Language of document : ECLI:EU:C:2008:741

Kawżi magħquda C-101/07 P u C-110/07 P

Coop de France bétail et viande, li kienet Fédération nationale de la coopération bétail et viande (FNCBV) et

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell — Kompetizzjoni — Suq tal-laħam taċ-ċanga u tal-vitella — Ftehim konkluż bejn federazzjonijiet nazzjonali ta’ dawk li jrabbu u l-biċċiera dwar is-sospensjoni tal-importazzjonijiet ta’ laħam taċ-ċanga u tal-vitella u l-iffissar ta’ prezz minimu ta’ xiri — Multi — Regolament Nru 17 — Artikolu 15(2) — Teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ impriżi membri ta’ federazzjonijiet”

Sommarju tas-sentenza

1.        Kompetizzjoni — Proċedura amministrattiva — Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet — Kontenut neċessarju — Rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Regolament tal-Kunsill Nru 17; Regolament tal-Kummissjoni Nru 99/63, Artikolu 4)

2.        Appell — Aggravji — Motivazzjoni insuffiċjenti — Għoti ta’ motivazzjoni impliċita mill-Qorti tal-Prim’Istanza — Ammissibbiltà

(Artikolu 225 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 51; Regoli tal-Proċedura tal‑Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 64)

3.        Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Dħul mill-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni — Dħul mill-bejgħ tal-impriżi kollha li jikkostitwixxu assoċjazzjoni ta’ impriżi — Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

4.        Kompetizzjoni — Multi — Deċiżjoni li timponi multi fuq assoċjazzjoni kkostitwita minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kif ukoll fuq il-membri tagħha — Ksur tal-prinċipji ta’ ne bis in idem u ta’ proporzjonalità

(Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

1.        Meta l‑Kummissjoni tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tagħha, li hija ser teżamina jekk għandhomx jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u meta hija tiddikjara l-elementi prinċipali ta’ fatt u ta’ dritt li jistgħu jagħtu lok għal multa, bħall-gravità u t-tul tal‑ksur allegat u l-fatt li l-ksur twettaq “intenzjonalment jew b’negliġenza”, hija tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-dritt tal‑impriżi għal smigħ xieraq. Meta tagħmel hekk, hija tagħtihom l‑elementi meħtieġa sabiex jiddefendu ruħhom mhux biss kontra konstatazzjoni ta’ ksur, iżda wkoll kontra l-impożizzjoni ta’ multa.

Madankollu, il-fatt li jingħataw indikazzjonijiet dwar il-livell tal-multi maħsuba fl-istadju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, qabel ma l-impriżi jkunu ngħataw l-opportunità jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l‑oġġezzjonijiet imqajma kontra tagħhom, jammonta għal antiċipazzjoni mhux xierqa tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 47, 49)

2.        Sabiex l-evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża titwettaq tajjeb, il-Qorti tal‑Prim’Istanza għandha teżamina b’attenzjoni d-dokumenti kollha li jkunu ġew ippreżentati lilha mill-partijiet u għandha toħodhom inkunsiderazzjoni, inklużi dawk li ddaħħlu fil-proċess wara t-trattazzjonijiet orali, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura fis-sens tal‑Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

Madankollu, l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jobbligax lill-Qorti tal‑Prim’Istanza tagħti spjegazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir-raġunamenti kollha magħmula mill-partijiet fil-kawża, peress li l‑motivazzjoni tista’ tkun impliċita sakemm tippermetti lill-partijiet ikkonċernati li jkunu jafu r-raġunijiet għalxiex ikunu ttieħdu l-miżuri inkwistjoni u lill-qorti kompetenti li jkollha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

(ara l-punti 74, 75)

3.        Meta l‑membri ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jkunu pparteċipaw b’mod attiv fl-implementazzjoni ta’ ftehim antikompetittiv, id-dħul mill-bejgħ ta’ dawn il-membri jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l‑penali, u dan anki jekk l-assoċjazzjoni inkwistjoni ma jkollhiex il‑possibbiltà li torbot lill-membri tagħha. Dan it-teħid inkunsiderazzjoni huwa ġġustifikat meta ksur min-naħa ta’ assoċjazzjoni jinvolvi l-attivitajiet tal-membri tagħha u meta l-prattiki antikompetittivi inkwistjoni jitwettqu mill-assoċjazzjoni direttament għall-benefiċċju tal-membri tagħha u b’kooperazzjoni magħhom, peress li l-assoċjazzjoni m’għandhiex interessi oġġettivi differenti minn dawk tal-membri tal-assoċjazzjoni.

Kull interpetazzjoni oħra tmur kontra l-bżonn li jkun żgurat l-effett dissważiv tal-penali imposti għal ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni Komunitarji. Fil-fatt, il-fakultà li għandha l-Kummissjoni li timponi multi b’ammont adegwat fuq dawk li jwettqu l-ksur inkwistjoni tista’, inkella, tiġi kompromessa, sa fejn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li jkollhom dħul mill‑bejgħ żgħir iżda li jiġbru flimkien, mingħajr madankollu ma jkollhom is-setgħa li jorbtuhom formalment, numru kbir ta’ impriżi li, flimkien, jiksbu dħul mill-bejgħ kbir, ikunu jistgħu jiġu ppenalizzati biss b’multi żgħar ħafna, minkejja li l-ksur imwettaq minn dawn l-assoċjazzjonijiet jista’ jkollu impatt kunsiderevoli fis-swieq inkwistjoni.

(ara l-punti 97, 98)

4.        Deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multi fuq assoċjazzjoni kkostitwita minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kif ukoll fuq l-assoċjazzjonijiet membri tagħha minħabba l-parteċipazzjoni u l-grad ta’ responsabbiltà ta’ kull waħda minnhom fi ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni ma tiksirx il‑prinċipju ta’ ne bis in idem. Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li dawn l‑assoċjazzjonijiet huma membri tal-assoċjazzjoni tal-ewwel ma jfissirx li dawn ġew ippenalizzati diversi drabi għall-istess ksur minħabba li, peress li għandhom personalitajiet legali differenti, baġits separati u għanijiet li mhux dejjem jaqblu, u jeżerċitaw l-azzjonijiet tagħhom għall-ħarsien ta’ interessi li huma partikolari u speċifiċi għalihom, hija nieqsa l-unità tal-kontravvenjenti meħtieġa għall-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

Din id-deċiżjoni lanqas ma tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità minkejja li l‑Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tal-membri ta’ kull assoċjazzjoni sabiex tiddetermina l-limitu massimu ta’ 10 % previst fl‑Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17. Fil-fatt, il-membri diretti jew indiretti tal-assoċjazzjonijiet ippenalizzati mhumiex, minħabba f’hekk, suġġetti għal żewġ multi għall-istess ksur uniku, peress li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan id-dħul mill-bejgħ ma jfissirx li multa ġiet imposta fuq il-membri tal-assoċjazzjoni u lanqas li, għalhekk, l‑assoċjazzjoni inkwistjoni għandha l-obbligu li tgħaddi l-oneru tal-multa fuq il-membri tagħha.

(ara l-punti 127-130)