Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Ġunju 2007 - Thomson Sales Europe vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-225/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Thomson Sales Europe (Boulogne-Billancourt, Franza) (rappreżentanti F.Goguel u F.Foucault, avukati)

Konvenuta: IL-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

qabel tiddeċiedi, tordna li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-partijiet l-elementi, id-dokumenti, ir-rapporti, l-ittri, ix-xogħolijiet preparatorji etc. kollha li wasslu għar-Regolamenti Nri 2376/98 u 710/95;

prinċipalment, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni REM Nru 03/05 tas-7 ta' Mejju 2007.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-att ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni REM Nru 03/05 tas-7 ta' Mejju 2007 li tikkonstata li r-rifużjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni mhijiex iġġustifikata fil-każ partikolari tar-rikorrenti. Din id-deċiżjoni ġiet adottata wara t-talba li saret lill-Kummissjoni mill-awtoritajiet nazzjonali Franċiżi, li kienu talbu lir-rikorrenti l-ħlas tad-dażji antidumping fuq l-importazzjoni ta' riċevituri tat-televizjoni bil-kulur immanifatturati mill-kumpannija sussidjarja tagħha fit-Tajlandja u li fir-rigward tagħha r-rikorrenti kienet talbet ir-rifużjoni abbażi ta' l-Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità1.

Ir-rikorrenti tikkunsidra li hija tista' tibbenefika mir-rifużjoni abbażi ta' l-Artikolu 239 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 peress li, fl-opinjoni tagħha, hija tissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet previsti f'dan it-test.

F'dak li jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni (l-eżistenza ta' sitwazzjoni partikolari), hija ssostni li fil-fatt is-sitwazzjoni partikolari teżisti fir-rigward tagħha u tirriżulta, minn naħa, mill-imġiba tal-Kummissjoni li bidlet il-mod ta' kif tinterpreta d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li jirrigwardaw l-oriġini tal-merkanzija mingħajr ma avżat, b'mod xieraq, lill-operaturi ekonomiċi u, min-naħa l-oħra, mill-imġiba ta' l-awtoritajiet nazzjonali li segwew il-metodu adottat mill-Kummissjoni.

____________

1 - ĠU L 302, p. 1.