Language of document : ECLI:EU:T:2011:347

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

12 ta’ Lulju 2011 (*)

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Appell inċidentali – Fastidju psikoloġiku – Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal – Komunikazzjoni fuq il-politika fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku fil-Kummissjoni – Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni – Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Portata – Talba għal assistenza – Miżuri provviżorji ta’ tbegħid – Dmir ta’ premura – Responsabbiltà – Talba għal kumpens – Ġurisdizzjoni sħiħa – Kundizzjonijiet għall-implementazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Rikors għal annullament – Interess ġuridiku”

Fil-Kawża T‑80/09 P,

li għandha bħala suġġett appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il-Kummissjoni (F‑52/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Joris, D. Martin u B. Eggers, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija

Q, ex uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Domsjö (l-Isvezja), irrappreżentata minn S. Rodrigues u Y. Minatchy, avukati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell),

komposta minn M. Jaeger, President, I. Pelikánová (Relatur) u A. Dittrich, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Jannar 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha ppreżentat skont l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il-Kummissjoni (F‑52/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha dan annulla d-deċiżjoni impliċita tagħha li tiċħad it-talba għal assistenza mressqa minn Q, fit-3 ta’ Mejju 2004, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem, rispettivament, it-“talba għal assistenza” u r-“Regolamenti tal-Persunal”), sa fejn din irrifjutat li tieħu miżura provviżorja ta’ tbegħid, u li tikkundannaha tħallas lil Q is-somma ta’ EUR 15 500 bħala kumpens għal danni morali li jirriżultaw mill-illegalità ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll minn nuqqasijiet, mill-amministrazzjoni, għad-dmir ta’ premura.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti kif ġej fil-punti 18 sa 101 tas-sentenza appellata.

 Proċeduri fl-ewwel istanza u s-sentenza appellata

3        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza (illum il-Qorti Ġenerali) tal-Komunitajiet Ewropej fl-4 ta’ Lulju 2005, Q ippreżentat rikors li permezz tiegħu essenzjalment titlob, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, it-tieni nett, l-annullament tar-rapporti tal-iżvilupp tal-karriera tagħha magħmula rispettivament għall-perijodi bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Ottubru 2003 u bejn l-1 ta’ Novembru u l-31 ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem, ir-“RŻK 2003”), it-tielet nett, il-kundanna tal-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni. Ir-rikors preżenti ġie rreġistrat inizjalment fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza bin-numru ta’ referenza T‑252/05.

4        Permezz ta’ Digriet tal-15 ta’ Diċembru 2005, il-Qorti tal-Prim’Istanza (illum il-Qorti Ġenerali) taħt l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom, tat-2 ta’ Novembru 2004, li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 333, p. 7), irrinvijat il-kawża preżenti quddiem din tal-aħħar. Ir-rikors ġie rreġistrat taħt ir-referenza F‑52/05.

5        Permezz tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku laqa’ parzjalment ir-rikors billi annulla d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, peress li hija rrifjutat li tieħu miżura provviżorja ta’ tbegħid, u billi kkundannat lill-Kummissjoni tħallas lil Q is-somma ta’ EUR 18 000 għad-danni. Huwa ċaħad il-kumplament tar-rikors.

 Proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u t-talbiet tal-partijiet

6        Permezz ta’ nota ppreżentata fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni ppreżentat dan l-appell.

7        Fid-9 ta’ Ġunju 2009, Q ippreżentat ir-risposta tagħha, li fiha hija ressqet ukoll appell inċidentali kontra s-sentenza appellata. Barra minn hekk, hija ressqet talba bil-għan li tikseb l-anonimat, liema talba ġiet milqugħa immedjatament mir-reġistru.

8        B’ittra ppreżentata fl-24 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni ppreżentat talba għal preżentazzjoni ta’ replika fil-qosor.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2009, il-President tal-Awla tal-Appell laqa’ l-aħħar imsemmija talba.

10      Fl-24 ta’ Awwissu 2009, il-Kummissjoni ppreżentat replika, li fiha hija rrispondiet ukoll għall-appell inċidentali, b’mod konformi mal-Artikolu 143(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

11      B’ittra tal-24 ta’ Settembru 2009, Q ippreżentat talba għall-preżentazzjoni ta’ sottomissjonijiet komplementari għall-appell inċidentali.

12      B’deċiżjoni tas-6 ta’ Ottubru 2009, il-President tal-Awla tal-Appell laqa’ l-aħħar imsemmija talba.

13      Fil-15 ta’ Ottubru 2009, Q ippreżentat kontroreplika.

14      Fit-13 ta’ Novembru 2009, Q ippreżentat sottomissjonijiet komplementari għall-appell inċidentali.

15      Fil-5 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni ppreżentat risposta għas-sottomissjonijiet komplementari għall-appell inċidentali. Fl-istess jum, ingħalqu l-proċeduri bil-miktub.

16      B’ittra tal-11 ta’ Frar 2010, Q ippreżentat talba, skont l-Artikolu 146 tar-Regolamenti tal-Proċedura, sabiex tinstema’ waqt il-fażi orali tal-proċedura.

17      Fuq rapport tal-imħallef relatur, il-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) iddeċidiet li tiftaħ il-proċeduri orali u, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura skont l-Artikolu 64 tar-Regoli ta’ Proċedura, li ssaqsi domandi bil-miktub lill-partijiet, b’risposta fis-seduta.

18      Il-partijiet instemgħu fis-sottomissjonijiet orali kif ukoll fir-risposti tagħhom għad-domandi bil-miktub u orali magħmula mill-Qorti Ġenerali fis-seduta tal-21 ta’ Jannar 2011. Ir-risposti għad-domandi bil-miktub tal-Qorti Ġenerali ngħataw fil-proċess verbal tas-seduta.

19      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata, sa fejn din laqgħet it-tieni motiv tar-rikors għall-ewwel istanza, ibbażat fuq illegalità tad-deċiżjoni impliċita tar-rifjut milli tieħu miżura provviżorja ta’ tbegħid, kif ukoll it-talbiet tar-rikors bil-għan għall-kumpens għad-danni li rriżultaw mill-imsemmija illegalità u tan-nuqqasijiet, mill-amministrazzjoni, għad-dmir ta’ premura;

–        tiċħad l-appell inċidentali;

–        tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku;

–        tiddeċiedi fuq l-ispejjeż skont il-liġi tal-istanza quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll tal-appell prinċipali jew, sussidjarjament, tirriżerva l-ispejjeż tal-istanza quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll tal-appell prinċipali;

–        tikkundanna lill-Q għall-ispejjeż tal-appell inċidentali.

20      Q titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad l-appell prinċipali bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, infondat;

–        tiddikjara l-appell inċidentali ammissibbli;

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tilqa’ t-talbiet tagħha għall-annullament u għall-kumpens tar-rikors fl-ewwel istanza;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha.

 Fuq l-appell prinċipali

21      L-appell prinċipali, ippreżentat skont l-Artikolu 9 tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jipprovdi għall-annullament tas-sentenza appellata, sa fejn din annullat id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, peress li din irrifjutat milli tieħu miżura provviżorja ta’ tbegħid, u kkudannat lill-Kummissjoni tħallas lil Q is-somma ta’ EUR 15 500 bħala kumpens għad-danni morali li jirriżultaw mill-illegalità ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll minn nuqqasijiet, mill-amministrazzjoni, għad-dmir ta’ premura.

 Fuq l-ammissibbiltà

22      Q tinvoka l-inammissibbiltà tal-appell prinċipali, fejn, fil-kuntest taż-żewġ aggravji invokati insostenn tiegħu, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Appell tiddeċiedi, mill-ġdid, fuq fatti li ġew evalwati definittivament mill-qorti tal-ewwel istanza. Minn naħa, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ titlob iktar lill-Qorti tal-Appell, fil-kuntest tal-ewwel aggravju tal-appell prinċipali, li tistħarreġ l-evalwazzjonijiet li permezz tagħhom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li hija kellha tiġi kkumpensata għad-danni morali li rriżultawla, minn ksur, mill-Kummissjoni, tad-dmir ta’ premura, li rriżulta minn xi aġir imsemmi fit-talba għal assistenza. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tat-tieni aggravju tal-appell prinċipali, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ tikkontesta impliċitament quddiem il-qorti tal-appell, fid-dawl tal-elementi tal-proċess, l-evalwazzjonijiet li permezz tagħhom, il-qorti tal-ewwel istanza kkunsidrat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, ir-rifjut impliċitu tal-Kummissjoni li tieħu miżura provviżorja ta’ tbegħid kienet ta’ natura li jkun hemm lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

23      Il-Kummissjoni titlob li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa minn Q tiġi miċħuda.

24      Skont l-Artikolu 225 A KE u l-Artikolu 11(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appell ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali huwa limitat għal punti ta’ liġi u jista’ jkun ibbazat fuq aggravji ta’ inkompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ta’ ksur tal-proċedura quddiem l-imsemmi Tribunal li jippreġudikaw l-interessi tal-parti kkonċernata kif ukoll tal-ksur tad-dritt Komunitarju mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Barra minn hekk, l-Artikolu 138(1)(ċ) tar-Regoli ta’ Proċedura jipprovdi li l-appell għandu jispeċifika l-aggravji u l-argumenti legali invokati.

25      Mid-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq jirriżulta li l-appell jista’ jkun ibbażat biss fuq aggravji li jikkonċernaw il-ksur ta’ regoli ta’ dritt, bl-esklużjoni ta’ kull evalwazzjoni tal-fatti. Il-qorti tal-ewwel istanza hija l-unika li għandha kompetenza sabiex, minn naħa, tiddetermina l-fatti, ħlief fil-każ fejn ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li tressqu quddiemha, u min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa dawn il-fatti. L-evalwazzjoni tal-fatti b’hekk ma tammontax, suġġett għall-każ ta’ żnaturament tal-provi mressqa quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, għal kwistjoni ta’ dritt suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ mill-qorti tal-appell (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Marzu 2008, Rossi Ferreras vs Il-Kummissjoni, T‑107/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 29, u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni ma titlobx lill-qorti tal-appell, permezz tal-ewwel aggravju, ikkunsidrat fiż-żewġ partijiet tiegħu, u permezz tat-tieni aggravju, li terġa’ teżamina l-fatti li diġà ġew ikkonstatati u evalwati mill-qorti tal-ewwel istanza.

27      Fil-kuntest tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, hija takkuża lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li, fis-sentenza appellata, kiser il-kundizzjoni tat-teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fir-rigward tal-eżistenza ta’ imġiba illegali, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-4 ta’ Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni (C‑352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punti 43 u 44), u mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2008, Nardone vs Il-Kummissjoni (T‑57/99, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 162 sa 164).

28      L-ewwel parti tal-ewwel aggravju b’hekk tqajjem kwistjoni ta’ liġi u b’hekk għandha, b’dan il-mod, tiġi ddikjarata ammissibbli.

29      It-tieni parti tal-ewwel aggravju tkopri, essenzjalment, tliet ilmenti prinċipali.

30      L-ewwel ilment huwa bbażat fuq li, fis-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, meta huwa ta lil Q kumpens fuq il-bażi li ma kinitx ġiet invokata la fit-talba, fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, la fl-ilment, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u lanqas fir-rikors fl-ewwel istanza. Fis-seduta, il-Kummissjoni ppreċiżat li dan kien jammonta għal kritika li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kienet ddeċidiet ultra petita, meta biddlet is-suġġett tal-kawża.

31      It-tieni ilment huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma tax ir-raġunijiet li wassluh jikkwalifika ġuridikament ċerti fatti msemmija fit-talba għal assistenza, meħuda flimkien, ta’ nuqqas fis-servizz ta’ natura li jkun hemm lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

32      Fl-aħħar nett, it-tielet ilment, li huwa sussidjarju fir-rigward tat-tieni ilment, huwa bbażat fuq li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ klassifikazzjoni ġuridika ta’ ċerti fatti msemmija fit-talba għal assistenza, meta kkunsidra li dan, meħud fl-intier tiegħu, kien jammonta għal nuqqas fis-servizz, ta’ natura li jkun hemm lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

33      It-tieni parti tal-ewwel aggravju b’hekk tqajjem kwistjonijiet ta’ liġi u għandha, b’dan il-mod, tiġi ddikjarata ammissibbli.

34      Fl-aħħar nett, permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni takkuża lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li kiser il-kundizzjoni tat-teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fir-rigward tal-eżistenza ta’ imġiba illegali, l-Artikoli 7 u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, sa fejn, fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, huwa parzjalment laqa’ t-talbiet ta’ Q għall-kumpens għad-danni li jirriżultaw mill-illegalità tad-deċiżjoni impliċità taċ-ċaħda tat-talba għal assistenza, wara li ddeċida, fil-punti 250, 251 u 254 tas-sentenza appellata, li l-kundizzjoni rigward l-eżistenza ta’ imġiba illegali kienet sodisfatta, minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrifjuta li tieħu miżura provviżorja ta’ tbegħid, hekk kif ikkonstatata fil-punti 209 sa 214 tas-sentenza appellata, kif ukoll tad-dewmien fil-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva.

35      It-tieni aggravju tal-appell prinċipali b’hekk iqajjem kwistjonijiet ta’ dritt u għandu, b’dan il-mod, ikun iddikjarat ammissibbli.

36      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-punt tan-nuqqas ta’ ammissibbiltà mqajjem minn Q għandu jiġi miċħud, peress li dan huwa dirett kontra l-appell prinċipali u l-aggravji jew partijiet mill-aggravji mqajma insostenn ta’ dawn.

 Fuq il-mertu

37      Mill-punti 27, 29 sa 32 u 34 iktar ’il fuq jirriżulta li, insostenn tal-appell prinċipali, il-Kummissjoni tqajjem l-ewwel aggravju, ibbażat, fl-ewwel parti tiegħu, fuq il-ksur tal-kundizzjoni tat-teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fir-rigward tal-eżistenza ta’ imġiba illegali u, fit-tieni parti tiegħu, tal-ksur tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi u tal-kundizzjoni ta’ teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fir-rigward tal-eżistenza ta’ imġiba illegali, kif ukoll ta’ tieni aggravju, bbażat fuq ksur tal-kundizzjoni tat-teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fir-rigward tal-eżistenza ta’ imġiba illegali, tal-Artikoli 7 u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-kundizzjoni ta’ teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fir-rigward tal-eżistenza ta’ imġiba illegali

–       L-argumenti tal-partijiet

38      Il-Kummissjoni takkuża lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ddeċieda li l-kundizzjoni ta’ teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità minħabba l-eżistenza ta’ imġiba illegali kienet sodisfatta, mingħajr ma kkonstata l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt li għandu bħala suġġett li jagħti drittijiet lil individwi, skont il-ġurisprudenza applikabbli (sentenzi Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punti 43 u 44, u Nardone vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punti 162 sa 164).

39      Q titlob iċ-ċaħda tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, sa fejn din hija bbażata fuq ġurisprudenza, li tirriżulta mis-sentenza Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, li ma hijiex applikabbli għall-kawżi tas-servizz pubbliku.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

40      Kawża bejn uffiċjal u istituzzjoni li fuqha jiddependi jew kien jiddependi u li tirrigwarda l-kumpens għad-danni kkonstatati, meta l-oriġini tagħha hija bażżata fuq ir-relazzjoni ta’ impjieg li torbot lil parti kkonċernata mal-istituzzjoni, tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 236 KE u tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u li tinsab, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-ammissibbiltà tagħha, barra mill-kamp ta’ applikazzjoni kemm tal-Artikolu 235 KE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE kif ukoll tal-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara d-Digriet tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ġunju 2009, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑114/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 12, u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Ir-Regolamenti tal-Persunal huma, fihom infushom, strument awtonomu, li għandhom l-għan waħdieni li jirregolaw ir-relazzjonijiet ġuridiċi bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali billi jistabbilixxu drittijiet u dmirijiet reċiproċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-22 ta’ Frar 2006, Adam vs Il-Kummissjoni, T‑342/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑23 u II‑A‑2‑107, punt 34). Ir-Regolamenti tal-Persunal b’hekk ikkreaw, fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom, ekwilibrju tad-drittijiet u ta’ obbligi reċiproċi, li għalihom la l-istituzzjonijiet u lanqas l-uffiċjali ma għandhom jippreġudikaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-31 ta’ Mejju 1988, Rousseau vs Il-Qorti tal-Awdituri, 167/86, Ġabra p. 2705, punt 13, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ April 1996, Kyrpitsis vs CES, T‑13/95, ĠabraSP p. I‑A‑167 u II‑503, punt 52). Dan l-ekwilibrju tad-drittijiet u ta’ obbligi reċiproċi huwa essenzjalment iddestinat li jippreżerva r-relazzjoni ta’ fiduċja li għandha teżisti bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom, sabiex tiżgura liċ-ċittadini Ewropej it-twettiq b’suċċess tal-missjonijiet ta’ interess ġenerali inkarigati lill-istituzzjonijiet (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C‑274/99 P, Ġabra p. I‑1611, punti 44 sa 47).

42      Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li, fil-kawżi li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom, dritt ta’ kumpens huwa rikonoxxut jekk tliet kundizzjonijiet ikunu preżenti, jiġifieri l-illegalità tal-imġiba allegata fil-konfront tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-imġiba u d-dannu invokat (sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Frar 1994, Latham vs Il-Kummissjoni, T‑82/91, ĠabraSP p. I‑A‑15 u II‑61, punt 72; digriet tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ April 2001, Pierard vs Il-Kummissjoni, T‑172/00, ĠabraSP p. I‑A‑91 u II‑429, punt 34, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Settembru 2007, Combescot vs Il-Kummissjoni, T‑249/04, Ġabra p. I-A-2-181, punt 49).

43      Din is-soluzzjoni ma hijiex ikkontestata mis-sentenza Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, li teħtieġ, fir-rigward tal-kundizzjoni li tirrigwarda l-illegalità tal-imġiba attribwita lill-istituzzjonijiet u fl-interess ta’ armonizzazzjoni tas-sistemi differenti ta’ responsabbiltà, li tkun stabbilita ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt li għandha bħala suġġett li tagħti drittijiet lill-individwi. Fil-fatt, mill-punti 39 sa 43 tas-sentenza Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, jirriżulta li dan ir-rekwiżit partikolari kif ukoll l-interess ta’ armonizzazzjoni li tiġġustifikaha tirrigwarda biss ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 288 KE, u r-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-ksur tad-dritt Komunitarju.

44      Barra minn hekk, id-differenza bejn, minn naħa, il-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni tar-responsabbiltà tal-Komunità għad-danni kkawżati mill-uffiċjali tagħha u ex uffiċjali minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet statutorji u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet li jirregolaw ir-responsabbiltà tal-Komunità fir-rigward ta’ terzi minħabba ksur ta’ dispożizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju huwa ġġustifikat, fir-rigward tal-ekwilibriju tad-drittijiet u tal-obbligi li r-Regolamenti tal-Persunal ikkreaw speċifikament fir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom, sabiex jiżguraw liċ-ċittadini Ewropej it-twettiq b’suċċess tal-missjonijiet ta’ interess ġenerali inkarigati lill-istituzzjonijiet.

45      Jekk, fis-sentenza Nardone vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq (punti 162 sa 173), il-qorti Komunitarja fittxet li tistabbilixxi jekk l-allegata illegalità tammontax għal ksur suffiċjentement serju ta’ regola tad-dritt li għandha bħala suġġett li tagħti drittijiet lil individwi, riċerka bħal din ma hijiex neċessarja, peress li, fil-kawżi li jirrigwardaw ir-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sew li l-konstatazzjoni ta’ illegalità waħidha hija suffiċjenti sabiex tiġi kkunsidrata bħala sodisfatta l-ewwel waħda minn tliet kundizzjonijiet neċessarji għat-teħid tar-responsabbiltà tal-Komunità għad-danni kkawżati lil uffiċjali tagħha u ex uffiċjali minħabba ksur tad-dritt Komunitarja tas-servizz pubbliku (ara punt 42 iktar ’il fuq).

46      B’hekk, hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti tal-ewwel aggravju bħala infondata.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi u tal-kundizzjoni tat-teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità relatati mal-eżistenza ta’ imġiba illegali

–       L-argumenti tal-partijiet

47      Il-Kummissjoni takkuża lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li, fis-sentenza appellata, kiser l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi u l-kundizzjoni tat-teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fir-rigward tal-eżistenza ta’ imġiba illegali, meta huwa ta lil Q kumpens għad-danni li rriżultaw minn ksur tad-dmir ta’ premura, li rriżulta minn ċerta imġiba msemmija fit-talba għal assistenza.

48      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn, fis-sentenza appellata, huwa ta lil Q kumpens fuq il-bażi ta’ nuqqas fis-servizz li ma kienx ġie invokat la fit-talba għal kumpens imressqa fit-3 ta’ Mejju 2004, annessa mat-talba għal assistenza (iktar ’il quddiem it-“talba għal kumpens”), la fl-ilment tas-26 ta’ Novembru 2004, u lanqas fir-rikors fl-ewwel istanza.

49      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, meta ma esponiex ir-raġunijiet li wassluh jikkunsidra, fil-punti 236 u 237 tas-sentenza appellata, li ċertu aġir imsemmi fit-talba għal assistenza, meħud flimkien, seta’ jkun legalment ikklassifikat bħala nuqqas fis-servizz li jista’ jwassal għal kumpens fil-kuntest tar-rikors li kien qed jitratta. Fil-fatt, il-konstatazzjoni ta’ “ċertu nuqqas […] tad-dmir tiegħu ta’ premura” ma hijiex ekwivalenti għall-konstatazzjoni ta’ ksur manifest u serju tad-dmir ta’ premura. Barra minn hekk, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkontradixxa ruħu meta ddeċieda li l-ebda mill-fatti msemmija fit-talba għal assistenza ma kien ppreġudika l-personalità, id-dinjità jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ Q.

50      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser il-kundizzjoni ta’ teħid ta’ responsabbiltà tal-Komunità fir-rigward tal-eżistenza ta’ imġiba illegali, peress li fil-każ preżenti, huwa ħa r-responsabbiltà tal-Komunità fuq il-bażi biss ta’ ksur tad-dmir ta’ premura.

51      Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ssostni li l-fatti jew azzjonijiet li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra, fil-punt 236 tas-sentenza appellata, bħala li jiżvelaw, meħuda flimkien, ċertu nuqqas mill-amministrazzjoni, tad-dmir ta’ premura ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala nuqqas tas-servizz ta’ natura li tagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

52      Q titlob iċ-ċaħda tat-tieni parti tal-ewwel aggravju.

53      L-ewwel nett, Q titlob iċ-ċaħda tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li hija invokat, essenzjalment, insostenn tat-talba tagħha għal kumpens, dannu li jirrigwarda d-deterjorament tal-istat tas-saħħa tagħha, li rriżulta minn nuqqasijiet mill-amministrazzjoni, għad-dmir ta’ premura, fit-talba għal kumpens, fl-ilment tal-24 ta’ Novembru 2004 kif ukoll, speċifikament, fir-rikors tal-ewwel istanza. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-kontestazzjonijiet setgħu jiġu żviluppati quddiem il-qorti tal-Unjoni, permezz tal-preżentazzjoni ta’ motivi u argumenti li ma kinux fl-ilment, iżda marbuta miegħu mill-qrib.

54      Q sussegwentement titlob, iċ-ċaħda tal-ilment ta’ ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien espona, fil-punt 236 tas-sentenza appellata, ir-raġunijiet li għalihom kien hemm, fil-każ preżenti, nuqqas, mill-amministrazzjoni, tad-dmir ta’ premura. Billi għamlet dan, il-qorti tal-ewwel istanza kienet stabbiliet l-eżistenza ta’ nuqqas fis-servizz ta’ natura li jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

55      Q titlob, fl-aħħar nett, iċ-ċaħda tal-kundizzjoni tat-teħid tar-responsabbiltà tal-Komunità fir-rigward tal-eżistenza ta’ imġiba illegali. In-nuqqas tad-dmir ta’ premura setgħa jkun invokat minn uffiċjal, indipendentement mill-ksur ta’ dispożizzjoni speċifika tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-każijiet kollha fejn l-amministrazzjoni kienet iddeċidiet fuq is-sitwazzjoni tagħha mingħajr ma tikkunsidra d-drittijiet u l-interessi tagħha.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

56      Skont id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 236 KE, tal-Artikolu 1 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 91(1) tar-Regolament tal-Persunal, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jeżerċita fl-ewwel istanza l-kompetenza li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet bejn il-Komunitajiet u l-persuni previsti fir-Regolamenti tal-Persunal u li jirrigwardaw il-legalità ta’ att li jippreġudika din il-persuna.

57      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-kawżi ta’ karattru pekunjarju, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu ġurisdizzjoni sħiħa. Din tal-aħħar tagħti lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-missjoni li tagħti lill-kawżi li jkun qed jitratta soluzzjoni kompluta (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Diċembru 2007, Weißenfels vs Il-Parlament, C‑135/06 P, Ġabra p. I‑12041, punt 67, u tas-17 ta’ Diċembru 2009, Réexamen M vs EMEA, C‑197/09 RX-II, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 56). Hija tipprovdi b’mod partikolari li tippermettilu li jiżgura l-effettività prattika tas-sentenzi li huwa jiddeċiedi fil-kawżi tas-servizz pubbliku, b’mod li dan jista’ ex officio jagħti kumpens lill-persuna prevista mir-Regolamenti tal-Persunal jekk huwa jikkunsidra li l-annullament tal-att li jikkawża preġudizzju, vvizzjat b’illegalità, ma huwiex suffiċjenti sabiex jipprevali mid-drittijiet tiegħu jew sabiex jipproteġi l-interessi tiegħu b’mod effettiv jew li l-annullament ta’ dan l-att jammonta għal sanzjoni eċċessiva tal-illegalità mwettqa u li l-għoti ta’ kumpens lil persuna kkonċernata tammonta għall-forma ta’ kumpens li jikkorrispondi l-aħjar kemm għall-interessi ta’ dan, kif ukoll għall-interessi tas-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ġunju 1980, Oberthür vs Il-Kummissjoni, 24/79, Ġabra p. 1743, punti 13 u 14, u tal-20 ta’ Mejju 2010, Gogos vs Il-Kummissjoni, C‑583/08 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 50; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-31 ta’ Marzu 2004, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, ĠabraSP p. I‑A‑109 u II‑483, punti 86, 87 u 89, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’każ bħal dan, huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li għandu jevalwa, hekk kif jirriżulta miċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, id-dannu subit mill-persuna kkonċernata ex aequo et bono (sentenzi Oberthür vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 14, u Gogos vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

58      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tirregola t-tieni waħda, b’mod li din id-dispożizzjoni tagħti lill-qorti ġurisdizzjoni sħiħa biss fil-każ fejn teżisti kawża li titratta l-illegalità ta’ att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-1 ta’ Diċembru 1994, Schneider vs Il-Kummissjoni, T‑54/92, ĠabraSP p. I‑A‑281 u II‑887, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Ditterich vs Il-Kummissjoni, T‑79/92, ĠabraSP p. I‑A‑289 u II‑907, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors jista’ jiġi introdott biss quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jekk l-Awtorità tal-Ħatra (iktar ’il quddiem l-“AIPN”) tkun qabel itrattat ilment, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, fit-terminu li jidher hemmhekk, u jekk dan l-ilment kien is-suġġett ta’ deċiżjoni espliċita jew impliċita ta’ ċaħda. L-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-AIPN tista’ titratta ilment kontra att li jikkawża preġudizzju lil persuna li taqa’ taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, kemm jekk l-AIPN tkun ħadet deċiżjoni, kemm jekk hija tkun naqset milli tieħu miżura imposta mir-Regolamenti tal-Persunal. Att li jikkawża preġudizzju jista’ jikkonsisti, b’mod partikolari, fiċ-ċaħda, impliċita jew espliċita, ta’ talba minn qabel indirizzata mill-persuna kkonċernata lill-AIPN, b’mod konformi mal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal.

60      Jekk il-persuna li taqa’ taħt ir-Regolamenti tal-Persunal tixtieq tikkontesta l-legalità ta’ att li jikkawżalha preġudizzju, hija tista’ tressaq direttament quddiem l-AIPN ilment u, sussegwentement, tippreżenta rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jekk l-ilment tagħha huwa miċħud. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, wara ċ-ċaħda tal-ilment kontra att li jikkawża preġudizzju, il-persuna li taqa’ taħt ir-Regolamenti tal-Persunal tista’ tippreżenta rikors li fih hija titlob l-annullament tal-att li jikkawża preġudizzju, il-ħlas ta’ kumpens jew it-tnejn (ara s-sentenzi Schneider vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Ditterich vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Min-naħa l-oħra, jekk l-illegalità allegata minn persuna li taqa’ taħt ir-Regolamenti tal-Persunal ma tammontax għal att li jikkawża preġudizzju fis-sens tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda nuqqas fis-servizz imwettaq mill-amministrazzjoni, l-imsemmija persuna tista’ tibda l-proċedura biss billi tintroduċi talba quddiem l-AIPN, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, li ċ-ċaħda eventwali tammonta għal deċiżjoni li tikkawżalha preġudizzju li kontriha hija tista’ tintroduċi lment, u, jekk meħtieġ, rikors (ara s-sentenzi Schneider vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 53, u l-ġurisprudenza ċċitata, u Ditterich vs Il-Kummissjoni, punt 58 iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      B’hekk jirriżulta li meta persuna li taqa’ taħt ir-Regolamenti tal-Persunal titlob li tiġi kkompensata għal dannu li hija tikkunsidra li subiet fin-nuqqas ta’ att li jikkawża preġudizzju, hija għandha, bħala prinċipju, issegwi proċedura prekontenzjuża f’żewġ stadji, jiġifieri talba u sussegwentement ilment kontra d-deċiżjoni li tiċħad it-talba tagħha għall-kumpens, skont l-Artikolu 90(1) u (2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

63      B’hekk, mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li jkun mitlub, minn persuna li taqa’ taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, li jitratta rikors li jirrigwarda l-legalità ta’ att li jikkawżalha preġudizzju, jista’, ex officio, taħt il-ġurisdizzjoni sħiħa li huwa għandu skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, jagħti kumpens lil din il-persuna biss jekk l-imsemmi kumpens huwa kumpens minħabba l-illegalità ta’ att li jikkawża preġudizzju, suġġett tar-rikors, jew, għall-inqas, minħabba dannu li jirriżulta minn illegalità marbuta mill-qrib ma’ dan l-istess att (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Diċembru 2006, Meister vs UASI, C‑12/05 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 112 sa 116, u s-sentenza Gogos vs Il-Kummissjoni, punt 57 iktar ’il fuq, punti 49 sa 53).

64      Fil-każ preżenti, mill-punti 232 sa 242 tas-sentenza appellata jirriżulta li, fir-rigward tat-“talbiet għall-kumpens tad-dannu li jirriżulta mill-allegat fastidju psikoloġiku”, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta lil Q is-somma ta’ EUR 500 bħala kumpens għad-“danni morali” subiti minnha minħabba nuqqas fis-servizz imwettaq mill-Kummissjoni, li kien “ikkontribwixxa sabiex jiżola lil [Q] fi ħdan id-diviżjoni tagħha”. In-nuqqas fis-servizz kkonstatat f’dan ir-rigward jikkonsisti f’“nuqqasijiet mill-Kummissjoni fid-dmir tagħha ta’ premura” jew, kif indikat fil-punt 236 tas-sentenza appellata, f’“ċertu nuqqas mill-Kummissjoni ta’ dmir tagħha ta’ premura” kif jirriżulta minn “ċerti fatti invokati minn [Q] insostenn tat-talba tagħha għall-kumpens […], meħuda flimkien”. Dawn in-nuqqasijiet huma esposti fil-punti 156 sa 160, 164, 171 u 180 tas-sentenza appellata u jikkonsistu għall-Kummissjoni, fl-ewwel lok u għal dak li jirrigwarda l-proroga tal-perijodu ta’ prova ta’ Q, li ma indirizzatx qabel ilmenti lil din tal-aħħar u li telfitha l-possibbiltà li tinstema’, hija stess u l-persuni li hija tixtieq li jinstemgħu, mill-kumitat tar-rapporti, fit-tieni lok, li tat lil Q uffiċċji maqtugħin għalihom sas-sajf tal-2004, fit-tielet lok, li ma assenjat l-ebda xogħol lil Q bejn ix-xahar ta’ Jannar u x-xahar ta’ Ġunju 2003 u, fir-raba’ lok, li ttardjat sabiex tat risposta għat-talba għal-leave annwali ta’ Q għall-perijodu bejn id-19 ta’ Lulju u s-27 ta’ Awwissu 2004 u li finalment naqqset il-jiem korrispondenti għal din it-talba mit-total ta’ jiem ta’ leave annwali tagħha, b’mod li Q kienet, mill-5 ta’ Lulju 2004, iddepożitat ċertifikat mediku għall-perijodu tas-17 ta’ Lulju sas-27 ta’ Awwissu 2004, li ma kienx ġie ikkontestat mill-amministrazzjoni.

65      Mill-konstatazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-punti 112, 115 u 232 tas-sentenza appellata, li ma ġewx ikkontestati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-appell preżenti, jirriżulta li, permezz tat-talba tagħha għal kumpens, Q titlob il-kumpens ta’ dannu, ta’ natura materjali, ikkostitwit minn preġudizzju serju għall-istat tagħha ta’ saħħa, muri mill-varji ċertifikati u opinjonijiet mediċi, u inkapaċità li teżerċita b’mod normali l-funzjonijiet tagħha fi ħdan id-diviżjoni tagħha, li rriżulta mill-fastidju psikoloġiku, fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, imsemmi fit-talba tagħha għal assistenza, u li, peress li l-Kummissjoni ma weġbitx għall-imsemmija talba f’terminu ta’ erba’ xhur, in-nuqqas ta’ risposta kienet tat lok, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, għal deċiżjoni ta’ ċaħda tagħha. Barra minn hekk, mill-konstatazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, kif ukoll minn dawk li jirriżultaw mill-punt 117 tas-sentenza appellata, jirriżulta li r-rikors fl-ewwel istanza kellu l-għan, essenzjalment, li jannulla d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talbiet għall-assistenza u ta’ kumpens, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, u, b’konsegwenza ta’ dan l-annullament, għall-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallas lill-Q il-kumpens mitlub għad-“dannu li jirriżulta mill-allegat fastidju psikoloġiku”.

66      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ assistenza, imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa intiż sabiex l-istituzzjoni tiddefendi lill-uffiċjali minn aġir ta’ terzi u mhux kontra l-atti tal-istituzzjoni stess, li l-kontroll tagħhom joħroġ minn dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Diċembru 1981, Bellardi-Ricci et vs Il-Kummissjoni, 178/80, Ġabra p. 3187, punt 23, u tal-25 ta’ Marzu 1982, Munk vs Il-Kummissjoni, 98/81, Ġabra p. 1155, punt 21). Għalkemm l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24, tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intiż qabel kollox sabiex jipproteġi lill-uffiċjali minn attakki u trattament ħażin li jirriżulta minn terzi, dan jimponi wkoll obbligu ta’ assistenza fuq l-amministrazzjoni fil-każ fejn l-awtur tal-fatti li jaqa’ taħt din id-dispożizzjoni huwa uffiċjal ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Ġunju 1979, V. vs Il-Kummissjoni, 18/78, Ġabra p. 2093, punt 15, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Marzu 2005, L vs Il-Kummissjoni, T‑254/02, ĠabraSP p. I‑A‑63 u II‑277, punt 85, u l-ġurisprudenza ċċitata).

67      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 24, tar-Regolamenti tal-Persunal għandu bħala għan il-kumpens għad-danni kkawżati lil uffiċjali minn l-aġir ta’ terzi jew ta’ uffiċjali oħra previsti mill-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu, suġġett li ma setax jikseb kumpens mill-awturi tagħhom (ara, f’dan is-sens, id-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Ottubru 2006, Schmidt-Brown vs Il-Kummissjoni, C‑365/05 P, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 78). L-ammissibbiltà tar-rikors għad-danni mressaq minn uffiċjal skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24, tar-Regolamenti tal-Persunal huwa b’hekk suġġett għall-eżawriment tar-rimedji nazzjonali, sakemm dawn jiżguraw b’mod effettiv il-protezzjoni tal-persuni kkonċernati u jistgħu jwasslu għall-kumpens għad-danni allegati (ara s-sentenza L vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 148, u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Is-sistema speċjali tar-responsabbiltà stabbilita mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 24, tar-Regolamenti tal-Persunal hija bbażata fuq id-dover tal-amministrazzjoni li tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-uffiċjali u aġenti tagħha kontra l-attakki jew trattament ħażin li jirriżulta minn terzi jew uffiċjali oħra, li jistgħu jkunu vittmi tagħhom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, b’mod partikolari fil-forma ta’ fastidju psikoloġiku, fis-sens tal-Artikolu 12a(3), tar-Regolamenti tal-Persunal. Din hija sistema ta’ responsabbiltà mingħajr nuqqas, li għandha ssir distinzjoni mis-sistema tad-dritt komuni tar-responsabbiltà tal-Komunità fil-qasam tas-servizz pubbliku, kif jirriżulta mill-punt 234 tas-sentenza appellata kif ukoll mill-punt 42 iktar ’il fuq, li teħtieġ mill-uffiċjal li għandu l-intenzjoni li jikseb kumpens mill-Komunità li juri li subixxa dannu bħala konsegwenza ta’ imġiba ta’ nuqqas ta’ istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 1993, Caronna vs Il-Kummissjoni, T‑59/92, Ġabra p. II‑1129, punti 25 u 68, u L vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punti 143 sa 146 u 147 sa 153). Barra minn hekk, din is-sistema speċjali tar-responsabbiltà indipendenti minn nuqqas għandha tiġi distinta minn sistema ta’ kumpens tal-uffiċjali għall-mard li huma ħadu jew l-inċidenti li kienu vittma tagħhom waqt il-qadi tad-dmirijiet tagħhom jew bid-deterjorazzjoni ta’ tali mard, skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-leġiżlazzjoni komuni dwar il-kopertura tar-riskji ta’ inċident u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali adottati fuq il-bażi ta’ dan l-artikolu. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni espressa f’dan is-sens fil-leġiżlazzjoni dwar il-kopertura tar-riskji ta’ inċident u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali, ma jistax jiġi kkunsidrat li dan jeskludi d-dritt ta’ uffiċjal u tal-aventi kawża tiegħu li jitolbu kumpens addizzjonali meta l-istituzzjoni hija obbligata tikkumpensa, kemm skont id-dritt komuni, fil-każ fejn hija tkun ikkunsidrata responsabbli mill-inċident jew tal-marda ta’ dan l-uffiċjal, kemm fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, fil-każ fejn dan l-inċident jew din il-marda tirriżulta mill-attakki ta’ terzi jew ta’ uffiċjali oħra fir-rigward tal-eżerċizzju, mill-imsemmi uffiċjal, tal-funzjonijiet tegħu fis-servizz tal-Komunitajiet u li l-benefiċċji tas-sistema statutorja ma jkunux biżżejjed sabiex jiżguraw il-kumpens sħiħ tad-dannu subit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il-Kummissjoni, 169/83 u 136/84, Ġabra p. 2801, punti 11 sa 12).

69      Mill-konstatazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza appellata, jirriżulta, hekk kif imfakkar fil-punti 64 u 65 iktar ’il fuq, li t-talba għal kumpens hija bbażata biss fuq il-kumpens tad-dannu, ta’ natura materjali, li Q tallega li subiet minħabba l-fastidju psikoloġiku msemmi fit-talba għal assistenza u li ġiet ikkawżata minn numru ta’ membri tal-ġerarkija tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Persunal u Amministrazzjoni” tal-Kummissjoni, jiġifieri atti personalment attribwibbli għal uffiċjali oħra, u mhux minħabba nuqqas fis-servizz tal-Kummissjoni, li l-istħarriġ tagħhom huwa rregolat minn dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 42 u 66 ikar ’il fuq.

70      B’hekk jirriżulta li r-rikors fl-ewwel istanza ma kellux, fir-rigward tat-talbiet għall-kumpens tad-dannu allegatament subit minn Q, għan ieħor minn dak ippreżentat mit-talba għal kumpens, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24, tar-Regolamenti tal-Persunal, u barra minn hekk bil-għan, bħala konsegwenza taċ-ċaħda ta’ din tal-aħħar, għall-kundanna tal-Kummissjoni li tħallasha l-kumpens mitlub bħala kumpens għad-danni subiti minħabba l-illegalità li vvizzjat din id-deċiżjoni, sa massimu ta’ EUR 100 000. Min-naħa l-oħra, dawn l-istess konstatazzjonijiet ma jippermettux li jiġi konkluż li, permezz tat-talba tagħha għal kumpens, Q kienet talbet li tiġi kkumpensata għal dannu, ta’ natura psikoloġika, li rriżulta minn nuqqas fis-servizz tal-Kummissjoni, kompost minn nuqqasijiet, minn din, għad-dmir ta’ premura, li jirriżulta minn ċerti fatti msemmija fit-talba għal assistenza.

71      Barra minn hekk, ma jistax ikun ikkunsidrat li n-nuqqas fis-servizz attribwit lill-Kummissjoni fil-każ preżenti, hekk kif deskritt fil-punt 64 iktar ’il fuq, huwa konness b’rabta mill-qrib mad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal kumpens, li għandha bħala għan, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24, tar-Regolamenti tal-Persunal, il-kumpens tad-dannu, ta’ natura materjali, li Q allegatament subiet minħabba fastidju psikoloġiku msemmi fit-talba għal assistenza. Fil-fatt, peress li l-fatti msemmija fit-talba għal assistenza bħala li jammontaw għal fastidju psikoloġiku, fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandhom jiġu meqjusa bħala atti attribwibbli lill-awturi tagħhom, jiġifieri l-membri tal-ġerarkija tad-DĠ “Persunal u Amministrazzjoni” speċifikament implikati, dan ma huwiex il-każ tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talbiet ta’ assistenza u ta’ kumpens, li huwa att attribwibbli lill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, l-atti li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra sabiex jikkonstata nuqqas amministrattiv tal-Kummissjoni (ara punt 64 iktar ’il fuq) huma preċedenti għad-data li fiha seħħet id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talbiet għal assistenza u għal kumpens, jiġifieri t-3 ta’ Settembru 2004. L-imsemmi nuqqas, li b’hekk kien jeżisti qabel id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda, ma tistax tiġi meqjusa bħala konnessa permezz ta’ rabta mill-qrib għal din tal-aħħar, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 63 iktar ’il fuq.

72      B’hekk, peress li kien itrattata legalment, skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors li jitratta l-illegalità, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal kumpens, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistax, mingħajr ma jikser dawn l-istess artikoli, jiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk ċerti fatti msemmija fit-talba għal assistenza setgħu, meħuda flimkien, ikunu kklassifikati bħala nuqqas fis-servizz tal-Kummissjoni li wasslu għad-dannu, ta’ natura psikoloġika, subita minn Q, u li għandu jiġi kkumpensat.

73      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku b’hekk kiser l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u ddeċieda ultra petita, meta biddel is-suġġett tal-kawża, sa fejn, hekk kif jirriżulta mill-punt 242 tal-motivi u tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, huwa kkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa d-danni morali li rriżultaw minn nuqqas fis-servizz li wassal sabiex Q tiġi iżolata fid-diviżjoni tagħha, dan ammonta għal nuqqas, mill-Kummissjoni, għad-dmir ta’ premura, li jirriżulta minn ċertu aġir imsemmi fit-talba għal assistenza.

74      Konsegwentement, u wkoll mingħajr il-ħtieġa li jiġu eżaminati l-ilmenti jew argumenti l-oħra invokati insostenn tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, hemm lok li dan tal-aħħar jintlaqa’ u li jiġi annullat il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, sa fejn jikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lil Q kumpens ta’ ammont ta’ EUR 500.

 Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-kundizzjoni tat-teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità li tirrigwarda l-eżistenza ta’ imġiba illegali, tal-Artikoli 7 u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi

 L-argumenti tal-partijiet

75      Il-Kummissjoni takkuża lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li kiser il-kundizzjoni tat-teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fir-rigward tal-eżistenza ta’ imġiba illegali, l-Artikoli 7 u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, sa fejn, fil-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, huwa laqa’ parzjalment it-talbiet ta’ Q bil-għan tal-kumpens tad-dannu li rriżulta mill-illegalità tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza wara li ddeċieda, fil-punti 250, 251 u 254 tas-sentenza appellata, li l-kundizzjoni li tirrigwarda l-eżistenza ta’ imġiba illegali kienet sodisfatta, fil-każ preżenti, minħabba l-illegalità tad-deċiżjoni impliċita li tirrifjuta li tieħu miżura provviżorja ta’ tbegħid, hekk kif ikkonstatat fil-punti 209 sa 212 tas-sentenza appellata, kif ukoll tad-dewmien għall-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva.

76      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni ssostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser il-kundizzjoni tat-teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fir-rigward tal-eżistenza ta’ imġiba illegali, l-Artikoli 7 u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi, fil-punti 209 sa 212, 250, 251 u 254 tas-sentenza appellata, sa fejn huwa ddeċieda, mingħajr ma kkonstata ksur manifest u sejru tal-limiti imposti fil-każ preżenti għas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, b’mod konformi mal-ġurisprudenza (sentenza Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq), li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità kienet daħlet fis-seħħ sa fejn hija kienet irrifjutat li tieħu miżura provviżorja ta’ tbegħid. Fir-rigward ta’ miżura provviżorja ta’ tbegħid ta’ uffiċjal allegatament vittma ta’ fastidju psikoloġiku, l-istituzzjonijiet għandhom, skont l-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal, setgħa diskrezzjonali wiesgħa, rikonoxxuta mill-ġurisprudenza (sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ Diċembru 2000, Campogrande vs Il-Kummissjoni, T‑136/98, ĠabraSP p. I‑A‑267 u II‑1225, punt 42) u l-Komunikat tat-22 ta’ Ottubru 2003 fuq il-politika fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku fil-Kummissjoni [C (2003) 3644] (iktar ’il quddiem il-“Komunikat dwar il-fastidju psikoloġiku”). B’hekk ma kien jeżisti l-ebda obbligu ġenerali u assolut tal-amministrazzjoni li tieħu awtomatikament miżura preventiva, bħal assenjazzjoni mill-ġdid jew trasferiment, għall-inqas suspett ta’ fastidju psikoloġiku. Tali assenjazzjoni mill-ġdid jew trasferiment awtomatiku jkunu, fi kwalunkwe każ, kuntrarji għall-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal, li skont dan l-assenjazzjonijiet kollha għandhom jittieħdu fl-interess tas-servizz.

77      Il-Kummissjoni ssostni li l-punti 250, 251 u 254 tas-sentenza appellata huma wkoll vvizzjati b’nuqqas ta’ motivi, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku naqas milli jfittex, b’mod konformi mal-ġurisprudenza, jekk din kinitx naqset b’mod manifest u serju, fil-każ preżenti, il-limiti li huma imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tiegħu (sentenza Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punti 43 u 44).

78      Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li, fir-rigward tal-aġir imsemmi fit-talba għal assistenza, tan-nuqqasijiet ta’ Q għal raġunijiet mediċi jew oħra fil-parti l-kbira tas-sena 2004, tal-karattru kroniku u mhux regolari tal-problemi li għandhom jiġu trattati, ta’ rifjut ta’ ċerti proposti ta’ assenjazzjoni mill-ġdid diġà opposti minn Q u tad-diskussjonijiet li saru ma’ Q, sabiex issibilha post xieraq f’wieħed mid-DĠs li hija kienet għażlet, id-deċiżjoni li ma tipproċediex għall-assenjazzjoni mill-ġdid imġegħla ta’ Q, iżda li timplikaha fir-riċerka ta’ soluzzjoni kostruttiva, kienet xierqa kemm fl-intenzjoni li tiffavorixxi r-rikostruzzjoni tal-karriera tagħha kif ukoll fl-interess tas-servizz. Wara l-perijodu ta’ prova tagħha, Q kienet diġà ġiet “imbegħda” numru ta’ drabi fuq talba tagħha u l-amministrazzjoni kienet aġixxiet, fil-każ preżenti, b’ħeffa, billi offritilha li terġa tiġi assenjata f’wieħed mid-DĠs tal-għażla tagħha.

79      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser ukoll il-kundizzjoni tat-teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fir-rigward tal-eżistenza ta’ imġiba illegali, sa fejn huwa ddeċieda, fil-punt 251 tas-sentenza appellata, li l-amministrazzjoni kienet adottat imġiba illegali meta damet biex fetħet investigazzjoni amministrattiva li tirrigwarda l-aġir imsemmi fit-talba għal assistenza. Minn naħa, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kkunsidrax ir-rabta diretta li teżisti bejn l-andament tat-talbiet għall-annullament u dawk li jirrigwardaw it-tabiet għall-kumpens. Sa fejn fil-punt 200 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien ċaħad it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, meta hija rrifjutat li tiftaħ investigazzjoni amministrattiva, bħala inammissibbli, dan kellu wkoll jiċħad bħala inammissibbli t-talbiet għall-kumpens li kienu marbuta mill-qrib ma’ dawn. Min-naħa l-oħra, il-ġurisprudenza taċċetta ċertu dewmien għall-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, jekk dan id-dewmien huwa ġustifikat fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti (sentenza Campogrande vs Il-Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, punt 54). Fil-każ preżenti, id-dewmien, ta’ ċirka erba’ xhur, għall-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva kien ġustifikat mill-fatt li l-imsemmija investigazzjoni kellha titħalla f’idejn konsulent awditur awtonomu tal-Uffiċċju ta’ investigazzjoni u tad-dixxiplina (iktar ’il quddiem l-“IDOC”), korp taħt l-awtorità tad-direttur ġenerali tad-DĠ “Persunal u Amministrazzjoni”.

80      Q titlob, fl-ewwel lok, li jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq ksur tal-kundizzjoni tat-teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fir-rigward tal-eżistenza ta’ imġiba illegali, tal-Artikoli 7 u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi. Is-sentenza Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni (punt 27 iktar ’il fuq) ma tapplikax fil-kuntest tal-kawżi tas-servizz pubbliku. Permezz tal-Komunikat dwar il-fastidju psikoloġiku, il-Kummissjoni intrabtet li “tipprojbixxi l-eżerċizzju ta’ ritaljazzjoni fir-rigward ta’ membru tal-persunal li jilmentaw li kienu infastiditi” u, b’hekk billi “tikkunsidra sitwazzjonijiet speċifiċi”, li tieħu miżuri provviżorji ta’ tbegħid “bil-għan li tissepara lill-partijiet preżenti” u li “tippermetti lill-allegata vittma terġa’ tiġi f’tagħha billi tiġi megħjuna żżomm distanza”. Fil-każ preżenti, il-Kummissjoni kellha tikkunsidra mhux biss il-karattru fit-tul u repetittiv tal-aġir imsemmi fit-talba għal assistenza, iżda wkoll it-talbiet ta’ numru ta’ tobba u esperti, li kollha kienu rrakomandaw li titbiegħed mid-DĠ “Persunal u Amministrazzjoni”. Barra minn hekk, il-miżura provviżorja ta’ tbegħid tal-allegata vittma ta’ fastidju psikoloġiku tista’ tkun ikkunsidrata bħala assenjazzjoni deċiża fl-interess tas-servizz, fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolamenti tal-Persunal. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2006) 1264/3, tas-26 ta’ April 2006, dwar il-politika fil-qasam tal-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u tal-ġlieda kontra l-fastidju psikoloġiku u l-fastidju sesswali fil-Kummissjoni, li annullat u ssostitwiet il-Komunikat dwar il-fastidju psikoloġiku, kien jikkonferma li “miżura ta’ tbegħid […] tieħu l-forma ta’ assenjazzjoni mill-ġdid fl-interess tas-sevizz”. Fir-rigward tal-kriterji msemmija fis-sentenza Campogrande vs Il-Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma kienx ivvizzja s-sentenza appellata bi żball ta’ liġi meta ddeċieda li l-Kummissjoni kienet wettqet nuqqas fis-servizz meta naqset milli tintervjeni bl-enerġija kollha neċessarja u meta naqset milli tirrispondi għat-talba għal assistenza b’ħeffa u l-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ.

81      Fit-tieni lok, Q titlob iċ-ċaħda tal-ilment ibbażat fuq żbalji ta’ liġi li vvizzjaw l-evalwazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li skont din il-Kummissjoni setgħet tiġi akkużata li damet sabiex fetħet l-investigazzjoni amministrattiva fuq l-aġir imsemmi fit-talba għal assistenza. Il-punt 54 tas-sentenza Campogrande vs Il-Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, ma tawtorizzax lill-Kummissjoni tikkunsidra li ċertu terminu għall-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva setgħet tkun ġustifikata. Din is-sentenza tinsisti, pjuttost, fuq ir-rekwiżiti ta’ premura, ta’ ħeffa u tad-diliġenza inerenti għall-obbligu ta’ assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

82      L-ewwel nett għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tal-Kummissjoni bbażati fuq ksur tal-kundizzjoni tat-teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fir-riward tal-eżistenza ta’ imġiba illegali u tal-Artikoli 7 u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità kienet seħħet sa fejn, minħabba l-effett tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, l-AIPN kienet irrifjutat li tieħu miżura ta’ tbegħid, b’mod li, hekk kif jirriżulta mill-punt 209 tas-sentenza appellata, “l-importanza u l-gravità tal-fatti allegati minn [Q] fit-talba għal assistenza tiżvela […] ‘suspett ta’ fastidju psikoloġiku’ fis-sens tal-komunikat […] fuq il-fastidju psikoloġiku”.

83      L-ewwel nett, għandu jingħad li l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jpoġġi fuq il-Komunitajiet obbligu ta’ assistenza fir-rigward tal-uffiċjali tagħhom, tidher fit-Titolu II dwar id-“Drittijiet u obbligi ta’ l-uffiċjali”. B’hekk jirriżulta li f’kull sitwazzjoni fejn iseħħu l-kundizzjonijiet fattwali meħtieġa, dan l-obbligu ta’ assistenza jikkorrispondi għal dritt statutorju tal-uffiċjal ikkonċernat (sentenza Caronna vs Il-Kummissjoni, punt 68 iktar ’il fuq, punt 58).

84      Skont ġurisprudenza stabbilita, skont l-obbligu ta’ assistenza hekk kif jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni għandha, meta jseħħ inċident inkompatibbli mal-ordni u s-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija kollha meħtieġa u twieġeb bil-ħeffa u l-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex jiġu stabbiliti l-fatti u sabiex, b’għarfien sħiħ tal-kunsiderazzjonijiet kollha involuti, jinsiltu l-konklużjonijiet xierqa. Għal dan il-għan, huwa suffiċjenti li l-uffiċjal li jeżiġi l-protezzjoni tal-istituzzjoni tiegħu jressaq provi li juru li verament kien hemm l-attakki li huwa jsostni li kien is-suġġett tagħhom. Fil-preżenza ta’ provi bħal dawn, hija r-responsabbiltà tal-istituzzjoni inkwistjoni li għandha tieħu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari billi ssir investigazzjoni amministrattiva, sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li huma s-suġġett tal-ilment, b’kollaborazzjoni mal-awtur tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il-Kummissjoni, 224/87, Ġabra p. 99, punti 15 u 16, u s-sentenza L vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata), li fin-nuqqas tagħhom, hija ma hijiex f’pożizzjoni li tieħu pożizzjoni definittiva, b’mod partikolari, fuq il-punt dwar jekk l-ilment għandux jiġi kklassifikat mingħajr eżitu jew jekk għandhiex tinfetaħ proċedura dixxiplinari u, jekk ikun il-każ, jekk hemmx lok li jittieħdu sanzjonijiet dixxiplinari (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1974, Guillot vs Il-Kummissjoni, 53/72, Ġabra p. 791, punti 3, 12 u 21, u tad-9 ta’ Novembru 1989, Katsoufros vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 55/88, Ġabra p. 3579, punt 16).

85      Barra minn hekk, meta l-amministrazzjoni hija ppreżentata b’talba għal assistenza, minn uffiċjal, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija marbuta wkoll, skont id-dmir ta’ protezzjoni impost fuqha minn dan l-artikolu (sentenza V vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 16), li tieħu l-miżuri preventivi xierqa, bħall-assenjazzjoni mill-ġdid jew it-trasferiment provviżorju tal-vittma, il-għan li tipproteġi lil din tal-aħħar kontra r-repetizzjoni tal-aġir irrapurtat fil-perijodu kollu meħtieġ għall-investigazzjoni amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Campogrande vs Il-Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, punt 55).

86      L-amministrazzjoni tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa, taħt il-kontroll tal-qorti tal-Unjoni, fl-għażla tal-miżuri, kemm provviżorji kif ukoll definittivi, li għandhom jittieħdu, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal. L-istħarriġ tal-Qorti tal-Unjoni jillimita ruħu għal kwistjoni dwar jekk l-istituzzjoni kkonċernata żammitx ruħha fil-limiti raġonevoli u ma użatx is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, T‑154/05, Ġabra p. I-A-2-203, punt 137, u l-ġurisprudenza ċċitata).

87      Madankollu, għandu jingħad ukoll li l-Komunikat dwar il-fastidju psikoloġiku kien diġà ġie adottat fil-mument fejn id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, ippreżentata fit-3 ta’ Mejju 2004, seħħet u li, kemm minn kliemu u mill-forma kif ukoll mill-kontenut tiegħu, dan il-komunikat kellu valur ta’ direttiva interna, li kienet tapplika għall-Kummissjoni peress li din ma kinitx immanifestat b’mod ċar l-intenzjoni tagħha li tieħu azzjoni, permezz ta’ deċiżjoni motivata u ċirkostanzjata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-30 ta’ Jannar 1974, Louwage vs Il-Kummissjoni, 148/73, Ġabra p. 81, punt 12, u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Frar 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, T‑246/04 u T‑71/05, Ġabra p. I-A-2-21, punt 127).

88      Skont il-punt 4.1.1 tal-Komunikat dwar il-fastidju psikoloġiku, li jitratta l-“[m]iżuri li għandhom jittieħdu wara l-identifikazzjonu tal-fastidju”, il-politika tal-ġlieda kontra l-fastidju psikoloġiku kellu jkun għodda ġdida ta’ protezzjoni għall-persuni impjegati fi ħdan l-istituzzjoni u jiżgura lill-allegati vittmi u lix-xhieda eventwali li jibbenefikaw mill-protezzjoni tal-istituzzjoni. Huwa f’dan l-għan ta’ protezzjoni li l-punt 4.1.1(i) tal-Komunikat dwar il-fastidju psikoloġiku jipprovdi, bħala “miżuri ta’ urġenza”, li “għall-inqas suspett ta’ fastidju psikoloġiku, miżuri ta’ tbegħid [setgħu] ikunu previsti”, li “[d]awn il-miżuri [għandhom l-għan] li jisseparaw il-partijiet preżenti u ma [kellhomx] jiġu konfużi mal-politika tal-mobilità”, li “[h]uma [setgħu] jiġu proposti lill-AIPN, bil-miktub, mill-persuni ta’ fiduċja jew permezz tal-ombudsman” u li, “[f]ir-rigward tal-miżuri proviżorji, dan it-tbegħid ma [jkunx] jiddependi fuq l-eżistenza ta’ post liberu”. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tipprovdi li “[d]awn il-miżuri ta’ tbegħid li [għandhom] jieħdu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjonijiet speċifiċi [li jistgħu] ikunu immedjati u jekk hemm bżonn definittivi” u li “huma [jkollhom] bħala għan li jippermettu lill-allegata vittma terġa tiġi f’tagħha billi tiġi megħjuna żżomm distanza”.

89      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Komunikat dwar il-fastidju psikoloġiku, li sussegwentement ġie annullat u sostitwit permezz tad-Deċiżjoni C (2006) 1264/3, huwa bbażat fuq l-idea li l-amministrazzjoni ma għandhiex tistenna li s-sitwazzjoni ta’ kunflitt jipperpetwa, iżda għandha, għall-kuntrarju, tintervjeni bl-enerġija kollha neċessarja u tirrispondi b’ħeffa u l-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ billi taddotta, b’mod preventiv, kull miżura ta’ tbegħid neċessarju. Il-Kummissjoni ma hijiex fondata, f’dan ir-rigward, li tieħu vantaġġ mill-użut tal-verb “tista’” fil-Komunikat dwar il-fastidju psikoloġiku għall-finijiet li teżiġi li hija tibqa’, fi kwalunkwe każ, libera li tevalwa jekk miżura provviżorja ta’ tbegħid tiġix applikata fir-rigward tal-fatti tal-każ. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ dan il-komunikat, il-verb “tista’” għandu jiġi mifhum fis-sens li l-amministrazzjoni kellha s-setgħa li tieħu, b’mod preventiv, miżura ta’ tbegħid, għall-perijodu kollu meħtieġ għall-investigazzjoni amministrattiva, li kellha tippermettilha tistabbilixxi l-fatti u li tieħu pożizzjoni definittiva fir-rigward tagħhom. Min-naħa l-oħra, dan ma jippreġudikax dak li n-neċessità li jiġi żgurat effett utli tad-dmir ta’ protezzjoni, li jirriżulta mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24, tar-Regolamenti tal-Persunal, jimplika li l-amministrazzjoni tista’ tkun marbuta, meta ċerti kundizzjonijiet fattwali jkunu preżenti, li tassisti uffiċjal billi tadotta, b’mod preventiv, miżura ta’ tbegħid.

90      Fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24, tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Komunikat dwar il-fastidju psikoloġiku, b’hekk għandu jiġi kkonstatat li, fid-data li fiha d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza tidħol fis-seħħ, l-amministrazzjoni kienet marbuta tassisti kull uffiċjal li jitlobha l-assistenza tagħha, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24, tar-Regolamenti tal-Persunal, billi tadotta, b’mod preventiv, miżura provviżorja ta’ tbegħid meta, minn naħa, hija kellha provi li jwassluha jew kellhom raġonevolment iwassluha tissuspetta li dawn l-uffiċjali kienu s-suġġett ta’ atti li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24, tar-Regolamenti tal-Persunal, bħal fastidju psikoloġiku, fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punt 153), u li, min-naħa l-oħra, kien ċar li din il-miżura kienet neċessarja sabiex tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-persuna kkonċernata, b’mod partikolari fir-rigward ta’ riskju ta’ repetizzjoni tal-atti suspettati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Campogrande vs Il-Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, punt 55; ara, f’dan is-sens u b’analoġija, s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Marzu 2004, Vainker vs Il-Parlament, T‑48/01, ĠabraSP p. I‑A‑51 u II‑197, punti 92 u 93).

91      Fil-każ preżenti, anki jekk, għal raġunijiet diġà esposti fil-punti 40 sa 45 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni twettaq żball meta ssostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellu jirriċerka jekk din kinitx naqset b’mod manifest u serju l-limiti applikabbli għas-setgħa diskrezzjonali tagħha, xorta jibqa’ l-fatt li, permezz tal-ilmenti tagħha, hija tikkritika, essenzjalment, lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li wettaq żball ta’ liġi u kiser l-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi meta annulla d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, sa fejn hija rrifjutat li tieħu miżura provviżorja ta’ tbegħid, mingħajr ma tikkunsidra s-setgħa diskrezzjonali li hija kienet tiddisponi minnha għall-adozzjoni ta’ miżura bħal din.

92      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-miżuri provviżorji ta’ tbegħid adottati fuq il-bażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24, tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom l-għan li jipproteġu, b’mod preventiv, is-saħħa u s-sigurtà tal-uffiċjali li huwa allegat vittma ta’ wieħed mill-atti previsti f’din id-dispożizzjoni. B’mod konformi ma’ dan l-għan ta’ protezzjoni, tali miżuri ma jistgħux jiddependu fuq l-eżistenza ta’ post liberu fi ħdan is-servizzi, hekk kif ġustament jispeċifika l-Komunikat dwar il-fastidju psikoloġiku. B’hekk, dawn il-miżuri ta’ assistenza ma għandhomx ikunu konfużi mad-deċiżjonijiet ta’ assenjazzjoni mill-ġdid fl-interess tas-servizz, meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolamenti tal-Persunal. Dawn l-aħħar imsemmija deċiżjonijiet għandhom bħala għan il-funzjonament tajjeb tas-servizz, anki meta huma ġustifikati minn diffikultajiet fir-relazzjonijiet interni, u jirriżultaw, konsegwentement, mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrikonoxxi fir-rigward tal-istituzzjonijiet fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom, abbażi tal-missjonijiet mogħtija lilhom, u fl-assenjazzjoni, fid-dawl ta’ dawn, tal-persunal li jinsab għad-dispożizzjoni tagħhom, bil-kundizzjoni li din l-assenjazzjoni sseħħ b’osservanza tal-korrispondenza bejn ix-xogħol u l-grad (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Novembru 1996, Ojha vs Il-Kummissjoni, C‑294/95 P, Ġabra p. I‑5863, punti 40 u 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      B’hekk, jibqa’ jrid jiġi eżaminat, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 86 iktar ’il fuq, jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku vverifikax li l-Kummissjoni ma baqgħetx fil-limiti raġonevoli u kienet użat is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat meta naqset milli tieħu miżura provviżorja ta’ tbegħid, sa fejn il-kundizzjonijiet fattwali imposti fuq il-Kummissjoni li tieħu miżura bħal din, hekk kif imsemmi fil-punt 90 iktar ’il fuq, kienu seħħew.

94      Wara li, fil-punt 208 tas-sentenza appellata, ta sunt tal-fatti rrapurtati fit-talba għal assistenza u wara li indika li, “fost il-varji dokumenti li r-rikorrenti kienet annettiet mat-talba għal assistenza li tidher fil-lista tal-persuni li jistgħu, skont il-parti kkonċernata, jikkofermaw l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku allegat”, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, fil-punt 209 tas-sentenza appellata, li “l-importanza u l-gravità tal-fatti allegati [...], jekk mhux l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku, għall-inqas ‘suspett ta’ fastidju psikoloġiku’ fis-sens tal-Komunikat [...] fuq il-fastidju psikoloġiku u dan kien jeżiġi mill-Kummissjoni li tieħu, saħansitra qabel ma tibda investigazzjoni u tivverifika r-realtà tal-ilmenti tal-persuna kkonċernata, ‘miżuri ta’ tbegħid’”. B’hekk huwa ddeċieda fil-punt 214 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni impliċita li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet irrifjutat li tieħu miżura ta’ tbegħid kienet ivvizzjata b’illegalità u kellha tiġi annullata. Dan jirrepeti l-evalwazzjonijiet, li jidhru fil-punt 196 tas-sentenza appellata, fejn jirriżulta li, “anki qabel ma tittieħed pożizzjoni definittiva fuq it-talba ta’ assistenza, il-Kummissjoni kienet marbuta tadotta ċerti atti, għall-inqas b’mod konservatorju”. Fil-punti 250 u 253 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda li r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità kienet daħlet fis-seħħ minħabba, b’mod partikolari, ir-“rifjut mill-Kummissjoni li tieħu l-miżuri provviżorji, kif ukoll tad-dewmien sabiex l-investigazzjoni amministrattiva kienet infetħet”, imġiba li kienet wasslet għad-“danni morali” li jikkonsistu fi “Stat ta’ inċertezza u ta’ anzjetà li fih kienet Q, din setgħet tkun preokkupata li l-Kummissjoni ma tikkunsidrax it-talba tagħha għal assistenza u li l-imġiba ħażina li hija kienet subiet minn naħa tal-istituzzjoni setgħet testendi ruħha”. Fil-punt 254 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku inkluda dawn id-danni morali f’dawk li, skont dan, kienu ġustament kkumpensati “meta l-Kummissjoni ġiet kkundannata tħallas lil [Q] is-somma ta’ EUR 15 000”.

95      Mill-punt 250 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod ċar li l-unika raġuni mressqa mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex tikkonkludi li l-Kummissjoni kienet marbuta, fil-każ preżenti, li tieħu miżura provviżorja ta’ tbegħid kienet l-eżistenza ta’ “suspett ta’ fastidju psikoloġiku”, fis-sens tal-Komunikat dwar il-fastidju psikoloġiku.

96      Madankollu, ma jirriżultax mill-punti 207 sa 214 u 250 tas-sentenza appellata li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fittex, hekk kif kien legalment marbut li jagħmel skont ir-regola li tissemma fil-punt 98 iktar ’il fuq, jekk miżura provviżorja ta’ tbegħid kinitx neċessarja sabiex tipprotegi s-saħħa u s-sigurtà ta’ Q fit-terminu kollu tal-investigazzjoni amministrattiva.

97      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta kkunsidra, fil-punti 209 u 211 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet marbuta tieħu miżura provviżorja ta’ tbegħid mingħajr ma tfittex jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti, din il-miżura kienet neċessarja sabiex tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà ta’ Q fil-perijodu kollu tal-investigazzjoni amministrattiva.

98      Madankollu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, żball ta’ liġi mwettaq mill-qorti tal-ewwel istanza ma huwiex ta’ natura li jinvalida s-sentenza mogħtija minn din jekk id-dispożittiv tas-sentenza jidher fondat għal motivi oħra ta’ liġi (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Camar u Tico, C‑312/00 P, Ġabra p. I‑11355, punt 57, u tat-30 ta’ Settembru 2003, Biret International vs Il-Kunsill, C‑93/02 P, Ġabra p. I‑10497, punt 60, u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-kuntest ta’ sostituzzjoni bħal din tal-motivi, il-qorti tal-appell tista’ tikkunsidra l-fatti, hekk kif ikkonstatati mill-qorti tal-ewwel istanza (sentenza Biret International vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 60 sa 66).

99      F’dan ir-rigward, jirriżulta, l-ewwel nett, mill-punt 41 tas-sentenza appellata li, minn vista medika li twettqet mit-tabib tal-istituzzjoni, dan ikkunsidra, f’nota tas-7 ta’ Mejju 2004, li Q kienet “kapaċi taħdem 100 % mill-10 ta’ Mejju 2004” iżda li “tibdil tal-post tax-xogħol kien rakkomandat għas-saħħa [ta’ Q]”. Sussegwentment, mill-punt 54 tas-sentenza appellata jirriżulta li, “[i]t-18 ta’ Mejju 2004, il-psikjatra li s-servizz mediku kien għażel sabiex jagħmel evalwazzjoni psikjatrika ta[’ Q], enfasizza, fir-rapport tiegħu, li ‘peress li [l]-problema kienet ta’ natura soċjali (kunflitt fi ħdan l-[i]stituzzjoni tagħha), is-soluzzjoni għalhekk tinsab fuq il-livell soċjali (tiġi assenjata mill-ġdid lil [d]irettorat [ġ]enerali ieħor)’”. Barra minn hekk, il-punt 69 tas-sentenza appellata jindika li, “fis-6 ta’ Settembru 2004, l-eżami mediku li għalih [Q] kienet ġiet sottoposta wara l-preżentazzjoni taċ-ċertifikat mediku għall-perijodu mit-28 ta’ Awwissu sal-25 ta’ Settembru 2004, ikkonkluda li [Q] kienet ‘kapaċi taħdem 100 % dakinhar’ iżda madankollu rrepeta l-kumment magħmul fit-18 ta’ Mejju 2004 mill-psikjatra li kien eżamina lir-rikorrenti, li ‘tibdil tal-post tax-xogħol [kien] rakkomandat għas-saħħa [tagħha] […]’”. Fl-aħħar nett, mill-punt 73 tas-sentenza appellata jirriżulta li, “[b]ħala konklużjoni tar-rapport tiegħu ta’ eżami mediku-psikoloġiku datat is-6 ta’ Ottubru 2004, it-tabib independenti li ntgħażel fuq talba ta’ arbitraġġ magħmula mi[nn Q] [...] ikkonstata li hija ‘kienet kapaċi terġa’ taħdem iżda [f’DĠ] ieħor’ u speċifika li ‘jekk il-persuna kkonċernata terġa’ titpoġġa fil-kariga preċedenti tagħha, dan [jista’] biss iġiegħlha terġa’ tgħaddi mill-fastidju psikoloġiku li subiet u jiddistabilizzaha […]’”. B’hekk mill-fatti jirriżulta, hekk kif ikkonstatati fis-sentenza appellata, li numru ta’ noti u ċertifikati mediċi kkonkludew f’dan is-sens li miżura ta’ tbegħid kienet neċessarja sabiex tipproteġi l-istat ta’ saħħa ta’ Q, u dan qabel ma l-amministrazzjoni ma pproċediet bl-investigazzjoni amministrattiva li kellha tippermetti li tiġi vverifikata r-realtà ta’ fastidju psikoloġiku li ħasset Q u, b’hekk, li miżuri definittivi ma setgħux jiġu eventwalment previsti sabiex jiġu ssanzjonati l-awturi tal-imsemmi fastidju u li jikkumpensaw, sussidjarjament, il-konsegwenzi ta’ dannu tal-atti tagħhom.

100    Fid-dawl tan-noti u taċ-ċertifikati mogħtija minn persuni li għandhom kompetenza li jorbtu, permezz tal-evalwazzjonijiet tagħhom ta’ natura medika, is-setgħa ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, għandu jiġi kkunsidrat li, għall-inqas mis-6 ta’ Ottubru 2004, miżura provviżorja ta’ tbegħid kienet meħtieġa sabiex tiżgura l-protezzjoni immedjata tal-istat ta’ saħħa ta’ Q. B’hekk, fiċ-ċirkustanzi fil-każ preżenti, kienu preżenti l-kundizzjonijiet fattwali li jippermettu li jiġi kkunsidrat li, fil-jum tal-adozzjoni tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, l-amministrazzjoni kienet marbuta tadotta, b’mod preventiv, miżura provviżorja ta’ tbegħid, kif imsemmi fil-punt 98 iktar ’il fuq. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma baqgħetx fil-limiti raġonevoli u użat is-setgħa diskrezzjonali tagħha b’mod manifestament żbaljat fejn naqset milli tbiegħed provviżorjament lil Q mid-DĠ “Persunal u Amministrazzjoni” jew mid-diviżjoni D 2 tal-imsemmija DĠ, li fiha kienet ġiet assenjata, b’mod li kien seħħ li miżura bħal din kienet neċessarja sabiex tipproteġi l-istat tagħha ta’ saħħa.

101    B’hekk jirriżulta li, minkejja l-iżball ta’ liġi li jivvizzja s-sentenza appellata f’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku setgħa jiddeċiedi, ġustament, fil-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza kellha tiġi annullata, peress li tirrifjuta li tieħu miżura provviżorja ta’ tbegħid, u li l-Kummissjoni kellha tikkumpensa lil Q għall-konsegwenzi dannużi ta’ dan ir-rifjut.

102    F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġu miċħuda l-ilmenti, imqajma fil-kuntest tat-tieni aggravju, ibbażati fuq ksur tal-kundizzjoni tat-teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità fir-rigward tal-eżistenza ta’ imġiba illegali u tal-Artikoli 7 u 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, bħala ineffettivi.

103    Fit-tieni lok, għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti, imqajma fil-kuntest tat-tieni aggravju li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser, fil-punt 251 tas-sentenza appellata, il-kundizzjoni tat-teħid ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità bil-għan tal-eżistenza ta’ imġiba illegali, sa fejn huwa ddeċieda li l-amministrazzjoni kienet adottat imġiba illegali meta damet sabiex tiftaħ l-investigazzjoni amministrattiva, mingħajr ma kkunsidrat li t-terminu għall-ftuħ tal-imsemmija investigazzjoni kienet ġustifikata minn neċessità li tiżgura l-imparzjalità tagħha.

104    Fil-punt 251 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sostna li, “fid-data fejn daħlet fis-seħħ id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, l-investigazzjoni amministrattiva ma kinitx għadha infetħet, peress li kien biss fit-8 ta’ Settembru 2004 li l-konsulent awditur irċieva mandat mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni sabiex iwettaq investigazzjoni bħal din u li l-ewwel intervisti saru minn dan biss f’Ottubru 2004”. Fil-punt 253 tas-sentenza appellata, huwa ddeċieda li d-danni morali li jirriżultaw minn dan id-dewmien kellhom jiġu kkumpensati, li kienu ġew inklużi fid-danni morali li kienu, skont it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ġustament ikkumpensati “billi l-Kummissjoni ġiet ikkundannata tħallas lil [Q] is-somma ta’ EUR 15 000”.

105    L-obbligu ta’ assistenza, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24, tar-Regolamenti tal-Persunal jimponi fuq l-amministrazzjoni, li tirrispondi bil-ħeffa meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari billi ssir investigazzjoni amministrattiva, sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li wasslu għall-ilment, b’kollaborazzjoni mal-awtur tagħhom (sentenza Campogrande vs Il-Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, punti 42 u 53). Madankollu, din il-ġurisprudenza ma teskludix li r-raġunijiet oġġettivi, b’mod partikolari li jirrigwardaw l-organizzazzjoni tal-investigazzjoni, jistgħu jiġġustfikaw dewmien fil-ftuħ tal-imsemmija investigazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Campogrande vs Il-Kummissjoni, punt 76 iktar ’il fuq, punt 56).

106    Fil-każ preżenti, hekk kif jirriżulta mill-punt 40 tas-sentenza appellata, fit-talba għal assistenza, Q talbet il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva permezz ta’ “istanza newtrali”, esterna għad-DĠ “Persunal u Amministrazzjoni” u, b’hekk, awtonoma mill-IDOC. Barra minn hekk, mill-punt 59 tas-sentenza appellata jirriżulta li, permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Ġunju 2004, id-direttur tal-IDOC informa lis-segretarju ġenerali tal-Kummissjoni li, “fid-dawl tal-fatt li r-rikorrenti akkużat il-ġerarkija kollha tad-DĠ ‘Persunal u Amministrazzjoni’, inkluż id-direttur ġeneral tagħha, kien jidhirlu opportun li s-segretarju ġenerali tal-Kummissjoni jeżerċita l-funzjonijiet tal-AIPN fil-kuntest tal-investigazzjoni amministrattiva u li persuna esterna għad-DĠ ‘Persunal u Amministrazzjoni’ tintgħażel bħala ‘konsulent awditur’ sabiex twettaq din l-investigazzjoni”. Sussegwentement, mill-punt 64 tas-sentenza appellata jirriżulta li, “[f]l-1 ta’ Lulju 2004, is-segretarju ġenerali tal-Kummissjoni informa lid-direttur tal-IDOC li huwa aċċetta li jeżerċita l-funzjonijiet tal-AIPN fil-kuntest tal-investigazzjoni amministrattiva prevista u speċifika l-isem tal-konsulent awditur li huwa kien għażel sabiex iwettaq din l-investigazzjoni”. Fl-aħħar nett, mill-punt 71 tas-sentenza appellata jirriżulta li, “[p]ermezz ta’ nota tat-8 ta’ Settembru 2004, il-konsulent awditur maħtur mis-segretarju ġenerali tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni amministrattiva mitluba mir-rikorrenti rċieva awtorizzazzjoni minnu sabiex ‘jiddetermina r-realtà tal-allegazzjonijiet magħmula, fir-rigward b’mod partikolari tal-atteġġament tal-uffiċjal jew uffiċjali li isimhom huwa ċċitat fil-fajl u b’hekk jippermetti li tiġi evalwata r-realtà tas-sitwazzjoni u l-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu, jekk ikun hemm bżonn’”.

107    Fil-każ preżenti, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku madankollu naqas milli jfittex jekk il-ħtieġa li tiġi organizzata investigazzjoni amministrattiva permezz ta’ “istanza newtrali”, b’mod konformi max-xewqa espressa minn Q fit-talba għal assistenza, u li tagħti lil din mhux lil IDOC, kif normalment huwa previst, iżda lil konsulent awditur maħtur, b’mod eċċezzjonali, barra mid-DĠ “Persunal u Amministrazzjoni”, ma tiġġustifikax it-terminu inkwistjoni.

108    Billi ma pproċediex bil-verifiki kollha imposti fuqu skont il-liġi, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma tax il-bażi legali għas-sentenza appellata, meta kkundanna lill-Kummissjoni tħallas lil Q d-danni minħabba d-dewmien, ta’ ċirka erba’ xhur, li seħħ qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva.

109    B’hekk, hemm lok li jintlaqa’ t-tieni aggravju u li jiġi annullat il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, sa fejn ikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lil Q d-danni għad-dewmien li seħħ fil-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva. Peress li, hekk kif jirriżulta mill-punti 250 sa 254 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ddistingwiex il-kumpens għad-danni dovut lil Q għal dawn minn dawk dovuti għar-rifjut tal-Kummissjoni li tieħu miżura provviżorja ta’ tbegħid, għandu jiġi annullat il-punt 2 tad-dispożittiv, sa fejn jikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lil Q is-somma ta’ EUR 15 000, sa fejn din is-somma tirrigwarda l-kumpens tad-danni morali subiti minn Q minħabba l-allegat dewmien fil-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva.

110    Fid-dawl tat-talbiet kollha msemmija iktar ’il fuq, hemm lok li l-appell prinċipali jintlaqa’ parzjalment u li l-kumplament jiġi miċħud.

 Fuq l-appell inċidentali

111    L-appell inċidentali, imressaq skont l-Artikolu 142(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, jirrigwarda l-annullament tas-sentenza appellata, sa fejn din tiċħad it-talbiet tar-rikors fl-ewwel istanza bil-għan tal-annullament tar-RŻK 2003 u għall-kumpens tad-dannu supplementari li jirriżulta mid-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba sabiex jittieħdu l-miżuri definittivi xierqa sabiex jissanzjonaw l-awturi tal-fastidju psikoloġiku allegat u li jikkumpensaw, b’mod sussidjarju, l-konsegwenzi ta’ preġudizzju tal-atti tagħhom.

112    Insostenn tal-appell inċidentali, Q tressaq disa’ aggravji. L-ewwel tmienja tal-appell inċidentali huma diretti kontra s-sentenza appellata, sa fejn din tiċħad it-talbiet tar-rikors fl-ewwel istanza, bil-għan tal-kumpens tad-dannu supplementari li rriżluta mid-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba li jittieħdu l-miżuri definittivi xierqa sabiex jiġu ssanzjonati l-awturi tal-fastidju psikoloġiku allegat u li tagħmel tajjeb, sussidjarjament, għall-konsegwenzi ta’ dannu tal-atti tagħhom. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti msemmija fit-talba għal assistenza, fir-rigward tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal. It-tielet aggravju bbażat fuq l-ineżatezza materjali tal-fatti, sors ta’ żball ta’ liġi fid-definizzjoni tal-għan tal-kawża. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żnaturament ta’ ċerti provi mressqa fl-ewwel istanza. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq ksur, mill-Kummissjoni, tal-Komunikat dwar il-fastidju psikoloġiku. Is-sitt aggravju huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi. Is-seba’ aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita u, konsegwentement, ta’ ksur tal-limiti imposti fuq il-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. It-tmien aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata taż-żewġ noti amministrattivi. Id-disa’ aggravju huwa indirizzat kontra s-sentenza appellata, sa fejn din tiċħad it-talbiet tar-rikors fl-ewwel istanza bil-għan tal-annullament tar-RŻK 2003. Huwa bbażat fuq żball ta’ liġi li jirrigwarda l-eżistenza ta’ interess ġuridiku għall-annullament tar-RŻK 2003.

113    Il-Kummissjoni tosserva li, sabiex tirrispondi għall-appell inċidentali, hija għandha tieħu pożizzjoni fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, kif sostna t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza appellata. Hija ssostni li numru ta’ żbalji ta’ liġi kienu jivvizzjaw din l-interpretazzjoni. Q tirrifjuta l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

114    Għal raġunijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, il-ħames aggravju, fit-tieni lok, it-tmien aggravju, fit-tielet lok, flimkien, l-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u s-sitt aggravji, kif ukoll l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u ta’ Q dwar il-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku, fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, fir-raba’ lok, is-seba’ aggravju u, fil-ħames u l-aħħar lok, id-disa’ aggravju.

 Fuq il-ħames aggravju tal-appell inċidentali, ibbażat fuq ksur, mill-Kummissjoni, tal-komunikazzjoni fuq il-fastidju psikoloġiku

 L-argumenti tal-partijiet

115    Q issostni li l-Kummissjoni kisret il-punti 2.2 u 4.1 tal-Komunikat dwar il-fastidju psikoloġiku, sa fejn l-ebda wieħed mis-superjuri ġerarkiċi ma aġixxa sabiex jirrimedja l-fastidju psikoloġiku rrapurtat fit-talba tagħha għal assistenza.

116    Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tal-ħames aggravju bħala manifestament inammissibbli. Q ma identifikat l-ebda żball ta’ liġi mwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza appellata, iżda llimitat ruħha li tirrepeti l-argumenti li hija kienet żviluppat insostenn tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza. Fi kwalunkwe każ, l-interpretazzjoni tal-Komunikat dwar il-fastidju psikoloġiku li ta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fis-sentenza appellata kienet favorevoli għall-interess ta’ Q.

117    Q titlob iċ-ċaħda tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ħames aggravju, peress li l-iżball ta’ liġi li vvizzja s-sentenza appellata kien suffiċjentement identifikat fl-appell inċidentali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

118    Mid-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt 24 iktar ’il fuq jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkontestati tas-sentenza li qiegħed jintalab l-annullament tagħha kif ukoll ir-raġunijiet u l-argumenti ta’ dritt li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Marzu 2008, Lebedef-Caponi vs Il-Kummissjoni, T‑233/07 P, Ġabra p. I-B-1-3, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Ma jissodisfax dan ir-rekwiżit, l-appell li jillimita ruħu li jirrepeti jew jirriproduċi testwalment l-aggravji u l-argumenti li ġew diġà ppreżentati quddiem il-qorti tal-ewwel istanza, inkluż fosthom dawk li huma bbażati fuq fatti espressament miċħuda minn din il-Qorti. Fil-fatt, appell bħal dan fir-realtà huwa talba biex jerġa’ jiġi evalwat ir-rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li ma taqax fil-kompetenza tal-Qorti tal-Appell (ara d-digriet Lebedef-Caponi vs Il-Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata).

120    Taħt il-ħames aggravju, Q tinvoka żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni u mhux mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, peress li din tindika li “l-Kummissjoni kisret il-punt 2.2 tal-Komunikat dwar il-fastidju psikoloġiku” jew li “[il-punt 4.1 ta’ dan il-komunikat] inkiser ukoll mill-Kummissjoni”.

121    Konsegwentement, għandha tintlaqa’ l-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u, b’hekk, tiċħad il-ħames aggravju bħala inammissibbli.

 Fuq it-tmien aggravju tal-appell inċidentali, ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ żewġ noti amministrattivi

 L-argumenti tal-partijiet

122    Q issostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta interpreta b’mod żballjat żewġ noti amministrattivi li jidhru fl-atti. Minn naħa, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, huwa kien interpreta b’mod żbaljat in-nota tas-segretarju ġenerali għad-direttur tal-IDOC tal-1 ta’ Lulju 2004, fejn ikkonstata li, f’dawn, l-ewwel wieħed kien informa lit-tieni wieħed li kien jaċċetta li jeżerċita l-funzjonijiet tal-AIPN fil-kuntest tal-investigazzjoni amministrattiva. Fir-realtà, is-segretarju ġenerali kien indika, f’din in-nota, li huwa kien jaċċetta li jeżerċita l-funzjonijiet ta’ AIPN fir-rigward tar-risposta tal-istituzzjoni għal talba għal assistenza, dan il-pass kellu l-għan li tiġi evitata kull kritika ta’ parzjalità fi ħdan id-DĠ “Persunal u Amministrazzjoni”. Min-naħa l-oħra, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien interpreta b’mod żbaljat in-nota tas-16 ta’ Settembru 2005 li d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal u Amministrazzjoni” kien indirizzalu, fejn indika li dan kien jikkontjeni deċiżjoni espliċita tal-AIPN li tiċħad it-talba għal assistenza. Issa, din in-nota ma kinitx ħarġet mis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni, li kien jeżerċità waħdu l-funzjonijiet tal-AIPN, u l-ebda deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar ma kienet annessa, b’mod li l-ebda deċiżjoni espliċita tal-AIPN fuq talba għal assistenza ma kienet ittieħdet.

123    Il-Kummissjoni toġġezzjona li l-punti tas-sentenza appellata, kkontestati mit-tmien aggravju, jiffurmaw parti mill-espożizzjoni tal-fatti u b’hekk ma jaqgħux taħt il-parti “Id-dritt” ta’ din is-sentenza. Għall-kumplament, dan il-motiv ikun inammissibbli, minħabba nuqqas ta’ identifikazzjoni tal-iżball ta’ liġi allegatament imwettaq mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

124    Q titlob iċ-ċaħda tal-eċċezzjoni tal-inammissibbiltà mressqa mill-Kummissjoni fir-rigward tat-tmien aggravju, peress li l-iżball ta’ liġi invokat kien suffiċjentement identifikat fl-appell inċidentali.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

125    Hekk kif ġie osservat fil-punt 118 iktar ’il fuq, appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tas-sentenza li l-annullament tagħha huwa mitlub kif ukoll l-argumenti ġuridiċi li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba.

126    Fil-każ preżenti, Q ma identifikatx, fil-kitbiet tagħha, żball ta’ liġi li jivvizzja d-dispożittiv tas-sentenza appellata, li kien irriżulta mill-interpretazzjoni żbaljata tal-kontenut taż-żewġ noti amministrattivi msemmija, li jivvizzjaw il-punti 64 u 86 tas-sentenza appellata dwar is-sunt tal-“ftatti li wasslu għall-kawża”, skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 81 tar-Regoli ta’ Proċedura.

127    B’hekk għandha tintlaqa’ l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni u, b’hekk, tiċħad it-tmien aggravju bħala inammissibbli.

 Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni aggravju, li jirriżulta minn żball fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti msemmija fit-talba għal assistenza fir-rigward tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tielet motiv, ibbażat fuq l-ineżatezza materjali tal-fatti, sors ta’ żball ta’ liġi fid-definizzjoni tas-suġġett tal-kawża, ir-raba’ motiv, li rriżulta minn żnaturament ta’ ċerti provi fornuti fl-ewwel istanza, u s-sitt aggravju, li jirriżulta minn ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tas-sentenzi

128    L-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u s-sitt aggravji, kif ukoll l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni u ta’ Q dwar il-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, huma indirizzati kontra l-motivi tas-sentenza appellata, b’mod partikolari l-punti 189 u 236 ta’ din tal-aħħar, li permezz tagħhom, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, kif indikat fil-punt 147 tas-sentenza appellata, fuq l-“ilment ta’ fastidju psikoloġiku mqajjem minn [Q]” u deċiż, fil-punt 189 ta’ din l-istess sentenza, li Q “ma [kinitx] fondata li ssostni li hija kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku” u b’hekk lanqas li tikseb kumpens abbażi ta’ dan l-aħħar imsemmi. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-fatt li, fil-punti 236 u 238 sa 242 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li ċerti fatti invokati minn Q insostenn tat-talba tagħha għal assistenza, meħuda flimkien, kienu jiżvelaw nuqqas fis-servizz tal-Kummissjoni, magħmul minn ċertu nuqqas mid-dmir ta’ premura, u għall-kumpens lil Q għal danni morali li rriżultaw mill-imsemmi nuqqas, sa fejn din kienet ikkontribwiet sabiex tiżola lil Q fi ħdan id-diviżjoni tagħha, iżda mhux id-dannu materjali li jikkorrispondi għall-mard ikkaġunat mix-xogħol li kien irriżulta minn dan l-istess nuqqas, sa fejn tali kumpens kien prematur, b’mod li l-proċedura ta’ għarfien tal-oriġini professjonali tal-patoloġiji li sofriet minnhom il-parti kkonċernata kienu għadhom fis-seħħ u li ma kienx possibbli li jiġi stabbilit jekk id-dannu materjali kollu subit minn Q setax jitħallas taħt is-sistema statutorja tal-kopertura tar-riskji tal-mard ikkaġunat mix-xogħol.

129    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 113 tar-Regoli ta’ Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’, f’kull mument, teżamina ex officio l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku.

130    Peress li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal huma ta’ natura pubblika, hija, skont il-każ, il-qorti tal-Unjoni li għandha teżamina ex officio (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-8 ta’ Ġunju 2009, Krcova vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑498/07 P, punt 52, u l-ġurisprudenza ċċitata), suġġett li tkun stiednet minn qabel lill-partijiet sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Réexamen M vs EMEA, punt 57 iktar ’il fuq, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata).

131    L-eżistenza ta’ att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2) u tal-Artikolu 91(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, hija kundizzjoni indispensabbli tal-ammissibbiltà ta’ kull rikors imressaq minn uffiċjali kontra l-istituzzjoni li jappartjenu għaliha (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 1993, Moat vs Il-Kummissjoni, T‑20/92, Ġabra p. II‑799, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Marzu 2003, J vs Il-Kummissjoni, T‑243/02, ĠabraSP p. I‑A‑99 u II‑523, punt 30).

132    Għall-finijiet li jiddeċiedi fuq l-eżistenza tal-fastidju psikoloġiku msemmi fit-talba għal assistenza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku impliċitament iżda neċessarjament semma, fil-punti 118 u 119 tas-sentenza appellata, li huwa kien qed jitratta att li jikkawża preġudizzju li jikkorrispondi għal deċiżjoni tal-AIPN li, anki jekk b’mod impliċitu, tiċħad it-talba għal assistenza, sa fejn hija kienet irrifjutat li tikkonstata l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku allegat.

133    Issa, l-ammissjoni li fuqha t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku neċessarjament ibbaża ruħu sabiex jiddeċiedi fuq l-eżistenza tal-fastidju psikoloġiku allegat hija żbaljata hekk kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet tiegħu sussegwentement għas-sentenza appellata.

134    Fil-fatt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-ewwel nett ikkonstata, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, li r-rikors fl-ewwel istanza kellu jkun meqjus bħala li għandu bħala għan l-“annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza”, l-“annullament tar-RŻK 2003” u l-“kundanna tal-Kummissjoni li tħallas lil Q tad-danni”.

135    Mill-punt 196 tas-sentenza appellata jirriżulta b’mod partikolari li, f’dan tal-aħħar, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra biss id-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza bħala att li jikkawża preġudizzju lil Q sa fejn din tirrifjuta li “tadotta ċerti att, għall-inqas konservatorji [għat-terminu neċessarju għall-investigazzjoni amministrattiva]”. Billi jagħmel dan, huwa ma kkaratterizzax l-eżistenza tal-att li jikkawża preġudizzju li jirrifjuta li jikkonstata l-eżistenza tal-fastidju psikoloġiku rrapurtat fit-talba għal assistenza, fejn huwa, impliċitament iżda neċessarjament, ammetta l-eżistenza, fil-punti 118 u 119 tas-sentenza appellata, sabiex jiddeċiedi fuq l-“ilment ta’ fastidju psikoloġiku mqajjem minn [Q]”.

136    Fi kwalunkwe każ, hemm lok li jiġi kkunsidrat, fil-każ preżenti, li Q stess talbet, fit-talba għal assistenza, il-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva sabiex tiġi stabbilita r-realtà tal-fastidju psikoloġiku rrapurtat fit-talba tagħha għal assistenza, billi tistieden lill-Kummissjoni tgħaddi din lill-“istanza newtrali”, barra mill-IDOC, jiġifieri l-organizzazzjoni normalment abilitata li twettaq investigazzjoni bħal din. Mill-punti 198, 199 u 251 tas-sentenza appellata jirriżulta li, qabel l-introduzzjoni tar-rikors, fl-4 ta’ Lulju 2005, l-amministrazzjoni laqgħet din it-talba, peress li l-investigazzjoni amministrattiva infetħet, fit-8 ta’ Settembru 2004, li seħħet bejn ix-xahar ta’ Ottubru 2004 u l-21 ta’ Marzu 2005, skont ir-regoli li jirregolaw l-investigazzjonijiet amministrattivi stabbiliti fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, huma stess adottati skont l-Artikolu 86(3) tar-Regolamenti tal-Persunal.

137    Fir-rigward ta’ proċedura ta’ investigazzjoni li ssir skont l-Artikolu 86(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex tkun tista’ tiddeċiedi fuq talba għal assistenza ta’ uffiċjal, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, it-terminu huwa d-deċiżjoni finali tal-AIPN, meħud fuq il-bażi ta’ rapport ta’ investigazzjoni, kif it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku stess sostna, fil-punt 196 tas-sentenza appellata, u hekk kif jirriżulta, barra minn hekk, fl-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Guillot vs Il-Kummissjoni, punt 84 iktar ’il fuq, punti 21, 22 u 36, u tal-1 ta’ Ġunju 1983, Seton vs Il-Kummissjoni, 36/81, 37/81 u 218/81, Ġabra p. 1789, punti 29 sa 31). Huwa fil-mument ta’ dan it-teħid ta’ din id-deċiżjoni li l-pożizzjoni ġuridika tal-uffiċjal hija affettwata (ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, fir-rigward ta’ proċedura taħt l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, sentenza L vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 123).

138    Sa fejn hija tirreferi għat-konklużjonijiet ta’ investigazzjoni amministrattiva, li waslu fit-tmiem wara l-intervent tad-deċiżjoni impliċita u li fir-rigward ta’ dawn l-allegazzjonijiet tal-uffiċjal ikkonċernat li jirrigwardaw l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku ġew eżaminati fid-detall, fuq il-bażi tad-dokumenti u tax-xhieda li ġew mressqa u miġbura matul l-investigazzjoni, id-deċiżjoni definittiva tal-AIPN għandha titqies mhux bħala deċiżjoni purament li tikkonferma d-deċiżjoni impliċita, iżda bħala deċiżjoni li tissostitwixxi lil din tal-aħħar, wara eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni mill-amministrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punti 47 u 48).

139    Fil-każ preżenti, mill-punt 86 tas-sentenza appellata jirriżulta li, “permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Settembru 2005 indirizzata lil-[Q], l-AIPN ċaħdet espressament it-talba għal assistenza magħmula minnha, billi kkunsidrat, fuq il-bażi tal-konklużjonijiet tal-investigazzjoni amministrattiva, li l-allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku ma kinux fondati jew ma setgħux jiġu ppruvati”. B’mod konformi mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 138 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni espliċita tal-AIPN li tiċħad, b’mod definittiv, it-talba għal assistenza, fejn il-kontenut ġie notifikat lil Q permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Settembru 2005, ġiet issostitwita, fil-proċedura fl-ewwel istanza, għad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, wara eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni mill-AIPN fuq il-bażi tat-talbiet tal-investigazzjoni amministrattiva, b’mod konformi mal-Artikolu 3 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal.

140    Issa, mill-punti 117, 196 u 197 tas-sentenza appellata ma jirriżultax li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien itrattat, fl-ewwel istanza, id-deċiżjoni espliċita tal-AIPN li tiċħad, b’mod definittiv, it-talba għal assistenza. Barra minn hekk ma jidhirx li fis-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien stħarreġ il-legalità ta’ din l-aħħar imsemmija deċiżjoni jew sempliċement motivi li kkostitwew is-sostenn neċessarju.

141    Mistoqsija fis-seduta fuq dan il-punt, Q kkonfermat li l-kawża li hija kienet ressqet quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kellha, b’mod partikolari, bħala għan li tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza u mhux tad-deċiżjoni espliċita tal-AIPN ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, li l-kontenut tagħha kienet ġiet innotifikata lilha permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Settembru 2005. Hija ma indikatx li fformulat, fil-proċedura fl-ewwel istanza, talba sabiex tkun tista’ tadotta t-talbiet tagħha u motivi insegwitu tas-sostituzzjoni ta’ din l-ewwel deċiżjoni permezz tat-tieni waħda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-26 ta’ Ottubru 2004, Brendel vs Il-Kummissjoni, T‑55/03, ĠabraSP p. I‑A‑311 u II‑1437, punt 50, u l-ġurisprudenza ċċitata, u d-Digriet tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Lulju 2001, Tsarnavas vs Il-Kummissjoni, T‑161/00, ĠabraSP p. I‑A‑155 u II‑721, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Kummissjoni sostniet, minn naħa tagħha, li d-deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda tal-AIPN biss tat-talba għal assistenza kienet tammonta għall-att li jikkawża preġudizzju lil Q, se fejn din kienet tirrifjuta li tikkonstata l-fastidju psikoloġiku msemmi fit-talba għal assistenza fuq il-bażi ta’ talbiet ta’ investigazzjoni amministrattiva. Barra minn hekk, hija ssostni li, fis-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien ħa d-deċiżjoni awtonoma mid-deċiżjoni tal-AIPN fir-rigward tal-eżistenza tal-fastidju psikoloġiku rrapurtat.

142    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li, fin-nuqqas li jiddeċiedi dwar kawża li għandha bħala suġġett l-evalwazzjoni tal-legalità tad-deċiżjoni espliċita tal-AIPN ta’ ċaħda tat-talba għal assistenza, li l-kontenut tagħha ġie nnotifikat lil Q permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Settembru 2005, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u eċċeda l-limiti ta’ stħarriġ ġudizzjarju, billi fil-prattika, ħa post l-amministrazzjoni, meta ddeċieda, fil-punti 147 u 189 tas-sentenza appellata, fuq l-“ilment ta’ fastidju psikoloġiku mqajjem minn [Q]” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ April 2003, Il-Parlament vs Samper, C‑277/01 P, Ġabra p. I‑3019, punti 44 u 50) u li ddeċieda, fil-punt 189 ta’ din l-istess sentenza, li Q ma kinitx fondata li ssostni li hija kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku, fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Mejju 2006, Magone vs Il-Kummissjoni, T‑73/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑107 u II‑A‑2‑485, punti 14 sa 16, u Lo Giudice vs Il-Kummissjoni, punt 86 iktar ’il fuq, punti 54 sa 56).

143    Konsegwentement, mingħajr ma hemm lok li jiġi deċiż fuq l-ewwel, it-tieni, it-tielet, ir-raba’ u sitt aggravju, għandha tiġi annullata s-sentenza appellata, sa fejn din tiddeċiedi fuq l-“ilment ta’ fastidju psikoloġiku mqajjem minn [Q]” u jiġi deċiż li din tal-aħħar ma kinitx fondata sabiex issostni li hija kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku, fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal.

 Fuq is-seba’ aggravju, ibbażat fuq nuqqas ta’ projbizzjoni li tiddeċiedi ultra petita u, konsegwentement, ta’ ksur tal-limiti imposti fuq il-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

 L-argumenti tal-partijiet

144    Q tikkritika lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ddeċieda ultra petita u, konsegwentement, li kiser il-limiti imposti fuq il-kompetenza tiegħu, meta, fil-punt 241 tas-sentenza appellata, ċaħad it-talba tagħha għall-kumpens tad-dannu, ta’ natura materjali, li jikkorrispondi mat-telf tar-remunerazzjoni li tirriżulta fl-irtirar awtomatiku tagħha, minħabba invalidità, b’konsegwenza tal-fastidju psikoloġiku rrapurtat fit-talba għal assistenza. Fil-fatt, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kien ibbaża l-imsemmija ċaħda fuq in-nota li permezz tagħha hija kienet ippreżentat, fis-17 ta’ Ottubru 2005, talba bil-għan tar-rikonoxximent, bħal mard ikkaġunat mix-xogħol, skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal, tas-sindromi “anzio-dipressiv” li hija kienet tikkunsdira ruħha li tbati minnha, b’mod li din in-nota ma kinitx ġiet manifestament suġġetta għall-evalwazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku permezz tal-partijiet fil-kawża u li hija ma kinitx is-suġġett ta’ diskussjoni kontradittorja.

145    Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tas-seba’ aggravju bħala manifestament infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

146    Fil-każ preżenti, Q ma ssostniex li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żnatura l-evidenza tal-atti tal-ewwel istanza, fil-punt 241 tas-sentenza appellata.

147    Hija ssostni biss li, anki jekk jirriżulta mill-provi fl-atti tal-ewwel istanza li hija kienet talbet il-ftuħ ta’ proċedura ta’ rikonoxximent tal-oriġini relatata max-xogħol tal-marda tagħha, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma setax jikkunsidra din il-prova fattwali sabiex jiċħad, bħala inammissibbli, it-talba tiegħu għal kumpens, sakemm din għandha l-għan li tikkumpensa dannu, ta’ natura materjali, li jikkorrispondi għat-telf ta’ remunerazzjoni li jirriżulta mill-irtirar awtomatiku tagħha, minħabba l-invalidità, peress li dan l-element fattwali u l-konsegwenzi li jirriżultaw għall-ammissibbiltà tat-talba għal kumpens ma kienux speċifikament invokati mill-partijiet u diskussi quddiemu.

148    Mill-punti 232 u 233 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-kwistjoni tal-karattru prematur u, b’hekk, inammissibbli tal-kap tat-talba għal kumpens kontenzjuż ma ġietx invokata mill-Kummissjoni, u lanqas diskussa bejn il-partijiet fl-ewwel istanza.

149    Madankollu għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 130 iktar ’il fuq, peress li l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ rikors skont l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal kienu ta’ natura pubblika, hija, jekk ikun il-każ, il-qorti tal-Unjoni li għandha teżaminahom ex officio.

150    Barra minn hekk, ma jistax isirilha ilment li jipproċedi b’konstatazzjonijiet fattwali fil-kuntest tal-eżami ex officio tal-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà ta’ talba għal kumpens indirizzata lilu fil-kuntest ta’ rikors bħal dan, peress li din tirriżulta mill-provi fl-atti li huwa ġie suġġett mill-partijiet, sabiex jiddeċiedi fuq it-talba tagħhom.

151    Konsegwentement, Q ma hijiex fondata li tikkritika lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ddeċieda ultra petita u kiser il-limiti tal-kompetenza tiegħu, billi sostna ex officio, fil-punt 241 tas-sentenza appellata, l-ammissibbiltà tal-kap tat-talba għal kumpens kontenzjuż wara li pproċeda b’ċerti konstatazzjonijiet fattwali fuq il-bażi tal-provi fl-atti.

152    Għal dawn ir-raġunijiet, is-seba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq id-disa’ aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi dwar l-eżistenza ta’ interess ġuridiku għall-annullament tar-RŻK 2003

 L-argumenti tal-partijiet

153    Q tikunsidra li ċ-ċaħda mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-punt 227 tas-sentenza appellata, tat-talbiet tagħha għall-annullament tar-RŻK 2003 hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, sa fejn din tinjora ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, li skont din uffiċjal fi stat ta’ invalidità totali permanenti madankollu għandu interess jikkontesta r-rapporti tiegħu ta’ evoluzzjoni tal-karriera. B’hekk għandha ssir distinzjoni, hekk kif tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja, bejn is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal li jiġi rtirat awtomatikament, skont l-Artikoli 53 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, u dik ta’ uffiċjal li laħaq l-età tal-irtirar, li rreżenja jew li ġie mkeċċi. Barra minn hekk, l-Artikolu 53 tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jinqara flimkien mal-Artikoli 13 u 15 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdu li l-attività ta’ uffiċjal iddikjarat fi stat ta’ invalidità huwa biss sospiż u li l-invalidità tiegħu tista’ tiġi vverifikata perjodikament, sakemm ma jkunx laħaq l-età ta’ 63 sena. Barra minn hekk, Q tikkunsidra li hija għandha interess ċert u attwali sabiex tikseb l-annullament tar-RŻK 2003 minħabba evalwazzjonijiet negattivi fir-rigward tal-kontenuti f’dawn.

154    Fis-sottomissjonijiet komplementari tagħha, Q tibbaża ruħha fuq dokument li hija ssostni li injora l-eżistenza, fil-mument tal-introduzzjoni tal-appell inċidentali tagħha, jiġifieri dokument, iffirmat fis-26 ta’ Lulju 2005 mit-tabib konsulent tal-Kummissjoni, Dr. D, bħala membru tal-Kumitat tal-Invalidità, li fih huwa indika li ma kienx jaqbel mal-fatt li hija ġiet ikklassifikata bħala invalida u mad-deċiżjoni meħuda, b’maġġoranza, mill-membri l-oħra tal-Kummissjoni, Dr. R u Dr. S. Minħabba l-opinjoni tat-tabib konsulent li ma kinitx taqbel, il-konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità kif ukoll id-deċiżjoni li kklassifikata bħala invalida jkunu vvizzjati b’irregolarità, fejn il-gravità tkun evidenti u li tagħtiha d-dritt li titlob li dawn l-atti jkunu ddikjarati ineżistenti. L-opinjoni ta’ nuqqas ta’ qbil turi li kien possibbli li s-saħħa tagħha terġa’ tiġi għan-normal u li, konsegwentement, reintegrazzjoni fil-Kummissjoni ma kinitx eskluża. Hija setgħet ukoll titlob ir-reintegrazzjoni tagħha, jekk hija kienet tikkunsidra li ma għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tibbenefika mill-allokazzjoni ta’ invalidità. Konsegwentement, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku wettaq żball ta’ liġi meta ddeduċa li hija ma kellhiex iktar interess ġuridiku kontra r-RŻK 2003 u li b’hekk ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talba tagħha għall-annullament ta’ dawn tal-aħħar.

155    Il-Kummissjoni titlob iċ-ċaħda tad-disa’ aggravju bħala infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

156    Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex persuna li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal tkun ammissibbli, fil-kuntest ta’ rikors introduttiv taħt l-Artikoli 90 u 91 tal-imsemmi Regolamenti tal-Persunal, li titlob l-annullament ta’ att li jikkawżalha preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2) din għandha tippossjedi, fil-mument tal-introduzzjoni tar-rikors, interess, li kien diġà beda u attwali, suffiċjentement ikkaratterizzat sabiex dan l-att jiġi annullat, interess bħal dan jissupponi li t-talba tkun tista’, permezz tar-riżultat tagħha, tagħtiha benefiċċju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Novembru 2006, Agne-Dapper et vs Il-Kummissjoni et, T‑35/05, T‑61/05, T‑107/05, T‑108/05 u T‑139/05, ĠabraSP p. I‑A‑2‑291 u II‑A‑2‑1497, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata). Bħala kundizzjoni ta’ ammissibbiltà, l-interess tar-rikorrent li jaġixxi għandu jiġi evalwat fil-mument tal-preżentazzjoni tar-rikors (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tat-28 ta’ Ġunju 2005, Ross vs Il-Kummissjoni, T‑147/04, ĠabraSP p. I‑A‑171 u II‑771, punt 25, u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, sabiex persuna prevista mir-Regolamenti tal-Persunal tista’ tressaq rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-AIPN, jeħtieġ li jkollha interess personali għall-annullament ta’ din tal-aħħar (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ April 2001, Torre et vs Il-Kummissjoni, T‑159/98, ĠabraSP p. I‑A‑83 u II‑395, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, fin-nuqqas ta’ interess ġuridiku attwali, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors (ara s-sentenza Torre et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata).

157    Fir-rigward tal-interess ta’ uffiċjal jew ex uffiċjal li jagixxi għall-annullament ta’ rapport ta’ evoluzzjoni tal-karriera li jikkonċernah, fl-ewwel lok, għandu jingħad li l-imsemmi rapport jikkostitwixxi ġudizzju ta’ valur mis-superjuri ġerarkiċi tiegħu fuq il-mod li bih huwa wettaq dmirijiet li ngħatawlu u fuq il-kondotta tiegħu fis-servizz matul il-perijodu kkonċernat u li, indipendentement mill-utilità futura tiegħu, jikkostitwixxi prova bil-miktub u formali fir-rigward tal-kwalità tax-xogħol imwettaq mill-uffiċjal. Tali evalwazzjoni ma tiddeskrivix biss id-dmirijiet imwettqa matul il-perijodu kkonċernat, iżda tinvolvi wkoll evalwazzjoni tal-kwalitajiet umani li l-persuna evalwata wriet fl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħha. Għaldaqstant, kull uffiċjal għandu dritt li x-xogħol tiegħu jkun approvat minn evalwazzjoni magħmula b’mod ġust u ekwu. Konsegwentement, skont id-dritt għal protezzjoni legali effettiva, uffiċjal għandu, f’kull każ, ikollu d-dritt li jikkontesta rapport ta’ evoluzzjoni tal-karriera li jikkonċernah minħabba l-kontenut tiegħu jew għar-raġuni li ma jkunx sar skont ir-regoli stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Diċembru 2008, Gordon vs Il-Kummissjoni, C‑198/07 P, Ġabra p. I‑10701, punti 43 sa 45).

158    Fit-tieni lok, jekk huwa minnu li uffiċjal li jitqies mill-Kumitat tal-Invalidità bħala li qiegħed fi stat ta’ inkapaċità totali permanenti hija kkunsidrata bħala totali u awtomatikament irtirat, skont l-Artikoli 53 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, is-sitwazzjoni ta’ tali uffiċjal hija differenti minn dik ta’ uffiċjal li jkun laħaq l-età tal-irtirar, li jkun irriżenja jew li jkun tkeċċa, peress li din hija sitwazzjoni riversibbli (sentenza Gordon vs Il-Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, punt 46). Fil-fatt, l-uffiċjal li għandu tali invalidità jista’ jerġa’ jibda x-xogħol tiegħu ma’ istituzzjoni tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjoni ġenerali tal-Artikolu 53 tar-Regolamenti tal-Persunal għandha tinqara flimkien mad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikoli 13 sa 15 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. L-attività tal-uffiċjal iddikjarat fi stat ta’ invalidità tiġi biss sospiża, peress li l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tiegħu fi ħdan l-istituzzjonijiet hija suġġetta għall-eżistenza tal-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw din l-invalidità, li tista’ tiġi vverifikata f’intervalli regolari (sentenza Gordon vs Il-Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, punt 47). Barra minn hekk, uffiċjal rikonoxxut bħala li qiegħed fi stat ta’ invalidità totali permanenti, li jista’ jiddaħħal mill-ġdid fl-istituzzjonijiet, għandu interess fis-sens tal-ġurisprudenza esposta fil-punt 156 iktar ’il fuq, li jara r-rapport tiegħu ta’ evoluzzjoni tal-karriera jkun stabbilit b’mod ekwu u oġġettiv u skont l-istandards ta’ evalwazzjoni regolari. Fis-sitwazzjoni ta’ reintegrazzjoni, l-imsemmi rapport ikollu utilità għall-evoluzzjoni tal-uffiċjal fi ħdan is-servizz tiegħu jew tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (sentenza Gordon vs Il-Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, punti 46 sa 51).

159    L-istess japplika f’ċerti każijiet partikolari, fejn l-eżami tas-sitwazzjoni konkreta ta’ uffiċjal iddikjarat bħala invalidu fejn huwa ma jistax xi darba jerġa’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu fi ħdan istituzzjoni, fir-rigward, pereżempju, għal konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità responsabbli mill-eżami tas-sitwazzjoni tiegħu ta’ invalidità li minnha jirriżulta li l-patoloġija li wasslet għall-invalidità għandha karattru fiss u li l-ebda eżami mediku ta’ reviżjoni b’hekk ma jkunx neċessarju (ara, f’dan is-sens, id-digriet Ross vs Il-Kummissjoni, punt 156 iktar ’il fuq, punti 9 u 32) jew fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet tal-uffiċjal ikkonċernat li minnhom jirriżulta li, fi kwalunkwe każ, huwa ma huwiex ser jerġa’ jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fi ħdan istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Combescot vs Il-Kummissjoni, punt 42 iktar ’il fuq, punti 27 u 29).

160    Fil-każ preżenti, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ddeċieda, fil-punt 117 tas-sentenza appellata, mhux ikkontestata minn Q fil-kuntest tal-appell inċidentali tagħha, li r-rikors introdott minn Q taħt l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal kellu, b’mod partikolari, bħala għan talba għall-annullament tar-RŻK 2003. Fil-punti 218 sa 224 tas-sentenza appellata, huwa espona r-raġunijiet għaliex huwa kkunsidra li t-talbiet għall-annullament tar-RŻK 2003 kienu ammissibbli fid-data tal-preżentata tar-rikors fl-ewwel istanza. Madankollu, huwa kkunsidra, fil-punti 225 sa 230 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm lok iktar li tingħata deċiżjoni fuq l-imsemmija talbiet, peress li Q kienet tilfet l-interess ġuridiku tagħha għall-annullament tar-RŻK 2003. Sabiex tinnega, fil-każ preżenti, kull interess ġuridiku lil Q, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sostna li hija “kienet ġiet irtirata u ngħatat il-benefiċċju tal-invalidità permezz ta’ deċiżjoni tal-AIPN tat-23 ta’ Awwissu 2005 b’effett mill-31 ta’ Awwissu 2005”, li, “barra minn hekk, il-Kumitat tal-Invalidità kien ikkunsidra, ‘fid-dawl tan-natura fissa tal-patoloġija li kkawżat l-invalidità, li l-ebda eżami mediku ta’ reviżjoni ma kien neċessarju”, li, “[b’]hekk, il-modifika tar-RŻK 2003 ma seta’ jkollhom l-ebda effett fuq il-karriera ta’ [Q]” u li, “[b]arra minn hekk, [Q] ma stabbilixxietx u lanqas ma invokat l-eżistenza ta’ ċirkustanza partikolari li turi li għad hemm interess personali u attwali sabiex jintalab l-annullament [tar-RŻK 2003]”.

161    Fl-evalwazzjoni tal-interess ġuridiku ta’ Q, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku setgħa, ġustament, jibbaża ruħu fuq konklużjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità minn fejn kien jirriżulta, skont il-konstatazzjonijiet tiegħu, li l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa sabiex jiġi ġustifikat l-irtirar awtomatiku ta’ Q, minħabba invalidità totali permanenti, skont l-Artikolu 13 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, setgħu jkunu kkunsidrati bħala definittivament miksuba, peress li, minn naħa, l-imsemmi kumitat biss kellu kompetenza, skont l-Artikoli 53 u 78 tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex jiddeċiedi fuq is-sitwazzjoni ta’ invalidità ta’ Q u li, min-naħa l-oħra, il-konklużjonijiet ta’ dan il-kumitat ma kinux ivvizzjati b’illegalità minħabba l-fatt biss, hekk kif jirriżulta mid-dokument mressaq mill-Kummissjoni, li dawn kienu ġew akkwistati biss b’maġġoranza tal-membri tal-Kumitat, peress li kull wieħed minn dawn kien esprima opinjoni differenti. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat tal-Invalidità huma deċiżjonijiet kolleġjali, meħuda skont il-maġġoranza tal-membri tiegħu.

162    Madankollu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku naqas milli jikkunsidra, hekk kif kien legalment marbut li jagħmel, l-interess li Q setgħa kellha, fi kwalunkwe każ, sabiex tikkuntesta r-RŻK 2003 minħabba l-kontenut tagħhom u, b’mod partikolari, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 273 tas-sentenza appellata, li dawn “jikkontjenu evalwazzjonijiet espliċitament negattivi tal-kapaċitajiet ta’ [Q]”, b’mod konformi mal-interpretazzjoni tal-kunċett tal-interess ta’ uffiċjal jew ex uffiċjal li jaġixxi għall-annullament tar-rapport tiegħu tal-evoluzzjoni ta’ karriera li ġiet ikkunsidrata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Gordon vs Il-Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq (punti 43 sa 45).

163    Ċertament, is-sentenza Gordon vs Il-Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, seħħet wara s-sentenza appellata, bi ftit jiem. Madankollu, dan ma jiġġustifikax li l-Qorti Ġenerali stħarġet il-fondatezza tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-kunċett ta’ interess ġuridiku għall-annullament ta’ rapport ta’ evoluzzjoni ta’ karriera, mingħajr ma kkunsidrat l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lil dan il-kunċett fis-sentenza Gordon vs Il-Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq.

164    Fil-fatt, l-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lir-regola tad-dritt tal-Unjoni tiċċara u tippreċiża, jekk hemm bżonn, it-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif din għandha jew kellha tkun mifhuma u applikata mill-mument tal-implementazzjoni tagħha. B’hekk jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata anki għal relazzjonijiet legali li bdew u li seħħew qabel is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk barra minn hekk ikunu preżenti l-kundizzjonijiet li jippermettu li jressqu quddiem il-qrati kompetenti, kawża li tirrigwarda l-applikazzjoni tal-imsemmija regola (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, fir-rigward tal-effetti fiż-żmien tal-interpretazzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħti lilha mill-Artikolu 234 KE, sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ts’ Marzu 1980, Denkavit italiana, 61/79, Ġabra p. 1205, punt 16, u tal-11 ta’ Awwissu 1995, Roders et, C‑367/93 sa C‑377/93, Ġabra p. I‑2229, punt 42). Fir-rigward ta’ dawn il-prinċipji, limitazzjoni tal-effetti tal-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tidher eċċezzjonali (sentenzi Denkavit italiana, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17, u Roders et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

165    Fil-każ preżenti, ma jirriżultax mis-sentenza Gordon vs Il-Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, li ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw eċċezzjoni għall-prinċipju tar-retroattività tal-interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tat, f’din is-sentenza, tal-kunċett ta’ interess ġuridiku għall-annullament ta’ rapport ta’ evoluzzjoni tal-karriera huma stabbiliti.

166    Konsegwentement, għandu jintlaqa’ d-disa’ aggravju u, b’hekk, tiġi annullata s-sentenza appellata, sa fejn din tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet li għandhom bħala għan l-annullament tar-RŻK 2003.

167    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, hemm lok li jintlaqa’ parzjalment l-appell inċidentali u li dan tal-aħħar jiġi miċħud għall-kumplament.

 Fuq ir-rinviju tal-kawża quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

168    Skont l-Artikolu 13(1) tal-Anness I tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti Ġenerali għandha tħassar id-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u tiddeċiedi l-kawża hija stess. Madankollu, jekk il-kawża tkun f’punt fejn għad ma tistax tinqata’, il-Qorti Ġenerali għandha tibgħat l-atti lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

169    Fil-każ preżenti, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ddeċidiex, hekk kif jirriżulta mill-punt 230 tas-sentenza appellata, fuq it-talbiet għall-annullament tar-RŻK 2003, il-kawża preżenti ma hijiex f’punt fejn ma tistax tinqata’ f’dan ir-rigward u hemm lok li tiġi rinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex tiddeċiedi dwar l-imsemmija talbiet.

170    Barra minn hekk, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma ddeċidiex, hekk kif jirriżulta mill-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, moqri fid-dawl tal-punti 250 sa 254 ta’ din l-istess sentenza, fuq is-somma dovuta lil Q mill-Kummissjoni għad-danni morali biss li rriżultaw mir-rifjut, minn din tal-aħħar, li tieħu miżura provviżorja ta’ tbegħid, il-kawża preżenti ma hijiex f’punt li tiġi deċiża, f’dan ir-rigward, u hemm lok li tiġi rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jiddeċiedi fuq l-imsemmija somma.

 Fuq l-ispejjeż

171    Peress li l-kawża hija rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, hemm lok li l-ispejjeż relatati mal-proċedura preżenti ta’ appell jiġu riżervati.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tad-9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il-Kummissjoni (F‑52/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), hija annullata sa fejn il-punt 2 tad-dispożittiv jikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tħallas lil Q kumpens ta’ ammont ta’ EUR 500 kif ukoll is-somma ta’ EUR 15 000, sa fejn din tipprovdi għal kumpens għad-danni morali subiti minn Q minħabba allegat dewmien fil-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva, u li, sabiex tiċħad ir-rikors fl-ewwel istanza għall-kumplament, fil-punt 3 tad-dispożittiv, hija tiddeċiedi, fil-punti 147 sa 189 tal-motivi, fuq “l-ilment tal-fastidju psikoloġiku mqajjem minn [Q]” u deċiż, fil-punt 230 tal-motivi, li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq it-talbiet għall-annullament tar-rapporti tal-evoluzzjoni tal-karriera li jikkonċernawha, stabbiliti rispettivament għall-perijodi mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Ottubru u mill-1 ta’ Novembru sal-31 ta’ Diċembru 2003.

2)      Il-kumplament tal-appell prinċipali u tal-appell inċidentali huma miċħuda.

3)      Il-kawża hija rrinvijata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex dan jiddeċiedi fuq it-talbiet għall-annullament tar-rapporti ta’ evoluzzjoni tal-karriera msemmija iktar ’il fuq, kif ukoll fuq is-somma dovuta lil Q mill-Kummissjoni għad-danni morali biss li rriżultaw mir-rifjut, minn din tal-aħħar, milli tieħu miżura provviżorja ta’ tbegħid.

4)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Jaeger

Pelikánová

Dittrich

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Lulju 2011.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.