Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Ġunju 2007 - Malheiro vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-228/07)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Ana Malheiro (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: C. Ebrecht, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

Tannulla d-Deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali tal-persunal u ta' l-Amministrazzjoni tat-30 ta'April 2007, li tirrifjuta l-ilment Nru R/06/07, irreġistrat fit-8 ta' Jannar 2007, u li kien intiż sabiex jikseb l-annullament tad-deċiżjoni tad-DG ADMIN li ma tagħtihiex benefiċċji oħra ħlief il-benefiċċju ta' l-għajxien ta' kuljum imnaqqas għal EUR 28.78 kuljum;

tordna lill-konvenuta tħallas lir-rikorrenti, għall-perijodu ta' bejn is-16 ta' Novembru 2006 u l-31 ta' Ottubru 2008, il-benefiċċju ta' l-għajxien ta' kuljum sħieħ ta' EUR 115.09, prevista mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, ta' l-1 ta' Ġunju 2006, li tistabbilixxi r-regoli dwar is-sekondament ta' esperti nazzjonali lill-Kummissjoni (C(2006)2003), imnaqqas bl-ammont ta' benefiċċju ta' l-għajxien ta' kuljum li r-rikorrenti diġà rċeviet, u miżjud b'benefiċċju ta' l-għajxien ta' kull xahar addizzjonali ta' EUR 542.55;

tordna lill-konvenuta tħallas lura lir-rikorrenti l-ispejjez tal-ġarr inkorsi;

tikkundanna l-konvenuta tbati l-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti, li taħdem bħala Esperta Nazzjonali sekondata lill-Kummissjoni u tixtieq tirċievi i) il-benefiċċju ta' l-għajxien ta' kuljum sħieħ minflok il-benefiċċju ta' l-għajxien ta' kuljum imnaqqas mogħti mill-Kummissjoni, u ii) il-benefiċċju ta' l-għajxien ta' kull xahar minflok l-ispejjeż tal-ġarr.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni l-ewwel nett li l-Kummissjoni għamlet żball ta' evalwazzjoni meta kkunsidrat li r-residenza tar-rikorrenti kienet fi Brussell minħabba li r-raġel tagħha għandu r-residenza tiegħu hemmhekk. Ir-rikorrenti ssostni li s-soġġorn tagħha fi Brussell huwa biss ta' natura temporanja u li hija esposta, bl-istess mod bħal l-esperti nazzjonali sekondati l-oħra, għall-istess inkonvenjenzi u żvantaġġi li jirriżultaw min-natura temporanja tas-sekondar tagħha.

Barra dan, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret kemm il-prinċipju ta' trattament ugwali kif ukoll l-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta' l-Unjoni Ewropea, minħabba li l-Artikolu 20(3)(b) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi r-regoli dwar is-sekondament ta' esperti nazzjonali lill-Kummissjoni jiddiskrimina bejn esperti nazzjonali sekondati li huma miżżewġa u l-esperti nazzjonali sekondati li m'humiex miżżewġa u li jgħixu fi stat ta' konkubinaġġ.

Barra minn dan, ir-rikorrenti tallega li kemm din id-diskriminazzjoni kif ukoll il-benefiċċju aktar għoli, meta mqabbla mal-benefiċċju mogħti lir-rikorrenti, mogħti lill-esperti nazzjonali sekondati li huma rġiel u li m'humiex miżżewġa (kemm jekk jgħixu f'konkubinaġġ u kemm jekk le) twassal kemm għall-ksur ta' l-Artikolu 141 KE u tal-prinċipju ta' ħlas indaqs bejn l-irġiel u n-nisa, kif ukoll tad-Direttiva 2000/78/KE1 u tal-prinċipju ta' proporzjonalità.

____________

1 - Id-Direttiva Tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, p.16)