Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Novembru 2013 – Luxembourg Pamol (Ċipru) u Luxembourg Industries vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-578/13)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Luxembourg Pamol (Ċipru) Ltd (Nikosija, Ċipru); u Luxembourg Industries Ltd (Tel-Aviv, l-Iżrael) (rappreżentanti: C. Mereu u K. Van Maldegem, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara t-talba ammissibbli u fondata;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-8 ta’ Ottubru 2013, innotifikata lir-rikorrenti fid-9 ta’ Ottubru 2013, dwar il-pubblikazzjoni ta’ ċerti partijiet mir-rapport ta’ evalwazzjoni bejn il-pari u mill-addendum finali dwar il-fosfonati tal-potassju li fir-rigward tagħhom ir-rikorrenti jippretendu l-kunfidenzjalità skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE 1 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 188/20112 (id-“deċiżjoni kkontestata”).

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 14 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u d-dritt fundamentali għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali sanċit fl-Artikolu 339 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, minħabba interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet suesposti u minħabba evalwazzjoni żbaljata tal-pretenzjoni tar-rikorrenti għall-kunfidenzjalità.It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, billi naqset milli tagħti lir-rikorrenti opportunità suffiċjenti sabiex jiddefendu u jiċċaraw ir-raġuni sottostanti l-pretenzjonijiet tagħhom għall-kunfidenzjalità.