Language of document : ECLI:EU:C:2009:626

Kawża C-101/08

Audiolux SA et

vs

Groupe Bruxelles Lambert SA (GBL) et

u

Bertelsmann AG et

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (il‑Lussemburgu))

“Direttivi 77/91/KEE, 79/279/KEE u 2004/25/KE — Prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju ta’ protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji — Ineżistenza — Dritt tal‑kumpanniji — Kisba ta’ kontroll — Offerta obbligatorja — Rakkomandazzjoni 77/534/KEE — Kodiċi ta’ kondotta”

Sommarju tas-sentenza

Dritt Komunitarju – Prinċipji – Protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/25, premessa 8 u Artikolu 3(1)(a); Direttivi tal-Kunsill 77/91, Artikoli 20 u 42, u 79/279, Anness; Rakkomandazzjoni tal‑Kummissjoni 77/534, Anness)

Id-dritt Komunitarju ma jinkludix prinċipju ġenerali tad-dritt li permezz tiegħu l‑azzjonisti minoritarji huma protetti bl-obbligu tal-azzjonist dominanti, li jakkwista jew jeżerċita l-kontroll ta’ kumpannija, li joffrilhom li jixtri l-ishma tagħhom bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk miftiehma meta sar l-akkwist ta’ sehem, li ta jew saħħaħ il-kontroll tal-azzjonist dominanti.

Fil-fatt, is-sempliċi fatt li d-dritt Komunitarju sekondarju jistipula ċerti dispożizzjonijiet relatati mal-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji, fih innifsu, ma huwiex biżżejjed sabiex jistabbilixxi l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, partikolarment jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa limitat għal drittijiet speċifikati b’mod tajjeb u ċert. Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali prinċipju, għandu jiġi vverifikat jekk tali dispożizzjonijiet jagħtux indikazzjonijiet li jwasslu għall-konklużjoni tal-eżistenza tal-prinċipju indagat, peress li l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom valur indikattiv biss jekk ikunu redatti b’mod obbligatorju.

L-ewwel nett l-Artikoli 20 u 42 tad-Direttiva 77/91, dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tat‑Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, u l-punt 2(a) tal-Iskema C fl-anness tad‑Direttiva 79/279, li tikkoordina l-kundizzjonijiet għall-ammissjoni ta’ titoli għal-listi ta’ Borża uffiċjali, japplikaw għal sitwazzjonijiet speċifikati tajjeb u nettament differenti minn dik ta’ azzjonist dominanti, li jkun akkwista sehem li jagħtih jew isaħħaħ il-kontroll f’kumpannija, skont kundizzjonijiet partikolari, u jillimitaw ruħhom, fis-sustanza, sabiex jirregolaw każijiet speċifiċi ħafna tad-dritt tal-kumpanniji billi jimponu ċerti obbligi fuq il-kumpannija sabiex jiġu protetti l‑azzjonisti kollha. Dawn id-dispożizzjonijiet għaldaqstant ma għandhomx dik in‑natura ġenerali li hija inerenti għall-prinċipji ġenerali tad-dritt.

It-tieni nett, fir-rigward tat-tielet prinċipju ġenerali tad-dritt u tad-dispożizzjoni komplementari numru sbatax tal-kodiċi ta’ kondotta anness mar‑Rakkomandazzjoni 77/534 kif ukoll tad-Direttiva 2004/25, fuq l-offerti pubbliċi ta’ xiri, la dan il-kodiċi u lanqas din id-direttiva ma jsemmu espressament l-eżistenza ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju dwar il-protezzjoni tal‑azzjonisti minoritarji. F’dak li jirrigwarda l-kodiċi ta’ kondotta, minn naħa waħda, il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba li huwa jirrakkomanda għandhom, bħala sorsi ta’ dritt, l-istess valur bħal dawk li jintużaw fuq is-swieq, ħaġa li hija irrikonċiljabbli mal-ipoteżi li t-tielet prinċipju ġenerali u d-dispożizzjoni komplimentari numru sbatax tal-imsemmi kodiċi huma bbażati fuq prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju. Min-naħa l-oħra, l-ebda waħda minn dawn id‑dispożizzjonijiet tal-kodiċi tal-kondotta ma jesprimu l-obbligu ta’ trattament ugwali tal-azzjonisti f’termini assoluti u obbligatorji. Fir-rigward tad-Direttiva 2004/25, l-Artikoli 1, 5(1), 15 u 16 tagħha japplikaw għal sitwazzjonijiet speċifiċi, b’tali mod li minnhom ma jistax jiġi dedott prinċipju ġenerali ta’ kontenut speċifiku. Dawn id-dispożizzjoinijiet huma wkoll nieqsa min-natura ġenerali li hija inerenti għall-prinċipji ġenerali tad-dritt. Barra minn hekk, jekk it-tmien premessa ta’ din id-direttiva tirreferi għall-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, din il-premessa tirreferi biss għall-garanziji proċedurali u ma tirreferiex għal kwalunkwe prinċipju ta’ trattament ugwali tal-azzjonisti. Bl-istess mod, mill-użu tal-kliem “prinċipji ġenerali” fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, ma jistax jiġi dedott li l-leġiżlatur Komunitarju għaldaqstant għandu l-ħsieb jassimila l-prinċipji stabbiliti f’dan l-Artikolu ma’ prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Kif jirriżulta mill-kliem “għall-għanijiet tal-implementazzjoni ta’ din id-Direttiva” dawn huma biss linji gwida għall-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva mill-Istati Membri.

Barra minn hekk, it-trattament intiż sabiex jitlob lill-azzjonist dominanti li jiftiehem mal-azzjonisti minoritarji kollha bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk miftiehma meta sar l-akkwist ta’ sehem li jagħti jew isaħħaħ il-kontroll u li jirriżulta fi dritt korrispondenti tal-azzjonisti kollha li jbiegħu l-ishma tagħhom lill-azzjonist dominanti ma jistax jiġi miftiehem bħala espressjoni speċifika, fid‑dritt tal-kumpanniji, ta’ prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali. Fil-fatt, l‑imsemmi prinċipju waħdu, ma jistax iwassal għat-tnissil ta’ obbligu partikolari fuq l-azzjonist dominanti għall-benefiċċju tal-azzjonisti l-oħra u lanqas jistabbilixxi s-sitwazzjoni speċifika li magħha tali obbligu huwa marbut. Lanqas jista’ jkun deċiżiv fl-għażla bejn id-diversi metodi possibbli ta’ protezzjoni ta’ azzjonisti minoritarji, bħal dawk irrakkomandati mill-kodiċi tal-kondotta anness mar-Rakkomandazzjoni 77/534, u minn din ir-rakkomandazzjoni. Tali trattament jippresupponi għażliet ta’ natura leġiżlattiva, li jistrieħu fuq il-bilanċ tal-interessi kkonċernati u d-determinazzjoni minn qabel ta’ regoli preċiżi u ddettaljati, u ma jistax jiġi dedott mill-prinċipju ġenerali ta’ trattament ugwali. Fil-fatt, il-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju huma ta’ natura kostituzzjonali peress li l-imsemmi trattament huwa kkaratterizzat minn livell ta’ dettall li jeħtieġ elaborazzjoni leġiżlattiva li fuq livell Komunitarju jsir permezz ta’ att tad-dritt Komunitarju sekondarju. Għaldaqstant, dan it-trattament ma jistax jiġi meqjus bħala prinċipju ġenerali awtonomu tad-dritt Komunitarju.

(ara l-punti 34, 42-45, 50, 51, 55, 57, 61-64 u d-dispożittiv)