Language of document : ECLI:EU:T:2014:629

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

11 ta’ Lulju 2014 (*)

“Għajnuna mill-Istat — Servizz pubbliku ta’ xandir — Għajnuna li Spanja qiegħda tippjana li timplementa favur RTVE — Bidla tas-sistema ta’ finanzjament — Sostituzzjoni tad-dħul mir-reklamar b’taxxi ġodda fuq l-operaturi ta’ televiżjoni u ta’ telekomunikazzjonijiet — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern — Miżura fiskali li tikkostitwixxi l-mod ta’ finanzjament tal-għajnuna — Eżistenza ta’ rabta ta’ allokazzjoni neċessarja bejn it-taxxa u l-għajnuna — Influwenza diretta tad-dħul mit-taxxa fuq il-portata tal-għajnuna — Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑533/10,

DTS Distribuidora de Televisión Digital, SA, stabbilita fi Tres Cantos (Spanja), irrappreżentata minn H. Brokelmann u M. Ganino, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Telefónica de España, SA, stabbilita f’Madrid (Spanja),

Telefónica Móviles España, SA, stabbilita f’Madrid,

irrappreżentati minn F. González Díaz u F. Salerno, avukati,

intervenjenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Valero Jordana u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir‑Renju ta’ Spanja, irrappreżentat inizjalment minn J. Rodríguez Cárcamo u M. Muñoz Pérez, sussegwentement minn M. Muñoz Pérez, sussegwentement minn S. Centeno Huerta u N. Díaz Abad, sussegwentement minn N. Díaz Abad u finalment minn M. Sampol Pucurull, abogados del Estado,

u minn

Corporación de Radio y Televisión Española, SA (RTVE), stabbilita f’Madrid, irrappreżentata minn A. Martínez Sánchez u J. Rodríguez Ordóñez, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/1/UE, tal-20 ta’ Lulju 2010, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat C 38/09 (ex NN 58/09) li Spanja qiegħda tippjana li timplimenta għall-Corporación de Radio y Televisión Española (RTVE) (ĠU 2011 L 1, p. 9),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn O. Czúcz (Relatur), President, I. Labucka u D. Gratsias, Imħallfin,

Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors ineżami, ir-rikorrenti, DTS Distribuidora de Televisión Digital, SA qiegħda titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/1/UE, tal-20 ta’ Lulju 2010, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat C 38/09 (ex NN 58/09) li Spanja qiegħda tippjana li timplimenta għall-Corporación de Radio y Televisión Española (RTVE) (ĠU 2011 L 1, p. 9, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li s-sistema ta’ finanzjament ta’ Corporación de Radio y Televisión Española, SA (RTVE), mibdula mir-Renju ta’ Spanja permezz tal-Ley 8/2009, de 28 de agosto, de financiación de la Corporación de Radio y Televisión Española (Liġi Nru 8/2009, tat-28 ta’ Awwissu 2009, dwar il-finanzjament ta’ RTVE, BOE Nru 210, tal-31 ta’ Awwissu 2009, p. 74003, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 8/2009”), li temenda l-Ley 17/2006, de 5 de junio, de la radio y la televisión de titularidad estatal (Liġi Nru 17/2006, tal-5 ta’ Ġunju 2006, dwar ir-radju u t-televiżjoni tal-Istat, BOE Nru 134, tas-6 ta’ Ġunju 2006, p. 21270, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru 17/2006”), kienet kompatibbli mas-suq intern bis-saħħa tal-Artikolu 106(2) TFUE.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

2        Ir-rikorrenti hija kumpannija speċjalizzata fil-ġestjoni u fl-operat, fis-suq Spanjol, ta’ pjattaforma bi ħlas ta’ televiżjoni diġitali bis-satellita (Digital +) kif ukoll fl-iżvilupp ta’ kanali speċjalizzati.

3        RTVE hija x-xandar pubbliku Spanjol tar-radju u tat-televiżjoni, li ġiet inkarigata b’funzjoni ta’ servizz pubbliku f’dawn l-oqsma permezz tal-Liġi Nru 17/2006.

4        Il-Liġi Nru 17/2006 kienet tipprevedi skema ta’ finanzjament imħallat għal RTVE. Skont din il-liġi, minn naħa, RTVE kellha dħul mill-attivitajiet kummerċjali tagħha, b’mod partikolari mill-bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar. Min-naħa l-oħra, hija kienet tirċievi kumpens mill-Istat Spanjol għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku tagħha. Din is-sistema ta’ finanzjament (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ finanzjament eżistenti ta’ RTVE”) kienet ġiet approvata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fid-deċiżjonijiet tagħha C (2005) 1163 finali, tal-20 ta’ April 2005, dwar għajnuna mill-Istat favur RTVE (E 8/05) (sunt fil-ĠU 2006, C 239, p. 17), u C (2007) 641 finali, tas-7 ta’ Marzu 2007, dwar il-finanzjament tal-miżuri għat-tnaqqis tal-ħaddiema ta’ RTVE (NN 8/07) (sunt fil-ĠU 2007, C 109, p. 2).

5        Fit-22 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni rċeviet ilment dwar l-abbozz ta’ liġi li wassal għal-Liġi Nru 8/2009. Fil-5 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni talbet lir-Renju ta’ Spanja jagħtiha informazzjoni dwar dan l-abbozz ta’ liġi.

6        Il-Liġi Nru 8/2009, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2009, bidlet l-iskema ta’ finanzjament eżistenti ta’ RTVE.

7        L-ewwel nett, il-Liġi Nru 8/2009 kienet tipprevedi li, b’effett mill-aħħar tal-2009, ir-reklamar, it-telebejgħ, l-isponsorships u s-servizzi ta’ aċċess bi ħlas ma kellhomx jibqgħu bħala sorsi ta’ finanzjament għal RTVE. Minn wara dik id-data, l-uniku dħul kummerċjali li RTVE baqgħalha għad-dispożizzjoni tagħha kien dak miksub mill-provvista ta’ servizzi lil terzi u mill-bejgħ tal-produzzjonijiet tagħha stess [Artikolu 2(1)(e) tal-Liġi Nru 8/2009]. Dan id-dħul kien limitat għal ammont ta’ madwar EUR 25 miljun (premessa 9 tad-deċiżjoni kkontestata).

8        It-tieni nett, sabiex tpatti għat-telf tad-dħul kummerċjali l-ieħor, il-Liġi Nru 8/2009 introduċiet jew emendat, fl-Artikolu 2(1)(b) sa (d) u fl-Artikoli 4 sa 6 tagħha, it-tliet miżuri fiskali segwenti:

–        taxxa ġdida ta’ 3 % fuq id-dħul tal-operaturi ta’ televiżjoni bla ħlas u ta’ 1.5 % fuq id-dħul tal-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas stabbiliti fi Spanja; il-kontribuzzjoni ta’ din it-taxxa għall-baġit ta’ RTVE ma tistax taqbeż 15 % (fir-rigward tat-televiżjoni aċċessibbli mingħajr ħlas) u 20 % (fir-rigward tat-televiżjoni bi ħlas) tal-għajnuna totali mogħtija kull sena lil RTVE, u kull dħul fiskali li jaqbeż dawn il-perċentwali jmur fil-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol [Artikolu 2(1)(d) u Artikolu 6 tal-Liġi Nru 8/2009];

–        taxxa ġdida ta’ 0.9 % fuq id-dħul gross mill-operat (bl-esklużjoni tad-dħul miksub mis-suq bl-ingrossa inkwistjoni) tal-operaturi ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni stabbiliti fi Spanja, li huma rreġistrati fir-reġistru tal-operaturi tal-kummissjoni tas-suq tat-telekomunikazzjonijiet, li għandhom kopertura ġeografika li tikkorrispondi għat-territorju tal-Istat Spanjol jew li tkopri iktar mit-territorju ta’ komunità awtonoma waħda, u li jipprovdu servizzi awdjoviżivi jew kwalunkwe tip ieħor ta’ servizz li jinkludi r-reklamar, fir-rigward ta’ wieħed mis-servizzi segwenti: servizz ta’ telefonija fissa, servizz ta’ telefonija mobbli u provvista ta’ aċċess għall-internet; il-kontribuzzjoni għall-għajnuna totali mogħtija kull sena lil RTVE ma tistax taqbeż 25 % u kull dħul fiskali li jaqbeż din il-perċentwali jmur fil-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol [Artikolu 2(1)(c) u Artikolu 5 tal-Liġi Nru 8/2009];

–        perċentwali ta’ 80 %, sa ammont massimu ta’ EUR 330 miljun, tad-dħul mit-taxxa eżistenti fuq l-użu tal-ispettru tar-radju; il-bqija jmur fil-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol u din il-perċentwali tista’ tiġi emendata b’osservanza tal-liġijiet dwar il-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol [Artikolu 2(1)(b) u Artikolu 4 tal-Liġi Nru 8/2009].

9        Barra minn hekk, il-kumpens għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, previst mil-Liġi Nru 17/2006, inżamm fis-seħħ [Artikolu 2(1)(a) tal-Liġi Nru 8/2009]. B’hekk, jekk is-sorsi ta’ finanzjament imsemmija iktar ’il fuq [u xi sorsi oħra li ma humiex wisq importanti previsti fl-Artikolu 2(1)(f) sa (i) tal-Liġi Nru 8/2009] ma jkunux suffiċjenti sabiex ikopru l-ispejjeż kollha ta’ RTVE fir-rigward tat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, l-Istat Spanjol kien obbligat, skont l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009 u l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006, li jagħmel tajjeb għal din id-differenza. Għaldaqstant, is-sistema ta’ finanzjament imħallat ta’ RTVE ġiet ittrasformata f’sistema ta’ finanzjament kważi esklużivament pubbliku (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ finanzjament kważi esklużivament pubbliku”).

10      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2009 kien jipprevedi limitu massimu għad-dħul ta’ RTVE. Matul is-sentejn 2010 u 2011, it-total ta’ dan id-dħul ma setax jaqbeż EUR 1 200 miljun fis-sena, li kien jikkorrispondi wkoll għal-limitu massimu tal-ispejjeż tagħha għal kull sena finanzjarja. Matul it-tliet snin 2012 sa 2014, iż-żieda massima ta’ dan l-ammont kienet stabbilita bħala 1 % u, għas-snin segwenti, iż-żieda kienet iddeterminata mill-iżvilupp annwali fl-indiċi tal-prezzijiet tal-konsum.

11      Il-Liġi Nru 8/2009 emendat ukoll id-definizzjoni tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir li biha kienet inkarigata RTVE. B’mod partikolari, din il-liġi stabbilixxiet l-obbligi supplimentari għal RTVE dwar l-iskeda ta’ programmi għat-tfal. Barra minn hekk, l-istess liġi pprevediet limiti fir-rigward tal-akkwist ta’ drittijiet għat-trażmissjoni mill-ġdid ta’ avvenimenti sportivi kif ukoll fir-rigward tax-xandir ta’ films prodotti minn produtturi ċinematografiċi internazzjonali kbar fil-ħin tal-ogħla domanda.

12      Fit-2 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Renju ta’ Spanja d-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE fir-rigward tal-bidla tal-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali”) (sunt fil-ĠU 2010, C 8, p. 31). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw il-kummenti tagħhom dwar il-miżura inkwistjoni.

13      Fit-18 ta’ Marzu 2010, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu prevista fl-Artikolu 258 TFUE peress li kkunsidrat li t-taxxa imposta fuq il-komunikazzjonijiet elettroniċi kienet kuntrarja għall-Artikolu 12 tad-Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ “Awtorizzazzjoni”) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337). Fit-30 ta’ Settembru 2010, f’opinjoni motivata, il-Kummissjoni talbet lir-Renju ta’ Spanja jneħħi din it-taxxa minħabba li kienet inkompatibbli mal-imsemmija direttiva.

14      Fl-20 ta’ Lulju 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, fejn iddikjarat li l-bidla tas-sistema ta’ finanzjament ta’ RTVE prevista mil-Liġi Nru 8/2009 kienet kompatibbli mas-suq intern bis-saħħa tal-Artikolu 106(2) TFUE. Hija bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-konstatazzjoni li t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 ma kinux jagħmlu parti integrali mill-elementi ta’ għajnuna ġodda previsti minn din il-liġi u li, għaldaqstant, l-eventwali inkompatibbiltà ta’ dawn il-miżuri fiskali mad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma kinitx ser taffettwa l-eżami tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li l-iskema finanzjarja mibdula ta’ RTVE kienet konformi mal-Artikolu 106(2) TFUE peress li kienet proporzjonali.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentat ir-rikors ineżami.

16      Permezz ta’ żewġ atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti talbet, minn naħa, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata bis-saħħa tal-Artikolu 278 TFUE u, min-naħa l-oħra, li l-kawża tiġi suġġetta għall-proċedura mħaffa, fuq il-bażi tal-Artikolu 76a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

17      It-talba għal proċedura mħaffa ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Jannar 2011.

18      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Frar 2011, ir-Renju ta’ Spanja ressaq talba sabiex jintervjeni f’din il-proċedura insostenn tal-Kummissjoni.

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Frar 2011, RTVE ressqet talba sabiex tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tal-Kummissjoni.

20      Permezz ta’ digrieti tal-21 u tat-23 ta’ Marzu 2011, ir-Renju ta’ Spanja u RTVE, rispettivament, tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

21      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Marzu 2011, Telefónica de España, SA u Telefónica Móviles España, SA ressqu talba sabiex jintervjenu f’din il-proċedura insostenn tar-rikorrenti.

22      Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Ġunju 2011, Telefónica de España u Telefónica Móviles España tħallew jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

23      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Ġunju 2011, it-talba għal miżuri provviżorji ġiet miċħuda u l-ispejjeż ta’ din il-proċedura ġew irriżervati.

24      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali. Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2013.

25      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura;

–        tikkundanna lil RTVE għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

26      Telefónica de España u Telefónica Móviles España jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tilqa’ t-talbiet tar-rikorrenti u, għaldaqstant, tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors parzjalment inammissibbli;

–        fi kwalunkwe każ, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lil Telefónica de España u lil Telefónica Móviles España għall-ispejjeż.

28      Ir-Renju ta’ Spanja u RTVE jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors parzjalment inamissibbli;

–        fi kwalunkwe każ, tiċħad ir-rikors;

–        fi kwalunkwe każ, tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

29      Ir-rikors huwa bbażat fuq tliet motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq żball fir-rigward tal-kunċett ta’ għajnuna, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE u, it-tielet nett, fuq ksur tal-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE.

1.     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

30      Ir-Renju ta’ Spanja jsostni li r-rikors huwa inammissibbli peress li r-rikorrenti ma għandhiex locus standi. Skontu, ir-rikors tar-rikorrenti jikkonċerna l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha tkun ikkonċernata individwalment mid-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, il-pożizzjoni tagħha fis-suq ma hijiex milquta b’mod sostanzjali mil-Liġi Nru 8/2009.

31      Barra minn hekk, il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u minn RTVE, targumenta li r-rikors huwa parzjalment inammissibbli. Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti għandha biss interess ġuridiku fit-talba għal annullament tagħha sa fejn din tikkonċerna l-elementi tad-deċiżjoni kkontestata marbuta mal-kontribuzzjonijiet li għandhom jitwettqu minnha, jiġifieri l-kontribuzzjonijiet li hija għandha twettaq bħala operatur ta’ televiżjoni bi ħlas bis-satellita. Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti ma għandhiex interess titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-kontribuzzjonijiet li hija jkollha tħallas fi kwalunkwe każ, irrispettivament mill-allokazzjoni tal-ammonti, u sa fejn tikkonċerna l-kontribuzzjonijiet li r-rikorrenti ma hijiex meħtieġa tħallas. Kull waħda mill-kontribuzzjonijiet previsti rispettivament fl-Artikoli 4 sa 6 tal-Liġi Nru 8/2009 tista’ tiġi sseparata mill-kontribuzzjonijiet l-oħra. Għaldaqstant, l-annullament ta’ waħda minnhom ma huwiex ser ikollu impatt fuq il-kontribuzzjonijiet l-oħra.

32      Ir-rikorrenti tikkontesta dawn l-argumenti.

33      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jiġi miċħud fuq il-mertu mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 2002, Il‑Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, Ġabra p. I‑1873, punti 51 u 52).

34      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali tqis li, għal finijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, għandha tiġi eżaminata qabel kollox it-talba għal annullament tar-rikorrenti, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, li huwa, fi kwalunkwe każ u għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, infondat.

2.     Fuq il-mertu

35      Għandhom jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball fir-rigward tal-kunċett ta’ għajnuna, fit-tieni lok, it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 49 TFUE u 64 TFUE, u fl-aħħar lok, it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Aritkolu 107 TFUE fir-rigward tan-natura separabbli tat-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009

36      L-ewwel motiv jikkonċerna r-raġunijiet li jinsabu fil-premessi 61 sa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom il-Kummissjoni kkonstatat li t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 ma kinux jagħmlu parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna introdotta minn din il-liġi.

37      Fil-premessa 61, il-Kummissjoni kkonstatat li, skont il-Liġi Nru 8/2009, il-bidla minn skema ta’ finanzjament imħallat ta’ RTVE għal skema ta’ finanzjament kważi esklużivament pubbliku kienet akkumpanjata mill-introduzzjoni jew mill-emenda ta’ tliet miżuri fiskali, li l-għan tagħhom kien li jiġġeneraw id-dħul meħtieġ. Fil-premessa 62, hija fakkret li, fil-każ li taxxa tkun tagħmel parti integrali mill-għajnuna, hija jkollha tieħu inkunsiderazzjoni l-mod ta’ finanzjament tal-għajnuna u tkun tista’ tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna kompatibbli mas-suq intern biss jekk l-iskema ta’ għajnuna tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni. Fil-premessa 63, il-Kummissjoni kkunsidrat li, sabiex taxxa tkun tista’ titqies bħala li tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, huwa meħtieġ li jkun hemm rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna kkonċernati, fis-sens li d-dħul mit-taxxa jkun neċessarjament allokat għall-finanzjament tal-għajnuna u jkollu impatt dirett fuq il-portata tagħha.

38      Fil-premessa 64 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil RTVE kien iffissat billi ttieħdu inkunsiderazzjoni biss il-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ RTVE u l-ispejjeż netti stmati tal-provvista tas-servizz pubbliku ta’ xandir. Fil-prattika u skont il-liġi, il-finanzjament li tirċievi RTVE huwa indipendenti mid-dħul mit-taxxi peress li jiddependi biss mill-ispejjeż netti tal-obbligu ta’ servizz pubbliku. Il-finanzjament globali previst għall-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ RTVE ma jiddependix mill-ammont tad-dħul fiskali speċifiku, iżda joħroġ, fi kwalunkwe każ, mill-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonstatat, minn naħa, li d-dħul mit-taxxi li jkun allokat għall-finanzjament ta’ RTVE ma setax jaqbeż l-ispejjeż netti tal-obbligu ta’ servizz pubbliku, filwaqt li d-dħul li jaqbeż dawn l-ispejjeż kellu jiġi allokat lura lill-baġit ġenerali. Min-naħa l-oħra, hija kkonstatat li, fil-każ li l-ispejjeż netti tal-obbligu ta’ servizz pubbliku jkunu superjuri għad-dħul mit-taxxi, id-differenza kellha tiġi koperta permezz ta’ kontribuzzjonijiet minn dan il-baġit ġenerali. L-ammont ogħla jew inqas ta’ dan id-dħul ma jwassalx għal bidliet fir-rigward tal-ammonti previsti. Fil-każ li d-dħul mill-bażijiet ġodda ta’ taxxa jirriżulta insuffiċjenti sabiex jagħmel tajjeb għad-defiċit fil-finanzjament ikkawżat minħabba t-tneħħija tar-reklamar, l-istess baġit ġenerali għandu jipprovdi r-riżorsi neċessarji, skont l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006.

39      Barra minn hekk, fil-premessa 65 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-fatt li r-rabta bejn it-taxxi u l-għan tal-introduzzjoni tagħhom tissemma fid-dikjarazzjoni tal-motivi u fil-Liġi Nru 8/2009 stess ma għandu ebda impatt fuq din il-konklużjoni. In-natura tar-rabta bejn it-taxxi u l-għajnuna ma hijiex iddefinita fit-test tal-imsemmija liġi.

40      Fl-aħħar nett, fil-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 ma kinux jagħmlu parti integrali mill-għajnuna u li, għalhekk, in-nuqqas ta’ konformità tagħhom mad-Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni ma kien ser ikollu ebda impatt fuq id-deċiżjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ għajnuna mas-suq intern.

41      Ir-rikorrenti kif ukoll Telefónica de España u Telefónica Móviles España jqisu li din il-konklużjoni tal-Kummissjoni hija żbaljata. Skonthom, it-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 u b’mod partikolari dik prevista fl-Artikolu 6 tal-imsemmija liġi jagħmlu parti integrali mill-elementi ta’ għajnuna introdotti permezz ta’ din il-liġi. Għaldaqstant, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kien imissha eżaminat il-kompatibbiltà tat-tliet miżuri fiskali ġodda mad-dritt tal-Unjoni.

42      Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti kif ukoll Telefónica de España u Telefónica Móviles España jsostnu li l-Kummissjoni ma ħaditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni r-rabta bejn it-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 u l-elementi ta’ għajnuna introdotti permezz ta’ din il-liġi. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, fil-każ ineżami, in-natura inseparabbli tal-elementi ta’ għajnuna u tal-miżuri fiskali tirriżulta wkoll mill-fatt li l-portata tal-vantaġġ kompetittiv ta’ RTVE fil-konfront tal-impriżi kompetituri li jkollhom iħallsu t-taxxi tkun ikbar skont l-ammonti miġbura. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja.

 Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni suffiċjenti tar-rabta bejn it-tliet miżuri fiskali u l-elementi ta’ għajnuna

43      Ir-rikorrenti ssostni li, b’applikazzjoni tal-kundizzjonijiet li l-Kummissjoni kkunsidrat fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri li d-dħul mit-taxxa għandu neċessarjament ikun allokat għall-finanzjament ta’ RTVE u għandu jkollu impatt fuq l-ammont tal-għajnuna, il-Kummissjoni kien imissha kkonstatat li l-miżura fiskali prevista fl-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 8/2009 kienet tagħmel parti integrali mill-għajnuna favur RTVE. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-kundizzjonijiet hawn fuq imsemmija kienu ssodisfatti fir-rigward ta’ din it-taxxa. L-ewwel nett, mill-Artikolu 6(8) tal-imsemmija liġi jirriżulta li t-taxxa kellha neċessarjament tiġi allokata għall-finanzjament ta’ RTVE. Huwa biżżejjed li parti mit-taxxa tkun tagħmel parti integrali mill-għajnuna. It-tieni nett, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, l-ammont miġbur mit-taxxa prevista fl-Artikolu 6 ta’ din il-liġi għandu impatt dirett fuq l-ammont tal-għajnuna. Fl-ewwel lok, id-dħul kollu minn din it-taxxa dejjem ikun allokat għall-finanzjament ta’ RTVE. Fit-tieni lok, mid-dikjarazzjoni tal-motivi tal-liġi inkwistjoni jirriżulta li, meta d-dħul tal-operaturi jikber, l-ammonti miġbura jikbru wkoll. Peress li RTVE hija kompetitriċi tal-impriżi li għandhom iħallsu t-taxxa, iktar ma t-taxxa tkun għolja, iktar ikun ikbar il-vantaġġ ta’ RTVE minħabba l-ħlas tat-taxxa mill-kompetituri tagħha. Fit-tielet lok, fil-prassi tagħha, il-Kummissjoni stess iddeċidiet li t-taxxi u l-miżura ta’ għajnuna huma inseparabbli.

44      Min-naħa tagħhom, Telefónica de España u Telefónica Móviles España jargumentaw li l-Kummissjoni użat kriterji żbaljati sabiex tevalwa n-natura separabbli tal-miżura ta’ għajnuna u tal-finanzjament tagħha. Huma jqisu li, sabiex il-mod ta’ finanzjament ikun jagħmel parti integrali mill-għajnuna, huwa biżżejjed li l-ammont miġbur mit-taxxa previst għall-finanzjament tal-għajnuna jkun allokat għall-benefiċjarju tal-għajnuna. Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, ma huwiex neċessarju li miżura fiskali jkollha influwenza diretta fuq il-portata tal-miżura ta’ għajnuna. Dan l-aspett huwa biss wieħed minn diversi indizji. Skont Telefónica de España u Telefónica Móviles España, minbarra l-fatt li l-argumenti tar-rikorrenti juru li l-ammont miġbur mit-taxxa huwa allokat għall-benefiċjarju, l-interdipendenza bejn l-għajnuna u t-taxxa hija kkonfermata wkoll minn elementi oħra. F’dan il-kuntest, huma jsemmu li RTVE lmentat li n-nuqqasijiet ta’ ħlas mill-operaturi privati u l-kalkolu żbaljat tal-kontribuzzjonijiet tagħhom jikkawżawlha problema ta’ likwidità u li l-Istat Spanjol ma huwiex lest li jassorbi dan id-defiċit permezz ta’ fondi mill-baġit ġenerali tiegħu. Barra minn hekk, Telefónica de España u Telefónica Móviles España jqisu li l-Kummissjoni, li hija stess ikkunsidrat li t-taxxa imposta fuq l-operaturi ta’ telekomunikazzjonijiet permezz tal-Liġi Nru 8/2009 kienet kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, kien imissha stabbilixxiet li l-Istat Spanjol kien intrabat li jiffinanzja l-baġit kollu ta’ RTVE fl-eventwalità li t-taxxa tinstab li hija illegali. Issa, minn din il-liġi jirriżulta li l-operaturi privati kellhom ibatu l-oneru ekonomiku. Għaldaqstant, it-tneħħija tal-impożizzjoni tat-taxxa jkollha bħala konsegwenza li twassal għat-telf tas-sors speċifiku ta’ finanzjament tal-għajnuna, u dan juri r-rabta bejn din tal-aħħar u t-taxxa.

45      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u minn RTVE, tikkontesta dawn l-argumenti.

46      F’dan ir-rigward, għandhom qabelxejn jitfakkru l-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfatti sabiex il-mod ta’ finanzjament ta’ għajnuna jkun jista’ jitqies bħala li jagħmel parti integrali minnha, sabiex imbagħad jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx, fil-każ ineżami, żball fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

–       Fuq il-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfatti sabiex il-mod ta’ finanzjament ta’ għajnuna jkun jista’ jitqies bħala li jagħmel parti integrali minnha

47      Fil-premessa 63 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, sabiex il-mod ta’ finanzjament ikun jista’ jitqies bħala li jagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, l-ewwel nett, id-dħul mit-taxxa inkwistjoni għandu neċessarjament ikun allokat għall-finanzjament tal-għajnuna u, it-tieni nett, dan id-dħul għandu jinfluwenza direttament il-portata tal-għajnuna.

48      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li t-Trattat FUE jistabbilixxi delimitazzjoni preċiża bejn, minn naħa, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, li huma previsti fl-Artikoli 107 TFUE sa 109 TFUE, u, min-naħa l-oħra, ir-regoli dwar id-distorsjonijiet li jirriżultaw minn differenzi li jeżistu bejn il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet fiskali tagħhom, li huma previsti fl-Artikoli 116 TFUE u 117 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Jannar 2005, Streekgewest, C‑174/02, Ġabra p. I‑85, punt 24).

49      Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, il-miżuri fiskali li jservu sabiex jiffinanzjaw miżura ta’ għajnuna ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar l-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Jannar 2005, Pape, C‑175/02, Ġabra p. I‑127, punt 14, u Streekgewest, iċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq, punt 25).

50      Madankollu, meta l-miżuri fiskali jikkostitwixxu l-mod ta’ finanzjament ta’ miżura ta’ għajnuna b’tali mod li jkunu jagħmlu parti integrali minn din il-miżura, il-Kummissjoni ma tistax tissepara l-eżami ta’ għajnuna mill-effetti tal-mod ta’ finanzjament tagħha peress li, f’tali sitwazzjoni, l-inkompatibbiltà tal-mod ta’ finanzjament mad-dritt tal-Unjoni tista’ taffettwa l-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna mas-suq komuni (sentenzi Pape, iċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq, punt 14, u Streekgewest, iċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq, punt 25).

51      Fir-rigward tal-kriterji li jirregolaw il-kwistjoni ta’ jekk il-miżura ta’ għajnuna u l-finanzjament tagħha humiex inseparabbli, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li għandu jkun hemm rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti bejn it‑taxxa u l-għajnuna kkonċernati bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fis-sens li d-dħul mit-taxxa għandu jkun neċessarjament allokat għall-finanzjament tal-għajnuna u għandu jkollu impatt dirett fuq il-portata tagħha u, konsegwentement, fuq l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 2006, Air Liquide Industries Belgium, C‑393/04 u C‑41/05, Ġabra p. I‑5293, punt 46, u tat-22 ta’ Diċembru 2008, Regie Networks, C‑333/07, Ġabra p. I‑10807, punt 99).

52      Għaldaqstant, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta, minn naħa, li, sabiex taxxa tkun tista’ titqies bħala li tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, għandu neċessarjament ikun hemm dispożizzjoni vinkolanti tad-dritt nazzjonali li timponi l-allokazzjoni tat-taxxa għall-finanzjament tal-għajnuna. Minn dan isegwi li, fl-assenza ta’ tali dispożizzjoni, taxxa ma tkunx tista’ titqies bħala li hija allokata għal miżura ta’ għajnuna u għaldaqstant ma tikkostitwixxix waħda mill-modalitajiet tagħha. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li jkun hemm tali dispożizzjoni ma jistax, fih innifsu, jikkostitwixxi kundizzjoni suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li taxxa tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna. Meta jkun hemm tali dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, ikun meħtieġ li jiġi eżaminat, barra minn hekk, jekk id-dħul mit-taxxa jinfluwenzax direttament il-portata tal-għajnuna.

53      Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu Telefónica de España u Telefónica Móviles España, sabiex taxxa tkun tista’ titqies bħala li tagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, ma huwiex suffiċjenti, għaldaqstant, li d-dħul minn din it-taxxa jkun neċessarjament allokat għall-finanzjament ta’ din il-miżura ta’ għajnuna.

54      Fir-rigward tal-ġurisprudenza invokata minn Telefónica de España u minn Telefónica Móviles España insostenn tal-argumenti tagħhom, għandu jiġi kkonstatat li ebda waħda mis-sentenzi msemmija minnhom ma tista’ tissostanzja t-teżi tagħhom fis-sens li, sabiex jintwera li l-mod ta’ finanzjament jagħmel parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna, huwa biżżejjed li jintwera li l-ammont miġbur fuq il-bażi tal-miżura fiskali jiġi allokat lill-benefiċjarju tal-għajnuna.

55      F’dan il-kuntest, Telefónica de España u Telefónica Móviles España jinvokaw il-fatt li, f’ċerti sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li għandu jkun hemm rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti bejn il-miżuri fiskali u l-miżura ta’ għajnuna u li, meta jkun hemm tali rabta, id-dħul mill-miżura fiskali għandu jinfluwenza direttament il-portata tal-għajnuna.

56      Issa, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu Telefónica de España u Telefónica Móviles España, mis-sentenzi invokati minnhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Streekgewest, iċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq, punt 26; Pape, iċċitata fil-punt 49 iktar ’il fuq, punt 15; tal-14 ta’ April 2005, AEM u AEM Torino, C‑128/03 u C‑129/03, Ġabra p. I‑2861, punti 46 u 47, u tas-27 ta’ Ottubru 2005, Distribution Casino France et, C‑266/04 sa C‑270/04, C‑276/04 u C‑321/04 sa C‑325/04, Ġabra p. I‑9481, punt 40) ma jistax jiġi dedott li l-influwenza diretta tal-miżura fiskali fuq il-portata tal-għajnuna ma hijiex kundizzjoni neċessarja iżda biss indizju wieħed fost indizji oħra. Għall-kuntrarju, fis-sentenza Streekgewest, iċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq (punt 28), il-Qorti tal-Ġustizzja ma eżaminatx biss jekk kienx hemm rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti bejn il-miżuri fiskali u l-miżura ta’ għajnuna, iżda eżaminat ukoll jekk id-dħul mill-imsemmija miżura fiskali kienx jinfluwenza direttament l-ammont tal-imsemmija miżura ta’ għajnuna.

57      Għandu jitfakkar ukoll li, fis-sentenzi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat rabta inseparabbli bejn il-miżura ta’ għajnuna u l-finanzjament tagħha mingħajr ma semmiet b’mod espliċitu r-rekwiżit ta’ influwenza diretta mill-miżura fiskali fuq l-ammont tal-għajnuna (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2003, van Calster et, C‑261/01 u C‑262/01, Ġabra p. I‑12249, punt 55, u tas-27 ta’ Novembru 2003, Enirisorse, C‑34/01 sa C‑38/01, Ġabra p. I‑14243, punt 47), dawn kienu jikkonċernaw każijiet fejn din il-kundizzjoni kienet issodisfatta.

58      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonstatat li, sabiex il-mod ta’ finanzjament ikun jista’ jitqies bħala li jagħmel parti integrali minn miżura ta’ għajnuna, kellu jkun hemm rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti bejn it-taxxa u l-għajnuna kkonċernata, fis-sens li d-dħul mit-taxxa kellu jkun neċessarjament allokat għall-finanzjament tal-għajnuna u jinfluwenza direttament il-portata tagħha.

59      Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti ta’ Telefónica de España u ta’ Telefónica Móviles España li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet li l-Kummissjoni identifikat sabiex ikun jista’ jitqies li l-mod ta’ finanzjament ta’ għajnuna jagħmel parti integrali minnha.

–       Fuq l-applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet

60      Filwaqt li ma tikkontestax b’mod espliċitu l-kundizzjonijiet identifikati mill-Kummissjoni, ir-rikorrenti targumenta li l-Kummissjoni kien imissha waslet għall-konklużjoni li, fir-rigward tat-taxxa prevista fl-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 8/2009, dawn il-kundizzjonijiet kienu ssodisfatti.

61      Min-naħa tagħhom, Telefónica de España u Telefónica Móviles España jressqu l-ewwel nett argumenti intiżi li juru li kien hemm rabta ta’ allokazzjoni neċessarja bejn il-miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 u l-elementi ta’ għajnuna introdotti permezz ta’ din il-liġi.

62      Issa, kif ġie espost fil-punti 51 sa 58 iktar ’il fuq, sabiex miżura fiskali tkun tagħmel parti integrali mill-għajnuna, ma huwiex biżżejjed li jkun hemm rabta ta’ allokazzjoni neċessarja bejn il-miżura fiskali u l-miżura ta’ għajnuna. Huwa meħtieġ ukoll li tiġi stabbilita influwenza diretta mill-miżura fiskali fuq il-portata tal-għajnuna.

63      F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, minbarra l-fatt li r-rikorrenti tressaq argumenti intiżi li juru influwenza diretta mit-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 fuq l-ammont tal-għajnuna li tibbenefika minnha RTVE, uħud mill-argumenti mressqa minn Telefónica de España u minn Telefónica Móviles España jistgħu wkoll jinftiehmu bħala li ma jikkonċernawx biss il-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti bejn il-miżura fiskali u l-finanzjament ta’ RTVE, iżda wkoll dik marbuta mal-prova tal-influwenza diretta mill-miżura fiskali fuq il-portata tal-għajnuna.

64      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat qabel kollox jekk l-argumenti mressqa mir-rikorrenti kif ukoll minn Telefónica de España u minn Telefónica Móviles España jistgħux jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni fis-sens li d-dħul mit-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 ma jinfluwenzax direttament il-portata tal-għajnuna mogħtija lil RTVE.

65      F’dan ir-rigward għandu jingħad li, skont il-Liġi Nru 8/2009, l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil RTVE huwa ffissat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż netti tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir li kienet fdata lilha. Għaldaqstant, l-ammont tal-għajnuna li RTVE tirċievi ma jiddependix mill-ammont miġbur fuq il-bażi tal-miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-imsemmija liġi.

66      Fil-fatt, minn naħa, skont l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006, kif emendata bil-Liġi Nru 8/2009, fl-eventwalità li d-dħul li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha RTVE jkun iktar mill-ispejjeż tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir, dan l-eċċess għandu jiġi allokat lura. Sa fejn ma jaqbiżx l-10 % tal-ispejjeż annwali stmati ta’ RTVE, dan l-eċċess għandu jitqiegħed f’fondi ta’ riżerva u, sa fejn jaqbeż dan il-limitu, dan l-eċċess għandu jiġi ttrasferit lit-Teżor pubbliku.

67      Fir-rigward tal-kapital imqiegħed fil-fondi ta’ riżerva, mill-Artikolu 8 tal-Liġi Nru 8/2009 jirriżulta li dan il-kapital jista’ jintuża biss bl-awtorizzazzjoni espliċita tal-Ministeru tal-Ekonomija u tal-Finanzi Spanjol u li, jekk ma jintużax matul erba’ snin, dan il-kapital għandu jintuża sabiex jitnaqqas il-kumpens li għandu jitħallas mill-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol. Għaldaqstant, il-kapital imqiegħed fil-fondi ta’ riżerva ma jistax jitqies bħala li jinfluwenza direttament il-portata tal-għajnuna mogħtija lil RTVE.

68      Barra minn hekk, l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2009 jipprevedi limitu assolut għad-dħul ta’ RTVE, li huwa ta’ EUR 1 200 miljun għas-snin 2010 u 2011. Kull ammont li jaqbeż dan il-limitu għandu jiġi allokat direttament lura lill-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol.

69      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009, fl-eventwalità li d-dħul li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha RTVE ma jkunx biżżejjed sabiex jiġu koperti l-ispejjeż tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir, id-differenza għandha tiġi koperta permezz ta’ kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol.

70      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li l-ammont miġbur fuq il-bażi tat-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 ma setax jinfluwenza direttament l-ammont tal-għajnuna li tirċievi RTVE, li kien iddeterminat fuq il-bażi tal-ispejjeż netti tal-provvista tas-servizz pubbliku ta’ xandir.

71      Ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorenti kif ukoll minn Telefónica de España u minn Telefónica Móviles España ma jista’ jirribatti din il-konstatazzjoni.

72      L-ewwel nett, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu Telefónica de España u Telefónica Móviles España, is-sempliċi fatt li t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 kienu maħsuba b’mod li jpattu għat-telf tad-dħul kummerċjali ta’ RTVE (ara l-premessa 13 tad-deċiżjoni kkontestata) ma huwiex biżżejjed sabiex jintwera li l-mod ta’ finanzjament jagħmel parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li dan il-fatt ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, sabiex jitnwera li hemm rabta vinkolanti bejn it-taxxa u l-vantaġġ fiskali (sentenza Streekgewest, iċċitata fil-punt 48 iktar ’il fuq, punti 26 u 27).

73      It-tieni nett, Telefónica de España u Telefónica Móviles España jsostnu li, anki jekk tali obbligu jeżisti teoretikament, fil-prattika l-Istat Spanjol ma huwiex lest li jikkompleta l-baġit ta’ RTVE permezz ta’ fondi provenjenti mill-baġit ġenerali tiegħu.

74      Dan l-argument ukoll għandu jiġi miċħud.

75      Fil-fatt, f’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data tal-adozzjoni tal-att. Għaldaqstant, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni għandhom jiġu eżaminati unikament fid-dawl ta’ dawk l-elementi biss li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha fil-mument meta għamlithom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il‑Kummissjoni, 15/76 u 16/76, Ġabra p. 321, punt 7).

76      Issa, għandu jiġi kkonstatat li Telefónica de España u Telefónica Móviles España ma ressqu ebda element li jista’ juri li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kellha informazzjoni li turi li l-Istat Spanjol ma kienx lest jikkompleta l-baġit ta’ RTVE skont l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009. Fil-fatt, id-dokumenti li huma ppreżentaw f’dan ir-rigward huma kollha sussegwenti għall-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri wara l-20 ta’ Lulju 2010.

77      It-tielet nett, Telefónica de España u Telefónica Móviles España jsostnu li miżura fiskali maħsuba sabiex tiġi ffinanzjata miżura ta’ għajnuna tista’ titqies bħala li ma tagħmilx parti integrali minn din il-miżura biss fil-każ li l-Kummissjoni turi li, fl‑eventwalità li l-miżura fiskali tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, l-Istat Membru kkonċernat jimpenja ruħu li jiffinanzja t-totalità tal-miżura ta’ għajnuna.

78      Dan l-argument ukoll għandu jiġi miċħud.

79      Huwa minnu li, f’każ li, skont iż-żewġ kriterji msemmija iktar ’il fuq, jiġifieri l-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ rabta ta’ allokazzjoni vinkolanti bejn il-miżura fiskali u l-finanzjament ta’ RTVE u l-kundizzjoni marbuta mal-prova tal-influwenza diretta mill-miżura fiskali fuq il-portata tal-għajnuna, il-miżura fiskali jkollha titqies bħala li tagħmel parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna — bħal fil-każ ta’ miżura parafiskali, fejn l-ammont kollu tad-dħul miġbur mit-taxxa, jew parti determinanti minnu, jiġi allokat lill-benefiċjarju tal-għajnuna b’mod dirett u inkundizzjonat — l-inkompatibbiltà tal-aspett fiskali jkollha impatt dirett fuq il-miżura ta’ għajnuna. Fil-fatt, f’tali każ, l-inkompatibbiltà totali jew parzjali tal-aspett fiskali tal-miżura parafiskali jkollha l-konsegwenza li twaqqaf il-miżura ta’ għajnuna jew li tnaqqas l-ammont tagħha.

80      Madankollu, fil-każ ineżami, l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009 u l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006 kienu jipprovdu li, jekk is-sorsi finanzjarji ma jkunux suffiċjenti sabiex ikunu koperti l-ispejjeż kollha ta’ RTVE previsti fir-rigward tat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħha, l-Istat Spanjol kien obbligat jagħmel tajjeb għal din id-differenza. Għaldaqstant, f’dan il-każ, l-ammont tal-għajnuna ma kienx jiddependi direttament mill-miżura fiskali.

81      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti targumenta li, f’deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali f’każ ieħor, il-Kummissjoni stess iddeċidiet li t-taxxi u l-miżura ta’ għajnuna huma inseparabbli, f’sitwazzjoni fejn dak il-każ u l-każ ineżami kienu simili.

82      Dan l-ilment ukoll għandu jiġi miċħud, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi eżaminat il-kontenut tad-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali inkwistjoni. Fil-fatt, minn naħa, għandu jitfakkar li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni magħmula f’deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandhom biss natura provviżorja (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ Novembru 2003, Regione Siciliana vs Il‑Kummissjoni, T‑190/00, Ġabra p. II‑5015, punt 48). Min-naħa l-oħra, il-kunċett ta’ għajnuna, u għalhekk anki n-natura separabbli tal-modalitajiet ta’ finanzjament, għandhom jiġu ddeterminati skont kriterji oġġettivi. Għaldaqstant, dawn ma jistgħux jiddependu minn evalwazzjoni suġġettiva tal-Kummissjoni. Għalhekk, anki jekk teżisti tali prassi amministrattiva preċedenti, din hija kuntrarja għall-ġurisprudenza u għalhekk ma tistax torbot lill-Kummissjoni.

83      Il-ħames nett, ir-rikorrenti ssostni li l-portata tal-għajnuna tikber minħabba l-ġbir ta’ din it-taxxa peress li hija kompetitriċi ta’ RTVE u li l-vantaġġ kompetittiv ta’ din tal-aħħar jikber skont l-ammont tat-taxxa miġbur mingħandha.

84      Dan l-argument għandu jiġi miċħud sa fejn huwa intiż li juri li l-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tal-applikazzjoni taż-żewġ kundizzjonijiet, li jeżiġu li d-dħul mit-taxxa għandu neċessarjament ikun allokat għall-finanzjament tal-għajnuna u għandu jinfluwenza direttament il-portata tagħha. Fil-fatt, skont dawn il-kundizzjonijiet, ma huwiex biżżejjed li jiġi stabbilit li l-ammont miġbur mit-taxxa għandu influwenza fuq il-vantaġġ kompetittiv tal-benefiċjarju tal-għajnuna.

85      Sa fejn dan l-argument huwa intiż li juri li hemm ipoteżi oħra li fiha l-mod ta’ finanzjament ta’ għajnuna għandu jitqies bħala li jagħmel parti integrali mill-għajnuna, dan ser jiġi eżaminat fil-kuntest tat-tieni parti.

86      Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonstatat ġustament li l-ammont tal-għajnuna mogħtija lil RTVE ma kienx jiddependi direttament mill-ammont miġbur fuq il-bażi tal-miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009.

87      Kif ġie espost fil-punt 62 iktar ’il fuq, sabiex it-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 jkunu jistgħu jitqiesu bħala li jagħmlu parti integrali mill-element ta’ għajnuna introdott permezz tal-imsemmija liġi, il-kundizzjoni marbuta mal-eżistenza ta’ rabta ta’ allokazzjoni neċessarja bejn il-miżura fiskali u l-miżura ta’ għajnuna u l-kundizzjoni marbuta mal-prova tal-influwenza diretta mill-imsemmija miżura fiskali fuq il-portata tal-imsemmija miżura ta’ għajnuna huma kundizzjonijiet kumulattivi.

88      Għaldaqstant, ma huwiex neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti mressqa mir-rikorrenti kif ukoll minn Telefónica de España u minn Telefónica Móviles España sabiex juru li hemm rabta ta’ allokazzjoni neċessarja bejn il-miżura fiskali prevista fl-Artikolu 5 tal-Liġi Nru 8/2009 u l-finanzjament ta’ RTVE, peress li dawn l-argumenti huma ineffettivi.

89      Għaldaqstant, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ir-relazzjoni bejn il-miżuri fiskali u l-vantaġġ kompetittiv ta’ RTVE

90      Ir-rikorrenti targumenta li, minbarra l-ipoteżi eżaminata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, hemm ipoteżi oħra li fiha l-mod ta’ finanzjament għandu jitqies bħala li jagħmel parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna. F’sitwazzjoni ta’ impożizzjoni asimmetrika, meta taxxa tiġi imposta biss fuq ċerti operaturi ekonomiċi sabiex jiġu kkumpensati allegati obbligi ta’ servizz pubbliku u mhux fuq operaturi oħra li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-operaturi tal-ewwel, ir-rabta bejn l-għajnuna u t-taxxa tkun saħansitra eqreb milli fl-ipoteżi eżaminata mill-Kummissjoni. F’tali każ, il-vantaġġ jirriżulta mill-impożizzjoni tal-ħlas ta’ taxxa fuq il-kompetituri tal-impriża benefiċjarja.

91      Ir-rikorrenti tqis li, fil-każ ineżami, hemm tali rabta mill-qrib bejn it-taxxa prevista fl-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 8/2009 u l-miżura ta’ għajnuna. L-ewwel nett, l-imsemmija taxxa hija imposta fuqha sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż sostnuti minn RTVE fir-rigward tal-provvista tas-servizz pubbliku. Għaldaqstant, RTVE tikseb l-għajnuna minħabba l-fatt stess li kompetitur ikun suġġett għal taxxa. Iktar ma t-taxxa tkun għolja, iktar ikun sinjifikattiv il-vantaġġ kompetittiv. It-tieni nett, il-fatt li l-għajnuna favur RTVE ma tkunx limitata għan-nuqqas ta’ impożizzjoni tat-taxxa, iżda li d-dħul mill-imsemmija taxxa jingħata lil RTVE, ma jirribattix din il-konklużjoni iżda jsaħħaħ ir-rabta bejn l-imsemmija taxxa u l-miżura ta’ għajnuna peress li dan isaħħaħ il-vantaġġ kompetittiv ta’ RTVE. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna, għandhom jiġu eżaminati l-effetti tal-għajnuna fil-kuntest speċifiku tas-suq ikkonċernat, u għalhekk billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżvantaġġi kompetittivi tal-impriżi l-oħra.

92      F’dan ir-rigward, għandha qabel kollox titfakkar id-distinzjoni li t-Trattat FUE jagħmel bejn ir-regoli li jirregolaw l-għajnuna mill-Istat, minn naħa, u r-regoli li jikkonċernaw id-dispożizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri, min-naħa l-oħra. Skont ġurisprudenza stabbilita, bħala prinċipju, il-persuni responsabbli għall-ħlas ta’ kontribuzzjoni obbligatorja ma jistgħux jeċċepixxu li l-eżenzjoni li minnha jibbenefikaw persuni oħra tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat sabiex jevitaw li jħallsu l-imsemmija kontribuzzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2001, Banks, C‑390/98, Ġabra p. I‑6117, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Issa, l-approċċ difiż mir-rikorrenti huwa intiż li jikkontesta dan il-prinċipju. Fil-fatt, skont dan l-approċċ, impriża tkun tista’ toġġezzjona għall-impożizzjoni ta’ kwalunkwe taxxa għas-sempliċi raġuni li sservi sabiex tiffinanzja vantaġġ li minnu tibbenefika impriża li tkun tinsab f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni magħha.

94      Huwa minnu li, f’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni ġustament li, fis-sentenza tagħha tas-7 ta’ Settembru 2006, Laboratoires Boiron (C‑526/04, Ġabra p. I‑7529, punti 27 u 48), il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li, fil-każ li l-impożizzjoni ta’ kontribuzzjoni obbligatorja tikkostitwixxi għajnuna, l-impriżi responsabbli għall-ħlas tagħha jistgħu joġġezzjonaw għall-ħlas tagħha.

95      Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, mill-imsemmija sentenza ma jistax jiġi dedott li huwa biżżejjed li impriża li jkollha tħallas taxxa li tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-għajnuna tkun f’relazzjoni ta’ kompetizzjoni mal-benefiċjarju tal-għajnuna sabiex it-taxxa tkun tagħmel parti integrali minn din l-għajnuna u sabiex din l-impriża tkun tista’ toġġezzjona għall-ħlas tagħha.

96      Fil-fatt, l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Laboratoires Boiron, iċċitata fil-punt 94 iktar ’il fuq, kien iġġustifikat fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ dik il-kawża.

97      Il-kawża li tat lok għas-sentenza Laboratoires Boiron, iċċitata fil-punt 94 iktar ’il fuq, kienet tikkonċerna d-distribuzzjoni ta’ prodotti mediċinali fi Franza fejn kien hemm żewġ kanali ta’ distribuzzjoni li kienu jikkompetu direttament ma’ xulxin, id-distribuzzjoni permezz tal-grossisti ta’ prodotti mediċinali u d-distribuzzjoni permezz tal-laboratorji li jwettqu bejgħ dirett. It-taxxa inkwistjoni kienet imposta biss fuq il-bejgħ dirett ta’ prodotti mediċinali mwettaq mil-laboratorji farmaċewtiċi. Din it-taxxa kienet maħsuba sabiex tistabbilixxi mill-ġdid bilanċ fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn iż-żewġ kanali ta’ distribuzzjoni li, fil-fehma tal-leġiżlatur Franċiż, kienu distorti minħabba l-eżistenza ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku imposti biss fuq il-grossisti ta’ prodotti mediċinali.

98      Fis-sentenza Laboratoires Boiron, iċċitata fil-punt 94 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat żewġ aspetti speċifiċi tat-taxxa inkwistjoni f’dik il-kawża. Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-każ ineżami ma kienx jikkonċerna taxxa b’portata ġenerali iżda kien każ ta’ impożizzjoni asimmetrika ta’ taxxa fuq kategorija ta’ impriża u ta’ nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ din it-taxxa fuq impriżi direttament kompetituri (punti 32 sa 34 tas-sentenza). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li n-nuqqas ta’ impożizzjoni tal-grossisti kien għan intenzjonat, jekk mhux ukoll l-għan prinċipali tat-taxxa, peress li kien maħsub sabiex jistabbilixxi mill-ġdid bilanċ fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn iż-żewġ kanali ta’ distribuzzjoni (punt 35 tas-sentenza).

99      Il-miżuri fiskali inkwistjoni fil-kawża ineżami, jiġifieri t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009, ma humiex komparabbli ma’ dik li kienet is-suġġett tal-kawża Laboratoires Boiron, iċċitata fil-punt 94 iktar ’il fuq.

100    Fil-fatt, l-ewwel nett, l-għan prinċipali tal-impożizzjoni tal-imsemmija taxxi ma huwiex li jiġi stabbilit mill-ġdid bilanċ fil-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi l-oħra u RTVE, iżda li tiġi ffinanzjata din tal-aħħar.

101    It-tieni nett, ir-rabta bejn il-miżuri fiskali u l-miżura ta’ għajnuna inkwistjoni fil-kawża ineżami hija inqas mill-qrib minn dik fil-kawża li wasslet għas-sentenza Laboratoires Boiron, iċċitata fil-punt 94 iktar ’il fuq. F’din il-kawża tal-aħħar, kien hemm rabta intrinsika bejn il-miżura fiskali u l-miżura ta’ għajnuna li ma kinitx tippermetti li ssir distinzjoni bejniethom. Peress li l-għajnuna kienet tikkonsisti biss fl-impożizzjoni ta’ kontribuzzjoni obbligatorja fuq kategorija partikolari ta’ impriża, l-inapplikabbiltà tal-miżura fiskali minħabba l-inkompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni kienet timplika direttament it-tmiem tal-għajnuna. Għall-kuntrarju, fil-kawża ineżami, eventwali inapplikabbiltà tal-miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 minħabba l-eventwali inkompatibbiltà tagħhom mad-dritt tal-Unjoni ma huwiex ser ikollha bħala konsegwenza diretta l-effett li jinħoloq dubju dwar l-għajnuna favur RTVE. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 80 iktar ’il fuq, fl-eventwalità li l-mod ta’ finanzjament tal-għajnuna favur RTVE jkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, skont l-Artikolu 2(2) tal-Liġi Nru 8/2009 u l-Artikolu 33 tal-Liġi Nru 17/2006, l-Istat Spanjol ikun obbligat jagħmel tajjeb għad-differenza bejn is-sorsi finanzjarji li għandha għad-dispożizzjoni tagħha RTVE u l-ispejjeż kollha tagħha fir-rigward tat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħha.

102    It-tielet nett, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza Laboratoires Boiron, iċċitata fil-punt 94 iktar ’il fuq, il-portata tal-għajnuna kienet iddeterminata biss mill-ammont tat-taxxa. Fil-fatt, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali M. Tizzano fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu f’dik il-kawża, il-vantaġġ li l-benefiċjarji kienu jiksbu mill-impożizzjoni tat-taxxa kontenzjuża fuq il-kompetituri tagħhom kien fil-fatt jiddependi neċessarjament mir-rata ta’ din it-taxxa. Għall-kuntrarju, fil-kawża ineżami, l-ammont tal-għajnuna huwa ddeterminat fl-ewwel lok mill-ispejjeż netti tat-twettiq tal-obbligu tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku. Huwa minnu li l-obbligu li jitħallsu t-taxxi previsti mil-Liġi Nru 8/2009 jista’ jimplika żvantaġġ kompetittiv supplimentari għall-operaturi privati li jikkompetu ma’ RTVE. Madankollu, f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li s-sempliċi fatt li taxxa li jkollha l-għan li tikkontribwixxi għall-finanzjament ta’ għajnuna tkun imposta fuq impriża u mhux fuq il-benefiċjarju tal-għajnuna li tkun tikkompeti magħha ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li t-taxxa tagħmel parti integrali mill-imsemmija għajnuna (sentenza Distribution Casino France et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 56 iktar ’il fuq, punti 40 sa 43).

103    Għaldaqstant, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, it-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 ma humiex komparabbli mal-miżura fiskali imposta fil-kawża li tat lok għas-sentenza Laboratoires Boiron, iċċitata fil-punt 94 iktar ’il fuq.

104    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx hemm rabta suffiċjentement mill-qrib bejn il-miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 u l-elementi ta’ għajnuna introdotti minn din il-liġi li kienet tippermetti li jitqies li dawn il-miżuri fiskali kienu jagħmlu parti integrali mill-miżura ta’ għajnuna.

105    Għaldaqstant, it-tieni parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq approċċ kontradittorju tal-Kummissjoni

106    Ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata hija kontradittorja peress li, meta kkonstatat li l-bidla tas-sistema ta’ finanzjament ta’ RTVE kellha tiġi nnotifikata b’mod partikolari minħabba l-introduzzjoni tat-taxxa prevista fl-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 8/2009, il-Kummissjoni impliċitament irrikonoxxiet li din it-taxxa kienet tagħmel parti integrali mill-għajnuna.

107    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, għall-kuntrarju ta’ dak li targumenta r-rikorrenti, fil-premessi 48 sa 55 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkonstatatx li t-tliet miżuri fiskali introdotti permezz tal-Liġi Nru 8/2009 kellhom jitqiesu bħala għajnuna ġdida. Fil-fatt, fil-premessa 50 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni sempliċement ikkonstatat li s-sorsi l-ġodda ta’ finanzjament pubbliku introdotti permezz tal-imsemmija liġi jikkostitwixxu elementi ġodda ta’ għajnuna. Issa, ma hemm ebda kontradizzjoni bejn, minn naħa, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni fis-sens li s-sorsi l-ġodda ta’ finanzjament pubbliku introdotti permezz ta’ din il-liġi jikkostitwixxu elementi ġodda ta’ għajnuna u, min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni tagħha, fil-premessa 66 ta’ din id-deċiżjoni, fis-sens li t-tliet miżuri fiskali introdotti permezz tal-istess liġi sabiex jiġu ffinanzjati dawn is-sorsi ġodda ta’ finanzjament ma kinux jagħmlu parti integrali minn din l-għajnuna.

108    Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda wkoll it-tielet parti u, għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE

109    Permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti, sostnuta minn Telefónica de España u minn Telefónica Móviles España, targumenta li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE. It-taxxa prevista fl-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 8/2009, li skont ir-rikorrenti tagħmel parti integrali mill-għajnuna mogħtija lil RTVE, tmur kontra l-imsemmija artikoli tat-Trattat FUE.

110    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u minn RTVE, tikkontesta dawn l-argumenti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li wħud mill-argumenti tar-rikorrenti huma inammissibbli.

111    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, sa fejn ir-rikorrenti tinvoka ksur tal-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE, hija tinvoka l-inkompatibbiltà tal-miżura fiskali prevista fl-Artikolu 6 tal-Liġi Nru 8/2009 ma’ dawn id-dispożizzjonijiet. Issa, peress li din il-miżura fiskali ma tagħmilx parti integrali mill-għajnuna, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata teżamina l-kompatibbiltà tagħha mal-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

112    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud mingħajr ma jkun meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE

113    Ir-rikorrenti, sostnuta minn Telefónica de España u minn Telefónica Móviles España, targumenta li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 106(2) TFUE billi awtorizzat skema ta’ għajnuna li ma tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità. L-iskema finanzjarja ta’ RTVE toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-akkwist ta’ kontenut u fis-suq sussegwenti tat-telespettaturi b’mod li jmur kontra l-interess ġenerali. Hija ssostni li hija tikkompeti ma’ RTVE fis-suq tat-telespettaturi u fis-suq tal-akkwist ta’ kontenut. Il-Liġi Nru 8/2009, b’mod partikolari l-Artikolu 6 tagħha, toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-swieq ikkonċernati b’mod li jmur kontra l-interess komuni. RTVE tgawdi minn vantaġġ doppju peress li, minn naħa, il-finanzjament tagħha ġie estiż u saħansitra miżjud u peress li, min-naħa l-oħra, il-kapaċità tal-kompetituri tagħha li jagħmlu investiment ġiet imnaqqsa. Dan il-vantaġġ jippermetti lil RTVE tadotta aġir antikompetittiv li ma huwiex neċessarju sabiex twettaq l-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħha. Eżempji ċari tal-aġir antikompetittiv ta’ RTVE fil-qasam tad-drittijiet ċinematografiċi huma l-akkwist ta’ drittijiet oħra minbarra dawk għax-xandir matul iż-żmien allokat għat-televiżjoni mingħajr ħlas, bħall-akkwist tad-dritt esklużiv li tirriproduċi film jew tad-dritt li xxandru matul iż-żmien allokat għat-televiżjoni bi ħlas, kif ukoll il-pressjonijiet li RTVE teżerċita sabiex jitnaqqas iż-żmien allokat għat-televiżjoni bi ħlas. Fir-rigward tat-trażmissjoni mill-ġdid ta’ avvenimenti sportivi b’valur kummerċjali kbir, RTVE tipproponi ammonti sproporzjonati għall-akkwist tad-drittijiet billi tgħolli b’mod artifiċjali l-prezzijiet sa ammonti li l-kompetituri tagħha ma jkunux jistgħu jilħqu. Skont ir-rikorrenti, dan l-aġir ta’ RTVE jaffettwa wkoll il-pożizzjoni tagħha fis-suq tat-telespettaturi peress li l-kwalità tal-offerta ta’ programmi tar-rikorrenti tmur lura, b’mod li jaffettwa l-abbonamenti tagħha. Għall-kuntrarju tal-operaturi ta’ televiżjoni bla ħlas, l-operaturi ta’ televiżjoni bi ħlas ma jibbenefikawx mit-tneħħija tar-reklamar għal RTVE. Barra minn hekk, hija ma għandhiex il-possibbiltà li tippreżenta offerta ta’ servizzi “triple play”. Il-limiti imposti fuq RTVE ma humiex suffiċjenti sabiex jeliminaw dawn id-distorsjonijiet sproporzjonati tal-kompetizzjoni. L-ewwel nett, il-projbizzjoni imposta fuq RTVE li tuża d-dħul tagħha sabiex tagħmel offerti għolja wisq f’irkanti fil-kuntest tal-akkwist ta’ drittijiet fir-rigward ta’ kontenut b’valur kummerċjali kbir ma hijiex effettiva peress li l-funzjoni ta’ servizz pubbliku mogħtija lil RTVE tinkludi l-akkwist ta’ kontenut b’valur kummerċjali kbir. It-tieni nett, il-limitu massimu baġitarju fir-rigward tal-akkwist ta’ drittijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid ta’ avvenimenti sportivi huwa ineffettiv. Barra minn hekk, il-limitu annwali previst fir-rigward tax-xandir ta’ films tal-ogħla livell ta’ 52 film li jkunu ħarġu reċentement u li jkunu prodotti mill-ikbar produtturi ċinematografiċi internazzjonali ma huwiex suffiċjenti. Fl-aħħar nett, il-limitu li bis-saħħa tiegħu t-taxxa imposta fuq l-operaturi ta’ televiżjoni privata ma tistax taqbeż il-limitu massimu ta’ 20 % tad-dħul previst kull sena huwa ineffettiv.

114    Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju ta’ Spanja u minn RTVE, tikkontesta dawn l-argumenti.

115    F’dan ir-rigward, għandu preliminarjament jitfakkar il-kontenut tal-Artikolu 106(2) TFUE, kif ukoll il-kuntest legali tiegħu.

116    Skont l-Artikolu 106(2) TFUE, l-impriżi responsabbli sabiex joperaw servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali għandhom ikunu suġġetti għar-regoli tat-Trattati, b’mod partikolari għar-regoli tal-kompetizzjoni, sa fejn l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli ma tostakolax it-twettiq de jure jew de facto tal-funzjoni speċifika mogħtija lilhom. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni teżiġi li l-kummerċ ma għandux jiġi żviluppat b’mod li jmur kontra l-interessi tal-Unjoni.

117    Sabiex għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern bis-saħħa tal-Artikolu 106(2) TFUE, il-kundizzjonijiet segwenti għandhom ikunu ssodisfatti: minn naħa, l-operatur ikkonċernat għandu jkun inkarigat b’funzjoni ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali permezz ta’ att tal-awtorità pubblika li jiddefinixxi b’mod ċar l-obbligi ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali inkwistjoni; min-naħa l-oħra, l-imsemmi operatur ma għandux jirċievi kumpens eċċessiv u l-finanzjament mill-Istat ma għandux jaffettwa l-kompetizzjoni fis-suq estern b’mod sproporzjonat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il‑Kummissjoni, T‑289/03, Ġabra p. II‑81, punti 181 u 222).

118    F’din il-kawża, ir-rikorrenti ma hijiex qiegħda tikkontesta l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fis-sens li RTVE hija inkarigata b’funzjoni ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali permezz ta’ att tal-awtorità pubblika u li dan l-att jiddefinixxi b’mod ċar l-obbligi ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali.

119    Barra minn hekk, ir-rikorrneti lanqas ma qiegħda tikkontesta b’mod speċifiku l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-assenza ta’ riskju ta’ kumpens eċċessiv. Huwa minnu li hija targumenta li, skont il-Liġi Nru 8/2009, RTVE għandha iktar dħul milli kellha qabel. Madankollu, ir-rikorrenti tinvoka dan l-argument sabiex turi li żdiedet il-kapaċità ta’ RTVE li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

120    Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti ssostni, minn naħa, li l-Liġi Nru 8/2009 tippermetti lil RTVE tagħmel offerti għolja wisq f’irkanti fis-suq tal-akkwist ta’ kontenut u, min-naħa l-oħra, li l-iskema ta’ għajnuna favur RTVE toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni sa fejn hija kuntrarja għall-interess komuni.

 Fuq l-ewwel parti, dwar ir-riskju ta’ aġir antikompettivi ta’ RTVE

121    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta approvat l-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE kif emendata bil-Liġi Nru 8/2009, f’sitwazzjoni fejn kien hemm riskju ta’ aġir antikompetittiv ta’ RTVE fis-suq tal-akkwist ta’ drittijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid ta’ avvenimenti sportivi u ta’ xandir ta’ films.

122    F’dan il-kuntest, għandhom jitfakkru l-prinċipji li jirregolaw l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tas-servizzi pubbliċi u, b’mod iktar speċifiku, fil-qasam tas-servizzi ta’ xandir.

123    Skont l-Artikolu 14 TFUE, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, fil-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom u fil-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati, għandhom jiżguraw li s-servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali jiffunzjonaw fuq il-bażi ta’ prinċipji u f’kundizzjonijiet, b’mod partikolari ekonomiċi u finanzjarji, li jippermettulhom iwettqu l-missjonijiet tagħhom. Dan l-artikolu jipprovdi wkoll li dawn il-prinċipji u dawn il-kundizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti bla ħsara għall-kompetenza tal-Istati Membri li, b’osservanza tat-Trattati, jipprovdu, jikkummissjonaw u jiffinanzjaw dawn is-servizzi.

124    Mill-Protokoll Nru 26 dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali, li jikkompleta t-Trattati UE u FUE, jirriżulta li wieħed mill-valuri komuni tal-Unjoni dwar dawn is-servizzi huwa r-rwol essenzjali u s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali sabiex jipprovdu, jikkummissjonaw u jorganizzaw is-servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali.

125    Skont il-Protokoll Nru 29 dwar is-sistema tax-xandir pubbliku tal-Istati Membri, li jikkompleta t-Trattati UE u FUE, is-servizz pubbliku ta’ xandir fl-Istati Membri huwa marbut direttament mal-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà u mal-ħtieġa li jitħares il-pluraliżmu tal-mezzi tax-xandir. Minn dan il-protokoll jirriżulta wkoll li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE għandhom ikunu bla ħsara għall-kompetenza tal-Istati Membri li jipprovdu għall-finanzjament tas-servizz pubbliku ta’ xandir sa fejn dan il-finanzjament jingħata lill-organizzazzjonijiet tax-xandir għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku kif mogħtija, iddefinita u organizzata minn kull Stat Membru u sa fejn dan il-finanzjament ma jaffettwax il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fl-Unjoni b’mod li jmur kontra l-interess komuni, bil-kundizzjoni li jittieħed inkunsiderazzjoni t-twettiq tal-mandat ta’ dan is-servizz pubbliku.

126    Minn dan isegwi li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir u fir-rigward tad-determinazzjoni tal-organizzazzjoni tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2010, M6 u TF1 vs Il‑Kummissjoni, T‑568/08 u T‑573/08, Ġabra p. II‑3397, punt 139).

127    Għaldaqstant, il-kontroll mill-Kummissjoni fir-rigward tad-definizzjoni tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir u fir-rigward tad-determinazzjoni tal-organizzazzjoni tagħha huwa limitat (ara, b’analoġija, is-sentenza BUPA et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, punt 220).

128    Fir-rigward tal-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, għandu jiġi kkonstatat li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tkopri fatti ekonomiċi kumplessi. Għaldaqstant, l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni huwa saħansitra iktar limitat mill-kontroll tal-Kummissjoni fir-rigward tal-miżura tal-Istat Membru kkonċernat. L-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali huwa limitat għal verifika ta’ jekk il-miżura inkwistjoni hijiex manifestament inadegwata meta kkunsidrata fid-dawl tal-għan segwit (ara, b’analoġija, is-sentenza BUPA et vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 117 iktar ’il fuq, punti 221 u 222).

129    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandu jiġi eżaminat l-ilment ibbażat fuq l-argument li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni suffiċjentement ir-riskju ta’ aġir antikompettitiv ta’ RTVE fis-suq tal-akkwist ta’ drittijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid ta’ avvenimenti sportivi u ta’ xandir ta’ films.

130    Qabelxejn, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti fis-sens li r-riżorsi pubbliċi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha RTVE minħabba l-iskema ta’ finanzjament tagħha jippermettulha tikkompeti mal-operaturi privati fis-suq tal-akkwist ta’ kontenut, għandu jitfakkar li l-Liġi Nru 17/2006, kif emendata bil-Liġi Nru 8/2009, tagħti funzjoni ta’ xandir lil RTVE li tinkludi, fost oħrajn, it-trażmissjoni mill-ġdid ta’ avvenimenti sportivi u x-xandir ta’ films prodotti minn produtturi ċinematografiċi internazzjonali kbar. Fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni tas-servizz pubbliku ta’ xandir, l-Artikolu 106(2) TFUE ma jipprekludix li Stat Membru jagħżel definizzjoni wiesgħa ta’ dan is-servizz pubbliku u li Stat Membru jagħti lil xandar il-funzjoni li jipprovdi skeda ta’ programmi bbilanċjata u varjata, li tista’ tinkludi t-trażmissjoni mill-ġdid ta’ avvenimenti sportivi u x-xandir ta’ films (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ġunju 2008, SIC vs Il‑Kummissjoni, T‑442/03, Ġabra p. II‑1161, punt 201, u tat-22 ta’ Ottubru 2008, TV2/Danmark et vs Il‑Kummissjoni, T‑309/04, T‑317/04, T‑329/04 u T‑336/04, Ġabra p. II‑2935, punti 122 sa 124). Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li RTVE tikkompeti mal-operaturi privati fis-suq tal-akkwist ta’ kontenut u, f’ċerti każijiet, tirbħilhom, ma jistax, fih innifsu, juri żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni.

131    Madankollu, ir-rikorrenti targumenta ġustament li ma jkunx kompatibbli mal-Artikolu 106(2) TFUE jekk xandar jadotta aġir antikompetittiv fil-konfront tal-operaturi privati fis-suq billi japplika, pereżempju, prassi fejn jagħmel b’mod sistematiku offerti għolja wisq f’irkanti fis-suq tal-akkwist ta’ kontenut. Tali aġir ma jistax jitqies bħala neċessarju għat-twettiq tal-mandat ta’ servizz pubbliku tiegħu.

132    Issa, fir-rigward ta’ tali riskju, għandu jiġi kkonstatat li t-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 8/2009 tipprovdi li RTVE ma tista’ tuża ebda parti mid-dħul tagħha sabiex tagħmel offerti għolja wisq, meta mqabbla mal-kompetituri tagħha, f’irkanti għal drittijiet li jikkonċernaw kontenut b’valur kummerċjali kbir. Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi b’mod espliċitu lil RTVE milli tagħmel offerti għolja wisq f’irkanti. Din il-projbizzjoni tinsab ukoll fl-Artikolu 43(7) tal-Liġi Nru 7/2010, li kienet fis-seħħ meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata u li l-Kummissjoni kienet taf dwarha (ara l-premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata).

133    Filwaqt li tirrikonoxxi l-eżistenza tat-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 8/2009, ir-rikorrenti ssostni li din ma tippermettix li jiġi eskluż li RTVE tagħmel b’mod sistematiku offerti għolja wisq f’irkanti. Skont ir-rikorrenti, din il-projbizzjoni ma hijiex effettiva.

134    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, ir-rikorrenti targumenta li l-projbizzjoni li jsiru offerti għolja wisq f’irkanti ma hijiex effettiva minħabba li l-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ RTVE tinkludi l-akkwist ta’ kontenut b’valur kummerċjali kbir. Għall-kuntrarju, l-eżistenza stess ta’ tali projbizzjoni turi li l-aġir ta’ RTVE jista’ joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni.

135    Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

136    Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 130 iktar ’il fuq, l-Artikolu 106(2) TFUE la jipprekludi li RTVE tikkompeti mal-operaturi privati u lanqas ma jipprekludi li RTVE takkwista kontenut b’valur kummerċjali kbir, sa fejn dan iseħħ fil-kuntest tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir tagħha.

137    It-tieni nett, ir-rikorrenti ssemmi eżempji ta’ akkwist ta’ drittijiet minn RTVE li, fil-fehma tagħha, jistgħu juru li RTVE għamlet offerti għolja wisq f’irkanti.

138    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sempliċement eżaminat il-kompatibbiltà tal-iskema finanzjarja ta’ RTVE, kif emendata bil-Liġi Nru 8/2009. Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ stħarriġ ta’ din id-deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali, l-eżempji msemmija mir-rikorrenti jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss sa fejn jistgħu juru li, fil-mument meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-effettività tal-projbizzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 8/2009 u fl-Artikolu 43(7) tal-Liġi Nru 7/2010.

139    Issa, kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti, il-parti l-kbira tal-eżempji msemmija minnha jikkonċernaw eżempji ta’ akkwist ta’ drittijiet minn RTVE li jippreċedu d-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 8/2009.

140    Għaldaqstant, anki jekk jitqies li dawn l-eżempji ta’ akkwist ta’ drittijiet minn RTVE juru aġir antikompetittiv ta’ din tal-aħħar, dawn l-eżempji ma jistgħux juru li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effettività tal-projbizzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 8/2009 u fl-Artikolu 43(7) tal-Liġi Nru 7/2010.

141    F’dan il-kuntest, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li, minkejja li l-eżempji ta’ akkwist ta’ drittijiet minn RTVE jippreċedu d-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 8/2009 u fl-Artikolu 43(7) tal-Liġi Nru 7/2010, dawn l-eżempji ser jibqa’ jkollhom effetti fil-futur. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 138 iktar ’il fuq, is-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata huwa l-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE, kif emendata bil-Liġi Nru 8/2009, u l-kompatibbiltà ta’ din l-iskema ma tistax tkun affettwata minn dawn l-akkwisti.

142    Fost l-eżempji ta’ akkwist ta’ drittijiet minn RTVE mressqa mir-rikorrenti sabiex turi aġir antikompetittiv min-naħa ta’ RTVE, l-uniku eżempju li huwa sussegwenti għad-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 8/2009 u fl-Artikolu 43(7) tal-Liġi Nru 7/2010 jikkonċerna d-drittijiet għax-xandir mingħajr restrizzjonijiet fuq l-aċċess taċ-Champions League tal-Union des associations européennes de football (UEFA) fir-rigward tas-snin 2012 sa 2015. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssemmi li operatur privat ressaq ilment quddiem l-awtoritajiet Spanjoli minħabba li qies li, fir-rigward tal-akkwist ta’ dawn id-drittijiet, RTVE kienet għamlet offerta għolja wisq fl-irkant. Ir-rikorrenti tqis li dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu juru n-natura ineffikaċi tal-projbizzjoni inkwistjoni.

143    Madankollu, dan l-eżempju ta’ akkwist ta’ drittijiet minn RTVE ma jistax juri li, fil-mument meta l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata, hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-effettività tal-projbizzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 8/2009 u fl-Artikolu 43(7) tal-Liġi Nru 7/2010.

144    Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li l-akkwist inkwistjoni mhux biss seħħ wara d-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 8/2009 u fl-Artikolu 43(7) tal-Liġi Nru 7/2010, iżda wkoll wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE, il-legalità ta’ att tal-Unjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi eżistenti fid-data li fiha jkun ġie adottat l-att. Għaldaqstant, l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni għandhom jiġu eżaminati biss fid-dawl tal-punti biss li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha meta għamlet dawn l-evalwazzjonijiet (sentenza Franza vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq, punt 7).

145    Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, il-fatt li operatur privat ressaq ilment quddiem l-awtoritajiet Spanjoli ma jistax juri, fih innifsu, li l-projbizzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 8/2009 u fl-Artikolu 43(7) tal-Liġi Nru 7/2010 ma hijiex effettiva. Għall-kuntrarju, il-fatt li operatur privat jista’ jitlob lill-awtoritajiet Spanjoli jikkontrollaw l-osservanza, min-naħa ta’ RTVE, tal-imsemmija projbizzjoni huwa pjuttost ta’ natura li juri n-natura effettiva ta’ din il-projbizzjoni.

146    Għaldaqstant, l-eżempji ta’ akkwist ta’ drittijiet minn RTVE msemmija mir-rikorrenti sabiex turi l-prassi ta’ RTVE li tagħmel offerti għolja wisq f’irkanti, prassi li hija pprojbita, ma jistgħux jikkontestaw in-natura effettiva tal-projbizzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 8/2009 u fl-Artikolu 43(7) tal-Liġi Nru 7/2010.

147    Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma wrietx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tar-riskju ta’ aġir antikompettitiv ta’ RTVE fis-suq tal-akkwist ta’ drittijiet ta’ trażmissjoni mill-ġdid ta’ avvenimenti sportivi u ta’ xandir ta’ films.

148    Minn dan isegwi li l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-argument li l-kummerċ kien affettwat jew mibdul b’mod li jmur kontra l-interess tal-Unjoni

149    Ir-rikorrenti targumenta li l-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba li taffettwa l-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess komuni.

150    F’dan il-kuntest, għandha ssir distinzjoni, minn naħa, bejn l-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw l-effetti tat-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 u, min-naħa l-oħra, l-argumenti tagħha li jikkonċernaw l-effetti tal-elementi ta’ għajnuna previsti fl-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE, kif emendata bl-imsemmija liġi.

151    L-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw l-effetti tat-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ fl-Unjoni għandhom jiġu miċħuda bħala infondati. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li dawn il-miżuri fiskali ma kinux jagħmlu parti integrali mill-miżuri ta’ għajnuna introdotti permezz ta’ din il-liġi u li għalhekk il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti tagħhom fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkonċerna biss il-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna favur RTVE (ara l-punt 111 iktar ’il fuq).

152    Fir-rigward tal-argumenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw l-effetti tal-elementi ta’ għajnuna previsti mill-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE kif emendata bil-Liġi Nru 8/2009, għandu jitfakkar, preliminarjament, li mit-tieni sentenza tal-Artikolu 106(2) TFUE jirriżulta li t-twettiq tal-miżura ta’ servizz pubbliku ma għandhiex taffettwa l-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess tal-Unjoni u li mill-Protokoll Nru 29 dwar is-sistema tax-xandir pubbliku tal-Istati Membri, li jikkompleta t-Trattati UE u FUE, jirriżulta li l-finanzjament ta’ xandar pubbliku ma għandux jibdel, b’mod li jmur kontra l-interess komuni, il-kundizzjonijiet tal-kummerċ u tal-kompetizzjoni fl-Unjoni.

153    Mit-tieni sentenza tal-Artikolu 106(2) TFUE u mid-dispożizzjonijiet tal-Protokoll Nru 29 dwar is-sistema tax-xandir pubbliku tal-Istati Membri, li jikkompleta t-Trattati UE u FUE, jirriżulta li skema ta’ għajnuna ma tistax tiġi ġġustifikata taħt l-ewwel sentenza tal-Artikolu 106(2) TFUE jekk din l-iskema taffettwa l-kummerċ u l-kompetizzjoni b’mod li jmur kontra l-interess tal-Unjoni, u dan anki jekk ma jkunx hemm dubju dwar in-natura neċessarja ta’ din l-iskema.

154    Kif jirriżulta mill-Protokoll Nru 29 dwar is-sistema tax-xandir pubbliku tal-Istati Membri, li jikkompleta t-Trattati UE u FUE, fl-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 106(2) TFUE, it-twettiq tal-mandat ta’ servizz pubbliku ta’ xandir għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, bil-kundizzjoni li dan it-twettiq ikun iddefinit mill-Istati Membri u jkun marbut direttament mal-ħtiġijiet demokratiċi, soċjali u kulturali ta’ kull soċjetà, kif ukoll mal-ħtieġa li jitħares il-pluraliżmu fil-mezzi tax-xandir.

155    Minn dan isegwi li, sabiex skema ta’ għajnuna favur operatur inkarigat b’funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir tkun tista’ titqies bħala li ma tissodisfax il-kundizzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 106(2) TFUE, din l-iskema għandha tibdel il-kummerċ u l-kompetizzjoni b’mod sostanzjali u b’mod manifestament sproporzjonat meta kkunsidrata fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-Istati Membri.

156    Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

157    Fl-ewwel lok, sa fejn ir-rikorrenti targumenta li l-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni minħabba li tippermetti lil din tal-aħħar tikkompeti ma’ operaturi privati fir-rigward tat-trażmissjoni mill-ġdid ta’ avvenimenti sportivi u fir-rigward tax-xandir ta’ films prodotti minn produtturi ċinematografiċi internazzjonali kbar, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Artikolu 106(2) TFUE ma jipprekludix definizzjoni wiesgħa tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir. B’hekk, fih innifsu, dan il-fatt ma jistax juri li l-kundizzjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 106(2) TFUE ma hijiex issodisfatta.

158    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-attività tagħha hija affettwata mill-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE, li wassal sabiex il-kwalità tal-offerta ta’ programmi tar-rikorrenti marret lura u sabiex jonqsu l-abbonamenti tagħha.

159    Issa, anki jekk jitqies, minn naħa, li l-effetti negattivi invokati mir-rikorrenti huma stabbiliti u, min-naħa l-oħra, li dawn huma imputabbli lil RTVE u mhux lill-aġir ta’ operaturi privati oħra li jikkompetu mar-rikorrenti fis-suq Spanjol, dawn l-effetti negattivi ma jistgħux juru bidla tal-kompetizzjoni u tal-kummerċ li hija manifestament sproporzjonata meta kkunsidrata fid-dawl tal-għanijiet segwiti mir-Renju ta’ Spanja.

160    Fil-fatt, sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li teżisti tali bidla, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit li l-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE, kif emendata bil-Liġi Nru 8/2009, teskludi jew tagħmel eċċessivament diffiċli attività bħala operatur privat fis-suq Spanjol tax-xandir.

161    Issa, f’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Liġi Nru 8/2009 tipprevedi limiti għall-attività ta’ RTVE li huma maħsuba sabiex jiġi żgurat li l-attività tal-operaturi privati ma tkunx affettwata b’mod sproporzjonat.

162    Fil-fatt, l-ewwel nett, l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2009 jipprevedi limitu massimu ta’ EUR 1 200 miljun għall-baġit ta’ RTVE. Għaldaqstant, irrispettivament mid-definizzjoni tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku u mill-organizzazzjoni tagħha, id-dimensjoni ekonomika ta’ RTVE għandha tibqa’ limitata. Fir-rigward ta’ dan il-limitu, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan l-ammont kien jikkorrispondi għall-baġit medju li RTVE kellha għad-dispożizzjoni tagħha taħt l-iskema ta’ finanzjament imħallat u li ma kien hemm xejn li seta’ jagħti x’jifhem li t-tneħħija tar-reklamar seta’ kellha bħala konsegwenza tnaqqis kunsiderevoli fl-ispejjeż effettivi ta’ RTVE.

163    It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-Artikolu 9(1)(i) tal-imsemmija liġi jipprovdi li RTVE għandha tillimita għal 10 % tal-baġit annwali totali għall-provvisti, għax-xiri u għas-servizzi esterni, l-akkwist ta’ drittijiet ta’ xandir ta’ avvenimenti sportivi uffiċjali, ikklassifikati bħala ta’ interess ġenerali u ta’ interess kbir għas‑soċjetà, li għandhom jiġu ffissati fil-programm kuntrattwali, bl-esklużjoni tal-Logħob Olimpiku u Paraolimpiku.

164    Barra minn hekk, l-Artikolu 9(1)(m) ta’ din il-liġi jipprovdi li RTVE ma tistax ixxandar, f’sena, fuq il-kanali kollha tagħha, fis-sigħat li matulhom ikun hemm l-ikbar numru ta’ telespettaturi, iktar minn 52 film li jkunu ħarġu reċentement u prodotti mill-ikbar produtturi ċinematografiċi internazzjonali. Dawn huma films li jkunu diġà ħarġu fiċ-ċinema u li jkunu ilhom bejn sentejn u erba’ snin li ħarġu.

165    Issa, ir-rikorrenti ma spjegatx b’liema mod, minkejja l-limiti msemmija fil-punti 162 sa 164 iktar ’il fuq, l-attività ta’ operatur privat fis-suq Spanjol tax-xandir hija eskluża jew magħmula eċċessivament diffiċli.

166    Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma wrietx żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kundizzjoni tal-effett fuq il-kompetizzjoni jew fuq il-kummerċ b’mod li jmur kontra l-interess tal-Unjoni prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 106(2) TFUE u fil-Protokoll Nru 29 dwar is-sistema tax-xandir pubbliku tal-Istati Membri, li jikkompleta t-Trattati UE u FUE.

167    Għaldaqstant, il-parti bbażata fuq ksur tat-tieni sentenza tal-Artikolu 106(2) TFUE għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ilmenti l-oħra mressqa minn Telefónica de España u minn Telefónica Móviles España fid-dawl tat-tieni motiv

168    Telefónica de España u Telefónica Móviles España jargumentaw li, bi ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE u tal-Artikolu 296 TFUE, il-Kummissjoni awtorizzat l-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE kif emendata bil-Liġi Nru 8/2009, meta din l-iskema kienet timplika riskju ta’ kumpens eċċessiv mingħajr ma pprovdiet motivazzjoni suffiċjenti f’dan ir-rigward. Minkejja d-dubji mqajma minn awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tar-riskju ta’ kumpens eċċessiv, il-Kummissjoni, fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, sempliċement ikkonstatat li RTVE kellha tibqa’ tattira numru kbir ta’ telespettaturi u li t-tneħħija tar-reklamar tagħmel neċessarju l-finanzjament u x-xandir ta’ produzzjonijiet supplimentari. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet għaliex l-ammont previst fil-baġit ta’ RTVE kien jidher li huwa “kawt u raġonevoli”.

169    Il-Kummissjoni targumenta li dawn huma motivi ġodda li ma humiex relatati mas-suġġett tar-rikors u li għalhekk huma inammissibbli. Barra minn hekk, dawn il-motivi ma humiex fondati.

170    Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni, ibbażata fuq ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut u tal-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura, għandu jitfakkar li l-qorti tal-Unjoni għandha l-kompetenza tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li motiv jiġi miċħud fuq il-mertu mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel dwar l-ammissibbiltà tiegħu (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il‑Kummissjoni, T‑171/02, p. II‑2123, punt 155).

171    Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami, il-Qorti Ġenerali tqis li, għal finijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, għandha tiġi eżaminata qabel kollox il-fondatezza tal-ilmenti invokati minn Telefónica de España u minn Telefónica Móviles España fid-dawl tat-tieni motiv, mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà ta’ dawn l-ilmenti, li huma, fi kwalunkwe każ u għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, infondati.

172    L-ilmenti mressqa minn Telefónica de España u minn Telefónica Móviles España jikkonċernaw ir-raġunijiet li jinsabu fil-premessi 67 sa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn il-Kummissjoni eżaminat jekk kienx jeżisti riskju ta’ kumpens eċċessiv u kkonkludiet li ma kien hemm xejn x’jindika li l-kumpens annwali stmat għall-obbligu ta’ servizz pubbliku li bih kienet inkarigata RTVE ser jaqbeż l-ispejjeż raġonevolment prevedibbli ta’ dan is-servizz jew ser jaqbeż fl-aħħar mill-aħħar l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku. Fil-premessa 71, il-Kummissjoni indikat dan li ġej:

“[...] Spanja uriet li l-ippjanar baġitarju jibqa’ konformi mal-ispejjeż ibbaġitjati kull sena ta’ RTVE fis-snin preċedenti u li mhemmx raġuni biex wieħed jassumi li issa, jew fil-ġejjieni qrib, jista’ jsir xi tfaddil konsiderevoli mill-ispejjeż sempliċiment minħabba t-tneħħija tar-reklamar. RTVE sejra tkompli tkun meħtieġa tattira udjenza kbira, u t-tneħħija tar-reklami sejra toħloq il-ħtieġa ta’ produzzjonijiet addizzjonali li jridu jiġu ffinanzjati. Imqabbla maċ-ċifri tas-snin preċedenti (EUR 1 177 miljun fl-2007, EUR 1 222 miljun fl-2008 u EUR 1 146 miljun fl-2009) u meta titqies l-ispiża addizzjonali tal-produzzjonijiet (EUR 104 miljun) meħtieġa għas-sostituzzjoni għall-ħin għall-wiri tar-reklami, id-dħul kummerċjali li jibqa’ (stmat li huwa EUR 25 miljun biss), il-limitu ta’ EUR 1 200 miljun għall-ippjanar tal-ispejjeż baġitarji jidher ammont kawt u raġonevoli għall-ispejjeż annwali bbaġitjati tal-kumpens ta’ servizz pubbliku. Barra minn hekk, il-prinċipju ta’ kumpens għall-ispejjeż netti effettivi ta’ xandar pubbliku jeħtieġ bilfors li dan ikun protett mill-varjazzjonijiet fid-dħul mis-suq tar-reklamar.”

173    Telefónica de España u Telefónica Móviles España jinvokaw, minn naħa, ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE u, min-naħa l-oħra, ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE

174    Telefónica de España u Telefónica Móviles España jargumentaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 106(2) TFUE meta awtorizzat l-iskema finanzjarja ta’ RTVE mingħajr ma żgurat li din l-iskema ma kinitx timplika riskju ta’ kumpens eċċessiv.

175    Fl-ewwel lok, Telefónica de España u Telefónica Móviles España jsostnu li, fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma wettqitx kontroll suffiċjentement iddettaljat.

176    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie espost fil-punt 117 iktar ’il fuq, sabiex għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 106(2) TFUE, l-operatur inkarigat bil-funzjoni ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali ma jistax jirċievi kumpens eċċessiv.

177    Fil-kawża ineżami, Telefónica de España u Telefónica Móviles España ma humiex qegħdin jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni fis-sens li RTVE hija inkarigata b’funzjoni ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali permezz ta’ att tal-awtorità pubblika li jiddefinixxi b’mod ċar l-obbligi ta’ servizz ta’ importanza ekonomika ġenerali.

178    Għall-kuntrarju, Telefónica de España u Telefónica Móviles España jqisu li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tinsab fil-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li ma hemm xejn li jindika li l-kumpens annwali stmat għall-obbligu ta’ servizz pubbliku li bih hija inkarigata RTVE ser jaqbeż l-ispejjeż raġonevolment prevedibbli ta’ dan is-servizz jew ser jaqbeż fl-aħħar mill-aħħar l-ispejjeż netti tas-servizz pubbliku, hija vvizzjata bi żball minħabba li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod suffiċjenti r-riskju ta’ kumpens eċċessiv.

179    F’dan ir-rigward, preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li Telefónica de España u Telefónica Móviles España qegħdin jikkontestaw biss wieħed mill-mekkaniżmi ta’ kontroll previsti mill-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE, filwaqt li din l-iskema tipprevedi sensiela sħiħa ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll maħsuba sabiex jiżguraw li RTVE tirċievi biss il-mezzi li huma neċessarji sabiex twettaq il-funzjoni tagħha.

180    F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li d-dimensjoni ekonomika tal-attività ta’ RTVE hija ddeterminata fid-dawl tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li huma fdati lilha. B’hekk, mill-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2009 jirriżulta li l-attività ta’ RTVE hija ddeterminata minn funzjoni qafas, approvata mill-awtorità leġiżlattiva għal perijodu ta’ disa’ snin [ara l-Artikolu 4(1) tal-Liġi Nru 17/2006], u minn programmi kuntrattwali, li jikkonkretizzaw il-funzjoni qafas, approvati mill-Gvern għal perijodu ta’ tliet snin [ara l-Artikolu 4(2) tal-Liġi Nru 17/2006]. Dawn l-atti għandhom jinkludu indikazzjonijiet dwar id-dimensjoni ekonomika tal-attività ta’ RTVE kif ukoll dwar il-limiti ta’ kemm tista’ tikber din id-dimensjoni kull sena, liema dimensjoni ekonomika għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-obbligi ta’ servizz pubbliku li ġew fdati lilha.

181    It-tieni nett, għandu jitfakkar li s-sorsi ta’ finanzjament ta’ RTVE huma maħsuba b’mod li jeskludu kumpens eċċessiv. Kif ġie espost fil-punti 6 sa 9 iktar ’il fuq, RTVE hija ffinanzjata minn sorsi differenti, li huma elenkati fl-Artikolu 2(1) tal-Liġi Nru 8/2009. Is-sorsi prinċipali huma, minn naħa, id-dħul mit-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Artikoli 4 sa 6 tal-imsemmija liġi u, min-naħa l-oħra, il-kumpens annwali mogħti mill-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol, li jissemma fl-Artikolu 2(1)(a) tal-istess liġi. Id-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens annwali tippermetti għalhekk li jiġi aġġustat l-ammont stmat tad-dħul li RTVE ser ikollha għad-dispożizzjoni tagħha għal sena finanzjarja partikolari. Issa, fir-rigward tal-ammont tal-kumpens annwali, l-Artikolu 33(1) tal-Liġi Nru 17/2006 jipprovdi li dan il-kumpens għandu jiġi ddeterminat b’tali mod li s-somma ta’ dan il-kumpens flimkien mad-dħul l-ieħor li għandha RTVE ma tkunx superjuri għall-ispejjeż tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li hija għandha twettaq matul is-sena baġitarja inkwistjoni.

182    Barra minn hekk, l-Artikolu 33(2) tal-Liġi Nru 17/2006, kif emendat bil-Liġi Nru 8/2009, jipprovdi li, jekk, mal-għeluq ta’ sena finanzjarja, jiġi kkonstatat li l-kumpens li RTVE tkun irċeviet ikun superjuri għall-ispejjeż netti sostnuti fir-rigward tat-twettiq tal-obbligu ta’ servizz pubbliku ta’ xandir matul is-sena finanzjarja inkwistjoni, l-eċċess li ma jitqegħidx fil-fondi ta’ riżerva jitnaqqas mis-somom assenjati fil-baġit ġenerali tal-Istat Spanjol għas-sena finanzjarja segwenti.

183    Fl-aħħar nett, l-iskema finanzjarja ta’ RTVE tipprevedi wkoll elementi ta’ kontroll ex post. Kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 72 tad-deċiżjoni kkontestata, l-iskema ta’ finanzjament ta’ RTVE tipprevedi, l-ewwel nett, mekkaniżmi ta’ kontroll baġitarju li jikkonsistu f’verifika interna, f’eżami mwettaq mill-kontroll ġenerali tal-amministrazzjoni tal-Istat Spanjol u minn verifika esterna mwettqa minn impriża privata speċjalizzata, it-tieni nett, kontroll tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku u tal-kontijiet annwali ta’ RTVE mill-Parlament Spanjol u mill-awtorità awdjoviżiva Spanjola u, it-tielet nett, kontroll mill-Qorti tal-awdituri Spanjola.

184    Huwa minnu li l-mekkaniżmi ta’ kontroll imsemmija fil-punti 180 sa 183 iktar ’il fuq għandhom natura astratta. Madankollu, għandu jitfakar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkontrollat il-kompatibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna. Għaldaqstant, hija setgħet tillimita l-kontroll tagħha biss għal jekk kienx hemm mekkaniżmi ta’ kontroll suffiċjenti sabiex jiġi żgurat li l-ammont totali tal-għajnuna li RTVE tirċievi għal sena finanzjarja partikolari skont din l-iskema ma jaqbiżx l-ispejjeż netti tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz ta’ xandir li biha kienet inkarigata.

185    Għandu jiġi kkonstatat li Telefónica de España u Telefónica Móviles España ma jressqux argumenti li jikkontestaw speċifikament in-natura effettiva tal-mekkaniżmi ta’ kontroll imsemmija fil-punti 180 sa 183 iktar ’il fuq. Sa fejn jargumentaw li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma setgħetx tirreferi għad-deċiżjonijiet preċedenti tagħha fir-rigward tal-finanzjament ta’ RTVE, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kienet obbligata biss teżamina l-kompatibbiltà tal-elementi tal-iskema ta’ finanzjament eżistenti ta’ RTVE sa fejn dawn kienu affettwati mil-Liġi Nru 8/2009. Għaldaqstant, sa fejn in-natura effettiva tal-mekkaniżmi ta’ kontroll previsti fl-iskema ta’ finanzjament preċedenti ta’ RTVE ma kinitx mittiefsa mill-emendi introdotti permezz tal-Liġi Nru 8/2009, ma kien hemm xejn xi jwaqqaf lill-Kummissjoni milli tirreferi għall-analiżi preċedenti tagħha ta’ dawn il-mekkaniżmi.

186    Fit-tieni lok, fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-ilmenti ta’ Telefónica de España u Telefónica Móviles España li jikkonċernaw l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi eżaminata, qabel jiġi analizzat jekk il-kontroll eżerċitat mill-Kummissjoni kienx insuffiċjenti, il-funzjoni tal-ammont ta’ EUR 1 200 miljun previst fl-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2009.

187    Fir-rigward tal-funzjoni tal-ammont ta’ EUR 1 200 miljun, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li l-Kummissjoni ma approvatx skema ta’ finanzjament li permezz tagħha, għal sena finanzjarja partikolari, RTVE jkollha għad-dispożizzjoni tagħha baġit b’dan l-ammont. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punti 180 sa 183 iktar ’il fuq, il-Liġi Nru 8/2009 tipprevedi mekkaniżmi maħsuba sabiex jiġi żgurat li l-għajnuna favur RTVE tikkorrispondi għall-ispejjeż netti tat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħha. B’hekk, l-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2009 jipprevedi limitu assolut ta’ EUR 1 200 miljun għall-baġit ta’ RTVE, u għalhekk limitu li ma jistax jinqabeż minkejja li l-baġit ta’ RTVE seta’ jkun ogħla li kieku l-uniku kriterju rilevanti kien dak tal-ispejjeż tat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħha. Skont dan il-limitu, il-baġit ta’ RTVE ma jistax jaqbeż l-ammont massimu ta’ EUR 1 200 miljun, iżda jista’ jkun inqas meta l-ispejjeż tat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku għal sena finanzjarja partikolari jkunu inqas.

188    Minn dan isegwi, l-ewwel nett, li għandu jiġi miċħud l-ilment ta’ Telefónica de España u Telefónica Móviles España bbażat fuq l-argumenti li l-ispejjeż ta’ RTVE għat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku jistgħu eventwalment ikunu inqas mill-ammont ta’ EUR 1 200 miljun. Fil-fatt, il-mekkaniżmi ta’ kontroll imsemmija fil-punti 180 sa 183 iktar ’il fuq jiżguraw li, f’tali każ, l-ammont tal-għajnuna għal sena finanzjarja partikolari ser ikun limitat għall-ispejjeż netti sostnuti fit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku ta’ xandir.

189    It-tieni nett, fir-rigward tal-ilmenti ta’ Telefónica de España u Telefónica Móviles España li jikkonċernaw l-intensità insuffiċjenti tal-kontroll tal-Kummissjoni fir-rigward tal-limitu massimu ta’ EUR 1 200 miljun, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-determinazzjoni tal-kumpens għat-twettiq ta’ servizz pubbliku ta’ xandir u li, fir-rigward tal-kontroll tan-natura proporzjonata tal-kumpens għal obbligu ta’ servizz pubbliku ta’ xandir, il-kontroll mill-Kummissjoni huwa limitat u l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni huwa saħansitra iktar limitat (ara l-punti 126 sa 128 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, l-istħarriġ mill-Qorti Ġenerali huwa limitat għal eżami ta’ jekk il-Kummissjoni wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni.

190    Issa, fil-kawża ineżami, ebda argument imressaq minn Telefónica de España u minn Telefónica Móviles España ma jista’ juri li l-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li limitu massimu ta’ EUR 1 200 miljun kien jidher li huwa kawt u raġonevoli, kienu vvizzjati bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

191    L-ewwel nett, kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammont ta’ EUR 1 200 miljun kien jikkorrispondi għall-baġit medju li kellha RTVE taħt l-iskema ta’ finanzjament imħallat.

192    It-tieni nett, mill-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni, minn naħa, ħadet inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ spejjeż supplimentari ta’ EUR 104 miljuni sabiex jimtela l-ħin ta’ xandir li qabel kien irriżervat għar-reklamar u l-ispejjeż iġġenerati mit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku supplimentari fil-qasam ta’ programmi imposti fuq RTVE permezz tal-Liġi Nru 8/2009 u, min-naħa l-oħra, ikkonstatat li ma kien hemm xejn li seta’ jagħti x’jifhem li t-tneħħija tar-reklamar seta’ kellha bħala konsegwenza tnaqqis kunsiderevoli fl-ispejjeż effettivi ta’ RTVE.

193    Għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw Telefónica de España u Telefónica Móviles España, dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex manifestament żbaljati. Fil-fatt, ma huwiex stabbilit li l-ispejjeż għat-twettiq tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku sostnuti minn RTVE kienu ser ikunu sostanzjalment inqas mill-ispejjeż li hija kienet sostniet taħt l-iskema prevista mil-Liġi Nru 17/2006. Huwa minnu li, fil-premessa 59 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-fatt li RTVE rtirat mis-suq tar-reklamar seta’ jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-funzjoni ta’ servizz pubbliku, billi tagħmel l-iskeda tal-programmi inqas dipendenti fuq kunsiderazzjonijiet kummerċjali u fuq varjazzjonijiet fid-dħul kummerċjali. Madankollu, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu Telefónica de España u Telefónica Móviles España, is-sempliċi fatt li RTVE saret operatur li ma kinitx għadha suġġetta għall-pressjoni kummerċjali marbuta mal-parteċipazzjoni fis-suq tar-reklamar ma jippermettix li tinstilet il-konklużjoni li RTVE kienet ser tkun tista’ tipproponi skeda ta’ programmi differenti li tippermettilha topera bi spejjeż sostanzjalment inqas. Fil-fatt, l-Artikolu 106(2) TFUE ma jipprekludix li Stat jiddefinixxi b’mod wiesa’ l-funzjoni ta’ servizz pubbliku ta’ xandir li jippermetti lix-xandar pubbliku jipprovdi skeda ta’ programmi bbilanċjata u varjata filwaqt li jżomm ċertu rata ta’ telespettaturi (sentenza SIC vs Il‑Kummissjoni, iċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq, punt 201).

194    It-tielet nett, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu Telefónica de España u Telefónica Móviles España, il-Kummissjoni ma wettqitx żball manfiest ta’ evalwazzjoni minħabba li lanqas ma eżaminat jekk il-bidla għal sistema ta’ finanzjament kważi esklużivament pubbliku u l-emenda tal-obbligi ta’ servizz pubbliku setgħux ikollhom effetti fuq l-ispejjeż sostnuti minn RTVE. Fil-fatt, fid-dawl tal-fatt li l-ammont ta’ EUR 1 200 miljun previst fl-Artikolu 3(2) tal-Liġi Nru 8/2009 jikkostitwixxi biss limitu massimu għall-baġit ta’ RTVE u fid-dawl tal-fatt li l‑mekkaniżmi esposti fil-punti 180 sa 183 iktar ’il fuq jiżguraw li l-ammont tal-għajnuna għal RTVE ma jaqbiżx l-ispejjeż netti tat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħha, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata twettaq eżami iktar iddettaljat.

195    Ir-raba’ nett, sa fejn Telefónica de España u Telefónica Móviles España jargumentaw li l-Kummissjoni kien imissha rreaġixxiet għall-osservazzjonijiet ta’ ċerti awtoritajiet nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li, fil-premessa 69 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni stess qajmet dubji dwar il-proporzjonalità tal-miżura iżda kkonkludiet, wara l-eżami tagħha, li ma kienx hemm riskju ta’ kumpens eċċessiv. Fi kwalunkwe każ, il-fatt li ma eżaminatx fid-dettall l-osservazzjonijiet kollha ta’ natura kritika magħmula mill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali dwar abbozz ta’ liġi ma jistax, fih innifsu, juri żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, b’mod partikolari meta jkun involut qasam li fih l-Istati Membri jkollhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa u l-kontroll tal-Kummissjoni jkun limitat.

196    Għaldaqstant, Telefónica de España u Telefónica Móviles ma wrewx li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, li tinsab fil-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li limitu massimu ta’ EUR 1 200 miljun kien jidher li huwa kawt u raġonevoli, kienet ivvizzjata bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

197    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ilment ibbażat fuq l-assenza ta’ kontroll ex ante suffiċjentement iddettaljat għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

198    Telefónica de España u Telefónica Móviles jargumentaw li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE. Huma jsostnu li l-Kummissjoni ma mmotivatx b’mod suffiċjenti l-konstatazzjoni fis-sens li ma kienx hemm riskju ta’ kumpens eċċessiv.

199    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’tali mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li jista’ jkollhom id-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tad-dispożizzjonijiet legali kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Lulju 2009, KG Holding et vs Il‑Kummissjoni, T‑81/07 sa T‑83/07, Ġabra p. II‑2411, punti 61 u 62, u l-ġurisprudenza ċċitata).

200    Fil-kawża ineżami, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kienet suffiċjenti.

201    Fil-fatt, l-ewwel nett, għall-kuntrarju ta’ dak li jargumentaw Telefónica de España u Telefónica Móviles España, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li fuqha l-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha li ma kienx hemm riskji ta’ kumpens eċċessiv ma kinitx limitata għall-premessa 71 tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fil-premessi 67 sa 73 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni għamlet ukoll riferiment għall-mekkaniżmi ta’ kontroll imsemmija fil-punti 180 sa 183 iktar ’il fuq. F’dan il-kuntest, għandu jingħad ukoll li, fil-premessi 14, 16 u 17 ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni għamlet ukoll riferiment għal dawn il-mekkaniżmi.

202    It-tieni nett, fir-rigward tal-ilment ta’ Telefónica de España u ta’ Telefónica Móviles España bbażat fuq in-natura astratta ta’ wħud minn dawn il-kunsiderazzjonijiet, huwa biżżejjed li jitfakkar li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni sempliċement approvat skema ta’ għajnuna li tippermetti li RTVE tibbenefika minn għajnuna li tikkorrispondi għall-ispejjeż netti tat-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku tagħha u li l-Kummissjoni ma ddeċidietx dwar il-kompatibbiltà ta’ għajnuna b’ammont ta’ EUR 1 200 miljun.

203    Barra minn hekk, sa fejn Telefónica de España u Telefónica Móviles España jargumentaw li l-Kummissjoni kien imissha rreaġixxiet għall-osservazzjonijiet ta’ ċerti awtoritajiet nazzjonali, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni tkun immotivat suffiċjentement deċiżjoni jekk din turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tagħha, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jifhmu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u b’tali mod li l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha, iżda li ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha. Wara li semmiet, fil-premessi 67 sa 76 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet għalfejn il-miżura kienet proporzjonali, il-Kummissjoni ma kinitx għalhekk meħtieġa twieġeb speċifikament għall-osservazzjonijiet kollha ta’ natura kritika magħmula mill-awtoritajiet amministrattivi nazzjonali dwar abbozz ta’ liġi. Dan jgħodd iktar u iktar f’qasam li fih l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa u li fih, għalhekk, il-kontroll mill-Kummissjoni huwa limitat.

204    Għalhekk, dan l-ilment ukoll għandu jiġi miċħud.

205    Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda wkoll l-ilmenti l-oħra mressqa minn Telefónica de España u minn Telefónica Móviles España fid-dawl tat-tieni motiv.

206    Minn dan isegwi li l-motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE kif ukoll l-ilmenti mressqa minn Telefónica de España u minn Telefónica Móviles España fid-dawl tat-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

 Fuq il-motivi l-oħra mressqa minn Telefónica de España u minn Telefónica Móviles España

207    Telefónica de España u Telefónica Móviles España jressqu żewġ motivi supplimentari.

208    Fl-ewwel lok, Telefónica de España u Telefónica Móviles España jsostnu li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali tagħhom iggarantiti mill-Artikolu 108(2) TFUE meta kkonstatat, fid-deċiżjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 kienu separabbli mill-iskema ta’ għajnuna eżistenti, meta skonthom kien hemm dubji f’dan ir-rigward.

209    Fit-tieni lok, Telefónica de España u Telefónica Móviles España jargumentaw li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108 TFUE meta kkonstatat, fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009 kienu separabbli mill-iskema ta’ finanzjament attwali ta’ RTVE.

210    Mill-banda l-oħra, il-Kummissjoni tqis li dawn il-motivi għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondati.

211    F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-Qorti Ġenerali bis-saħħa tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut, it-talbiet tar-rikors ta’ intervent jistgħu jkunu intiżi biss sabiex isostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Skont l-Artikolu 116(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis. Skont il-ġurisprudenza, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludix lill-intervenjent milli jressaq argumenti differenti minn dawk tal-parti li insostenn tagħha jkun għamel intervent, bil-kundizzjonijiet li dawn l-argumenti ma jibdlux il-kuntest tat-tilwima u bil-kundizzjoni li l-intervent jibqa’ insostenn tat-talbiet imressqa minn din il-parti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs L‑Awtorità Għolja, 30/59, Ġabra p. 1, 37).

212    Fil-kawża ineżami, it-tilwima kif stabbilita bejn ir-rikorrenti u l-Kummissjoni tikkonċerna l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Il-kuntest ta’ din it-tilwima huwa ddefinit permezz tat-tliet motivi mqajma mir-rikorrenti, ibbażati, l-ewwel nett, fuq żball dwar il-kunċett ta’ għajnuna fir-rigward tan-natura separabbli tat-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009, it-tieni nett, fuq ksur tal-Artikoli 49 TFUE u 64 TFUE, u, it-tielet nett, fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE.

213    Għall-kuntrarju, la r-rikors u lanqas ir-risposta ma fihom argumenti dwar eventwali ksur tad-drittijiet proċedurali ggarantiti mill-Artikolu 108(2) TFUE jew dwar il-kunċett ta’ għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 108 TFUE u tal-Artikolu 1(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339). Dan il-ksur tqajjem għall-ewwel darba fin-nota ta’ intervent.

214    Minn dan isegwi li ż-żewġ motivi supplimentari invokati minn Telefónica de España u minn Telefónica Móviles España ma humiex marbuta mas-suġġett tat-tilwima kif iddefinit mill-partijiet prinċipali u għalhekk jibdlu l-kuntest ta’ din it-tilwima. Għaldaqstant, dawn il-motivi għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

215    Ebda argument imressaq minn Telefónica de España u minn Telefónica Móviles España ma jista’ jirribatti din il-konklużjoni.

216    Fil-fatt, minn naħa, sa fejn l-intervenjenti jinvokaw il-punt 36 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Novembru 1998, Ir‑Renju Unit vs Il‑Kunsill (C‑150/94, Ġabra p. I‑7235), għandu jiġi kkonstatat li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-argument li kien tressaq mill-parti intervenjenti u li l-ammissibbiltà tiegħu kienet ikkontestata f’dik il-kawża kien jikkonċerna motiv imressaq mill-parti prinċipali u kien intiż li jsostni t-talbiet imressqa minn din tal-aħħar. Kif ġie espost fil-punti 212 sa 214 iktar ’il fuq, dan ma huwiex il-każ fil-kawża ineżami.

217    Min-naħa l-oħra, Telefónica de España u Telefónica Móviles España jinvokaw il-punt 55 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Lulju 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑334/08, Ġabra p. I‑6869). Huwa minnu li, f’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li motiv, li ma kienx ġie invokat mill-parti prinċipali sostnuta mill-parti intervenjenti, iżda biss minn din tal-aħħar, kien ammissibbli. Madankollu, il-motiv inkwistjoni kien motiv ta’ difiża li kien invokat fi proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu fis-sens tal-Artikolu 260 TFUE. Issa, fi proċedura għal nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha twettaq il-konstatazzjonijiet kollha neċessarji sabiex tikkonkludi li l-Istat Membru kkonċernat kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu. Għaldaqstant, motiv ta’ difiża li jikkonċerna punt ta’ fatt jew ta’ liġi li l-Kummissjoni għandha neċessarjament teżamina fil-kuntest tal-analiżi tagħha ma jistax jibdel il-kuntest tat-tilwima. Għall-kuntrarju, fil-kawża ineżami, Telefónica de España u Telefónica Móviles España qegħdin jintervjenu f’rikors għal annullament li l-kuntest tiegħu huwa llimitat b’mod partikolari mill-motivi invokati mir-rikorrenti.

218    Għaldaqstant, iż-żewġ motivi supplimentari mressqa minn Telefónica de España u minn Telefónica Móviles España għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

219    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

220    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu u, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tal-istess Regoli, l-Istati Membri li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

221    Fir-rigward tal-kawża prinċipali, ir-rikorrenti tilfet fir-rigward tat-talbiet kollha tagħha u kemm il-Kummissjoni kif ukoll RTVE talbu li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Għaldaqstant, din tal-aħħar għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha, dawk ta’ RTVE, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, ħlief l-ispejjeż li din tal-aħħar sostniet minħabba l-intervent. Peress li Telefónica de España u Telefónica Móviles España tilfu fir-rigward tat-talbiet kollha tagħhom, huma għandhom jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u, in solidum, l-ispejjeż li l-Kummissjoni sostniet minħabba l-intervent tagħhom, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar. Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

222    Fir-rigward tal-proċedura għal miżuri provviżorji, ir-rikorrenti tilfet fir-rigward tat-talbiet kollha tagħha. Għaldaqstant, ir-rikorrenti għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha, dawk ta’ RTVE, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar. Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      DTS Distribuidora de Televisión Digital, SA għandha tbati l-ispejjeż tagħha, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji, l-ispejjeż ta’ Corporación de Radio y Televisión Española, SA (RTVE), inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji, kif ukoll l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji, ħlief l-ispejjeż li din tal-aħħar sostniet minħabba l-intervent ta’ Telefónica de España, SA u ta’ Telefónica Móviles España, SA.

3)      Telefónica de España u Telefónica Móviles España għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom u, in solidum, l-ispejjeż li l-Kummissjoni sostniet minħabba l-intervent tagħhom.

4)      Ir-Renju ta’ Spanja għandu jbati l-ispejjeż tiegħu, inklużi dawk marbuta mal-proċedura għal miżuri provviżorji.

Czúcz

Labucka

Gratsias

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ Lulju 2014.

Firem

Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

Id-dritt

1.  Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

2.  Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-kunċett ta’ għajnuna fis-sens tal-Aritkolu 107 TFUE fir-rigward tan-natura separabbli tat-tliet miżuri fiskali introdotti jew emendati permezz tal-Liġi Nru 8/2009

Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni suffiċjenti tar-rabta bejn it-tliet miżuri fiskali u l-elementi ta’ għajnuna

–  Fuq il-kundizzjonijiet li għandhom ikunu ssodisfatti sabiex il-mod ta’ finanzjament ta’ għajnuna jkun jista’ jitqies bħala li jagħmel parti integrali minnha

–  Fuq l-applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq ir-relazzjoni bejn il-miżuri fiskali u l-vantaġġ kompetittiv ta’ RTVE

Fuq it-tielet parti, ibbażata fuq approċċ kontradittorju tal-Kummissjoni

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE

Fuq l-ewwel parti, dwar ir-riskju ta’ aġir antikompettivi ta’ RTVE

Fuq it-tieni parti, ibbażata fuq l-argument li l-kummerċ kien affettwat jew mibdul b’mod li jmur kontra l-interess tal-Unjoni

Fuq l-ilmenti l-oħra mressqa minn Telefónica de España u minn Telefónica Móviles España fid-dawl tat-tieni motiv

–  Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE

–  Fuq l-ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Fuq il-motivi l-oħra mressqa minn Telefónica de España u minn Telefónica Móviles España

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.