġunju 2000, iżidu inter alia l-firxa tat-titoli RTL Group mal-pubbliku billi jwassluha għal 15 % u sabiex ma jirtirawhomx mill-kwotazzjoni fil-Borża ta’ Londra. Għal dan il-għan, huma ppreżentaw diversi talbiet fil-kuntest tar-rikorsi tas-6 ta’ Settembru kif ukoll tat-3, l-14 u t-18 ta’ Ottubru 2002.

21.      B’deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2003, it-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg iddeċieda l-ewwel kawża dwar l-assenjazzjoni minn GBL lil Bertelsmann billi ddikjara t-talbiet inammissibbli minħabba li l-pretensjonijiet ta’ Audiolux ma kienu bbażati fuq l-ebda regola jew prinċipju tad-dritt rikonoxxut fid-dritt tal-Lussemburgu. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Cour d’appel b’att tat-8 ta’ Ottubru 2003.

22.      B’deċiżjoni tat-30 ta’ Marzu 2004, it-Tribunal d’arrondissement de Luxembourg ċaħad it-talbiet tar-rikorrenti fit-tieni kawża. Ir-rikorrenti appellaw ukoll minn din id-deċiżjoni quddiem il-Cour d’appel b’att tal-21 ta’ Ġunju 2004.

23.      Il-Cour d’appel għaqqdet iż-żewġ kawżi u ċaħdet l-appelli b’sentenza tat-12 ta’ Lulju 2006. Hija kkonfermat li ma kien jeżisti ebda prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali tal-azzjonisti fid-dritt tal-kumpanniji jew fid-dritt finanzjarju tal-Lussemburgu u li ma kienx hemm lok li ssir domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej f’dan ir-rigward.

24.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellaw quddiem il-Cour de cassation kontra s-sentenza tal-Cour d’appel b’att tat-22 ta’ Novembru 2006 u ressqu seba’ aggravji ta’ kassazzjoni. L-ewwel aggravju ta’ kassazzjoni ta’ Audiolux huwa bbażat fuq il-ksur jew l-applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanzja tal-azzjonisti, speċjalment fil-każ ta’ kumpannija li l-ishma tagħha huma kkwotati f’Borża ta’ titoli.

25.      Peress li l-Cour de cassation qieset li l-ewwel aggravju ta’ kassazzjoni kien iqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li kienet rilevanti għad-deċiżjoni fil-kawża, hija ssospendiet il-proċeduri u għamlet id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tingħata deċiżjoni preliminari:

1)         Ir-referenzi għall-ugwaljanza tal-azzjonisti u b’mod iktar speċifiku għall-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji

a)      fl-Artikoli 20 u 42 tat-Tieni Direttiva “kumpanniji” 77/91/KEE, tat-13 ta’ Diċembru 1976;

b)      fit-“Tielet Prinċipju ġenerali” u fis-“Sbatax-il dispożizzjoni komplementari” tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, tal-25 ta’ Lulju 1977, li tikkonċerna kodiċi ta’ kondotta Ewropew dwar it-tranżazzjonijiet fuq it-titoli trasferibbli;

c)      fil-punt 2(a) tal-Iskeda Ċ tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 79/279/KEE, tal-5 ta’ Marzu 1979, li tikkoordina l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ titoli għal-listi ta’ Borża uffiċjali, li ġiet inkorporata fid-direttiva kkonsolidata tat-28 ta’ Mejju 2001;

d)      fl-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, fuq offerti ta’ xiri, fid-dawl tal-premessa 8 tagħha, jirriżultaw minn prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju?

2)         Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju għandu jiġi applikat biss fir-relazzjonijiet bejn kumpannija u l-azzjonisti tagħha, jew, għall-kuntrarju, għandu jiġi applikat ukoll fir-relazzjonijiet bejn l-azzjonisti b’maġġoranza li jeżerċitaw jew jiksbu l-kontroll ta’ kumpannija u l-azzjonisti minoritarji ta’ din il-kumpannija, speċjalment fil-każ ta’ kumpannija li l-ishma tagħha huma kkwotati f’Borża ta’ titoli?

3)         Fil-każ ta’ risposta affermattiva għaż-żewġ domandi preċedenti, dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju għandu, fid-dawl tal-iżvilupp fiż-żmien tar-referenzi msemmija fl-ewwel domanda, jiġi kkunsidrat li ilu jeżisti u li ilu applikabbli fir-relazzjonijiet bejn l-azzjonisti b’maġġoranza u minoritarji fis-sens tat-tieni domanda, minn qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/25/KE ċċitata iktar ’il fuq u, f’dan il-każ, minn qabel ma seħħew il-fatti inkwistjoni fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2001?

IV – Il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26.      Id-digriet tar-rinviju tal-4 ta’ Marzu 2008 wasal fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Mejju 2008.

27.      Audiolux, GBL, Bertelsmann, ir-Repubblika Irlandiża, il-gvernijiet tar-Repubblika Franċiża u tar-Repubblika Pollakka kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw noti ta’ osservazzjonijiet fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28.      Matul is-seduta tat-30 ta’ April 2009, ir-rappreżentanti ta’ Audiolux, ta’ GBL, ta’ Bertelsmann, tar-Repubblika Irlandiża kif ukoll tal-Kummissjoni dehru sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet orali.

V –    L-argumenti prinċipali tal-partijiet

29.      Audiolux tqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. Hija tipproponi li tingħata risposta fl-affermattiv għad-domandi li saru. Fil-fehma tagħha, l-atti Komunitarji msemmija fl-ewwel domanda preliminari, kif ukoll id-dispożizzjonijiet tagħhom, għandhom tendenza juru l-eżistenza ta’ prinċipju ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti. F’dak li jikkonċerna d-Direttiva 77/91, Audiolux issostni b’mod partikolari li mill-ħames premessa tagħha stess jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju kkunsidra l-ugwaljanza tal-azzjonisti bħala prinċipju li jeżisti diġà. Audiolux tinvoka, barra minn hekk, il-punti 6 u 11 tal-kodiċi ta’ kondotta. Il-fatt li l-kodiċi ta’ kondotta mhuwiex ħlief rakkomandazzjoni ma jeskludix il-fatt li huwa jikkostitwixxi l-espressjoni ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Audiolux tibbaża l-argument tagħha, barra minn hekk, fuq ir-rapport tal-grupp ta’ esperti ta’ livell għoli fid-dritt tal-kumpanniji ta’ Jannar 2002 (iktar ’il quddiem ir-“rapport Winter I”).

30.      Fil-fehma ta’ Audiolux, ix-xogħol preparatorju ta’ qabel id-Direttiva 2004/25 juri li kien hemm kunsens fuq il-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji prevista fl-Artikolu 5. Il-premessa 10 ta’ din id-direttiva tikkonċerna biss l-applikazzjoni tad-direttiva ratione temporis u ma taffettwax il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti, kif dan jirriżulta mill-Artikolu 3(1)(a). Kif ġie deċiż fis-sentenza Mangold (8), jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva, minn naħa, u l-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali li fuqu tkun ibbażata, min-naħa l-oħra.

31.      Għal dak li jirrigwarda t-tieni domanda preliminari, Audiolux issostni li l-Artikolu 44(2) (g) KE ma jiddistingwix bejn il-protezzjoni tal-azzjonisti min-naħa tal-kumpannija u l-protezzjoni tal-azzjonisti fir-rigward ta’ xulxin. Tali distinzjoni lanqas ma tirriżulta mid-Direttiva 77/91, kif ikkonfermat mill-Artikolu 20 tagħha. F’dak li jikkonċerna l-kodiċi ta’ kondotta, it-tielet prinċipju ġenerali u s-sbatax-il dispożizzjoni komplementari jirrikonoxxu li l-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti japplika wkoll għar-relazzjonijiet bejn l-azzjonisti.

32.      Audiolux issostni li l-influwenza li azzjonist b’maġġoranza jeżerċita fuq l-amministrazzjoni tal-kumpannija ttaffi d-differenza bejn l-organi tal-kumpannija u l-azzjonist b’maġġoranza. L-ugwaljanza bejn l-azzjonisti tippreżupponi konsegwentement li l-azzjonist b’maġġoranza jkun marbut b’dan il-prinċipju. Fl-aħħar nett, Audiolux tirreferi għas-sentenza Mangold li, fil-fehma tagħha, hija favur l-applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju f’din il-kawża.

33.      F’dak li jikkonċerna t-tielet domanda preliminari, Audiolux hija tal-fehma li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti f’dan il-każ mhijiex ekwivalenti għall-applikazzjoni ta’ din id-direttiva b’mod retroattiv, u dan peress li dan il-prinċipju ilu rikonoxxut 30 sena fil-kodiċi ta’ kondotta u ilu għaxar snin li kien hemm kunsens dwaru, u dan kif tafferma d-Direttiva 2004/25.

34.      Il-konvenuti 1 sa 10 fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem, flimkien imsejħa “GBL”) jindikaw fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ewwel u t-tieni domanda preliminari, li r-rikonoxximent ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju jippreżupponi li d-dispożizzjoni kkontestata tirriżulta minn wieħed mill-għanijiet tat-trattat u għandha kontenut suffiċjenti. F’dan ir-rigward, huma jirreferu għas-sentenzi Jippes (9) u Il-Portugall vs Il-Kunsill (10).

35.      Għal dak li jikkonċerna l-atti Komunitarji msemmija fl-ewwel domanda preliminari, GBL issostni essenzjalment li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-kodiċi ta’ kondotta ma jistax jipproduċi effetti legali. Minn naħa, huwa ma ġiex inkorporat fid-dritt tal-Lussemburgu u, min-naħa l-oħra, huwa jirreferi biss għad-dispożizzjonijiet Komunitarji li huwa għandu l-għan li jikkomplementa. Barra minn hekk, l-eżistenza tad-Direttiva 2004/25 u x-xogħol preparatorju ta’ qabilha jindikaw li ma jeżistix prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti. Insostenn tat-teżi tagħha, GBL tirreferi għar-rapport Winter I, kif ukoll għar-rapport tal-grupp ta’ esperti ta’ livell għoli tad-dritt tal-kumpanniji fuq qafas regolatorju modern għad-dritt Ewropew tal-kumpanniji, ta’ Novembru 2002 (iktar ’il quddiem ir-“rapport Winter II”). Barra minn hekk, kemm id-diversi għażliet li jibqgħu miftuħin għall-Istati Membri kif ukoll id-determinazzjoni ta’ rekwiżiti minimi juru li dan il-prinċipju ma jeżistix.

36.      Fir-rigward tat-tielet domanda preliminari, GBL tfakkar fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar iċ-ċertezza legali, u partikolarment dwar ir-retroattività, biex turi l-ineżistenza ta’ prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti. Fi kwalunkwe każ, tali prinċipju ma jistax jiġi applikat għal fatti li jkunu ġraw qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/25.

37.      Fil-fehma tal-konvenuti 11 sa 18 fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem, flimkien, “Bertelsmann”), it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. Hija ma tesponix l-elementi ta’ fatt rilevanti li huma meħtieġa biex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tirrispondi għad-domandi preliminari b’għarfien sħiħ tal-qafas fattwali u leġiżlattiv.

38.      Id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 77/91 u 79/279 imsemmija fl-ewwel domanda preliminari kienu jirreferu esklużivament għar-relazzjonijiet bejn il-kumpannija u l-azzjonisti tagħha u kienu jikkonċernaw każijiet speċifiċi ħafna, li ma kellhomx x’jaqsmu mal-problema tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali. Anki jekk il-kodiċi ta’ kondotta li jissemma fir-rakkomandazzjoni kien jipprevedi l-offerta obbligatorja, din hija biss “mixtieq[a]” skont is-sbatax-il dispożizzjoni komplementari, u dan fin-nuqqas ta’ protezzjoni oħra li hija “ekwivalenti”.

39.      Għal dak li jikkonċerna d-Direttiva 2004/25, Bertelsmann issostni b’mod partikolari li kien hemm nuqqas ta’ qbil, fil-kuntest tax-xogħol preparatorju għal din id-direttiva, fuq il-punt dwar jekk l-offerta obbligatorja kinitx l-unika mezz konċepibbli biex ikunu protetti l-azzjonisti minoritarji. Fuq kollox, l-eżistenza ta’ diversi għażliet li għandhom l-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet preċiżi dwar l-offerta obbligatorja kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis huma inkompatibbli mal-allegat prinċipju ġenerali. Jekk l-eżistenza ta’ dan il-prinċipju tiġi kkonfermata, ikun irid jiġi dedott li din id-direttiva hija nulla.

40.      Fl-opinjoni ta’ Bertelsmann, la fuq livell nazzjonali u lanqas fuq livell internazzjonali ma teżisti fehma komuni (opinio juris) li tikkorrobora l-eżistenza ta’ tali prinċipju ġenerali tad-dritt, ħaġa li hija affermata wkoll mir-rapport Winter I. Id-diversi riferimenti għall-ugwaljanza tal-azzjonisti fl-istrumenti tad-dritt sussidjarju ma jippermettux li tintlaħaq il-konklużjoni li jeżisti prinċipju ġenerali. L-allegat prinċipju huwa differenti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt diġà rikonoxxuti fil-ġurisprudenza u dan minħabba l-kontenut fundamentalment differenti. Fi kwalunkwe każ, l-istess allegat prinċipju huwa wisq impreċiż biex jipprova jiġġustifika l-obbligu li ssir offerta.

41.      Barra minn hekk, ir-rikonoxximent ta’ tali prinċipju jippreġudika l-kompetenza tal-leġiżlatur Komunitarju peress li jwassal biex jiġu stabbiliti regoli li huwa l-imsemmi leġiżlatur biss li għandu jadottahom. B’mod partikolari, jinkisru l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, kif ukoll, b’mod speċjali, il-prinċipju ta’ nonretroattività. Dan il-fatt joħroġ mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/25 li jindikaw li r-regoli dwar l-offerta obbligatorja ma japplikawx għal fatti li jkunu seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Iktar minn hekk, il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju ma japplikawx, b’mod ġenerali, għar-relazzjonijiet bejn persuni privati. L-uniċi eċċezzjonijiet, u partikolarment dik li tirriżulta mis-sentenza Mangold, ma japplikawx għal din il-kawża minħabba l-kuntest ġuridiku għal kollox differenti li fih ittieħdu dawn id-deċiżjonijiet.

42.      Il-Gvern Franċiż jieħu pożizzjoni biss fuq l-ewwel domanda preliminari u jiddefendi t-teżi li l-atti Komunitarji elenkati f’din id-domanda juru l-eżistenza ta’ prinċipju ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju jippreżupponi li l-persuni interessati jkunu f’sitwazzjonijiet paragunabbli. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm deroga minn dan il-prinċipju jekk id-differenza fit-trattament tkun iġġustifikata oġġettivament.

43.      Ir-Repubblika Irlandiża twissi kontra l-konsegwenzi gravi li risposta fl-affermattiv għad-domandi preliminari jkollha fil-qasam tad-dritt istituzzjonali mill-aspett tat-tqassim tal-kompetenzi bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji u taċ-ċertezza legali u kif ukoll fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji. Hija tippronunċja ruħha espressament favur risposta negattiva għad-domandi preliminari.

44.      Fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari, ir-Repubblika Irlandiża ssostni minn banda li d-dispożizzjonijiet Komunitarji li hija telenka ma jippermettux li jiġi konkluż li dawn joħorġu minn prinċipju ġenerali komuni ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti. Min-naħa l-oħra, dawn huma regoli speċifiċi li jirregolaw sitwazzjonijiet speċifiċi. Ir-Repubblika Irlandiża tispjega wkoll li, minħabba n-natura speċifika tiegħu, tali prinċipju ma jistax jitqies bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Tali prinċipji, bħalma huma dawk li ġew rikonoxxuti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirrigwardaw aspetti fundamentali tas-sistema legali Komunitarja; mhux l-istess jista’ jingħad għall-prinċipju inkwistjoni. Ir-Repubblika Irlandiża tiġbed ukoll l-attenzjoni għall-kumplessità sostanzjali tad-dritt tal-kumpanniji li huwa intiż li jilħaq bilanċ bejn l-interessi diversi li jkun hemm. Dan jipprekludi l-applikazzjoni diretta tal-prinċipju inkwistjoni.

45.      Għal dak li jikkonċerna t-tieni domanda preliminari, ir-Repubblika Irlandiża tiddikjara li kwalunkwe prinċipju ġenerali eventwali tad-dritt ma jistax japplika ħlief għar-relazzjonijiet bejn kumpannija u l-azzjonisti tagħha. Hija tirrileva barra minn hekk li l-offerta obbligatorja prevista fid-Direttiva 2004/25 hija eċċezzjoni fid-dritt tal-kumpanniji u konsegwentement ma tistax titqies bħala li tirriżulta minn prinċipju ġenerali tad-dritt.

46.      B’risposta għat-tielet domanda preliminari, ir-Repubblika Irlandiża ssostni li, minħabba l-ħtieġa ta’ dispożizzjonijiet iktar preċiżi, jekk dan il-prinċipju jiġi applikat, dan ikun ifisser b’mod definittiv li d-Direttiva 2004/25 tkun qed tiġi applikata qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. Ir-Repubblika Irlandiża ssostni li dan ikun illegali, peress li jkun ifisser li d-direttiva tiġi applikata orizzontalment qabel l-iskadenza stess tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha.

47.      Il-Gvern Pollakk ħa pożizzjoni fuq l-ewwel u t-tielet domanda preliminari u jiddefendi l-fehma li l-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti huwa prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Dan huwa prinċipju fundamentali tad-dritt tal-kumpanniji Ewropew u nazzjonali li kien japplika ħafna qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/25. Dan il-prinċipju jinsab espliċitament u impliċitament rikonoxxut f’diversi atti Komunitarji.

48.      Minħabba n-natura ġenerali tiegħu, dan il-prinċipju ma jistax madankollu jiġi applikat direttament, peress li huwa jinsab indirizzat prinċipalment lil-leġiżlatur. Dan il-prinċipju jimponi biss li sitwazzjonijiet paragunabbli jingħataw trattament ugwali, filwaqt li jawtorizza trattament differenti meta dan ikun iġġustifikat oġġettivament. Bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, l-azzjonisti għandhom l-istess drittijiet skont il-kobor ta’ sehemhom fil-kapital azzjonarju, u dan mingħajr ma jiġu esklużi ċerti drittijiet speċjali li għandhom l-azzjonisti minoritarji bil-għan li dawn ikunu protetti. Tali regoli, madankollu, jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tal-azzjonisti minoritarji fir-rigward tal-azzjonisti b’maġġoranza u konsegwentement għandhom ikunu stabbiliti mil-leġiżlatur.

49.      Għal dak li jikkonċerna t-tieni domanda preliminari, il-Gvern Pollakk jesponi li l-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti ma japplikax ħlief għar-relazzjonijiet bejn il-kumpannija u l-azzjonisti tagħha, b’mod li l-azzjonisti, fil-prinċipju, mhumiex obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-azzjonisti l-oħra.

50.      Il-Kummissjoni tipproponi li tingħata risposta negattiva għad-domandi preliminari. Fil-fehma tagħha, l-ugwaljanza tal-azzjonisti u l-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji ma jistgħux jitqiesu bħala prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li huma biss ċerti prinċipji fundamentali li jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala li jipprevalu fuq id-dritt sussidjarju u bħala li huma prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. L-ugwaljanza tal-azzjonisti u l-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji jikkostitwixxu prinċipji li huma wisq preċiżi biex ikunu jistgħu jitqiesu bħala prinċipji “ġenerali” tad-dritt Komunitarju. Il-Kummissjoni tirrileva barra minn hekk li dan la huwa prinċipju komuni għad-dritt tal-Istati Membri u lanqas dritt fundamentali stabbilit fit-Trattat KE.

51.      Fil-fehma tal-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet tad-dritt sussidjarju msemmija fl-ewwel domanda preliminari jikkontemplaw sitwazzjonijiet preċiżi u konsegwentement ma jistgħux jitqiesu bħala li joħorġu minn prinċipju ġenerali tad-dritt. L-adozzjoni tad-Direttiva 2004/25 tikkonferma li l-leġiżlatur Komunitarju ħass li kien meħtieġ li jadotta regoli intiżi biex jipproteġu lill-azzjonisti minoritarji wara li jkun sar bdil fil-kontroll tal-kumpannija.

52.      Għal dak li jikkonċerna t-tieni domanda preliminari, il-Kummissjoni ssostni, minn naħa, li l-obbligi imposti fuq l-azzjonisti b’maġġoranza fil-konfront tal-azzjonisti minoritarji fid-Direttiva 2004/25 ma jistgħux jitqiesu bħala li joħorġu minn prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Min-naħa l-oħra, l-istrumenti tad-dritt sussidjarju elenkati fl-ewwel domanda preliminari ma jiddefinixxux l-obbligi fir-relazzjonijiet bejn id-diversi azzjonisti. Finalment, il-Kummissjoni tfakkar li prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ma jistax jipproduċi effett dirett fir-relazzjonijiet bejn persuni privati.

53.      Fil-kuntest tat-tielet domanda preliminari, il-Kummissjoni ssostni li d-Direttiva 2004/25 ma ssemmix l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti, u b’mod iktar speċifiku, dak dwar il-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji, bħala li kien jeżisti qabel ma hija ġiet adottata.

VI – Kunsiderazzjonijiet ġuridiċi

A –    L-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

54.      L-ewwel kwistjoni legali li trid tiġi ttrattata tirrigwarda l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn Bertelsmann.

55.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-bżonn li tingħata interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li tkun utli għall-qorti nazzjonali jeżiġi li din il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u legali tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi (11).

56.      B'hekk, l-informazzjoni mogħtija fid-digriet tar-rinviju m’għandhiex biss tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli, iżda għandha wkoll tagħti lill-gvernijiet tal-Istati Membri kif ukoll lill-partijiet interessati l-oħra l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Hija r-responsabbiltà tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura li din il-possibbiltà tkun salvagwardjata, kont meħud tal-fatt li, skont id-dispożizzjoni msemmija qabel, id-digrieti tar-rinviju biss huma nnotifikati lill-partijiet interessati (12).

57.      F'dan il-każ, id-digriet tar-rinviju juri, fil-qosor imma bil-preċiżjoni meħtieġa, il-kuntest ġuridiku nazzjonali rilevanti kif ukoll l-oriġini u n-natura tal-kawża. Minn dan isegwi li l-qorti tar-rinviju ddefinixxiet adegwatament il-kuntest kemm fattwali kif ukoll ġuridiku li fih hi fformulat it-talba tagħha għal interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju u li, hi forniet lill-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni kollha neċessarja biex tagħtiha l-possibbiltà li tirrispondi l-imsemmija domanda b’mod utli.

58.      Għaldaqstant, l-argument ta’ Bertelsmann intiż biex it-talba għal deċiżjoni preliminari kollha kemm hi tiġi ddikjarata inammissibbli għandu jiġi miċħud.

B –    Analiżi tad-domandi magħmula

59.      Il-pern ta’ din il-kawża huwa l-ewwel domanda preliminari li tirrigwarda, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti jiffurmax parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Ġie indikat espressament li t-tieni u t-tielet domandi preliminari saru biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda preliminari. Konsegwentement, għandhom jiġu eżaminati fl-ordni li fiha tressqu.

1.      Fuq l-ewwel domanda

a)      Rimarki preliminari

60.      L-ewwel nett għandu jingħad li l-ewwel domanda preliminari trid tiġi ppreċiżata.

61.      Skont ġurisprudenza stabbilita, indipendentement mit-tqassim tal-kompetenzi bejn il-qorti nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċeduri għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 234 KE, fil-preżenza ta’ domandi li jirriżulta li huma fformulati b’mod li mhux xieraq, il-Qorti tal-Ġustizzja xorta tista’ toħroġ, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti tar-rinviju, u b’mod partikolari, mill-motivazzjoni tal-att tar-rinviju, l-elementi ta’ dritt Komunitarju li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kwistjoni (13).

62.      Minn analiżi oġġettiva tat-talba għal deċiżjoni preliminari u mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-partijiet fil-kawża prinċipali jirriżulta li l-ewwel domanda preliminari għandha titqies bħala li tirrigwarda, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk jeżistix, fid-dritt Komunitarju, prinċipju ġenerali tad-dritt li jeżiġi t-trattament ugwali bejn l-azzjonisti u jekk dan il-prinċipju jipproteġix ukoll l-azzjonisti minoritarji f’kumpannija fis-sens li dawn għandhom id-dritt, fil-każ li jittieħed il-kontroll tal-kumpannija, li jassenjaw sehemhom bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk tal-azzjonisti l-oħra.

63.      L-eżami tad-domanda addizzjonali dwar jekk il-prinċipju ġenerali tad-dritt inkwistjoni għandux effett legali preċiż biżżejjed li huwa favorevoli għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jippermetti li jiġi evitat li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja tibqa’ astratta (14). Konsegwentement, jeħtieġ li l-kwistjoni prinċipali li jiena pproponejt li tiġi ppreċiżata tittieħed bħala l-punt tat-tluq.

64.      Il-qorti tar-rinviju, fl-ewwel domanda preliminari tagħha, tirreferi għal numru ta’ atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità taħt l-Artikolu 249 KE, li ċertament m’għandhomx kollha kemm huma l-istess natura legali, iżda li kollha jirreferu, b’mod xi ftit jew wisq espliċitu, għal prinċipju mhux definit ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti. Peress li dawn joħorġu mid-dritt pożittiv, dawn id-dispożizzjonijiet jikkostitwixxu bażi importanti għall-analiżi legali li ġejja.

65.      Għal raġunijiet sistematiċi, jeħtieġ li jiġu ttrattati l-ewwel nett il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju mill-aspett kunċettwali, biex imbagħad tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet biex il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi l-ugwaljanza tal-azzjonisti bħala prinċipju ġenerali tad-dritt.

b)      Il-prinċipji ġenerali tad-dritt

i)      Il-kunċett

66.      Il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju jokkupaw pożizzjoni partikolari fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

67.      Huwa minnu li l-kunċett ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt għadu suġġett ta’ diskussjoni (15). It-terminoloġija mhijiex uniformi, u dan kemm fid-dottrina kif ukoll fil-ġurisprudenza. Inparti, id-differenzi jirrigwardaw biss it-termini użati, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Avukati Ġenerali jitkellmu fuq regola tad-dritt aċċettata b’mod ġenerali (16), fuq prinċipju aċċettat b’mod ġenerali (17), fuq prinċipju elementari tad-dritt (18), fuq prinċipju fundamentali (19), fuq sempliċi prinċipju (20), fuq regola (21) jew fuq prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza li jifforma parti mill-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju (22).

68.      Hemm qbil madankollu li l-prinċipji ġenerali tad-dritt għandhom importanza kbira fil-ġurisprudenza biex jimlew lakuni jew bħala għodda ta’ interpretazzjoni (23). Dan jirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li d-dritt Komunitarju jikkostitwixxi sistema legali fi proċess ta’ żvilupp li, peress li jakkumpanja l-iżvilupp tal-integrazzjoni, bilfors ikollu xi lakuni u jkun suġġett għall-interpretazzjoni. Għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Ġustizzja tidher li qagħdet lura hija wkoll milli tikklassifika b’mod preċiż il-prinċipji ġenerali tad-dritt biex ma tneħħix il-flessibbiltà meħtieġa biex tkun tista’ tiddeċiedi fuq il-kwistjonijiet ta’ fatt li jqumu indipendentement mid-differenzi fit-terminoloġija (24).

69.      Skont definizzjoni mogħtija fid-dottrina, il-prinċipji ġenerali tad-dritt huma dispożizzjonijiet fundamentali tad-dritt Komunitarju primarju mhux miktub, li huma inerenti għas-sistema legali nnifisha tal-Komunitajiet Ewropej jew li huma komuni għas-sistema legali tal-Istati Membri (25). Fil-prinċipju huwa possibbli li ssir distinzjoni bejn il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju fis-sens strett tagħhom, jiġifieri dawk li jirriżultaw esklużivament mill-ispirtu u mis-sistema tat-Trattat KE u li jirreferu għal problemi speċifiċi tad-dritt Komunitarju, u l-prinċipji ġenerali tad-dritt li huma komuni għas-sistema legali u kostituzzjonali tal-Istati Membri (26). Filwaqt li l-ewwel kategorija ta’ prinċipji ġenerali tad-dritt jistgħu jiġu dedotti direttament mid-dritt Komunitarju primarju, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikorri essenzjalment għal eżerċizzju kritiku tad-dritt komparattiv biex tidentifika l-prinċipji li jaqgħu fit-tieni kategorija (27), mingħajr madankollu ma tapplika l-metodu tad-denominatur minimu komuni. Lanqas ma huwa meqjus meħtieġ, f’dan ir-rigward, li l-prinċipji hekk dedotti, kif huma fformulati b’mod konkret fuq livell Komunitarju, ikunu jeżistu dejjem simultanjament fis-sistemi legali kollha pparagunati.

70.      Il-prinċipji ġenerali tad-dritt huma kkaratterizzati bil-fatt li huma jinkorporaw prinċipji fundamentali tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha, ħaġa li tispjega l-klassifikazzjoni tagħhom fil-livell ta’ dritt primarju fi ħdan il-ġerarkija tar-regoli tas-sistema legali Komunitarja (28). Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fis-sens strett, kif żviluppata u assigurata mill-qorti Komunitarja taħt dan l-isem ġeneriku, għandha importanza partikolari ħafna, l-istess bħall-iżvilupp ta’ drittijiet proċedurali ekwivalenti għal drittijiet fundamentali li ġew elevati għal-livell ta’ dritt kostituzzjonali tal-Komunità bħala prinċipji ġenerali tal-istat tad-dritt (29). Għaldaqstant huma wkoll prinċipji ġenerali tad-dritt dawk il-prinċipji li huma marbutin mill-qrib mal-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea u li joħorġu minnhom, bħalma huma l-libertà, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, kif ukoll tal-istat tad-dritt fis-sens tal-Artikolu 6(1) UE. Il-ksur ta’ dawn il-prinċipji minn Stat Membru jista’ jwassal biex jitħaddem il-mekkaniżmu speċjali ta’ sanzjoni tal-Artikolu 7 UE.

71.      Hemm prinċipji importanti tal-istat tad-dritt li ġew irrikonoxxuti b’mod partikolari bħala prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, bħalma huma l-prinċipju ta’ proporzjonalità (30), ta’ ċertezza legali (31) jew id-dritt tal-individwu għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva (32). F’dan il-kuntest, jistgħu jiġu ċċitati wkoll diversi prinċipji ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba bħalma huma l-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (33), il-prinċipju ne bis in idem (34), id-dritt għal smigħ (35), anki fil-forma ta’ possibbiltà li d-destinatarju jesprimi ruħu fuq miżuri li jaffettwaw l-interessi tiegħu (36), l-obbligu ta’ motivazzjoni li japplika għall-atti legali (37) jew il-prinċipju ta’ investigazzjoni ex officio (38). L-użu tal-“force majeure” (39) ukoll jifforma parti minnhom. Madankollu, jistgħu jiġu ċċitati wkoll prinċipji li mhumiex estranji għad-dritt tal-kuntratti, bħalma huwa l-prinċipju ġenerali tad-dritt pacta sunt servanda (40) jew il-prinċipju clausula rebus sic stantibus (41).

72.      Ir-rikonoxximent tal-prinċipju ta’ solidarjetà (42) jew id-dmir ta’ assistenza tal-amministrazzjoni fil-konfront tal-uffiċjali tagħha (43), għandhom dimensjoni soċjali. Ir-referenza frekwenti għall-prinċipju ta’ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-obbligi ta’ kollaborazzjoni li huma għandhom fil-konfront tal-Komunità jidħlu fir-rikonoxximent tar-rabtiet federali fi ħdan il-Komunità Ewropea. Bil-fatt li invokat l-Artikolu 10 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat b’hekk il-prinċipju ta’ lealtà reċiproka Komunitarja (44). Il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet ukoll il-prinċipju demokratiku, pereżempju meta hija fakkret il-ħtieġa li l-Parlament jipparteċipa b’mod effettiv fil-proċess leġiżlattiv tal-Komunità, skont il-proċeduri previsti fit-trattat (45).

73.      Id-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem li jikkaratterizzaw is-soċjetajiet liberali u demokratiċi, bħalma huma l-libertà tal-espressjoni (46) u l-libertà tal-assoċjazzjoni (47) jinsabu fost id-drittijiet fundamentali tal-Komunità li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet permezz tal-analiżi kritika tad-dritt komparattiv imsemmija diġà u tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali u Ewropej fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem. Dawn jinkludu wkoll il-prinċipji fundamentali li jirriżultaw direttament mit-Trattat KE, bħalma huma l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità (48) u l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess (49).

ii)    Fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti fid-dritt Komunitarju

74.      Il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk mis-sistema legali Komunitarja nnifisha jistax jiġi dedott prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti. Tali prinċipju legali, l-istess bħall-eżempji l-oħra msemmija iktar ’il fuq, jieħu importanza tant fundamentali fid-dritt Komunitarju tal-kumpanniji li ġie espress fid-dritt primarju jew fid-diversi regoli tad-dritt Komunitarju sussidjarju.

–       L-eżami tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Komunitarju

Id-dritt primarju

75.      Tali prinċipju ġenerali tad-dritt ma jistax jiġi dedott mid-dritt primarju miktub stess jekk ma jkunx hemm dispożizzjonijiet ċari fit-trattati fundamentali. La l-għanijiet tal-Komunità elenkati fl-Artikolu 3 KE, u lanqas id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-kapital u l-ħlasijiet li jinsabu fl-Artikoli 56 KE et seq ma jagħtu indikazzjonijiet preċiżi f’dan ir-rigward.

76.      Il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza jista’ effettivament iservi bħala bażi għad-dritt tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali għat-trattament ugwali tal-azzjonisti. Il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza li jipprojbixxi t-trattament differenti ta’ sitwazzjonijiet komparabbli, ħlief meta d-differenza tkun oġġettivament iġġustifikata, jifforma parti mis-sisien tal-Komunità (50). Id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-ugwaljanza quddiem il-liġi jiffurmaw ukoll parti mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri.

77.      Fil-prinċipju, id-drittijiet fundamentali, fosthom il-prinċipju ta’ ugwaljanza, huma drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw quddiem l-awtoritajiet pubbliċi. Konsegwentement, jiena għandi d-dubji dwar jekk il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza rikonoxxut fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jistax jiġi traspost direttament, kif Audiolux tissuġġerixxi b’mod ċar, għal qasam li jaqa’ fil-kamp tad-dritt privat tal-Istati Membri. Il-prinċipju ta’ ugwaljanza jew il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ma jiffurmawx parti mill-prinċipji gwida tradizzjonali tad-dritt privat (51). Minbarra dan, fil-prattika huwa diffiċli li l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fil-ġeneralità tiegħu jiġi applikat permezz ta’ analoġija biex tiġi deċiża l-kawża prinċipali, u dan peress li minn dan il-prinċipju, ma jistgħux jiġu dedotti la l-kundizzjonijiet fattwali li fihom huwa jkun japplika u lanqas il-konsegwenza legali preċiża biżżejjed li tirriżulta mill-ksur tiegħu.

78.      Il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza seta’ jservi madankollu bħala bażi għall-prinċipju speċifiku ta’ trattament ugwali fid-dritt Komunitarju tal-kumpanniji. Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat il-punt dwar jekk jeżistix obbligu ta’ trattament ugwali tal-azzjonisti bħala espressjoni partikolari tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza.

Linji gwida internazzjonali

79.      Il-Prinċipji tal-corporate governance tal-OECD, li ġew adottati fl-1999 u riveduti fl-2004, jipprovdu stampa preċiża tal-prinċipji li jirriflettu l-valuri applikabbli fid-dinja kollha għall-kumpanniji kkwotati fil-Borża. Għaldaqstant, huwa għal dawn il-prinċipji li għalihom għandu jsir riferiment l-ewwel biex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk jistax jingħad li fid-dritt pubbliku internazzjonali jeżisti obbligu ta’ trattament ugwali bejn l-azzjonisti akkumpanjat bi dritt għall-offerta obbligatorja fil-każ li jiġi akkwistat is-sehem li għandu maġġoranza. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-OECD jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli nazzjonali u internazzjonali prinċipali fil-qasam tal-istabbiltà tas-swieq finanzjarji. Filwaqt li kienu qegħdin jiġu żviluppati dawn ir-regoli, ġew ikkonsultati organizzazzjonijiet internazzjonali importanti u firxa wiesgħa ta’ assoċjazzjonijiet professjonali.

80.      Id-dokument tal-1999 ma kienx jipprovdi regoli dwar l-ugwaljanza tal-azzjonisti. Kien biss fl-2004 li l-verżjoni riveduta tal-Prinċipji semmiet għall-ewwel darba l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-taqsima intitolata “L-ewwel parti III. Trattament ġust tal-azzjonisti ”(52). Fil-punt 2 hemm indikat: “L-azzjonisti minoritarji għandhom ikunu protetti kontra l-atti abbużivi mwettqa direttament jew indirettament mill-azzjonisti li għandhom il-kontroll jew fl-interess tagħhom, u għandu jkollhom rimedji effettivi” (53). Fin-noti ta’ spjegazzjoni li jirrigwardaw din il-parti, ġie ppreċiżat fit-taqsima III li jeżisti r-riskju li l-azzjonisti li għandhom il-kontroll jidħlu f’attivitajiet li jistgħu jservu l-interessi proprji tagħhom għad-detriment tal-azzjonisti minoritarji (54). Issemmew diversi metodi biex iservu ta’ rimedju għal dan, bħalma huma t-titjib fir-rispett tad-drittijiet tal-azzjonisti, it-tixrid aħjar tal-informazzjoni, il-ħtieġa li jkun hemm il-maġġoranza kkwalifikata biex jittieħdu ċerti deċiżjonijiet mill-azzjonisti eċċ. L-offerta obbligatorja mhijiex imsemmija espliċitament. Hemm imsemmi biss li, f’ċerti ċirkustanzi, “ċerti sistemi legali” jimponu jew jippermettu lill-azzjonisti li jkollhom il-kontroll, li jixtru mingħand l-azzjonisti l-oħra t-titoli tagħhom bi prezz stabbilit minn espert indipendenti. Jirriżulta biċ-ċar għalhekk, li fid-dritt pubbliku internazzjonali ma jeżistix il-prinċipju ta’ ugwaljanza fid-dritt tal-kumpanniji.

L-atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji

81.      Eventwalment konklużjonijiet favur tali prinċipju ġenerali tad-dritt jistgħu jkunu bbażati fuq id-dritt sussidjarju jew l-atti l-oħra tal-istituzzzjonijiet Komunitarji. Fil-fatt, hemm diversi dispożizzjonijiet Komunitarji li jirreferu għall-obbligu ta’ trattament ugwali tal-azzjonisti meta dawn ikunu fl-istess pożizzjoni (55).

82.      Il-qorti tar-rinviju ssemmi b’hekk id-dispożizzjonijiet li ġejjin fid-digriet tagħha: l-Artikolu 42 tad-Direttiva 77/91, l-Iskeda Ċ, punt 2(a) tad-Direttiva 79/279, li ġie riprodott fl-Artikolu 65 tad-Direttiva 2001/34 u l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2004/25. Ċerti riferimenti għal dan l-obbligu jinsabu wkoll f’direttivi oħra fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji, bħalma hija d-Direttiva 2004/109, li l-Artikolu 17(1) tagħha jipprovdi “L-emittent ta’ ishma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat għandu jiżgura t-trattament ugwali tad-detenturi kollha ta’ ishma li jkunu fl-istess posizzjoni”. L-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi wkoll li “L-emittent ta’ titoli ta’ debitu li jkunu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat għandu jiżgura li d-detenturi kollha ta’ titoli ta’ debitu li jkollhom l-istess gradwazzjoni jingħataw trattament ugwali fir-rigward tad-drittijiet kollha marbuta ma’ dawk it-titoli ta’ debitu”. L-istess japplika għad-Direttiva 2007/36/KE dwar l-eżerċizzju ta’ ċerti drittijiet tal-azzjonisti ta’ kumpanniji kkwotati (56) li l-Artikolu 4 tagħha jipprovdi li “[i]l-kumpanija għandha tiżgura trattament ugwali għall-azzjonisti kollha li jkunu fl-istess pożizzjoni fir-rigward tal-parteċipazzjoni u l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot fil-laqgħat ġenerali tagħha”.

83.      L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/25 jipprovdi obbligu speċifiku li huwa intiż li jipproteġi lid-detenturi ta’ ishma minoritarji sabiex jiżgura b’mod effettiv it-trattament ugwali tal-azzjonisti kollha meta jinkiseb il-kontroll tal-kumpanniji tagħhom. Din id-dispożizzjoni, li tinsab spjegata fil-premessa 9 ta’ din id-direttiva, tindika b’mod iktar preċiż li min jakkwista l-kontroll ta’ kumpannija għandu jkollu l-obbligu li jagħmel offerta lid-detenturi kollha ta’ titoli f’dik il-kumpannija, biex jakkwista s-sehem kollu tagħhom u dan bi prezz raġjonevoli skont definizzjoni komuni.

–       Argumenti kontra l-ħolqien ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt

Nuqqas ta’ natura kostituzzjonali

84.      Minn analiżi bir-reqqa tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jirriżulta madankollu li dawn huma limitati fis-sustanza biex jirregolaw każijiet speċifiċi ħafna tad-dritt tal-kumpanniji billi jimponu ċerti obbligi fuq il-kumpannija biex jiġu protetti l-azzjonisti kollha. Għaldaqstant, huma m’għandhomx dik in-natura ġenerali li hija inerenti għall-prinċipji ġenerali tad-dritt.

85.      Iktar minn hekk, id-dispożizzjonijiet iċċitati kollha mhumiex legalment vinkolanti, u dan kif turi r-Rakkomandazzjoni 77/534/KEE. Skont l-Artikolu 249(5) KE, ir-rakkomandazzjonijiet, l-istess bħall-opinjonijiet, huma atti tal-istituzzjonijiet Komunitarji li mhumiex vinkolanti li jista’ ċertament ikollhom rwol bħala għodda għall-interpretazzjoni, iżda li ma jistgħux joħolqu drittijiet jew dmirijiet fuq l-individwi (57). In-natura mhux vinkolanti tad-dispożizzjoniet ta’ dan l-att hija murija wkoll bil-fatt li l-possibbiltà, li għandhom l-azzjonisti kollha ta’ kumpannija li l-kontroll tagħha jkun ġie ttrasferit, li jassenjaw it-titoli tagħhom bl-istess kundizzjonijiet, imsemmija fis-sbatax-il dispożizzjoni komplementari tal-kodiċi ta’ kondotta Ewropew, hija kkwalifikata biss bħala “mixtieq[a]”. Dan bl-ebda mod m’hu suffiċjenti biex jintroduċi fuq livell Komunitarju l-akkwist obbligatorju tat-titoli tal-azzjonisti minoritarji mill-azzjonisti li għandhom il-kontroll. Konsegwentement għandu jintlaqa’ l-argument tal-Kummissjoni u ta’ Bertelsmann li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax taċċetta l-possibbiltà li jsir użu direttament mill-kontenut ta’ din ir-rakkomandazzjoni insostenn ta’ pożizzjonijiet ġuridiċi individwali.

86.      Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni jirriflettu b’mod ċar l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju li jipprevjeni li bejn l-azzjonisti jkun hemm trattamenti arbitrarji mhux ugwali, jiġifieri li ma jkunux iġġustifikati oġġettivament. Madankollu, huma ma jippermettux direttament il-konklużjoni li jeżisti prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti fis-sens tad-dritt Komunitarju.

87.      Fil-fatt, kif esponejt diġà, il-prinċipji ġenerali tad-dritt huma kkaratterizzati essenzjalment min-natura kostituzzjonali tagħhom fis-sistema legali Komunitarja. Il-prinċipji ġenerali tad-dritt jikkonkretizzaw b’mod ġenerali l-kunċetti u l-valuri fundamentali li jappartjenu lil sistema legali. Barra minn hekk, hemm distinzjoni bejnhom u bejn ir-regoli speċifiċi ta’ dritt inkwantu huma għandhom ċerta natura assoluta u mhumiex limitati għal xi qasam partikolari tad-dritt (58).

88.      Il-kunċett ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti jidher fl-isfond tad-dritt tal-kumpanniji tal-Komunità u tal-Istati Membri kollha u jikkostitwixxi, manifestament, ideal importanti f’dan il-qasam (59). Madankollu dan il-kunċett għadu ma jistax jitqies li kiseb natura kostituzzjonali f’waħda minn dawn is-sistema legali. Fuq livell ta’ dritt nazzjonali, l-istess bħad-dritt Komunitarju, il-kodifikazzjoni hija limitata għal ċerti regoli li jinsabu f’xi liġijiet ordinarji.

Nuqqas ta’ konvinzjoni komuni fid-dottrina

89.      Fuq kollox, l-analiżi tad-dottrina turi diverġenzi qawwija fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura ġuridika eżatta tal-kunċett ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti u fir-rigward ta’ post l-istess kunċett fis-sistemi legali tal-Istati Membri. Għalkemm ċerti awturi jitkellmu fuq “prinċipju legali fundamentali tad-dritt tal-kumpanniji” (60), oħrajn jikkwalifikaw il-kunċett ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti bħala sempliċi “idea bażika” (61) jew “ideal issimplifikat intiż sabiex jipprevjeni u jiġġieled deċiżjonijiet arbitrarji tal-organi ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata” (62). Għal ċerti awturi, il-kunċett huwa saħansitra “derivazzjoni mill-prinċipju ġenerali tal-ekwità, li ma joħroġx mil-liġi, imma li huwa extra ġuridiku, barra mid-dritt pożittiv” (63).

90.      Indipendentement mill-klassifikazzjoni eżatta, l-awturi, madankollu, jidhru li jaqblu li l-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti m’għandux definizzjoni preċiża, li huwa għaldaqstant “evażiv” u jikkostitwixxi “strument flessibbli li jippermetti li jintlaħqu obbjettivi oħra” (64). Minħabba n-natura mhux preċiża ta’ dan il-prinċipju f’dak li jikkonċerna l-bażi tiegħu, il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, il-kontenut tiegħu u l-konsegwenzi legali li jirriżultaw minn xi ksur, il-parti l-kbira tal-awturi jikkonkludu li dan il-prinċipju għandu bilfors jiġi kkonkretizzat mill-aspett kunċettwali, mil-leġiżlatur jew mill-ġurisprudenza biex ikun jista’ jiġi implementat (65).

91.      Lanqas ir-rapporti Winter I u Winter II (66) ma jistgħu jiġu ċċitati bħala prova ta’ konvinzjoni komuni fid-dottrina jew fis-sistemi legali tal-Istati Membri f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ tali prinċipju ġenerali tad-dritt.

92.      B’hekk, jirriżulta ċar mir-rapport Winter I li, qabel ma ġiet adottata d-Direttiva 2004/25, kien hemm diversi diverġenzi bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-regolamentazzjoni tal-offerti pubbliċi ta’ akkwist (OPA), tant li OPA waħda ma kellhiex l-istess possibbiltà ta’ suċċess fl-Istati Membri kollha u li l-azzjonisti mhux kullimkien kellhom l-istess possibbiltà li jassenjaw l-ishma tagħhom. Konsegwentment, il-grupp irrakkomanda mekkaniżmu li jiffaċilita l-OPA (67). Bl-istess mod, id-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-korrispettiv li jkun irid jitħallas kienu differenti sew, bid-differenzi jirrigwardaw ukoll kemm l-ammont kif ukoll in-natura tal-korrispettiv li għandu jiġi offrut (68). Fl-interess ta’ prevedibbiltà suffiċjenti ta’ dan il-korrispettiv, li hija meħtieġa, skont il-grupp, għall-funzjonament tajjeb tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni Ewropea, il-grupp irrakkomanda espressament li jiġu stabbiliti kriterji armonizzati fuq livell Komunitarju.

93.      Kieku kien jeżisti prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti li jirregola b’mod suffiċjentement preċiż il-metodi ta’ OPA, kif tipprova ssostni Audiolux pereżempju (69), ma kienx ikun meħtieġ li jiġu adottati regoli ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju bil-għan li jiġu rimedjati d-diverġenzi bejn il-liġijiet tal-Istati Membri. F’dan il-każ, dawn ir-rapporti juru li kien hemm bżonn urġenti li jiġu adottati regoli fuq livell Komunitarju.

Nuqqas ta’ natura assoluta

94.      Ma’ dan jingħad li l-kunċett ta’ ugwaljanza bejn l-azzjonisti huwa limitat, fl-applikazzjoni tiegħu, għad-dritt tal-kumpanniji tal-Komunità u tal-Istati Membri tagħha, jiġifieri għal qasam ta’ dritt partikolari, bil-konsegwenza li l-istess kunċett mhuwiex ta’ natura assoluta. Dan huwa kriterju ieħor li jikkaratterizza b’mod ġenerali l-prinċipji ġenerali tad-dritt li, f’dan il-każ, mhuwiex sodisfatt (70).

95.      Din il-konstatazzjoni tagħmel distinzjoni netta bejn il-kunċett ta’ ugwaljanza bejn l-azzjonisti u l-prinċipji ġenerali ta’ natura kostituzzjonali li huma rikonoxxuti effettivament bħala tali mill-Qorti tal-Ġustizzja, bħalma huwa l-prinċipju tal-istat tad-dritt, li huwa komuni għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni u li fuqu hija bbażata l-Unjoni skont l-Artikolu 6(1) UE, li huwa rikonoxxut fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li jiġi espress f’diversi modi fil-livell tad-dritt sussidjarju, fil-forma taċ-ċertezza legali, tad-dritt għal smigħ u tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

96.      Minn din il-perspettiva, kemm in-nuqqas ta’ natura kostituzzjonali kif ukoll in-nuqqas ta’ natura assoluta ta’ dan il-kunċett jimmilita kontra l-klassifikazzjoni tal-istess kunċett fost il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju.

Nuqqas ta’ preċiżjoni f’dak li jikkonċerna l-konsegwenza ġuridika

97.      Fil-prinċipju, mhuwiex meħtieġ għalhekk li tiġi eżaminata d-domanda addizzjonali dwar jekk jeżistix prinċipju ġenerali ta’ dritt li jipproteġi lill-azzjonisti minoritarji fis-sens li l-azzjonisti minoritarji ta’ kumpannija partikolari għandhom id-dritt, fil-każ li jinkiseb il-kontroll tal-kumpannija, li jassenjaw it-titoli tagħhom b’kundizzjonijiet identiċi għal dawk tal-azzjonisti l-oħra kollha.

98.      Madankollu u anki kieku, b’kuntrast mas-soluzzjoni li jiena rrakkomandajt, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonkludi li jeżisti prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti, fil-fehma tiegħi jeżistu dubji serji fuq il-punt dwar jekk tali prinċipju ġenerali tad-dritt jistax ikun suffiċjentement preċiż biex jipproduċi l-konsegwenza ġuridika mfittxija mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Kif ġustament tispjega l-Kummissjoni, tali prinċipju ġenerali tad-dritt ikun wisq preċiż biex ikun jista’ jitqies bħala “ġenerali”.

Projbizzjoni li titbiddel ir-rieda tal-leġiżlatur

99.      Id-dispożizzjonijiet iċċitati mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda preliminari tagħha ma jinvolvux regola waħda li tipprovdi espressament il-konsegwenza ġuridika mixtieqa mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

100. L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/25, li jirregola l-obbligu, li persuna naturali jew legali li tieħu l-kontroll ta’ kumpannija tagħmel offerta, jista’ jkun eċċezzjoni għal dan. Din id-dispożizzjoni timponi fuq l-Istati Membri li jaraw li l-offerta tiġi indirizzata lid-detenturi kollha tat-titoli u tkun tirrigwarda l-assi kollha tagħhom bi prezz raġonevoli. Din id-dispożizzjoni tikkonkretizza sa ċertu punt l-Artikolu 3(1)(a) tal-istess direttiva, li jistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali bejn id-detenturi kollha ta’ titoli fil-kumpannija inkwistjoni. Din l-aħħar dispożizzjoni tipprovdi barra minn hekk li, jekk persuna takkwista l-kontroll ta’ kumpannija, id-detenturi tat-titoli l-oħra għandhom ikunu protetti.

101. Madankollu, f’dan il-każ, id-direttiva ma tistax tiġi applikata direttament. Minn naħa, il-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tad-direttiva jew qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni, b’mod li l-Gran Dukat tal-Lussemburgu ma kienx marbut li japplika d-direttiva fid-data inkwistjoni (71). Din għandha żewġ konsegwenzi. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jinvokaw direttament din id-dispożizzjoni. Fit-tieni lok, irid jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikonoxximent ta’ prinċipju ġenerali tal-ugwaljanza tal-azzjonisti li jipproduċi fis-sustanza l-istess konsegwenza ġuridika bħall-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/25 jimplika neċessarjament li jingħata effett retroattiv lid-Direttiva 2004/25; f’dan il-każ, din ma setgħetx tkun l-intenzjoni tal-leġiżlatur Komunitarju, u dan peress li l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni speċifika kienet tkun inutli f’dan il-każ.

102. Fil-fatt, jirriżulta mill-premessa 1 tad-Direttiva 2004/25 li, skont l-Artikolu 44(2)(g) KE, hija neċessarja l-koordinazzjoni ta’ ċerti salvagwardji eżistenti fl-Istati Membri bil-ħsieb li jagħmlu dawn is-salvagwardji l-istess madwar il-Komunità. Il-ħtieġa li l-leġiżlatur Komunitarju kellu jintervjeni f’dan il-qasam sabiex jistabbilixxi l-obbligi preċiżi li jkunu jridu jiġu rrispettati mill-operaturi u biex jiddefinixxi l-metodi li bihom kellu jintlaħaq it-trattament ugwali turi li la qabel u lanqas wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/25 ma kien jeżisti prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti li kien waħdu suffiċjenti mill-aspett ġuridiku.

Ir-rispett tal-bilanċ istituzzjonali

103. Iktar minn hekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti li, fid-dawl tan-natura preċiża tiegħu mill-aspett tal-kontenut ġuridiku tiegħu, jikkorrispondi iktar għal regola ta’ dritt, dan iġib miegħu r-riskju li jiġi affettwat il-bilanċ istituzzjonali mixtieq mit-trattat, inkwantu l-kompetenza leġiżlattiva tal-Komunità hija eżerċitata mill-Kunsill flimkien mal-Parlament Ewropew.

104. Il-bilanċ istituzzjonali fi ħdan il-Komunità huwa bbażat mhux fuq il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri fis-sens tad-dritt kostituzzjonali (72), imma fuq il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-funzjonijiet, li l-funzjonijiet tal-Komunità għandhom jiġu eżerċitati mill-istituzzjonijiet li lilhom it-trattat ta l-mezzi l-iktar xierqa f’dan ir-rigward. B’kuntrast mal-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri, li huwa intiż partikolarment biex jipproteġi lill-indvidwu permezz tat-tnaqqis tal-poter tal-Istat, il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-funzjonijiet huwa intiż li jiggarantixxi li l-objettivi tal-Komunità jintlaħqu b’mod effettiv (73).

105. Filwaqt li qieset din il-kunsiderazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-1958, fil-kuntest tas-sentenzi tagħha Meroni (74) u sussegwentement f’ġurisprudenza stabbilita, żviluppat il-kunċett ta’ “bilanċ istituzzjonali” fuq analiżi globali tal-prinċipji ta’ organizzazzjoni u tal-għoti tal-poteri li jinsabu fit-trattati fundaturi tal-Komunitajiet Ewropej, partikolarment it-Trattat KE, u tatu r-rwol ta’ prinċipju tal-liġi li jista’ jiġi invokat fil-qrati (75).

106. Kif ikkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Parlament vs Il‑Kunsill (76), it-trattat implementa sistema ta’ tqassim ta’ kompetenzi bejn id-diversi istituzzjonijiet tal-Komunità, li tagħti lil kull istituzzjoni l-missjoni tagħha fis-sistema istituzzjonali tal-Komunità u fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilha. Ir-rispett tal-bilanċ istituzzjonali jimplika li kull istituzzjoni teżerċita l-funzjonijiet tagħha filwaqt li tirrispetta l-funzjonijiet tal-oħrajn. Dan jeżiġi wkoll li kull nuqqas li jolqot lil din ir-regola, jekk iseħħ, jista’ jiġi ppenalizzat. Fl-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, barra minn hekk, li peress li hija tinsab inkarigata, bis-saħħa tat-trattati, li tissorvelja r-rispett tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tiegħu, hija għandha wkoll tipprova tiżgura li jinżamm il-bilanċ istituzzjonali u, konsegwentement, tistħarreġ ġudizzjarjament ir-rispett tal-prerogattivi tal-istituzzjonijiet Komunitarji (77).

107. Bħala istituzzjoni tal-Komunità fis-sens tal-Artikolu 7(1) KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tifforma wkoll parti minn dan il-bilanċ istituzzjonali. Dan jimplika li fil-kwalità tagħha ta’ korp ġudizzjarju tal-Komunità li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 220 KE, hija msejħa biex tiżgura, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, li jiġi osservat id-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-trattat, hija għandha tirrispetta l-kompetenzi leġiżlattivi tal-Kunsill u tal-Parlament (78). Dan jimplika neċessarjament, minn naħa, li hija għandha tħalli f’idejn il-leġiżlatur Komunitarju l-kompitu li jilleġiżla fil-qasam tad-dritt tal-kumpanniji, kompitu li ngħatalu mit-trattat u, mill-banda l-oħra, li żżomm lura kif meħtieġ fil-kuntest tal-iżvilupp tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju li jistgħu, f’ċerti każijiet, imorru kontra l-objettivi tal-leġiżlatur. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ ċertament tirreferi għall-prinċipji ġenerali tad-dritt biex issib soluzzjonijiet adattati għall-problemi ta’ interpretazzjoni li jintbagħtu quddiemha filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi tat-trattat; hija ma tistax madankollu tissostitwixxi lilha nfisha flok il-leġiżlatur Komunitarju jekk lakuna tkun tista’ titneħħa mill-istess leġiżlatur (79).

108. Il-liġijiet joħorġu ġeneralment minn bilanċ bejn id-diversi interessi politiċi u soċjali inkwistjoni, liema interessi jiddefenduhom il-korpi u gruppi li jipparteċipaw fil-proċess leġiżlattiv. Apparti l-leġittimità demokratika meħtieġa, huma għandhom il-kompetenza teknika meħtieġa biex jaqdu r-responsabbiltà politika li tkun ngħatatilhom. Għandu jiġi mfakkar f’dan il-kuntest li l-qrati Komunitarji rrikonoxxew espressament fil-ġurisprudenza tagħhom il-prerogattivi tal-leġiżlatur Komunitarju fil-qasam tal-ibbilanċjar u tad-deċiżjonijiet f’ċerti oqsma tad-dritt (80).

109. Id-dubji li ressqet ir-Repubblika Irlandiża (81) jimmeritaw ukoll li jittieħdu inkunsiderazzjoni. Hija għandha raġun tenfasizza li, fid-dawl tal-kumplessità tad-dritt tal-kumpanniji u tad-diversità tas-sistemi legali fis-seħħ fl-Istati Membri, li spiss ikunu marbutin mas-sitwazzjoni ekonomika tal-Istat inkwistjoni, hija meħtieġa ċerta prudenza. Hija kellha raġun tindika li d-dritt tal-kumpanniji għandu jiġi emendat b’ħafna ħsieb, u dan kemm permezz tal-liġi jew permezz tal-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza. Huwa l-leġiżlatur li jkun fl-aħjar pożizzjoni f’dan ir-rigward li jarmonizza l-pożizzjonijiet ta’ kull Stat Membru. Il-konsegwenzi li jirriżultaw wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi li jeżisti prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti kif qegħdin jitolbu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jkunu imprevedibbli.

110. Finalment, f’dak li jikkonċerna l-funzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt biex jimlew il-lakuni (82), għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ħtieġa li jsir riferiment għall-istess prinċipji ġenerali f’oqsma rregolati b’ħafna liġijiet bħalma huwa d-dritt tal-kumpanniji hija inqas milli fil-każ ta’ oqsma li huma rregolati b’mod inqas strett.

Ir-rekwiżiti taċ-ċertezza legali

111. Hemm raġunijiet ukoll ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali li għandhom ukoll iħajru lill-qorti żżomm lura. Il-prinċipji ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ċertezza legali jagħmlu parti mis-sistema legali Komunitarja. Għaldaqstant, għandhom jiġu osservati kemm mill-istituzzjonijiet Komunitarji kif ukoll mill-Istati Membri meta dawn jeżerċitaw is-setgħat mogħtija lilhom mid-direttivi Komunitarji (83).

112. Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprova jiggarantixxi li s-sitwazzjonijiet u r-relazzjonijiet legali li jaqgħu taħt id-dritt Komunitarju jkunu previdibbli (84). F’dan il-każ, ir-rikonoxximent ta’ prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti jqajjem diversi kwistjonijiet fuq il-kamp eżatt ta’ applikazzjoni tiegħu ratione materiae, ratione personae u ratione temporis. Il-Qorti tal-Ġustizzja, f’dan il-każ, trid tindika l-kundizzjonijiet li jkunu jridu jiġu sodisfatti f’kull każ konkret sabiex dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt ikun jista’ japplika.

113. Id-determinazzjoni tal-mument preċiż li minnu jibda japplika dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt fid-dritt Komunitarju jqajjem ukoll xi problemi. Kif esponejt diġà, ir-rikonoxximent ta’ tali prinċipju jkun ifisser effettivament li jiġi applikat b’mod retroattiv l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2004/25, ħaġa li tikser il-prinċipju ta’ nonretroattività u dan fid-dawl tad-deċiżjoni ċara tal-leġiżlatur f’dak li jikkonċerna d-data eżatta għad-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni. Bħala regola ġenerali, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li r-ratione temporis ta’ att Komunitarju tibda tiddekorri minn data li tkun preċedenti għall-pubblikazzjoni tiegħu. Madankollu, jista’ jkun hemm eċċezzjonijiet meta għan ta’ interess ġenerali jeżiġi dan jew meta l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet interessati jiġu rrispettati b’mod xieraq (85). F’dan il-każ, madankollu, ma jidhirx għalfejn ikun fl-interess ġenerali li jinkiser il-prinċipju ta’ nonretroattività.

c)      Konklużjoni

114. Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jwassluni biex nikkonkludi li fid-dritt Komunitarju ma jeżisti ebda prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti li jipproteġi lill-azzjonisti minoritarji f’kumpannija fil-każ li jinkiseb il-kontroll tagħha minn kumpannija oħra, li jagħtihom id-dritt li jassenjaw it-titoli tagħhom b’kundizzjonijiet identiċi għal dawk tal-azzjonisti l-oħra kollha.

115. Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, jidhirli li huwa meħtieġ li tiġi eżaminata s-sentenza Mangold. Din il-ġurisprudenza ma tistax tiġi trasposta għal dan il-każ ħlief kieku kien jeżisti b’mod ċar prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, ħaġa li tippermetti li dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt jiġi applikat anki qabel id-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni speċifika tad-dritt sussidjarju li għandha fis-sustanza, l-istess kontenut leġiżlattiv. B’hekk, fis-sentenza Mangold, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-Direttiva 2000/78 ma tinkludix hija stess il-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tal-impjieg u tax-xogħol, iżda li dan kien prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat din il-konklużjoni fuq il-konstatazzjoni li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-età għandu s-sors tiegħu f’diversi strumenti internazzjonali u fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri (86). F’dan il-każ, kif diġà kkonstatajt, din il-kundizzjoni mhijiex sodisfatta.

2.      Fuq it-tieni domanda

116. Għaldaqstant, fil-prinċipju, mhuwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tieni domanda preliminari. L-argumenti li ser isegwu huma ppreżentati biss fil-każ li, b’kuntrast mal-opinjoni mogħtija hawnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrispondi fl-affermattiv għall-ewwel domanda.

117. Għandu jiġi kkonstatat l-ewwel nett li d-dispożizzjonijiet iċċitati mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda preliminari tagħha jimponu biss obbligi fuq l-emittent ta’ ishma u fuq il-kumpannija u mhux fuq l-azzjonisti bejniethom.

118. Għalkemm l-Artikoli 17 u 18 tad-Direttiva 2004/109 jiddefinixxu l-obbligi tal-emittent ta’ ishma, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/36 jimponi fuq il-kumpannija obbligu li tagħti trattament ugwali. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 42 tad-Direttiva 77/91 ma jippreċiżax lil min għandhom jiġu indirizzati l-liġijiet tal-Istati Membri li jiġu adottati biex jimplementaw din id-direttiva u biex jiġi ggarantit trattament ugwali tal-azzjonisti (87). Madankollu, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jirrigwardaw kollha kemm huma atti tal-kumpannija stess, bħalma huma l-inkorporazzjoni ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata, iż-żamma, iż-żieda u t-tnaqqis fil-kapital azzjonarju tagħha u l-irtirar sfurzat ta’ ishma. Jekk tkun prevista deċiżjoni ta’ laqgħa ġenerali, bħalma huwa l-każ meta jiżdied il-kapital azzjonarju skont l-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 77/91, din għandha tittieħed filwaqt li jiġi rrispettat il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Minn dan jirriżulta li huma l-organi tal-kumpannija u mhux l-azzjonisti nnifishom li huma marbutin bil-prinċipju ta’ trattament ugwali.

119. Din il-konstatazzjoni tikkorrispondi, barra minn hekk, mal-opinjoni prevalenti fid-dottrina. Skont l-istess opinjoni, il-kumpannija hija l-unika destinatarja diretta tal-prinċipju ta’ trattament ugwali li jeżisti fid-dritt tal-kumpanniji (88). Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna r-rapporti bejn l-azzjonisti, l-iktar li hemm huwa obbligu ta’ lealtà (89), li bih l-azzjonist huwa marbut li meta jeżerċita d-drittijiet tiegħu bħala azzjonist, jieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-azzjonisti l-oħra ta’ miegħu. Mhuwiex possibbli li jiġu dedotti obbligi oħra tal-azzjonist fil-konfront tal-koazzjonisti l-oħra.

120. Il-possibbiltà li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jipprevalixxu ruħhom direttament mill-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti hija kkuntrastata, barra minn hekk, bil-fatt li l-prinċipji ġenerali tad-dritt jorbtu biss, fil-prinċipju, lill-istituzzjonijiet Komunitarji u l-Istati Membri, kif ukoll lid-dipartimenti tagħhom, iżda mhux lill-individwi fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom (90). Dan isib spjegazzjoni kemm fl-oriġni kif ukoll fl-għan tal-prinċipji ġenerali tad-dritt li jikkonsisti f’li jiġi protett l-individwu kontra kull tentattiv illegali kontra d-drittijiet fundamentali tiegħu min-naħa tal-awtoritajiet (91).

121. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat ukoll il-fatt li d-dritt Komunitarju ħoloq ukoll, f’ċerti każijiet, drittijiet suġġettivi fil-kuntest tar-rapporti bejn persuni privati. Dan japplika b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet tad-dritt sussidjarju (92). Madankollu, ġeneralment, huwa biss wara t-traspożizzjoni tagħhom fid-dritt nazzjonali jew fil-kuntest tal-interpretazzjoni konformi mad-dritt Komunitarju li dawn ir-regoli jimponu ċerti obbligi fuq l-individwi, u dan peress li d-direttivi nnifishom ma jipproduċux effett orizzontali (93). Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi li ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, bħalma huma l-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 12, 39, 49 u 141 KE jistgħu jipproduċu effett orizzontali (94).

122. Is-sentenza Mangold ma tistax, fi kwalunkwe każ, tiġi invokata insostenn ta’ possibbiltà li l-prinċipji ġenerali tad-dritt jintużaw direttament fir-relazzjonijiet bejn persuni privati, u dan peress li f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx il-kwistjoni dwar jekk il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni minħabba l-età kellhiex ukoll effett orizzontali (95). Indipendentement mill-fatt li l-proċedura li wasslet għal din il-kawża kienet kwistjoni ta’ dritt ċivili, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mitluba, fis-sustanza, tiddeċiedi b’mod preliminari fuq il-punt dwar jekk id-dritt Komunitarju kienx jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tippermetti, mingħajr ebda restrizzjonijiet, il-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat meta l-ħaddiem ikun laħaq l-età ta’ 52 sena. Il-kwistjoni prinċipali li qamet kienet għalhekk dik dwar il-kompatibbiltà tad-dritt nazzjonali mal-qafas ipprovdut mid-dritt Komunitarju.

123. Mis-suespost jirriżulta li r-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun fis-sens li prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti, jekk jiġi aċċettat li jeżisti fid-dritt Komunitarju, ma jistax japplika ħlief għar-relazzjonijiet bejn kumpannija u l-azzjonisti tagħha.

3.      Fuq it-tielet domanda

124. It-tielet domanda saret biss fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għaż-żewġ domandi preċedenti. Peress li jiena tlaqt mill-premessa li ma jeżistix prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza tal-azzjonisti u peress li jiena diġà esprimejt ruħi, fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni domanda, fuq il-kwistjonijiet ġuridiċi li joħorġu minnhom, jidhirli li mhuwiex meħtieġ li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari.

C –    Konklużjoni tal-kunsiderazzjonijiet

125. Bħala konklużjoni, l-ewwel element li jimmilita kontra r-rikonoxximent ta’ tali prinċipju ġenerali tad-dritt huwa l-fatt li l-ugwaljanza tal-azzjonisti mhijiex ta’ natura kostituzzjonali la fis-sistema legali Komunitarja u lanqas fis-sistemi legali tal-Istati Membri (96). Iktar minn hekk, in-nuqqas ta’ konvinzjoni soda stabbilita fid-dottrina f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ tali prinċipju ġenerali tad-dritt ġie kkonstatat fil-kuntest tal-analiżi (97). Peress li huwa limitat għall-qasam speċifiku tad-dritt tal-kumpanniji, dan il-prinċipju, għaldaqstant, mhuwiex ta’ natura assoluta, fil-kuntest ta’ sistema legali, ħaġa li tikkaratterizza l-prinċipji ġenerali tad-dritt (98).

126. Mill-banda l-oħra, anki jekk kuntrarjament għall-opinjoni li tajt hawnhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li kien jeżisti tali prinċipju ġenerali tad-dritt, hemm dubji fuq jekk dan jistax ikollu konsegwenza legali daqshekk preċiża li tnibbet id-dritt tal-azzjonisti minoritarji biex jagħmlu offerta obbligatorja (99). Fid-dawl tas-separazzjoni tal-funzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-Komunità eżistenti fid-dritt Komunitarju, huwa l-leġiżlatur Komunitarju biss li għandu jippreskrivi din il-konsegwenza legali; huwa għandu għalhekk jippreċiża l-kundizzjonijiet legali tal-istess prinċipju billi jadotta leġiżlazzjoni f’dan ir-rigward (100). Ir-rikonoxximent tad-dritt tal-azzjonisti minoritarji għall-offerta obbligatorja bħala prinċipju ġenerali tad-dritt ma jistax ikun konformi mar-rieda tal-leġiżlatur Komunitarju. Dan iwassal effettivament għall-applikazzjoni retroattiva tad-Direttiva 2004/25, ħaġa li tkun ukoll tmur kontra r-rekwiżiti taċ-ċertezza legali (101).

127. Il-kunsiderazzjonijiet preċedenti jwassluni biex nikkonkludi li ma jeżistix prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali tal-azzjonisti bħala espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza, prinċipju li jkun jipproteġi lill-azzjonisti minoritarji f’kumpannija fil-każ li jinkiseb il-kontroll tagħha minn kumpannija oħra billi jagħtihom id-dritt li jassenjaw it-titoli tagħhom b’kundizzjonijiet identiċi għal dawk tal-azzjonisti l-oħra kollha.

128. Indipendentement mill-klassifikazzjoni legali tat-trattament ugwali tal-azzjonisti, għandu jiġi kkonstatat li dan ma jistax joħloq drittijiet u obbligi ħlief fir-relazzjonijiet bejn il-kumpannija u l-azzjonisti u mhux fir-relazzjonijiet bejn l-azzjonisti (102).

VII – Konklużjoni

129. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, jiena nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Cour de Cassation fis-sens li ġej:

1.      Fid-dritt Komunitarju ma jeżisti ebda prinċipju ġenerali tad-dritt li jimponi t-trattament ugwali bejn l-azzjonisti u li jipproteġi lill-azzjonisti minoritarji f’kumpannija fis-sens li dawn ikollhom id-dritt, fil-każ li jinkiseb il-kontroll tal-kumpannija, li jassenjaw it-titoli tagħhom b’kundizzjonijiet identiċi għal dawk tal-azzjonisti l-oħra.

2.       Prinċipju ġenerali li jirrigwarda t-trattament ugwali tal-azzjonisti jista’ japplika l-iktar għar-relazzjonijiet bejn kumpannija u l-azzjonisti tagħha.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Tieni Direttiva tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 1976, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 8 2 1)


3 – Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, tal-25 ta’ Lulju 1977, li tikkonċerna kodiċi ta’ kondotta Ewropew dwar it-tranżazzjonijiet fuq it-titoli trasferibbli (ĠU L 212, p.37).


4 – Direttiva tal-Kunsill, tal-5 ta’ Marzu 1979, li tikkoordina l-kondizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ titoli għal-listi ta’ Borża uffiċjali (ĠU L 66, p 21).


5 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-28 ta’ Mejju 2001, fuq l-ammissjoni ta’ titoli għal-listi ta’ stock exchange uffiċjali u fuq informazzjoni li għandha tkun ippubblikata fuq dawk it-titoli (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 24 1).


6 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 2004, dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x'jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, p. 38).


7 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ April 2004, fuq offerti ta’ xiri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 20). 1


8 – Sentenza tat-22 ta’ Novembru 2005 (C‑144/04, Ġabra p. I‑9981).


9 – Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2001, Jippes et (C‑189/01, Ġabra p. I‑5689).


10 – Sentenza tat-23 ta’ Novembru 1999, (C‑149/96, Ġabra p. I‑8395).


11 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Jannar 1993, Telemarsicabruzzo et (C-320/90 sa C-322/90, Ġabra p. I-393, punti 6 u 7; tal-14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi-Tech (C-284/95, Ġabra p. I 4301, punti 69 u 70) u Bettati (C-341/95, Ġabra p. I-4355, punti 67 u 68); tal-21 ta’ Settembru 1999, Brentjens’ (C-115/97 sa C-117/97, Ġabra p. I-6025, punt 37); tal-11 ta’ Settembru 2003, Altair Chimica (C-207/01, Ġabra p. I-8875, punt 24); tad-9 ta’ Settembru 2004, Carbonati Apuani (C-72/03, Ġabra p. I-8027, punt 10), u tat-23 ta’ Marzu 2006, Enirisorse (C-237/04, Ġabra p. I-2843, punt 17).


12 – Ara, b’mod partikolari, id-digrieti tat-30 ta’ April 1998, Testa u Modesti (C-128/97 u C-137/97, Ġabra p. I-2181, punt 6), u tal-11 ta’ Mejju 1999, Anssens (C-325/98, Ġabra p. I-2969, punt 8), u s-sentenzi Altair Chimica (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 25) u Enirisorse (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11, punt 18).


13 – Fuq il-ġurisdizzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-proċedura biex tippreċiża jew tirriformula d-domandi preliminari fil-kuntest tal-proċedura taħt l-Artikolu 234 KE, ara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 1978, Redmond (83/78, Ġabra p. 2347, punt 26).


14 – Skont A. Middecke f’Handbuch des Rechtsschutzes der Europäischen Union, it-tieni edizzjoni, Munich 2003, Artikolu 10, punt 38, p. 225, ma tistax tingħata risposta għal domanda li tkun saret b’mod tant astratt li ma tkunx ta’ għajnuna għall-qorti nazzjonali biex issolvi l-kwistjoni li jkollha quddiemha. Madankollu, bil-għan li tiġi ppriżervata l-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, lanqas ma għandha tingħata risposta għad-domanda b’mod tant konkret li tantiċipa l-applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.


15 – Ara J. Schwarze, European Administrative Law, Lussemburgu 2006, p. 65, u E. Sariyiannidou, Institutional balance and democratic legitimacy in the decision-making process of the EU, Bristol 2006, p. 145.


16 – Sentenza tas-16 ta’ Lulju 1956, Fédération charbonnière de Belgique vs Haute Autorité (8/55, Ġabra 1955 p. 199, p. 304).


17 – Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 1958, Wirtschaftsvereinigung Eisen- und Stahlindustrie et vs Haute Autorité (13/57, Ġabra p. 261, p. 292).


18 – Sentenza tat-22 ta’ Marzu 1961, Snupat vs Haute Autorité (42/59 u 49/49, Ġabra p. 101, p.156).


19 – Sentenza tat-13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, Ġabra p. 461, punt 9).


20 – Sentenza tal-15 ta’ Lulju 1960, Von Lachmüller et vs Il-Kummissjoni (43/59, 45/59 u 48/59, Ġabra p. 933, p. 956).


21 – Sentenza tat-12 ta’ Lulju 1962, Koninklijke Nederlandsche Hoogovens en Staalfabrieken vs Haute Autorité (14/61, Ġabra p. 485, p. 520).


22 – Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 1977, Ruckdeschel et (117/76 u 16/77, Ġabra p. 1753, punt 7).


23 – T. Tridimas, The General Principles of EU Law, it-tieni edizzjoni, Londra 2006, p. 17 et seq. u 29 et seq, isemmi minn naħa l-funzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju li jikkonsisti f’li jimlew l-lakuni, ħaġa li tirriżulta mill-fatt li d-dritt Komunitarju huwa sistema legali ġdida u reċenti li titlob li tiġi żviluppata. Barra minn hekk, it-Trattat KE huwa trattat qafas li jinvolvi diversi dispożizzjonijiet redatti f’termini ġenerali u kunċetti legali mhux definiti, li jħallu lill-Qorti tal-Ġustizzja diskrezzjoni wiesgħa biex tiżviluppa d-dritt. Min-naħa l-oħra, l-awtur isemmi l-funzjoni tal-prinċipji bħala għodda għall-interpretazzjoni tad-dritt sussidjarju. K. Lenaerts, P. Van Nuffel, Constitutional Law of the European Union, it-tieni edizzjoni, Londra 2005, punt 17-066, p. 711, jindikaw li l-amministrazzjoni ġeneralment tirrikorri, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, għall-prinċipji ġenerali tad-dritt, b’mod partikolari meta l-leġiżlazzjoni li tkun trid tiġi interpretata ma tkunx ċara jew f’każ ta’ lakuni fil-leġiżlazzjoni.


24 – F’dan is-sens, J. Schwarze, op cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 15), p. 65.


25 – Ara M. Schweitzer, W. Hummer, W. Obwexer, Europarecht, p. 65, punti 240 et seq.


26 – F’dan is-sens, A.-M Lengauer, Kommentar zum EU- und EG-Vertrag (taħt id-direzzjoni ta’ Heinz Mayer), Vjenna 2004, Artikolu 220, punt 27, p. 65.


27 – F’dan is-sens, M. Schweitzer, W Hummer, W. Obwexer, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 25), punt 244, p. 66, T. Oppermann, Europarecht, it-tielet edizzjoni, Munich 2005, punt 21, p. 144.


28 – Skont l-opinjoni ġenerali, il-prinċipji ġenerali tad-dritt għandhom karatteristiċi tad-dritt primarju [ara W. Schroeder, EUV/EGV – Kommentar (taħt id-direzzjoni ta’ Rudolf Streinz), Artikolu 249, p. 2159, punt 15]. Il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ripetutament li l-atti legali tal-istituzzjonijiet Komunitarji għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt. Ara s-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 1969, Stauder (29/69, Ġabra p. 419, punt 7), u tat-13 ta’ Diċembru 1979, Hauer (44/79, Ġabra p. 3727, punti 14 et seq).


29 – Ara ukoll, f’dan is-sens, B. Wegener, (taħt id-direzzjoni ta’ Calliess/Ruffert), Kommentar zum EUV/EGV, it-tielet edizzjoni, Munich 2007, Artikolu 220, punt 37, p. 1956, u T. Tridimas, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 23), p. 2 et seq.


30 – Ara s-sentenza tad-9 ta’ Awwissu 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C‑359/92, Ġabra p. I‑3681). Qabel ma dan il-prinċipju sar parti mid-dritt pożittiv fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 5 KE, il-ġurisprudenza u d-dottrina kienu jqisu b’mod unanimu li l-użu tal-kompetenzi Komunitarji kien suġġett għall-kundizzjoni tal-proporzjonalità [ara G. Lienbacher, EU-Kommentar (taħt id-direzzjoni ta’ Jürgen Schwarze), l-ewwel edizzjoni, Baden-Baden 2000, Artikolu 5 KE, punt 36, p. 270].


31 – Ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 1980, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (32/79, Ġabra p. 2403).


32 – Ara s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI (T-192/99, Ġabra p. II-813).


33 – Ara s-sentenza tas-6 ta’ Lulju 2000, ATB et (C-402/98, Ġabra p. I-5501).


34 – Ara s-sentenza tat-13 ta’ Frar 1969, Wilhelm et (14/68, Ġabra p. 1).


35 – Ara s-sentenza tal-4 ta’ Lulju 1963, Alvis vs Il-Kunsill (32/62, Ġabra p. 99).


36 – Ara s-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 1972, Cassella Farbwerke Mainkur vs Il-Kummissjoni (55/69, Ġabra p. 887); tat-28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il-Kummissjoni (33/79 u 75/79, Ġabra p. 1677); tad-29 ta’ Ġunju 1994, Fiskano vs Il-Kummissjoni (C‑135/92, Ġabra p. I‑2885); tal-24 ta’ Ottubru 1996, Il-Kummissjoni vs Lisrestal et (C‑32/95 P, Ġabra p. I‑5373, punt 21); tal-21 ta’ Settembru 2000, Mediocurso vs Il-Kummissjoni (C‑462/98 P, Ġabra p. I‑7183, punt 36); tat-12 ta’ Diċembru 2002, Cipriani (C‑395/00, Ġabra p. I‑11877, punt 51); tat-13 ta’ Settembru 2007, Land Oberösterreich u L-Awstrija vs Il-Kummissjoni (C‑439/05 P u C‑454/05 P, Ġabra p. I‑7141), u tat-18 ta’ Diċembru 2008, Sopropé (C‑349/07, Ġabra p. I-10369, punti 36 u 37).


37 – Ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 1978, Koninklijke Scholten-Honig u De Bijenkorf (125/77, Ġabra p. 1991).


38 – Ara s-sentenza tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München (C‑269/90, Ġabra p. I‑5469).


39 – Ara s-sentenza tal-14 ta’ Frar 1978, IFG vs Il-Kummissjoni (68/77, Ġabra p. 353).


40 – Ara s-sentenza tal-25 ta’ Mejju 2004, Distilleria Palma vs Il-Kummissjoni (T-154/01, Ġabra p. II 1493, punt 45).


41 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Settembru 2005, Yusuf u Al Barakaat International Foundation vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (T-306/01, Ġabra p. II 3533, punt 277).


42 – Ara s-sentenza tat-18 ta’ Marzu 1980, Ferriera Valsabbia et vs Il-Kummissjoni (154/78, 205/78, 206/78, 226/78 sa 228/78, 263/78, 264/78, 31/79, 39/79, 83/79 u 85/79, Ġabra p. 907).


43 – Ara s-sentenza Kuhner (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 36).


44 – Ara s-sentenza tal-5 ta’ Mejju 1981, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (804/79, Ġabra p. 1045).


45 – Ara s-sentenza tat-30 ta’ Marzu 1995, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C 65/93, Ġabra p. I-643, punt 21)


46 – Ara s-sentenza tas-17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il-Kummissjoni (43/82 u 63/82, Ġabra p. 19)


47 – Ara s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C-415/93, Ġabra p. I-4921).


48 – Ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1984, Prodest (237/83, Ġabra 1984 p. 3153).


49 – Ara s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1978, Defrenne (149/77, Ġabra p. 1365).


50 – Ara s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Cadman (C-17/05, Ġabra p. I 9583, punt 28); tas-26 ta’ Ġunju 2001, Brunnhofer (C-381/99, Ġabra p. I-4961, punt 28), u tas-17 ta’ Settembru 2002, Lawrence et (C-320/00, Ġabra p. I-7325, punt 12). Din id-dikjarazzjoni tintuża, b’xi varjazzjonijiet żgħar, fil-ġurisprudenza kollha tal-Qorti tal-Ġustizzja u, apparentement, intużat għall-ewwel darba fis-sentenza Rückdeschel et (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 22, punt 7)


51 – F’dan is-sens, J. Basedow, “Der Grundsatz der Nichtdiskriminierung im europäischen Privatrecht”, Zeitschrift für Europäisches Privatrecht, 2008, p. 230, p. 244. Fil-fehma tiegħu, il-prinċipju ġenerali tan-nondiskriminazzjoni (jew il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza) ma jistax jingħata portata operattiva awtonoma fid-dritt privat Ewropew. Ir-rwol tiegħu huwa dak ta’ prinċipju ermenewtiku li jiffaċilita l-komprensjoni tad-dritt pożittiv filwaqt li jippermettilna nqisu l-atti legali fil-kuntest tagħhom u li nivverifikaw il-koerenza sistematika tagħhom. L-awtur isostni li m’għandux kontenut leġiżlattiv tiegħu stess. P. Mazière, Le principe d’égalité en droit privé, Aix-en-Provence 2003, p. 429 et seq, iqajjem dubju fuq l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fid-dritt privat. L-awtur jesprimi ruħu f’termini mimlijin kritika fuq it-tentattiv li jiġi introdott il-prinċipju ta’ ugwaljanza fid-dritt privat.


52 – OECD – Prinċipji ta’ corporate governance - 2004, Pariġi 2004, p. 20.


53 – Ibid.


54 – Ibid., p. 44.


55 – Dan ma jirriżultax mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001, tat-8 ta’ Ottubru 2001, dwar l-Istatut ta’ Kumpannija Ewropea (SE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 251 2), li daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Ottubru 2004. Dan ir-regolament ċertament li ma jipprevedix espressament l-ugwaljanza tal-azzjonisti, iżda jiftaħ il-possibbiltà lill-Istati Membri li jadottaw dispożizzjonijiet li jipproteġu lill-azzjonisti minoritarji.


56 – Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 184, p.17).


57 – In-natura mhux vinkolanti tar-rakkomandazzjonijiet u tal-opinjonijiet ċertament ma tfissirx li huma kompletament irrilevanti mill-aspett legali [f’dan is-sens, M. Ruffert (taħt id-direzzjoni ta’ Calliess/Ruffert), op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 29), punt 126, p. 2165]. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għalkemm ir-rakkomandazzjonijiet ma jorbtux u ma jistgħux jagħtu lill-individwi drittijiet li huma jistgħu jinvokaw quddiem il-qrati nazzjonali, l-istess qrati nazzjonali huma marbutin, madankollu, li joħduhom inkunsiderazzjoni għas-soluzzjoni tal-kawżi li jkollhom quddiemhom. L-istess japplika fil-kuntest tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplementaw id-dritt Komunitarju jew li jikkumplimentaw id-dispożizzjonijiet vinkolanti tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1976, Frecassetti, 113/75, Ġabra p. 983; tad-9 ta’ Ġunju 1977, Ufficio van Ameyde, 90/76, Ġabra p. 1091; tat-13 ta’ Diċembru 1989, Grimaldi, C-322/88, Ġabra p. 4407, punt 9, u tal-21 ta’ Jannar 1993, Deutsche Shell, C-188/91, Ġabra p. I 363, punt 18).


58 – T. Tridimas, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 23), p. 1, iqajjem il-kwistjoni tad-distinzjoni bejn prinċipju ġenerali tad-dritt u regola speċifika. Fil-fehma tiegħu, l-ewwel kriterju ta’ distinzjoni huwa l-applikazzjoni ġenerali tal-prinċipju, fejn “ġenerali” tfisser li l-prinċipju għandu jkollu ċertu grad ta’ astrazzjoni. It-tieni kriterju huwa r-rilevanza ta’ dan il-prinċipju fil-kuntest ta’ sistema legali.


59 – F’dan is-sens, ara wkoll, D. Verse, Der Gleichbehandlungsgrundsatz im Recht der Kapitalgesellschaften, Tübingen 2006, li jitkellem fuq prinċipju ċentrali tad-dritt tal-kumpanniji.


60 – F’dan is-sens, D. Verse, op. cit. (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 59), p. 557. C. Mehringer, Das allgemeine kapitalmarktrechtliche Gleichbehandlungsgrundsatz, Baden-Baden 2007, p. 239, isostni wkoll li fid-dritt tas-swieq tal-kapital, jeżisti prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali li jibbenefikaw minnu l-investituri.


61 – S. Grundmann, Europäisches Gesellschaftsrecht, Heidelberg 2004, p. 145.


62 – Y. De Cordt, L’égalité entre actionnaires, Brussell 2004, p. 937.


63 – Ara A. Hütte, Der Gleichbehandlungsgrundsatz im deutschen und französischen Recht der Personengesellschaften, Aix-la-Chapelle 2003, p. 180. Skont C. Mehringer, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 60), p. 241, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fid-dritt tas-swieq tal-kapital huwa bbażat, mill-aspett tat-teorija tad-dritt, fuq il-kunċett ta’ ekwità.


64 – Y. De Cordt, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 62), p. 937.


65 – F’dan is-sens, Y. De Cordt, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 62), p. 937; C. Mehringer, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 60), p. 18, ifakkar min-naħa tiegħu li l-prinċipji mhumiex regoli u għaldaqstant, bħala regola, mhux direttament applikabbli. Dejjem ikun hemm il-bżonn li tiġi invokata regola legali li tkun tista’ tiġi interpretata, jew kunċett bħala l-punt tat-tluq; D. Verse, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 59), p. 96, jistenna li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-futur, tipprovdi gwidi ġenerali, li jmorru lil hinn minn xi każ partikolari, sabiex tikkonkretizza l-obbligu ta’ trattament ugwali.


66 – Dawn jistgħu jiġu kkonsultati fuq is-sit internet tad-Direttorat Ġenerali tas-suq intern tal-Kummissjoni Ewropea (http://ec.europa.eu/internal_market/company/modern/index_en.htm).


67 – Ara r-rapport Winter I, Kapitolu I (“Ugwaljanza tal-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni fil-qasam tal-offerti pubbliċi tal-akkwist”), p. 19, 20.


68 – Ara r-rapport Winter I, Kapitolu II (“Il-prezz raġjonevoli li għandu jitħallas f’każ ta’ offerta obbligatorja”), p. 49.


69 – Ara p. 33 et seq tal-osservazzjonijiet ta’ Audiolux.


70 – Ara l-punt 87 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


71 – Fil-fatt, jirriżulta mill-Artikolu 22 tad-Direttiva 2004/25 li din id-direttiva daħlet fis-seħħ fl-20 ġurnata wara d-data tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jiġiferi fit-22 ta’ Mejju 2004. Barra minn hekk, l-Artikolu 21(1) jindika li l-Istati Membri kellhom jimplementaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw mad-direttiva mhux iktar tard mill-20 ta’ Mejju 2006.


72 – Is-separazzjoni tal-poteri huwa prinċipju ta’ organizzazzjoni fundamentali tal-parti l-kbira tal-kostituzzjonijiet demokratiċi moderni li jmur lura għall-insenjamenti ta’ Thomas Locke (1632-1704), Charles de Montesquieu (1689-1755) u Emmanuel Kant (1724-1804) u li huwa kriterju kostituttiv ta’ stat tad-dritt. Bis-saħħa tas-separazzjoni tal-poteri, il-poter politiku tal-Istat jinqasam f’diversi funzjonijiet. Il-kontrolli reċiproċi eżerċitati mid-diversi poteri huma intiżi li jtaffu l-poter statali. Tradizzjonalment, kien hemm il-poter leġiżlattiv, eżekuttiv u ġudizzjarju. Montesquieu kien ikkonstata b’hekk fl-opra tiegħu “De l’esprit des lois” li ħareġ fl-1748: “Meta, fl-istess persuna jew fl-istess korp ta’ maġistratura, il-poter leġiżlattiv jingħaqad mal-poter eżekuttiv, ma jkunx hemm libertà, peress li jista’ jkun maħsub li l-istess monarka jew l-istess senat joħorġu liġijiet tiranniċi biex jeżegwuhom tirannikament. Ma jkunx hemm libertà jekk il-poter ġudizzjarju ma jkunx separat mill-poter leġiżlattiv u dak eżekuttiv. Jekk il-poter ġudizzjarju jkun magħqud ma’ dak leġiżlattiv, il-poter fuq il-ħajja u l-libertà taċ-ċittadini jkun arbitrarju: peress li l-qorti tkun il-leġiżlatur. Jekk huwa jkun magħqud mal-poter eżekuttiv, il-qorti jista’ jkollha l-forza ta’ oppressur. Kollox jintilef jekk l-istess persuna, jew l-istess korp ta’ mexxejja, jew l-istess nobbli, jew l-istess poplu, jeżerċita dawn it-tliet poteri: dak li joħroġ il-liġijiet, dak li jeżegwixxi r-riżoluzzjonijiet pubbliċi, u dak li jiġġudika r-reati jew il-kawżi bejn l-individwi”.


73 – F’dan is-sens, M. Schweitzer, W. Hummer, W. Obwexer, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 25), p. 178, punt 653; E. Sariyiannidou, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 15), p. 122, jitkellem ukoll fuq is-“separazzjoni tal-funzjonijiet”. Skont T. Oppermann, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 27), Artikolu 5, punt 5, p 80, fil-Komunità Ewropea, is-separazzjoni tal-poteri statali bejn dak leġiżlattiv, eżekuttiv u ġudizzjarju ħadet il-forma ta’ bilanċ istituzzjonali speċifiku bejn l-istituzzjonijiet Komunitarji. It-tqassim tal-kompiti bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, b’mod partikolari, huwa differenti minn dak li jseħħ fuq livell statali. Jeżistu wkoll kontrolli reċiproċi u bilanċ ta’ poteri (“checks and balances”) fil-Komunità Ewropea. Il-bilanċ istituzzjonali jirrifletti l-prinċipju fundamentali tal-istat tad-dritt. Dan jimplika li kull istituzzjoni teżerċita l-kompetenzi tagħha b’rispett għal dawk tal-oħrajn u li kull nuqqas fir-rigward ta’ din ir-regola jista’ jiġi ssanzjonat mill-Qorti tal-Ġustizzja.


74 – Sentenzi tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs Haute Autorité (9/56, Ġabra p. 9 u 11/56, Ġabra p. 51).


75 – Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Köster, Berodt & Co. (25/70, Ġabra p. 1161, punt 9), u Il-Parlament vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 45, punt 21).


76 – Sentenza tat-22 ta’ Mejju 1990, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C‑70/88, Ġabra p. I‑2041, punti 21 u 22).


77 – Sentenza Il-Parlament vs Il-Kunsill (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 76, punt 23).


78 – E. Sariyiannidou, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 15), p. 137, isostni li l-Artikolu 220 KE jagħti b’mod definittiv lill-Qorti tal-Ġustizzja l-ġurisdizzjoni li tiddetermina dak li hu d-“dritt”, u l-ġurisdizzjoni tagħha f’dan ir-rigward mhijiex limitata b’mod ċar. Fil-kuntest tal-iżvilupp tal-prinċipji ġenerali tad-dritt, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet użu sew mill-ġurisdizzjoni tagħha li tiżviluppa d-dritt. L-awtur jemmen li dan ma jġibx ir-riskju li jċajpar id-differenzi bejn l-attività ġudizzjarja u l-attività politika.


79 – F’dan is-sens, J.-V. Louis, L’ordre juridique communautaire, is-sitt edizzjoni, Brussell/Lussemburgu 1993, p. 119, 120. Skont l-awtur, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tisfrutta l-preżenza ta’ lakuna tad-dritt Komunitarju biex tissostitwixxi ruħha flok il-leġiżlatur Komunitarju. Min-naħa l-oħra, hija għandha żżomm lura kemm meħtieġ (“judicial self-restraint”).


80 – Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni (T-22/02 u T-23/02, Ġabra p. II-4065, punti 82 et seq.). Il-Qorti tal-Prim’Istanza, f’din is-sentenza, irrikonoxxiet il-kompetenza tal-leġiżlatur Komunitarju biex jistabbilixxi termini ta’ preskrizzjoni. Fil-fehma tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-kwistjoni ta’ kif u meta għandha tintuża l-preskrizzjoni tirriżulta konsegwentement minn eżerċizzju ta’ bilanċ bejn il-ħtiġijiet taċ-ċertezza legali u dawk tal-legalità skont iċ-ċirkustanzi storiċi u soċjali li jipprevalu fis-soċjetà fi żmien partikolari. Għal din ir-raġuni, l-għażla hija f’idejn il-leġiżlatur biss. Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Mejju 2001, D u L-Iżvezja vs Il-Kunsill (C-122/99 P u C-125/99 P, Ġabra p. I-4319, punti 37 et seq.). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-qorti Komunitarja ma tistax tinterpreta r-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej b’mod li sitwazzjonijiet legali differenti miż-żwieġ, bħalma hija l-koabitazzjoni rreġistrata, jiġu ttrattati bl-istess mod bħaż-żwieġ. Huwa biss l-obbligu tal-leġiżlatur li jadotta, jekk ikun il-każ, miżuri li jistgħu jaffettwaw din is-sitwazzjoni, pereżempju billi jiġu emendati t-termini tar-Regolamenti. Ara wkoll is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Jannar 2004, K. B. (C‑117/01, Ġabra p. I‑541, punt 28); tat-2 ta’ Ottubru 2003, International Power et vs NALOO (C‑172/01 P, C‑175/01 P, C‑176/01 P u C‑180/01 P, Ġabra p. I‑11421, punt 106), u tal-24 ta’ Settembru 2002, Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni (C‑74/00 P u C‑75/00 P, Ġabra p. I‑7869, punt 139).


81 – Ara l-punti 39 sa 45 tal-osservazzjonijiet tar-Repubblika Irlandiża.


82 – Ara l-punt 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


83 – Sentenza tas-26 ta’ April 2005, “Goed Wonen” (C‑376/02, Ġabra p. I‑3445, punt 32).


84 – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Frar 1996, Duff et (C‑63/93, Ġabra p. I‑569, punt 20), u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Jannar 2002, Hult vs Il-Kummissjoni (T‑206/00, ĠabraFP p. I‑A‑19 u II‑81, punt 38).


85 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 1991, Crispoltoni (C-368/89, Ġabra p. I-3695, punt 17); tad-29 ta’ April 2004, Gemeente Leusden u Holin Groep (C-487/01 u C‑7/02, Ġabra p. 5337, punt 59), u “Goed Wonen” (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 83, punt 33); ara wkoll is-sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, National & Provincial Building Society vs Ir-Renju Unit, tat-23 ta’ Ottubru 1997, Ġabra ta’ sentenzi u deċiżjonijiet 1997‑VII, § 80.


86 – Sentenza Mangold (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 8, punti 74 u 75).


87 – Jiena diġà semmejt il-kontenut leġiżlattiv pjuttost vag tal-Artikolu 42 tad-Direttiva 77/91 fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħi tal-4 ta’ Settembru 2008 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Spanja (sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, C-338/06, Ġabra p, I‑10139)).


88 – A. Hütte, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 63), p. 71, 82; Y. De Cordt, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 62), p. 255, 259; D. Verse, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 59), p. 562. U. Hüffer, Kommentar zum Aktiengesetz, il-ħames edizzjoni, Munich 2002, Artikolu 53a, punt 4, p. 250.


89 – A. Hütte, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 63), p. 72.


90 – F’dan is-sens, T. Tridimas, op. cit. (nota ta’ qiegħ il-paġna 23), p. 36, 44.


91 – Ibid, p. 47.


92 – Ara, pereżempju, id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE, tad-29 ta’ Ġunju 2000, li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol, 8, p. 311 1 2), id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79 3 1) u d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355 2 3).


93 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat f’ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ ċertezza legali jipprekludi li d-direttivi jkunu jistgħu joħolqu obbligi fuq l-individwi. Direttiva ma tistax, għalhekk, tiġi invokata bħala tali minn individwu (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punt 48; tal-14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori, C-91/92, Ġabra p. I‑3325, punt 20, u tas-7 ta’ Jannar 2004, Wells, C-201/02, Ġabra p. I-723, punt 56).


94 – L-istess japplika, b’mod partikolari, għall-Artikolu 141 KE f’dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ugwaljanza fil-pagi bejn ħaddiema maskili u ħaddiema femminili għall-istess xogħol jew għal xogħol tal-istess valur. Il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet fil-ġurisprudenza tagħha li l-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, preskritta fl-Artikoli 12, 39 u 49 KE, tapplika wkoll għar-relazzjonijiet bejn persuni privati (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 1974, Walrave u Koch, 36/74, Ġabra p. 1405; tat-8 ta’ April 1976, Defrenne, 43/75, Ġabra p. 455; Bosman, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 47, u tas-6 ta’ Ġunju 2000, Angonese, C-281/98, Ġabra p. I-4139, punt 36).


95 – F’dan is-sens, U. Preis, “Verbot der Altersdiskriminierung als Gemeinschaftsgrundrecht”“, Neue Zeitschrift für Arbeitsrecht, nru 8, 2006, p. 402.


96 – Ara l-punti 87 u 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


97 – Ara l-punti 89 sa 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


98 – Ara l-punt 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


99 – Ara l-punt 98 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


100 – Ara l-punti 103 sa 109 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


101 – Ara l-punti 111 sa 112 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


102 – Ara l-punti 117 sa 123 ta’ dawn il-konklużjonijiet.