Language of document : ECLI:EU:T:2005:276

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (ir-Raba’ Awla)

tas-7 ta’ Lulju 2005(*)

"Trade Mark Komunitarja – Proċedura ta’ oppożizzjoni – Talba għall-trade mark Komunitarja figurattiva li tikkonsisti fl-element verbali ‘Biker Miles’ – Trade Mark Komunitarja verbali irreġistrata qabel MILES – Probabbiltà ta’ konfużjoni – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) nru 40/94"

Fil-kawża T-385/03

Miles Handelsgesellschaft International mbH, stabbilita f’Norderstedt (il-Ġermanja), rappreżentata minn F. Dettmann u A. Deutsch, Avukati,

rikorrenti

vs

l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI), rappreżentat minn T. Eichenberg u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut

il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija

Biker Miles Motorrad Handels- und Vetriebsgesellschaft mbH, stabbilita f’Berlin (il-Ġermanja), rappreżentata minn G. Malchartzeck, Avukat,

li għandha bħala suġġett rikors mressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Awla tal-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI tad-9 ta’ Settembru 2003 (Każ R 174/2002‑2), dwar il-proċedura ta’ oppożizzjoni bejn Biker Miles Motorrad Handels- und Vetriebsgesellschaft mbH u Miles Handelsgesellschaft International mbH,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA

TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (ir-Raba’ Awla),

Komposta minn H. Legal, President, P. Lindh u V. Vadapalas, Imħallfin,

Reġistratur: B. Pastor, Assistent Reġistratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ Novembru 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-26 ta’ Marzu 2004,

wara li rat ir-risposta ta’ l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ Frar 2004,

wara s-seduta tad-19 ta’ Jannar 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1       Fis-7 ta’ Lulju 1999, l-intervenjenti ppreżenta applikazzjoni għal trade mark komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI), kif previst mir-Regolment tal-Kunsill (KE) nru 40/94 ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2       It-trade mark mitluba kienet is-sinjal figurattiv riprodott hawn taħt:

Image not foundImage not found

3       Ir-reġistrazzjoni li ntalbet tkopri prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 9, 12 u 25 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni ta’ prodotti u ta’ servizzi għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni ta’ trade marks tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u li jikkorrispondu, għall-klassi 25, għad-deskrizzjoni segwenti : "tagħmir u ħwejjeġ għas-sewwieqa tal-muturi, jiġifieri stvali, żraben, ingwanti, xalpi, ħwejjeġ għax-xita, ħwejjeġ li jifilħu l-maltemp, ġersijiet, elmi, ċinturini ta’ protezzjoni ta’ madwar il-qadd, ħwejjeġ tal-ġilda, ħwejjeġ tal-ġilda artifiċjali".

4       Din it-talba ġiet ippublikata fil-Bulettin ta’ trade marks komunitarji nru 38/2000, tal-15 ta’ Mejju 2000.

5       Fil-15 ta’ Awwissu 2000, ir-rikorrenti ressqet oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 25, fejn invokat il-probabbiltà tal-konfużjoni, kif previst fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament nru 40/94. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza tat-trade mark komunitarja verbali MILES, irreġistrata fit-28 ta’ Lulju 1998, għall-"ħwejjeġ, li jinkludu l-ħwejjeġ ta’ l-isport", li jaqgħu fil-klassi 25.

6       Bid-deċiżjoni tas-7 ta’ Frar 2002, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni ta’ l-UASI laqgħet l-oppożizzjoni peress li kienet teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni.

7       Fit-18 ta’ Frar 2002, l-intervenjenti ppreżentat rikors quddiem l-UASI, abbażi ta’ l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament nru 40/94, kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni.

8       Bid-deċiżjoni tad-9 ta’ Settembru 2003 (Każ R 174/2002‑2), innotifikata lir-rikorrenti fit-18 ta’ Settembru 2003 (iktar il-quddiem "id-deċiżjoni kkontestata"), it-Tieni Awla tal-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI laqgħet ir-rikors. Fis-sustanza, hija kkunsidrat li l-prodotti in kwistjoni huma identiċi anki jekk dawk imsemmija fl-applikazzjoni għal trade mark kienu jirrigwardaw ħwejjeġ speċjali kummerċjalizzati fil-kuntest tar-rotot ta’ distribuzzjoni partikolari lill-grupp ta’ konsumaturi definiti b’mod ċar. Il-konsumaturi kkonċernati jagħtu importanza partikolari lill-funzjonalità ta’ dawn il-ħwejjeġ speċjali kif ukoll għas-sigurtà li dawn jipprovdu u għaldaqstant joqogħdu atttenti ħafna. Peress li kkunsidra x-xebħ tas-sinjali f’kunflitt, il-Bord ta’ l-Appell ħa in kunsiderazzjoni r-rappreżentazzjoni grafika tat-trade mark mitluba u l-element verbali tagħha "biker" sabiex tasal għall-konlużjoni li ż-żewġ sinjali huma distinti minn xulxin fuq il-livell viżiv, fonetiku u konċettwali. Għalhekk, minkejja l-identiċità tal-prodotti in kwistjoni, skond il-Bord ta’ l-Appell ma kienx hemm l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

9       Ir-rikorrenti talbet lill-Qorti Tal-Prim’Istanza għandha:

–       tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–       tikkundanna l-UASI sabiex tħallas l-ispejjeż.

10     L-UASI u l-intervenjenti talbu lill-Qorti Tal-Prim’Istanza għandha:

–       tiċħad ir-rikors;

–       tikkundanna lir-rikorrenti sabiex tħallas l-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibilità tat-talbiet ta’ l-UASI

11     Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-UASI sostna fir-risposta tiegħu u waqt is-seduta, li l-Bord ta’ l-Appell għamel żball meta f’dan il-każ eskluda l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni. Minkejja dan, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Vedial vs UASI – France Distribution (HUBERT) (T‑110/01, Ġabra p. II‑5275, punti 16 sa 25), l-UASI rrileva li jkun marbut jippreżenta talba għaċ-ċaħda tar-rikors. Konsegwentement, minkejja d-deċiżjoni ta’ ċaħda tar-rikors, l-UASI ma jikkontestax il-fondatezza ta’ l-unika raġuni mqajjma mir-rikorrenti.

12     F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 46(1)(b), u ta’ l-Artikolu 135(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza flimkien, sottomissjonijiet b’risposta ppreżentati lill-konvenuta tinkludi b’mod partikolari l-argumenti ta’ fatt u ta’ dritt mressqa. Iżda, f’dan il-każ, l-UASI ma invokat l-ebda argument sabiex isaħħaħ it-talba tagħha għar-rifjut tar-rikors.

13     F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba ppreżentata mill-UASI mhijiex ammissibbli. Minkejja dan, la darba l-intervenjenti talbet iċ-ċaħda tar-rikors, hemm lok għall-eżami tal-kawża preżenti konformement ma’ l-Artikolu 134(4) tar-Regoli ta’ Proċedura.

 Fuq il-Mertu

 L-Argumenti tal-partijiet

14     Sabiex issostni r-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat raġuni waħda, ibbażata fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament nru 40/94.

15     Hija l-ewwel nett qalet li l-Bord ta’ l-Appell ikkunsidra b’mod żbaljat li l-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti huwa għoli. Jekk il-ħwejjeġ għas-sewwieqa tal-muturi jistgħu jinxtraw ukoll min-nies oħra apparti l-motoċiklisti, il-pubbliku rilevanti jkun kompost minn konsumaturi medji, normalment infurmati u attenti. Fil-każ tal-prodotti in kwistjoni li jiddependu fuq l-użu preżenti, jiġu pperċepiti minn konsumatur medju b’livell normali ta’ attenzjoni. Wara kollox, anki jekk wieħed jaċċetta l-idea li l-pubbliku rilevanti huwa kompost biss minn motoċiklisti, dan il-grupp ta’ konsumaturi ma jkunx iktar attent minn konsumaturi medji fl-akkwist tal-ħwejjeġ in kwistjoni, li jistgħu jintużaw ukoll għas-sewqan tal-muturi kif ukoll għall-passiġġjati xitwin.

16     Konsegwentement, għal dak li jirrigwarda l-paragun viżwali u fonetiku tas-sinjali in kwistjoni, ir-rikorrenti tafferma li t-trade mark mitluba hija kkaratterizzata mill-element verbali "miles", li huwa komuni għaż-żewġ sinjali. Kuntrarjament għal dak ikkostatat mill-Bord ta’ l-Appell, l-elementi l-oħra tat-trade mark mitluba ma jikkontribwixxux, kemm jekk ikkunsidrati waħedhom, kif ukoll jekk ikkunsidrati flimkien, għall-impressjoni tat-tnejn f’daqqa prodotta minn din it-trade mark. L-elementi figurattivi tat-trade mark mitluba jibqgħu negliġibbli fil-kuntest tal-paragun tas-sinjali in kwistjoni minħabba l-karattru purament ornamentali jew deskrittiv tagħhom, jindika li l-ħwejjeġ jistgħu jintużaw fit-traffiku. L-element verbali "biker" ikun ukoll negliġibbli, minħabba l-karattru deskrittiv tiegħu fir-rigward ta’ prodotti għal sewwieqa tal-muturi.

17     Fil-fatt, sa fejn din il-kelma tiġi assoċjata mas-sewwieqa tal-muturi, il-konsumatur medju ser jipperċepixxi l-ħwejjeġ ikkummerċjalizzati taħt it-trade mark Biker Miles bħala li jappartjenu għall-waħda mill-kategorija ta’ ħwejjeġ immanifatturati mir-rikorrenti, destinati partikolarment għal sewwieqa tal-muturi. B’analoġija, iż-żieda tal-frażijiet, bħal "bajja" jew "ski", ma tkunx ikkunsidrata bħala indikazzjoni tal-provenjenza tal-ħwejjeġ, iżda biss indikazzjoni ta’ kategoriji distinti ta’ ħwejjeġ, jiġifieri ta’ ħwejjeġ tal-baħar jew ta’ l-iski, li ġejjin mill-istess impriża.

18     Fil-paragun kunċettwali tas-sinjali li huma f’kunflitt, ir-rikorrenti kkritikat lill-Bord ta’ l-Appell għaliex hu kkunsidra li t-trade mark mitluba tiddistingwi ruħha mit-trade mark preċedenti minħabba l-allużjoni tagħha għal sewwieqa tal-muturi. Din l-allużjoni hija referenza għall-konsumatur ikkonċernat u għalhekk fl-ebda mod ma tista’ tikkontribwixxi għall-impressjoni prodotta mit-trade mark mitluba. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti invokat is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Oberhauser vs UASI – Petit Liberto (Fifties) (T‑104/01, Ġabra p. II‑4359, punti 45 et seq), sabiex turi li l-elementi deskrittivi huma negliġibbli fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-impressjoni prodotta mit-trade mark.

19     Għalhekk, skond ir-rikorrenti, is-sinjali li huma f’kunflitt, karatteriżżati minn element komuni dominanti, ikunu simili fuq livell viżiv, fonetiku u kunċettwali. Fir-rigward ta’ l-identiċità tal-prodotti in kwistjoni u għax-xebħ tas-sinjali li huma f’kunflitt, il-Bord ta’ l-Appell għamel żball ta’ evalwazzjoni meta qies li ma kien hemm l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks f’kunflitt.

20     L-intervenjenti ssostni li l-Bord ta’ l-Appell kkonkluda korrattement fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ livell għola ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti, b’kunsiderazzjoni tal-funzjonalità tal-ħwejjeġ tas-sewwieqa tal-muturi marbut mal-karattru protettiv tagħhom fil-każ ta’ inċident. Hija ssostni wkoll il-konklużjoni tal-Bord ta’ l-Appell fir-rigward tax-xebħ tas-sinjali li huma f’kunflitt.

21     Min-naħa l-oħra, l-intervenjenti tikkunsidra bħala mhux eżatta l-konklużjoni milħuqa miż-żewġ proċedimenti ta’ l-UASI fir-rigward ta’ l-identiċità bejn iż-żewġ prodotti in kwistjoni. Hija tgħid ukoll li l-ħwejjeġ għas-sewwieqa tal-muturi jiddistingwu ruħhom, minħabba l-funzjonalità tagħhom, mill-materjali li jintużaw, mit-trattament tagħhom u mill-forma tagħhom, ta’ ħwejjeġ ta’ l-isport in ġenerali u wkoll ta’ vantaġġ għal ħwejjeġ oħra kummerċjalizzati mit-rikorrenti. Għalhekk, il-prodotti in kwistjoni kienu biss, ftit simili.

22     L-intervenjenti kkonkludiet li peress li l-prodotti in kwistjoni m’humiex identiċi u s-sinjali li huma f’kunflitt m’humiex simili, f’dan il-każ hija eskluża kull probabbiltà ta’ konfużjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

23     Skond l-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament nru 40/94, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark m’għandhiex tiġi milqugħa jekk issir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, meta, minħabba r-raġuni ta’ l-identiċità jew xebħ mat-trade mark preċedenti u għal raġuni ta’ l-identiċità jew xebħ tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni min-naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta.

24     Skond ġurisprudenza kostanti, il-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew, jekk meħtieġ, impriżi konnessi ekonomikament, jikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni.

25     Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta’ konfużjoni trid tiġi evalwata globalment, fir-rigward tal-perċezzjoni tal-konsumatur ikkonċernat u billi jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha rilevanti għal dan il-każ, partikolarment ta’ l-interdipendenza bejn ix-xebħ tas-sinjali u dik tal-prodotti jew tas-servizzi indikati [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

26     F’dan il-każ, peress li t-trade mark preċedenti kienet trade mark komunitarja, il-pubbliku rilevanti għall-fini ta’ l-evalwazzjoni tal-probabbiltà tal-konfużjoni huwa kkostitwit mill-konsumatur medju ta’ l-Unjoni Ewropea.

27     Għal dak li jirrigwarda l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur ikkonċernat, hija ġurisprudenza stabbilita li l-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju huwa suxxettibbli li jvarja skond il-kategorija tal-prodotti jew tas-servizzi in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C‑342/97, Ġabra p. I‑3819, punt 26).

28     F’dan il-każ, għandu jingħad li l-intervenjenti llimitat l-applikazzjoni tagħha għal reġistrazzjoni, fost il-prodotti rilevanti tal-klassi 25 għal ċertu tagħmir u ħwejjeġ (ara l-punt 3 fuq). Minkejja dan, ma jirriżultax mill-enumerazzjoni tagħha li l-prodotti mitluba fil-klassi 25 għandhom natura partikolari, bħalma huwa l-karattru teknoloġiku jew protettiv elevat.

29     Konsegwentement, ġie osservat li l-Bord ta’ l-Appell ikkonkluda b’mod żbaljat li l-konsumatur ikkonċernat jagħti livell ogħla ta’ attenzjoni lill-prodotti in kwistjoni.

30     Għandu jingħad ukoll li l-intervenjenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Bord ta’ l-Appell f’dak li jirrigwarda l-identiċità tal-prodotti kkonċernati.

31     Skond ġurisprudenza kostanti, sabiex issir evalwazzjoni tax-xebħ bejn il-prodotti jew is-servizzi in kwistjoni, hemm lok li jiġu kkunsidrati l-fatturi kollha rilevanti li jikkaratterizzaw il-konnessjoni bejn il-prodotti jew is-servizzi, inkluż, b’mod partikolari, in-natura tagħhom, id-destinazzjoni tagħhom, l-użu tagħhom kif ukoll il-karattru tagħhom konkorrenti jew kumplimentari [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Jannar 2003, Mystery Drinks vs UASI – Karlsberg Brauerei (MYSTERY), T‑99/01, Ġabra p. II‑43, punt 39, u l-ġurisprudenza ċitata].

32     Minbarra dan, meta l-prodotti li huma s-suġġett tat-trade mark preċedenti jinkludu l-prodotti li huma s-suġġett ta’ l-applikazzjoni għal trade mark, dawn il-prodotti huma kkunsidrati bħala identiċi (sentenzi Fifties, iċċitati, punti 32 u 33, u HUBERT, iċċitat, punti 43 u 44).

33     F’dan il-każ, kif ġustament fakkar il-Bord ta’ l-Appell (punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata), dment li t-trade mark preċedenti mhuwiex suġġett għall-obbligu ta’ l-użu fis-sens ta’ l-Artikolu 43(2) tar-Regolament nru 40/94, il-paragun tal-prodotti kkonċernati jrid ikun ibbażat esklussivament fuq l-indikazzjoni tagħhom, kif jirriżulta mir-reġistrazzjoni tagħhom.

34     Għalhekk, l-affermazzjoni ta’ l-intervenjenti li tgħid li l-prodotti in kwistjoni m’humiex identiċi trid tinftiehem fis-sens li l-"ħwejjeġ, li jinkludu l-ħwejjeġ ta’ l-isport", rilevanti tal-klassi 25 tal-Ftehim ta’ Nizza, li huma s-suġġett tat-trade mark preċedenti, ma jinkludux it-tagħmir u l-ħwejjeġ għas-sewwieqa tal-muturi rilevanti ta’ l-istess klassi, mitluba fit-talba tar-reġistrazzjoni.

35     Ċertament, jekk il-ħwejjeġ kollha in ġenerali għandhom xi funzjonijiet komuni, ċerti kategoriji ta’ ħwejjeġ jistgħu jkunu ddestinati sabiex iwettqu funzjoni speċifika, bħalma hija l-protezzjoni tal-ġisem waqt attività riskjuża. Sabiex il-funzjoni partikolari ta’ dawk il-ħwejjeġ tkun ikkonfermata mill-karatteristiċi l-oħra tagħhom konnessi man-natura tagħhom, mad-destinazzjoni tagħhom u ma’ l-użu tagħhom, huwa konċepibbli li huma jikkostitwixxu kategorija ta’ prodotti distinti ta’ ħwejjeġ in ġenerali.

36     Iżda, f’dan il-każ, ma jistgħax jiġi dedott mid-deskrizzjoni tal-prodotti fl-applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni li l-ħwejjeġ ikkonċernati mill-applikazzjoni jippossjedu, apparti l-funzjoni tagħhom, xi karatteristiċi ta’ natura li jiddistingwuhom minn ħwejjeġ in ġenerali.

37     Konsegwentement, hemm lok sabiex tiġi approvata l-kostatazzjoni tal-Bord ta’ l-Appell, li qal li l-prodotti in kwistjoni huma identiċi. Fil-fatt, il-prodotti mitluba fil-klassi 25 huma inklużi fil-kategorija tal-prodotti li jaqgħu taħt trade mark preċedenti.

38     Għal dak li jirrigwarda l-paragun tas-sinjali li jinsabu f’kunflitt, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà tal-konfużjoni trid tkun ibbażata fuq l-impressjoni globali tas-sinjali, b’kunsiderazzjoni partikolari ta’ l-elementi distinti u dominanti tagħhom (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Novembru 1997, SABEL, C‑251/95, Ġabra p. I‑6191, punt 23).

39     Minbarra dan, trade mark kumplessa u trade mark oħra identika għal waħda mill-elementi tat-trade mark kumplessa, ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala simili jekk din ta’ l-aħħar tikkostitwixxi l-element dominanti fl-impressjoni globali prodotta mit-trade mark kumplessa. Dan huwa l-każ fejn l-elementi tagħha huma suxxettibbli li jiddominaw biss l-ixbieha ta’ dik it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jiftakar, b’mod li l-elementi l-oħra kollha tat-trade mark huma negliġibbli fl-impressjoni ġenerali ta’ dan il-prodott [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Matratzen Concord vs UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 33].

40     Tali evalwazzjoni ma terġax tieħu biss in kunsiderazzjoni element ta’ trade mark kumpless u sabiex tikkomparaħ ma’ trade mark ieħor. Madankollu, dan ma jeskludiex li l-impressjoni ġenerali prodotta minn trade mark kumplessa tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun dominata minn wieħed min-numru ta’ elementi tagħha. Wara l-evalwazzjoni tal-karattru dominanti ta’ wieħed jew ta’ numru ta’ elementi speċifiċi ta’ trade mark kumplessa, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati, b’mod partikolari, il-kwalitajiet intrinsiċi ta’ kull wieħed minn dawn l-elementi b’paragun ma’ dawk ta’ l-elementi l-oħra (sentenza MATRATZEN, iċċitata, punti 34 u 35).

41     F’dan il-każ, it-trade mark mitluba hija komposta minn żewġ kelmiet miktuba b’ittri kbar, "biker" u "miles", kif ukoll l-elementi figurattivi, partikolarment l-ixbieha ta’ triq b’ċirku madwarha.

42     Minn evalwazzjoni inizzjali ta’ l-elementi figurattivi tat-trade mark mitluba, hemm lok sabiex jingħad, kif ġustament indikat mill-Bord ta’ l-Appell fil-punt 20 tad-deċiżjoni ikkontestata, li l-perspettiva viżwali ma tokkupax post ekwivalenti għal dak ta’ l-elementi verbali. Barra minn hekk, l-ixbieha tat-triq b’ċirku madwarha, minbarra li hija ftit distintiva għall-prodotti destinati għat-traffiku, ma tikkostitwix element ta’ differenzazzjoni fir-rigward ta’ l-idea evokata mil-frażi "miles", li tista’ tinftiehem bħala qies ta’ distanza għall-inqas mill-parti tal-pubbliku anglofonu tal-pubbliku rilevanti.

43     Meta kienet qed titratta l-elementi verbali, ir-rikorrenti ġustament sostniet, mingħajr ma ġiet ikkontradità mill-intervenjenti, li l-kelma "biker" hija deskrittiva fir-rigward ta’ prodotti għas-sewwieqa tal-muturi, filwaqt li l-kelma "miles" m’għandiex karattru deskrittiv.

44     F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, in ġenerali, il-pubbliku mhux ser jikkunsidra element deskrittiv li huwa parti minn trade mark kumpless bħala l-element distintiv u dominanti ta’ l-impressjoni ġenerali prodott minnha [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Lulju 2003, José Alejandro vs UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T‑129/01, Ġabra p. II‑2251, punt 53, u tas-6 ta’ Ottubru 2004, New Look vs UASI – Naulover (NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE et NLCollection), T‑117/03 sa T‑119/03 u T‑171/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 34].

45     Għalhekk, f’dan il-każ, l-element verbali "miles", li huwa identiku għat-trade mark preċedenti jrid jiġi kkunsidrat bħala l-element dominanti tat-trade mark mitluba.

46     Konsegwentement, huwa żbaljat li l-Bord ta’ l-Appell ikkonkluda, fil-punt 21 tad-deċiżjoni ikkontestata, li l-elementi l-oħra tat-trade mark mitluba, jiġifieri r-rappreżentazzjoni grafika u l-element verbali "biker", huma importanti għall-impressjoni ġenerali prodotta minnha.

47     Huwa minnu li f’ċerti ċirkustanzi, il-ġeneralità ta’ l-elementi verbali ta’ trade mark kumplessa trid tkun evalwata separatament minn kull waħda mill-elementi tagħha meħuda waħedha, partikolarment meta din it-taħlita toħloq għaqda loġika li għandha valur semantiku distint minn dak ta’ l-elementi tagħha (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza HUBERT, iċċitata, punti 57 sa 59). Huwa wkoll il-każ fejn element ta’ trade mark kumpless, minbarra li m’għandux valur deskrittiv għall-prodotti in kunsiderazzjoni, għandu valur semantiku importanti li jiġi miżjud ma’ dak ta’ l-element l-ieħor, li hu komuni għas-sinjali f’kunflitt, sabiex jifforma ġabra kunċettwali differenti [ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza GIORGIO BEVERLY HILLS, iċċitata, punt 49, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTB vs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO AIRE), T‑156/01, Ġabra p. II‑2789, punt 80].

48     Iżda dan mhuwiex il-każ. Min-naħa waħda, l-ideat issuġeriti mill-kelma "miles" u l-assoċjazzjoni tal-kliem "biker miles" jippreżentaw xebħ qawwi, fil-miżura fejn it-terminu "biker" ma jbiddilx it-tifsira tat-terminu "miles" u lanqas ma joħloq biha l-unità semantika distinta ta’ l-elementi tagħha. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-prodotti destinati għas-sewwieqa tal-muturi, ir-referenza għal dawn ta’ l-aħħar għandu kontenut deskrittiv u mhux ta’ natura li jiddistingwi l-kunċett speċifiku permezz tas-sinjal. Konsegwentement, l-element verbali "biker", anki jekk iżid ċerta ambigwità, m’għandux valur importanti fuq livell konċettwali.

49     Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, hemm lok li jiġi mfakkar li fis-settur tal-ħwejjeġ hija ħaġa frekwenti li l-istess trade mark tippreżenta konfigurazzjonijiet differenti skond it-tip ta’ prodott li hija immirata għalih u li l-istess impriża tuża trade marks sekondarji sabiex tiddistingwi bejn linji differenti ta’ produzzjoni. F’dawn il-kundizzjonijiet, huwa konċepibbli li l-konsumatur ikkonċernat jikkunsidra l-prodotti indikati permezz tas-sinjali f’kunflitt bħala li ċertament jappartjenu għal żewġ kategoriji ta’ prodotti distinti, iżda madankollu provenjenti mill-istess impriża (sentenzi Fifties, iċċitati, punt 49; BUDMEN, iċċitat, punt 57, u NLSPORT, NLJEANS, NLACTIVE u NLCollection, iċċitat, punt 51).

50     F’dan il-każ, il-Bord ta’ l-Appell irrifjuta impliċitament dan l-argument, peress li qal li l-konsumatur kkonċernat, li diġà għandu mutur tat-trade mark Biker Miles jew li jista’ jiltaqa’ ma’ din it-trade mark fil-każ li jkun qed jaħseb li jixtri mutur, ma jkunx irid jixtri ingwanti tat-trade mark MILES, iżda pjuttost dawk tat-trade mark Biker Miles li jaqblu mal-mutur tiegħu u l-qbija tat-tagħmir tiegħu.

51     Dan ir-raġunament mhux ser jintlaqgħa. Fil-fatt, peress li s-sinjali f’kunflitt għandhom l-istess element dominanti, fir-rigward ta’ prodotti identiċi, jiġifieri ħwejjeġ, il-konsumatur ikkonċernat huwa suxxettibbli li jipperċepihom bħala li jikkorrispondu għal żewġ kategoriji distinti ta’ ħwejjeġ ta’ l-istess impriża.

52     Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok sabiex jiġi kkunsidrat li l-Bord ta’ l-Appell qies b’mod żbaljat li l-konsumatur ikkonċernat kien jiddisponi minn livell ogħla ta’ attenzjoni u li, mill-perspettiva ta’ dan ta’ l-aħħar, is-sinjali f’kunflitt m’humiex simili, fil-miżura fejn l-element verbali komuni tagħhom "miles" ma jikkostitwix l-element dominanti.

53     Għalhekk, meta tiġi kkunsidrata min-naħa waħda l-identiċità bejn il-prodotti in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, ix-xebħ bejn is-sinjali f’kunflitt, hemm lok sabiex jiġi konkluż li l-Bord ta’ l-Appell ma tax każ l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament nru 40/94 meta wieħed jikkunsidra li ma jeżistix riskju ta’ konfużjoni bejn it-trade marks f’kunflitt.

54     Għalhekk jeħtieġ li tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq l-ispejjeż

55     Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-konvenuta tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż li saru mir-rikorrenti, konformement mat-talbiet tagħha. Peress li r-rikorrenti ma talbietx li l-intervenjenti tiġi kkundannata tbati l-ispejjez, l-intervenjenti għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Awla tal-Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinji) (UASI) tad-9 ta’ Settembru 2003 (Kawża R 174/2002‑2) hija annullata.

2)      L-UASI huwa kkundannat iħallas l-ispejjeż li saru mir-rikorrenti.

3)      L-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Legal

Lindh

Vadapalas

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-7 ta’ Lulju 2005.

Reġistratur

 

il-President

H. Jung

 

H. Legal


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.