Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Lulju 2021 – Ryanair u Ryanair Sun vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-398/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ryanair DAC (Swords, l-Irlanda), Ryanair Sun S.A. (Varsavja, il-Polonja) (rappreżentanti: F.-C. Laprévote, E. Vahida, V. Blanc, S. Rating u I.-G Metaxas-Maranghidis, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tat-22 ta’ Diċembru 2020 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.59158 – Il-Polonja – COVID-19 Għajnuna lil LOT, 1 u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta applikat b’mod ħażin il-Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex isostnu l-appoġġ għall-finanzjament fil-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali fit-tifqigħa preżenti tal-COVID-19. B’mod partikolari, huwa allegat li l-konvenuta ma wrietx li LOT hija eliġibbli għall-għajnuna ta’ rikapitalizzazzjoni taħt il-Qafas Temporanju u huwa allegat ukoll li l-konvenuta ma evalwatx jekk kinux jeżistu miżuri iktar xierqa u li joħolqu inqas distorsjoni, minbarra r-rikapitalizzazzjoni. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-konvenuta wettqet evalwazzjoni żbaljata tal-proporzjonalità tal-ammont ta’ rikapitalizzazzjoni, tar-remunerazzjoni tal-għajnuna u tal-kundizzjonijiet għal ħruġ tal-Istat, kif ukoll tal-elementi tal-għajnuna li jirrigwardaw il-governanza u l-prevenzjoni ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bla bżonn.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta applikat b’mod ħażin l-Artikolu 107(3)(b) TFUE billi qieset li setgħet tipprovdi bażi legali bħala ġustifikazzjoni tal-għajnuna. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-konvenuta ma stabbilixxietx li l-għajnuna hija neċessarja, xierqa u proporzjonata sabiex tindirizza disturb serju tal-ekonomija Pollakka, u ma wettqitx “test tal-ibbilanċjar”, jiġifieri, li tibbilanċja l-effetti benefiċi mistennija tal-għajnuna f’termini ta’ twettiq tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE mal-effetti negattivi tagħha f’termini ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u ta’ effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tikser dispożizzjonijiet speċifiċi tat-TFUE u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li fuqhom hija bbażata l-liberalizzazzjoni tas-servizzi tat-trasport bl-ajru tal-Unjoni sa mill-aħħar tas-snin tmenin (jiġifieri, in-nondiskriminazzjoni, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi – applikati għat-trasport bl-ajru permezz tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008  2 - u l-libertà ta’ stabbiliment).

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta naqset milli tibda’ proċedura formali ta’ investigazzjoni minkejja diffikultajiet serji u kisret id-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenuta kisret id-dmir ta’ motivazzjoni tagħha.

____________

1 ĠU 2021, C 260, p. 10.

2 Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008 L 293, p. 3).