Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2024 – Dassault aviation vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-77/24)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Dassault aviation (Pariġi, Franza) (rappreżentant: E. Mignon, avukata)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors għal annullament ammissibbli u fondat;

tannulla t-Taqsima 3.21 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 1 introdotta permezz ta’ (2) tal-Anness I tar-Regolament 2023/24852 tal-Kummissjoni Ewropea tas-27 ta’ Ġunju 2023 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar addizzjonali biex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li skonthom ċerti attivitajiet ekonomiċi jikkwalifikaw bħala li jikkontribwixxu sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima u sabiex jiġi ddeterminat jekk dawk l-attivitajiet ma jikkawżawx ħsara sinifikanti lil xi wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħra;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi t-Taqsima 3.21 tal-Anness I tar-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 introdotta permezz ta’ (2) tal-Anness I tar-regolament ikkontestat. Ir-rikorrenti ssostni li r-Regolament Delegat 2023/2485 ittieħed abbażi ta’ regolament bażiku (ir-Regolament 2020/852 tat-18 ta’ Ġunju 2020, magħruf bħala “Regolament tat-Tassimonija”) li ma jistax jiddelega lill-Kummissjoni s-setgħa li tintegra jew teskludi mit-tassimonija sezzjonijiet sħaħ tal-ekonomija.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ rekwiżiti formali essenzjali maqsuma f’żewġ partijiet, fejn, l-ewwel nett, il-Kummissjoni ma ġabritx “l-għarfien espert kollu meħtieġ” qabel ma adottat ir-Regolament Delegat 2023/2485 u, it-tieni nett, ir-regolament ikkontestat huwa nieqes minn kull motivazzjoni li tikkonċerna l-esklużjoni tal-manifattura ta’ ajruplani mit-tassimonija.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali minħabba l-assenza ta’ definizzjoni ta’ avjazzjoni għal skopijiet ta’ kummerċ fir-Regolament Delegat 2023/2485.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur, permezz tar-Regolament Delegat 2023/2485, tal-Artikolu 19 tar-Regolament tat-Tassimonija li jistabbilixxi l-prinċipji li għandhom jiggwidaw l-iżvilupp ta’ kriterji ta’ eżami tekniku.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tan-nuqqas tal-Kummissjoni Ewropea li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatti kollha rilevanti biex tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fejn ir-Regolament Delegat 2023/2485 jittratta b’mod differenti u inġust il-manifatturi ta’ ajruplani tan-negozju meta mqabbla ma’ manifatturi ta’ ajruplani oħrajn.

____________

1 Regolament delegat (UE) 2021/2139 tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ġunju 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2020/852 billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar sabiex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li fihom attività ekonomika tikkwalifika bħala attività li tikkontribwixxi sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima u sabiex jiġi ddeterminat jekk dik l-attività ekonomika tikkawżax ħsara sinifikanti lil xi wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħra (ĠU 2021, L 442, p. 1, rettifika fil-ĠU 2023, L 178, p. 10).

1 Regolament delegat (UE) 2023/2485 tal-Kummissjoni tas-27 ta’Ġunju 2023 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2021/2139 billi jistabbilixxi l-kriterji tekniċi ta’ skrinjar addizzjonali biex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet li skonthom ċerti attivitajiet ekonomiċi jikkwalifikaw bħala li jikkontribwixxu sostanzjalment għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima jew għall-adattament għat-tibdil fil-klima u sabiex jiġi ddeterminat jekk dawk l-attivitajiet ma jikkawżawx ħsara sinifikanti lil xi wieħed mill-objettivi ambjentali l-oħra (JO L, 2023/2485).