Language of document : ECLI:EU:T:2005:285

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

13 ta’ Lulju 2005 (*)

"Trade mark Komunitarja – Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja figurattiva li tinkludi l-element verbali 'Julián Murúa Entrena' – Oppożizzjoni tal-propjetarju tat-trade mark verbali Spanjola u internazzjonali MURÚA – Rifjut ta’ reġistrazzjoni – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Kunjom patronimiku"

Fil-kawża T-40/03,

Julián Murúa Entrena, domiċiljat f'Elciego (Spanja), irrappreżentat minn I. Temiño Ceniceros, avukat,

rikorrent,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn I. de Medrano Caballero u G. Schneider, bħala aġenti,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ l-Appell ta’ l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija

Bodegas Murúa, SA, stabbilita f'Elciego, irrappreżentata minn J. González Aparicio, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI tad-9 ta' Diċembru 2002 (kawża R 599/1999-2), dwar proċedimenti ta' oppożizzjoni bejn Bodegas Murúa, SA u Julián Murúa Entrena,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn H. Legal, President, P. Mengozzi u I. Wiszniewska-Białecka, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta’ Frar 2003,

wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-7 ta’ Awwissu 2003,

wara li rat ir-risposta ta' l-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-23 ta' Lulju 2003,

wara s-seduta tad-9 ta' Marzu 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1 ta' April 1996, ir-rikorrent talab ir-reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta' l-20 ta' Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1), kif emendat.

2        It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija s-sinjal figurattiv kif riprodott hawn taħt:

Image not foundImage not found

3        Il-prodotti li fir-rigward tagħhom saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta' trade mark jaqgħu fil-klassi 33 skond il-Ftehim ta' Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u tas-Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni tat-TradeMarks, tal-15 ta' Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "inbejjed".

4        L-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 14/97, tal-11 ta' Awissu 1997.

5        Fl-10 ta' Novembru 1997, l-impriża Bodegas Murúa, SA (iktar 'il quddiem l-"intervenjenti"), ressqet oppożizzjoni abbażi ta' l-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 40/94.

6        Il-motiv invokat in sostenn ta' l-oppożizzjoni kien dak ipprovdut fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. L-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza, min-naħa, tat-trade mark verbali MURÚA, irreġistrata fi Spanja, fl-20 ta' Diċembru 1978, bin-numru 865 063 u, min-naħa l-oħra, tat-trade mark verbali internazzjonali MURÚA, irreġistrata fl-20 ta' Marzu 1984, bin-numru 482 779, u protetta fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Awstrija, fl-Iżvizzera u fil-Benelux. Dawn it-trade marks, li t-tnejn li huma jkopru l-prodotti li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni segwenti: "it-tipi kollha ta' inbejjed", jaqgħu taħt il-klassi 33.

7        Fit-2 ta' Lulju 1999, id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni laqgħet l-oppożizzjoni u rrifjutat ir-reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni.

8        Fit-30 ta' Novembru 1999, ir-rikorrent ippreżenta appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni quddiem l-UASI.

9        B'deċiżjoni tad-9 ta' Diċembru 2002 (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"), it-Tieni Bord ta' l-Appell ta' l-UASI kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni u ċaħad l-appell.

10      Sostanzjalment, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li t-trade marks in kwistjoni jkopru prodotti identiċi u li l-komponent verbali li jiddomina t-trade mark Komunitarja li għaliha saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, billi tikkontjeni l-element "Murúa" bħala l-ewwel kunjom, kien identiku għat-trade marks verbali preċedenti ta' l-intervenjenti, b'tali mod li eżistiet probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni.

 It-talbiet tal-partijiet

11      Ir-rikorrent titlob li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-UASI u lill-intervenjenti jbatu nofs l-ispejjeż kull wieħed.

12      L-UASI u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti sabiex ibati l-ispejjeż.

 Id-dritt

13      Ir-rikorrent iqajjem raġuni waħda, ibbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

 L-argumenti tal-partijiet

14      Wara li argumenta, b'mod ġenerali, li l-prinċipju ta' l-interdipendenza bejn ix-xebh tal-prodotti u dik tat-trade marks, żviluppat permezz tal-ġurisprudenza, jista' ma jiġix ikkunsidrat f'ċerti ċirkustanzi, ir-rikorrent jikkritika l-ewwel nett lill-Bord ta' l-Appell talli llimita b'mod inkorrett l-eżami tiegħu għall-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mingħajr ma wettaq paragun globali bejn is-sinjali in kwistjoni. Skond ir-rikorrent, l-iżbalji li l-Bord ta' l-Appell għamel huma fit-tliet stadji – viżiv, fonetiku u kunċettwali – tal-paragun bejn is-sinjali in kwistjoni.

15      Fir-rigward tal-paragun viżiv bejn is-sinjali, ir-rikorrent ifakkar li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija trade mark figurattiva, komposta, fil-parti superjuri tagħha, minn disinn li jirrappreżenta proprjetà agrikola mdawra b'siġar u vinji u, fil-parti inferjuri tagħha, minn stemmi taħt il-kliem "Julián Murúa Entrena". Skond ir-rikorrent, il-preżenza ta' dawn l-elementi figurattivi tippermetti li tiġi eskluża l-probabbiltà ta' konfużjoni mat-trade mark preċedenti. Għalhekk, skond ir-rikorrent, wieħed ma jistax iwettaq biss evalwazzjoni ta' l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, bil-periklu li tikser, bħal fid-deċiżjoni kkontestata, il-prinċipju ta' paragun globali bejn is-sinjali in kwistjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrent jinsisti fuq il-fatt li, fis-settur ta' l-inbejjed, u skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999, tas-17 ta' Mejju 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid (ĠU L 179, p. 1), it-tikketta għandha sinjifikat partikolari għall-konsumatur bħala element ta' identifikazzjoni tal-prodott. Issa, l-element verbali u l-elementi figurattivi tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li jikkostitwixxu preċiżament it-tikketta ta' l-inbid, għandhom jiġu kkunsidrati bħala ħaġa waħda.

16      Fir-rigward tal-paragun fonetiku, ir-rikorrent jirrileva li s-sinjali in kwistjoni huma simili biss minħabba l-preżenza tal-kelma "Murúa", element verbali waħdu tat-trade mark preċedenti, filwaqt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija komposta mill-isem u mill-kunjomijiet "Julián Murúa Entrena". Filwaqt li r-rikorrent jammetti li l-isem Julián huwa ta' użu relattivament kurrenti, huwa jsostni, min-naħa l-oħra, li l-użu flimkien tal-patronimiċi "Murúa" u "Entrena", li mhumiex daqstant komuni, igawdi minn natura unika u differenzjata, li, mill-perspettiva fonetika, tingħażel faċilment. Ir-rikorrent jiċħad għalhekk id-dikjarazzjoni tal-Bord ta' l-Appell, imsemmija fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, li skondha l-konsumatur Spanjol, meta kkonfrontat b'element verbali kompost minn isem, f'dan il-każ "Julián", u żewġ kunjomijiet, f'dan il-każ "Murúa" u "Entrena", għandu t-tendenza li ma jikkunsidrax l-isem u t-tieni kunjom. Min-naħa l-oħra, f'sistema legali, bħal dik li teżisti fi Spanja, fejn l-istat ċivili tal-persuni huwa bbażat fuq żewġ kunjomiet, dak li jgħodd, skond ir-rikorrent, hija n-natura distinta ta' kull wieħed mill-komponenti ta' l-element verbali kkonċernat.

17      Fir-rigward tal-paragun kunċettwali, ir-rikorrent iqis li jeżistu biżżejjed differenzi bejn is-sinjali in kwistjoni fuq dan il-livell, billi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija, wara kollox, komposta mill-isem ta' l-applikant stess. F'dan ir-rigward, u għall-kompletezza, ir-rikorrent jikkunsidra li l-intervenjenti m'għandhiex tapproprja ruħha esklużivament mil-kelma "Murúa" b'tali mod li timpedixxi lir-rikorrent milli juża kunjomu. In sostenn ta' dan l-argument, ir-rikorrent jiċċita l-Artikolu 6(1) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Diċembru ta' 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), fir-rigward tal-limitazzjoni ta’ l-effetti ta’ trade mark, kif ukoll tal-prattika deċiżjonali preċedenti ta' l-UASI.

18      Sussegwentement, minkejja li r-rikorrent jiddikjara li jaf li d-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali ma jorbtux l-UASI u lanqas il-Qorti tal-Prim'Istanza, huwa jiġbed madankollu l-attenzjoni ta' din ta' l-aħħar għall-fatti li jiddistingwu din il-kawża minn dik li tat lok għas-sentenza Nru 559/1994 tat-Tribunal Supremo (Qorti Suprema Spanjola), ta' l-20 ta' Ġunju 1994, f'kawża bejn l-istess partijiet. B'mod partikolari, ir-rikorrent jenfasizza li t-trade mark nazzjonali Spanjola Julián Murúa Entrena, in kwistjoni f'din il-kawża u li n-nullità tagħha ġiet deċiża mit-Tribunal Supremo, kienet komposta biss minn elementi verbali ċċitati iktar 'il fuq, kuntrarjament għat-trade mark in kwistjoni f'din il-kawża, u jiddikjara li l-leġiżlazzjoni Spanjola applikata f'din il-kawża m'għadhiex tapplika.

19      Fl-aħħar nett, minkejja li r-rikorrent jammetti li l-intervenjenti xtrat parti mit-trade marks li hija kienet proprjetarja tagħhom mingħand il-missier tar-rikorrent, dan ta' l-aħħar huwa sorpriż mill-fatt li wieħed jista' jikkunsidra, kif tagħmel l-intervenjenti, li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks li kkoeżistew paċifikament fi Spanja, kif ukoll fid-Danimarka, għal perijodu twil. Barra minn hekk, ir-rikorrent jippreżenta diversi dokumenti annessi mar-rikors tiegħu li huma intiżi sabiex jagħtu prova ta' l-eżistenza ta' numru kbir ta' reġistrazzjonijiet Spanjoli li fihom kollha l-kelma "Murúa" u li, skond hu, jenfasizzaw fuq il-probabbiltà ta' koeżistenza paċifika tat-trade marks in kwistjoni fis-suq. Ir-rikorrent jannetti wkoll dokumenti oħra mar-rikors tiegħu li juru li, fis-settur ta' l-inbejjed, diversi reġistrazzjonijiet jikkoeżistu fis-suq, minkejja li jinkludu elementi verbali li huma komuni għal ħafna minnhom.

20      Preliminarjament, l-UASI jirrileva li d-dokumenti annessi mar-rikors li huma intiżi sabiex jagħtu prova ta' l-allegata koeżistenza paċifika ta' numru ta' reġistrazzjonijiet Spanjoli li jinkludu l-kelma "Murúa" ġew ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza u huma, konsegwentement, inammissibbli.

21      Fir-rigward tal-mertu, wara li fakkar li l-Bord ta' l-Appell analizza biss il-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni f'moħħ il-konsumatur Spanjol, l-UASI jiċħad it-talbiet tar-rikorrenti.

22      L-UASI jargumenta, l-ewwel nett, li, fir-rigward tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-element verbali "Julián Murúa Entrena" jikkostitwixxi l-element dominanti, minħabba l-pożizzjoni preponderanti f'dan is-sinjal. Min-naħa l-oħra, l-UASI huwa ta' l-opinjoni li l-elementi figurattivi li jikkomponuha jipposjedu natura dekorattiva jew aċċessorja, billi huma użati abitwalment fuq it-tikketti ta' l-inbejjed.

23      Wara din il-kjarifika, l-UASI jikkunsidra, it-tieni nett, li l-paragun ta' l-element verbali dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mat-trade mark preċedenti juri ċertu xebh viżiv. Filwaqt li l-UASI jaqbel ma' l-opinjoni tar-rikorrent fir-rigward ta' l-importanza partikolari tat-tikketta fis-settur ta' l-inbid, jibqa' l-fatt li, skond l-UASI, il-konsumatur huwa mdorri jikkunsidra l-element verbali li jidentifika l-inbid bħala s-sinjal distintiv tiegħu.

24      Fir-rigward tal-paragun fonetiku, minkejja li l-UASI jinnota li d-deċiżjoni kkontestata ma tipprovdix konklużjonijiet f'dan ir-rigward, huwa jikkunsidra madankollu li s-sinjali in kwistjoni huma fonetikament simili.

25      Fir-rigward tax-xebh kunċettwali, l-UASI jqis li, bħala regola ġenerali, dan ix-xebh jeżisti jekk il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi li ż-żewġ sinjali in kwistjoni għandhom it-tnejn li huma komponent semantiku identiku jew simili. F'din il-kawża, fl-opinjoni ta' l-UASI, l-element kunċettwali komuni għaż-żewġ sinjali in kwistjoni huwa kkostitwit mill-fatt li huma fihom ismijiet proprji u kunjomijiet ta' oriġini Spanjola, rikonoxxuti bħala tali mill-pubbliku rilevanti, billi l-isem "Murúa" huwa l-element predominanti tal-komponent verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, filwaqt li huwa l-uniku element tat-trade mark preċedenti.

26      Barra minn hekk, għalkemm l-UASI jammetti li, mill-perspettiva ta' l-istat ċivili Spanjola, il-persuni fiżiċi huma identifikati permezz ta' żewġ patronimiċi, jibqa' il-fatt, fl-opinjoni tiegħu, li l-ewwel kunjom jipposjedi valur predominanti fuq it-tieni, billi l-pubbliku rilevanti normalment jidentifika l-persuni biss mill-ewwel kunjom tagħhom. Isegwi li, skond l-UASI, hemm livell elevat ta' xebh kunċettwali bejn iż-żewġ sinjali in kwistjoni, minħabba l-preżenza tal-kelma "Murúa" f'dawn is-sinjali.

27      Minn dan l-UASI jikkonkludi li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks in kwistjoni, meta tittieħed in kunsiderazzjoni l-identiċità, mhux ikkuntestata mir-rikorrenti, bejn il-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni u x-xebh bejn is-sinjali in kwistjoni li ġie rrilevat fid-deċiżjoni kkontestata. B'mod partikolari, l-UASI jsostni li l-konsumatur li huwa familjari ma' l-inbejjed koperti mit-trade mark preċedenti jieħu r-riskju oġġettiv li jikkunsidra l-inbid identifikat permezz tat-tikketta li tinkludi l-isem "Julián Murúa Entrena" bħala prodott ġdid li joriġina mill-istess impriża bħal dik li tikkummerċjalizza l-inbejjed koperti mit-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, l-UASI jenfasizza li r-rimarka tar-rikorrent dwar l-esklużjoni, f'ċerti ċirkustanzi, tal-prinċipju ta' l-interdipendenza bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti huwa bla rilevanza, billi r-rikorrent ma jagħti l-ebda prova dwar l-imsemmija ċirkustanzi.

28      It-tielet nett, fir-rigward tad-deċiżjoni tat-Tribunal Supremo, imsemmija fil-punt 18 iktar 'il fuq, l-UASI jikkunsidra li, minkejja li mhuwiex marbut bid-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati nazzjonali, l-elementi ta' fatt u ta' dritt li wasslu għad-deċiżjoni tat-Tribunal Supremo jistgħu jkunu utli għas-soluzzjoni tal-kawża. B'mod partikolari, l-UASI jikkunsidra, min-naħa, li din id-deċiżjoni rrifjutat l-argumenti tar-rikorrent li t-trade marks in kwistjoni kkoeżistew paċifikament fit-territorju Spanjol u, min-naħa l-oħra, hija turi l-intenzjoni tar-rikorrent li jirreġistra bħala trade mark Komunitarja s-sinjal verbali li ta lok għas-sentenza tat-Tribunal Supremo, din id-darba bħala parti minn trade mark figurattiva.

29      Fl-aħħar nett, l-UASI jiċħad ukoll l-ilment tar-rikorrent ibbażat fuq l-allegata approprjazzjoni ta' l-intervenjenti ta' kunjomu, min-naħa, billi jippreċiża li l-limitazzjoni ta' l-effetti tat-trade mark hija rilevanti biss ladarba din ta' l-aħħar hija rreġistrata. Min-naħa l-oħra, l-UASI huwa ta' l-opinjoni li l-użu liberu ta' l-ismijiet proprji jista' jiġi dedott mill-indikazzjonijiet ipprovduti mis-sentenza tat-Tribunal Supremo ċċitata iktar 'il fuq, li tgħid illi kunjom għandu jiġi eżaminat fir-rigward tal-probabbiltà ta' konfużjoni meta operatur ekonomiku jrid jużah bħala trade mark. Konsegwentement, skond l-UASI, il-Bord ta’ l-Appell kien korrett meta kkunsidra li l-limitazzjoni ta' l-effetti tat-trade mark ma affettwatx bl-ebda mod l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni.

30      Preliminarjament, l-intervenjenti tfakkar li hija saret proprjetarja tat-trade mark preċedenti wara kuntratt ta' trasferiment, konkluż skond id-dritt Spanjol, mal-missier tar-rikorrent. L-intervenjenti ssostni, għaldaqstant, li r-rikorrent ma jistax issa jinterferixxi ma' l-użu esklużiv ta' din it-trade mark. Barra minn hekk, l-intervenjenti tikkontesta wkoll id-dikjarazzjoni tar-rikorrent li tgħid illi t-trade mark preċedenti kienet ikkoeżistiet matul perijodu twil fuq it-territorju Spanjol mat-trade mark verbali Spanjola preċedenti tar-rikorrent Julián Murúa Entrena, li kienet tinkludi l-istess element verbali bħat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Il-fatti kollha li fuqhom hija bbażata s-sentenza tat-Tribunal Supremi ċċitata iktar 'il fuq, f'kawża bejn l-istess partijiet, jindikaw kompletament il-kuntrarju.

31      Fir-rigward ta' l-evalwazzjoni bbażata fuq il-paragun bejn is-sinjali in kwistjoni effettwata mill-Bord ta' l-Appell, l-intervenjenti taqbel, sostanzjalment, mal-pożizzjoni meħuda mill-UASI. Fir-rigward ta' l-importanza ta' l-ewwel kunjom f'din il-kawża, hija żżid li, fil-passat, għall-perijodu li matulu r-rikorrent uża t-trade mark verbali Spanjola Julián Murúa Entrena − qabel din ta' l-aħħar ġiet annullata permezz tas-sentenza tat-Tribunal Supremi ċċitat iktar 'il fuq – qatt ma għadda minn moħħ ir-rikorrenti li juża t-tieni kunjom tiegħu, filwaqt li uża l-ewwel kunjom tiegħu f'diversi okkażjonijiet.

32      Fir-rigward tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni, l-intervenjenti tirrileva li din il-probabbiltà hija ċertament reali billi, barra l-analiżi effettwata mill-Bord ta' l-Appell li għandha tkun approvata, din il-konfużjoni kienet diġà ġiet rikonoxxuta fil-passat. F'dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija mir-rikorrent fir-rigward ta' l-importanza tat-tikketta u ta' l-eżistenza ta' trade marks li jinkludu l-kelma "Murúa" huma bla rilevanza. Għal dak li jirrigwarda l-ewwel punt, l-intervenjenti tqis, fil-fatt, li t-tikketta, li hija magħmula dejjem wara r-reġistrazzjoni ta' trade mark, tkun, fl-ipoteżi tar-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, fattur supplementari ta' konfużjoni billi turi mhux biss l-isem tal-proprjetarju tat-trade mark, iżda wkoll il-post fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat ta' l-impriża. F'dan il-kawża, il-post fejn jinsab l-uffiċċju rreġistrat tar-rikorrent u dak ta' l-intervenjenti huma identiċi. Il-pubbliku rilevanti jista' għaldaqstant jikkunsidra li l-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni joriġinaw mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament. Fir-rigward tat-tieni punt, l-intervenjenti tqis li t-trade marks imsemmija mir-rikorrent mhumiex rilevanti, billi kollha jkopru prodotti oħra barra l-inbid li fir-rigward tagħhom mhemm, bħala prinċipju, l-ebda ostakolu sabiex jiġu rreġistrati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

33      Skond l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir opposizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha tiġi miċħuda, jekk minħabba identiċità jew xebh mat-trade mark preċedenti u l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti miż-żewġ trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta.

34      Skond ġurisprudenza kostanti, jikkostitwixxi probabbiltà ta' konfużjoni l-fatt li l-pubbliku jista' jemmen li l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati joriġinaw mill-istess impriża jew, jekk ikun il-każ, minn impriżi marbuta ekonomikament. Skond din l-istess ġurisprudenza, il-probabbiltà ta' konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skond il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew servizzi kkonċernati, u billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-fatturi kollha rilevanti f'din il-kawża, b'mod partikolari ta' l-interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi koperti [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 2003, Laboratorios RTB vs L-UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T‑162/01, Ġabra p. II‑2821, punti 31 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].

35      Hekk kif jirriżulta wkoll minn ġurisprudenza kostanti, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta' konfużjoni għandha, f'dak li jirrigwarda x-xebh viżiv, fonetiku jew kunċettwali tas-sinjali in kwistjoni, tkun ibbażata fuq l-impressjoni ġenerali mogħtija mis-sinjali, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni, b'mod partikolari, l-elementi distintivi u dominanti tagħhom [sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-14 ta' Ottubru 2003, Phillips-Van Heusen vs L-UASI – Pash Textilvertrieb und Einzelhandel (BASS), T‑292/01, Ġabra p. II‑4335, punt 47, u l-ġurisprudenza ċċitata].

 Fuq il-pubbliku rilevanti

36      F'din il-kawża, għal dak li jirrigwarda t-trade marks preċedenti, hekk kif ġie indikat fil-punt 6 iktar 'il fuq, l-oppożizzjoni hija bbażata kemm fuq it-trade mark verbali Nru 865 063, irreġistrata fi Spanja, kif ukoll fuq it-trade mark verbali internazzjonali Nru 482 779, protetta fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Awstrija, fi Svizzera u fil-Benelux. Għaldaqstant, il-pubbliku rilevanti huwa, prinċipalment, il-pubbliku preżenti fit-territorji Spanjoli, Ġermaniżi, Franċiżi, Awstrijaki, Svediżi u ta' l-Istati tal-Benelux.

37      Għaldaqstant, huwa biżżejjed jekk jiġi kkonstatat li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-pubbliku kkonċernat ta' wieħed mill-Istati Membri msemmija iktar 'il fuq sabiex tapplika r-raġuni għal rifjut msemmija fl-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.

38      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-Bord ta' l-Appell eżamina biss ix-xebh bejn is-sinjali in kwistjoni u l-probabbiltà ta' konfużjoni skond il-perċezzjoni tal-pubbliku Spanjol, u wasal għall-konklużjoni impliċita li r-riżultat ta' dan l-eżami kien japplika għat-"trade marks" preċedenti kollha ta' l-intervenjenti.

39      Mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-legalità ta' dan l-approċċ, għandu jiġi ppreċiżat li kull kunsiderazzjoni dwar il-livell ta' xebh bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark internazzjonali preċedenti ta' l-intervenjenti tista' tkun rilevanti biss fil-każ fejn, fuq il-bażi ta' l-argumenti invokati mir-rikorrent, il-Qorti tal-Prim'Istanza, kuntrarjament għall-Bord ta' l-Appell, teskludi l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni għall-pubbliku Spanjol bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u t-trade mark preċedenti rreġistrata fi Spanja.

40      Għalhekk, għandu jiġi vverifikat jekk, kif tallega r-rikorrenti, il-Bord ta' l-Appell, billi kkonkluda li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn iż-żewġ trade marks in kwistjoni f'moħħ il-pubbliku Spanjol, kiser l-Artikolu 8(1)(b) ta' l-imsemmi Regolament.

41      Fil-kawża preżenti, is-suġġett tal-kawża jirrigwarda l-paragun bejn is-sinjali. L-identiċità tal-prodotti koperti mit-trade marks in kwistjoni mhijiex ikkuntestata.

 Fuq ix-xebh tas-sinjali

42      Huwa paċifiku li l-pubbliku Spanjol ser jipperċepixxi l-element verbali li jikkomponi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala isem proprju (isem u kunjomijiet) u t-trade mark preċedenti bħala kunjom. Huwa wkoll paċifiku li l-ewwel kunjom li jikkomponi l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-uniku element tat-trade mark preċedenti huma identiċi.

43      Għaldaqstant, il-kawża tirrigwarda prinċipalment il-kwistjoni dwar jekk, kif isostni r-rikorrent, il-preżenza ta' l-elementi figurattivi, ta' l-isem u tat-tieni kunjom fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni hija biżżejjed sabiex teskludi kull probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-konsumatur Spanjol jew jekk, għall-kuntrarju, il-preżenza tal-kelma "Murúa" fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni tikkostitwixxi l-element dominanti fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti, li jista' jikkonfondi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni mat-trade mark preċedenti.

44      Qabel ma tiġi eżaminata din il-kwistjoni, għandhom isiru żewġ rimarki preliminari.

45      Min-naħa, fir-rigward ta' l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 89/104, għandu jiġi mfakkar li din id-dipożiżżjoni tirrigwarda l-limitazzjonijiet tad-dritt ikkonferiti minn trade mark nazzjonali lill-proprjetarju tagħha, fil-kummerċ, billi ma tħallix b'mod partikolari lill-proprjetarju jipprojbixxi lil terz l-użu ta' ismu jew ta' l-indirizz tiegħu, bil-kundizzjoni li dan l-użu jsir skond il-prattiċi onesti f'materji industrijali jew kummerċjali.

46      Konsegwentement, din id-dispożizzjoni m'għandhiex tiġi kkunsidrata fil-kuntest tal-proċedura ta' reġistrazzjoni ta' trade mark Komunitarja, għaliex hija ma tikkonferixxix, kif jidher li qed jargumenta r-rikorrent, lil terzi dritt ta' użu ta' isimhom jew ta' l-indirizz tagħhom bħala trade mark [ara, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' Settembru 2004, Nichols, C‑404/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33, u, fir-rigward ta' l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-31 ta' Marzu 2004, Interquell vs L-UASI – SCA Nutrition (HAPPY DOG), T‑20/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 56].

47      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi ppreċiżat li l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 34 u 35 iktar 'il fuq tapplika interament għall-applikazzjoni ta' reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja ta' sinjal kompost minn kunjom jew diversi kunjomijiet.

48      Għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, "[t]rade mark Komunitarja tista’ tikkonsisti f’sinjali li jistgħu jiġu rappreżentati b’mod grafiku, partikolarment kliem, fosthom ismijiet personali [...] sakemm dawn is-sinjali jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta’ impriża minn dawk ta’ impriża oħra".

49      Għaldaqstant, applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja ta' sinjal li jinkludi, parzjalment jew totalment, isem wieħed jew diversi ismijiet ta' persuni hija suġġetta għall-kriterji ta' evalwazzjoni relatati mar-reġistrazzjoni li huma applikabbli għall-kategoriji oħra ta' trade marks. Fil-fatt, jekk filwaqt li dawn is-sinjali jistgħu jikkostitwixxu trade marks Komunitarji, skond l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 40/94, bil-kundizzjoni li jkunu kapaċi jiddistingwu l-prodotti jew is-servizzi ta' impriża minn dawk ta' impriżi oħra, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 40/94 ma tipprovdi kriterji ta' evalwazzjoni għar-reġistrazzjoni ta' dan it-tip ta' sinjali li huma differenti mill-kriterji għas-sinjali l-oħra li jistgħu jikkostitwixxu trade mark Komunitarja. B'hekk, bħalma ġie deċiż li l-kriterji ta' evalwazzjoni tal-karattru distintiv ta' trade marks komposti minn isem ta' persuna huma l-istess bħal dawk applikabbli għall-kategoriji l-oħra ta' trade marks (sentenza Nichols, punt 46 iktar 'il fuq, punt 25), l-istess ħaga għandha tapplika għal dawk intiżi sabiex jevalwaw l-eżistenza ta' probabbiltà ta' konfużjoni bejn trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u trade mark preċedenti, fis-sens ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, fin-nuqqas ta' dispożizzjoni kuntrarja prevista f'dan ir-Regolament [ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-1 ta' Marzu 2005, Fusco vs L-UASI – Fusco International (ENZO FUSCO), T‑185/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45].

50      Minn dan jirriżulta li sinjal li fih l-isem u l-kunjomijiet ta' persuna fiżika m'għandux jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja meta din hija pprojbita minn raġuni relattiva għal rifjut ta' reġistrazzjoni wara l-oppożizzjoni tal-proprjetarju ta' trade mark preċedenti.

51      Fid-dawl ta' dawn il-kjarifiki preliminari, għandu jiġi kkonstatat l-ewwel nett li l-argument tar-rikorrent, li jgħid illi l-Bord ta' l-Appell illimita b'mod żbaljat il-paragun tas-sinjali in kwistjoni għall-elementi verbali tagħhom biss, ma jistax jiġi milqugħ.

52      Għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, trade mark kumplessa ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija simili għal trade mark oħra li hija identika jew simili għal wieħed mill-komponenti tat-trade mark kumplessa, sakemm dan il-komponent ma jifformax l-element dominanti fl-impressjoni ġenerali mogħtija mit-trade mark kumplessa. Dan huwa l-każ meta dan il-komponent jista' jiddomina, waħdu, l-immaġni ta' din it-trade mark li l-pubbliku rilevanti jżomm f'moħħu, b'tali mod li l-komponenti l-oħra kollha tat-trade mark mhumiex importanti fl-impressjoni ġenerali mogħtija minn din ta' l-aħħar [sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-23 ta' Ottubru 2002, Matratzen Concord vs L-UASI – Hukla Germany (MATRATZEN), T‑6/01, Ġabra p. II‑4335, punt 33, u tas-6 ta' Lulju 2004, Grupo El Prado Cervera vs L-UASI – Héritiers Debuschewitz (CHUFAFIT), T‑117/02, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45].

53      Dan l-approċċ ma jammontax għat-teħid in kunsiderazzjoni ta' komponent wieħed biss ta' trade mark kumplessa u għall-ipparagunar ta' dan ma' trade mark oħra. Dan il-paragun għandu jsir billi jiġu eżaminati t-trade marks in kwistjoni, kull waħda kkunsidrata fit-totalità tagħha. Madankollu, dan ma jeskludix li l-impressjoni ġenerali maħluqa f'moħħ il-pubbliku rilevanti minn trade mark kumplessa tista', f'ċerti ċirkustanzi, tkun ddominata minn wieħed jew iktar mill-komponenti tagħha (sentenza MATRATZEN, punt 52 iktar 'il fuq, punt 34).

54      Għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tan-natura dominanti ta' wieħed jew iktar mill-komponenti ta' trade mark kumplessa, għandhom jiġu kkunsidrati, b'mod partikolari, il-kwalitajiet intrinsiċi ta' kull wieħed minn dawn il-komponenti billi jiġu mqabbla ma' dawk tal-komponenti l-oħra. Barra minn hekk u b'mod aċċessorju, tista' tittieħed in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni relattiva ta' diversi komponenti fl-għamla tat-trade mark kumplessa (sentenza MATRATZEN, punt 52 iktar 'il fuq, punt 35).

55      F'din il-kawża, għandu jiġi mfakkar li, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord ta' l-Appell ikkunsidra li l-element figurattiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, li jirrapreżenta proprjetà tipika agrikola mdawra b'vinji u siġar, kellu valur distintiv dgħajjef għall-prodotti koperti bit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u li, konsegwentement, l-element verbali ta' din it-trade mark, jiġifieri "Julían Murúa Entrena", iddomina l-impressjoni ġenerali mogħtija minn dan is-sinjal.

56      Din l-evalwazzjoni tista' biss tiġi milqugħa. Għal dak li jirrigwarda prodott bħall-inbid, ir-rappreżentazzjoni ta' proprjetà agrikola mdawra b'vinji u siġar ma tikkostitwixxix element li jippermetti lill-pubbliku rilevanti sabiex jipperċepixxi dan il-komponent figurattiv bħala wieħed li jiddomina l-immaġni li ser iżommu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Min-naħa l-oħra, kif ġustament isostni l-UASI, il-konsumaturi huma mdorrija jiddeskrivu u jirrikonoxxu l-inbid skond l-element verbali li jservi sabiex jidentifikah, billi dan l-element jindika b'mod partikolari l-kultivatur jew il-proprjetà li fuqha l-inbid jiġi magħmul.

57      Din l-evalwazzjoni għandha tiġi estiża għall-preżenza ta' l-istemmi li jinsabu taħt l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, meta jittieħdu in kunsiderazzjoni l-pożizzjoni u d-daqs tar-rappreżentazzjoni ta' l-imsemmija stemmi fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, dawn ta' l-aħħar jikkostitwixxu biss element dekorattiv mingħajr skop reali, kif indikat id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni. Għaldaqstant, dan l-element m'għandux il-kapaċità jiddomina l-immaġni li l-pubbliku rilevanti ser iżomm tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni.

58      Barra minn hekk, l-ilment imqajjem mir-rikorrent fuq l-importanza li għandha t-tikketta ta' l-inbejjed fil-Komunità Ewropea, li ċċaħħad lill-UASI mid-dritt li jiddetermina l-elementi dominanti u distintivi tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, huwa irrilevanti.

59      Ċertament, huwa veru li, skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1493/1999, it-tikketta tikkostitwixxi mezz essenzjali għall-identifikazzjoni ta' l-inbejjed koperti minn dan ir-Regolament.

60      Madankollu, dan ma jfissirx li, għall-finijiet ta' l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94, fejn it-tikketta tinkludi trade mark, bħat-trade mark Komunitarja li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, din it-trade mark ma tistax tkun suġġetta, fil-kuntest ta' proċedimenti ta' oppożizzjoni mibdija b'applikazzjoni ta' dan ir-regolament, għal eżami mill-UASI sabiex jiġi ddeterminat l-element jew l-elementi dominanti u distintivi.

61      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-eżami mwettaq mill-UASI ma jnaqqas xejn mill-importanza tat-tikketta għall-finijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, objettiv li huwa kopert espliċitament mir-Regolament Nru 1493/1999. Għall-kuntrarju, dan l-eżami jikkontribwixxi għall-protezzjoni tagħhom billi jippermetti li jiġi assigurat li trade mark inkluża fit-tikketta ta' inbid ma tistax toħloq probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-konsumatur, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-identità tal-persuni fiżiċi jew legali li huma involuti fil-produzzjoni jew fid-distribuzzjoni kummerċjali tal-prodott, fis-sens ta' l-Artikolu 48 u tal-punt F ta' l-Anness VII tar-Regolament Nru 1493/1999.

62      F'dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel argument tar-rikorrent għandu jiġi miċħud.

63      Ir-rikorrent isostni sussegwentement li l-Bord ta' l-Appell kien żbaljat meta kkunsidra li, fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-ewwel kunjom "Murúa" ikkostitwixxa l-element dominanti tal-grupp ta' termini "Julián Murúa Entrena".

64      Għandu jiġi mfakkar li, sabiex tiġi ddeterminata n-natura dominanti tal-kunjom "Murúa" fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Bord ta' l-Appell indika, fil-punt 17 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

"[…] fi Spanja, l-ewwel kunjom għandu importanza partikolari fi trade mark komposta mill-isem u mill-kunjomijiet tal-proprjetarju tagħha, peress illi l-konsumatur medju normalment ma jikkunsidrax l-isem u t-tieni kunjom. Konsegwentement, l-element dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u dak [tat-] trade mark li [fuqha] l-oppożizzjoni hija bbażata huma identiċi."

65      Għandu jiġi kkonstatat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appell fir-rigward tal-preminenza, fi Spanja, ta' l-ewwel kunjom għandha natura sistematika li għandha tiġi kkwalifikata. M'għandux jiġi eskluż li, skond iċ-ċirkustanzi ta' kull każ individwali, sinjal, kompost minn isem u minn żewġ kunjomijiet, li huwa s-suġġett ta' applikazzjoni għal reġistrazzjoni bħala trade mark Komunitarja, jista', għall-pubbliku Spanjol, jippreżenta natura distintiva minħabba, b'mod partikolari, l-preżenza tat-tieni kunjom, li jikkostitwixxi, b'hekk, l-element dominanti tas-sinjal in kwistjoni.

66      Madankollu, il-Bord ta' l-Appell kien korrett meta kkunsidra, f'dan il-każ, li l-kunjom "Murúa" attribwixxa lit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni n-natura distintiva tagħha u kkostitwixxa, għalhekk, l-element dominanti tagħha.

67      L-ewwel nett, għandu jiġi mfakkar li l-perċezzjoni ta' sinjali komposti minn ismijiet ta' persuni tista' tvarja fid-diversi Stati tal-Komunità Ewropea (sentenza ENZO FUSCO, punt 49 iktar 'il fuq, punt 52).

68      F'dan il-każ, ir-rikorrent ammetta li l-isem "Julián", li jinsab fis-sinjal verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kien relattivament komuni fi Spanja u, għalhekk, ma kellux natura distintiva partikolari.

69      Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk, fi Spanja, il-pubbliku rilevanti jagħti ġeneralment iktar attenzjoni għall-kunjom "Murúa" milli għall-kunjom "Entrena" fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li l-ġurisprudenza ta' dan l-Istat, filwaqt li mhijiex vinkolanti fuq l-istituzzjonijiet Komunitarji, tista' tipprovdi indikazzjonijiet utli.

70      F'dan ir-rigward, għandha tiġi kkunsidrata s-sentenza Nru 559/1994 tat-Tribunal Supremo, ta' l-20 ta' Ġunju 1994, f'kawża bejn il-partijiet f'din l-istanza u li nqalat matul il-proċedura amministrattiva quddiem l-UASI.

71      Għandu jiġi mfakkar li, f'din il-kawża bejn ir-rikorrent u l-intervenjenti, it-Tribunal Supremo ddeċieda li t-trade mark verbali Julián Murúa Entrena, irreġistrata fi Spanja u li kopriet l-istess prodotti bħal dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, kellha tiġi annullata minħabba l-probabbiltà ta' konfużjoni f'moħħ il-pubbliku Spanjol mat-trade mark verbali preċedenti MURÚA, li l-intervenjenti huwa l-proprjetarju tagħha u li fuqha kienet ibbażata wkoll l-oppożizzjoni quddiem l-UASI. B'mod iktar preċiż, it-Tribunal Supremo rrileva li rriżulta mir-reġistrazzjoni sussegwenti tat-trade marks Viñas Murúa u Murúa li l-kunjom "Murúa" ikkostitwixxa l-element predominanti ta' din it-trade mark. Il-probabbiltà ta' konfużjoni kienet ikkonfermata permezz tal-fatt li persuni mhux relatati mal-konvenut (jiġifieri r-rikorrent f'din il-kawża), u bla intervent minn dan ta' l-aħħar, tfixklu, meta kklasifikaw l-inbejjed ta' Rioia, bejn it-trade marks Murúa u Bodegas Murúa, SA, min-naħa, u Bodegas Murúa Entrena, SA, min-naħa l-oħra, u assoċjaw l-inbid kopert mit-trade mark Murúa maż-żewġ impriżi, kif kien ammetta l-konvenut, filwaqt li attribwixxa l-iżball lil terzi. F'dan il-kuntest, it-Tribunal Supremo ddeċieda li, "billi l-kelma ‘Murúa’ [ikkostitwixxiet] il-mezz ta' identifikazzjoni ta' l-inbejjed u billi [kienet] din il-kelma li [kienet] wasslet, fuq it-talba tal-konvenut, għar-rifjut ta' reġistrazzjoni tat-trade marks ‘Murúa Gangutia’ u ‘Heredad Murúa Gangutia’, [kien] evidenti li kellha wkoll tiġi rrifjutata, fl-istadju amministrattiv, ir-reġistrazzjoni tat-trade mark ‘Julián Murúa Entrena’ u li issa, fl-istadju ġudizzjarju, tali trade mark għandha tiġi annullata".

72      Għandu jiġi kkunsidrat li, fin-nuqqas ta' prova kuntrarja, il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni ma tistax tkun differenti minn dik, ikkonstatata mit-Tribunal Supremo, li dan l-istess pubbliku kellu tat-trade mark verbali Julían Murúa Entrena. Fil-fatt, minkejja l-preżenza ta' elementi figurattivi fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, dawn l-elementi, kif ġie deċiż fil-punti 56 u 57 iktar 'il fuq, ma jistgħux jiddominaw l-immaġni li l-pubbliku rilevanti ser iżomm ta' din it-trade mark.

73      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, fuq il-livell viżiv, il-kelma "Murúa" tinsab fiċ-ċentru ta' l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u tifforma allinjament vertikali ma' l-elementi figurattivi tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, b'mod partikolari ma' l-elementi araldiċi tagħha. Din l-għamla tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandha tendenza li tenfasizza l-kunjom "Murúa" b'relazzjoni ma' l-isem u mat-tieni kunjom.

74      It-tielet nett, filwaqt li għandu ċertament jiġi kkonstatat li, fuq il-livell fonetiku, l-element verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jvarja mit-trade mark preċedenti permezz tal-preżenza ta' l-isem "Julián" u tal-kunjom "Entrena", għandu jiġi ppreċiżat madankollu li, kif sostna r-rikorrent fis-seduta permezz ta' diversi eżempji ta' ismijiet ta' inbejjed, il-konsumatur Spanjol ġeneralment ma jgħidx l-isem sħiħ ta' l-inbid, iżda għandu t-tendenza li jagħti l-forma mqassra tiegħu. Dan il-fatt, li ġie enfasizzat wkoll mid-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, huwa suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li, fuq il-livell fonetiku, il-konsumatur Spanjol għandu, ġeneralment, it-tendenza li jirreferi għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bil-forma mqassra tagħha, l-aktar billi jirreferi għall-isem "Murúa", l-ewwel kunjom tar-rikorrent.

75      Minn dan jirriżulta li, fil-kawża preżenti, m'hemmx lok li tiġi annullata l-evalwazzjoni tal-Bord ta' l-Appell, li taqbel magħha wkoll id-Diviżjoni ta' l-Oppożizzjoni, li tgħid illi l-kunjom "Murúa", l-ewwel kunjom tar-rikorrent li jikkomponi s-sinjal verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jiddomina l-immaġni li l-pubbliku Spanjol ser iżomm ta' din it-trade mark.

76      Konsegwentement, il-Bord ta' l-Appell kien korrett meta kkunsidra li s-sinjali in kwistjoni huma simili minħabba l-fatt li l-element dominanti tas-sinjal verbali tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u l-uniku element tat-trade mark preċedenti huma identiċi.

 Fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni

77      Skond ġurisprudenza kostanti, l-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta' konfużjoni timplika ċertu interdipendenza bejn il-fatturi kkunsidrati, u b'mod partikolari bejn ix-xebh tat-trade marks u dak tal-prodotti jew tas-servizzi koperti. Għaldaqstant, livell ta' xebh baxx bejn il-prodotti jew servizzi koperti jista' jiġi kkumpensat minn livell ta' xebh għoli bejn is-sinjali (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta' Settembru 1998, Canon, C‑39/97, Ġabra p. I‑5507, punt 17, u, fir-rigward ta' l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 40/94, is-sentenza GIORGIO BEVERLY HILLS, punt 34 iktar 'il fuq, punt 32).

78      F'dan il-każ, għandu jiġi mfakkar li, min-naħa, huwa kostanti li l-prodotti koperti permezz tat-trade marks in kwistjoni huma identiċi u li, min-naħa l-oħra, is-sinjali in kwistjoni huma simili. Dan il-fatt jiġġustifika l-konklużjoni li teżisti probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni, peress illi l-konsumatur medju Spanjol, meta kkonfrontat bi prodott li għandu l-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, jista' jaħseb li dan il-prodott għandu l-istess oriġini kummerċjali bħal prodott li għandu t-trade mark preċedenti. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li huwa wkoll paċifiku li l-kunjom "Murúa", komuni għas-sinjali in kwistjoni, għandu l-istess oriġini, jiġifieri l-missier tar-rikorrent, li ttrasferixxa t-trade mark preċedenti, irreġistrata fi Spanja, lill-intervenjenti. Għalhekk, il-probabbiltà li l-konsumatur Spanjol jaħseb li l-prodotti tar-rikorrent u dawk tal-proprjetarju tat-trade mark preċedenti għandhom l-istess oriġini kummerċjali hija msaħħa minn din iċ-ċirkustanza fattwali. Għall-istess raġuni, huwa wkoll ferm possibbli, kif jsostni l-UASI, li l-pubbliku kkonċernat jikkunsidra l-inklużjoni ta' l-isem u tal-kunjom "Entrena" fit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni biss bħala mezz sabiex issir distinzjoni bejn varjetà ta' inbejjed li joriġinaw mill-impriża li hija proprjetarja tat-trade mark preċedenti jew, għall-inqas, minn impriża marbuta ekonomikament ma' l-intervenjenti.

79      Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi kkontestata permezz ta' l-argumenti l-oħra tar-rikorrent.

80      L-ewwel nett, fir-rigward ta' l-allegazzjoni tar-rikorrent li l-prinċipju stabbilit mill-ġurisprudenza ta' l-interdipendenza bejn ix-xebh tal-prodotti u dak tat-trade marks jista' jiġi eskluż f'ċerti ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, anki li kieku kien possibbli li dan il-prinċipju jiġi eskluż, ir-rikorrent ma ta ebda prova in sostenn ta' din l-allegazzjoni.

81      Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda d-dokumenti annessi mar-rikors promotorju li huma intiżi sabiex jagħtu prova ta' l-allegata koeżistenza paċifika tat-trade marks li fihom il-kelma "Murúa", għandu jiġi rrilevat li dawn id-dokumenti, ippreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza, huma inammissibbli, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat il-valur probatorju tagħhom [ara, f'dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tat-12 ta' Diċembru 2002, eCopy vs L-UASI (ECOPY), T‑247/01, Ġabra p. II‑5301, punt 49, u tat-3 ta' Lulju 2003, Alejandro vs L-UASI – Anheuser-Busch (BUDMEN), T‑129/01, Ġabra p. II‑2251, punt 67]. F'kull każ, safejn dawn id-dokumenti jirrigwardaw l-allegazzjoni tar-rikorrent, magħmula fis-seduta, li t-trade mark verbali Spanjola Julián Murúa Entrena u t-trade mark preċedenti kienu kkoeżistew fis-suq Spanjol, għandu jiġi kkonstatat li l-annullament mit-Tribunal Supremo tat-trade mark verbali tar-rikorrent iċċitata iktar 'il fuq, abbażi tal-probabbiltà ta' konfużjoni f’moħħ il-pubbliku Spanjol bejn din it-trade mark u t-trade mark preċedenti, hija biżżejjed sabiex turi li l-allegata "koeżistenza paċifika" bejn dawn it-trade marks ma kinitx realtà.

82      Il-parti l-kbira tad-dokumenti annessi mar-rikors intiżi sabiex jagħtu prova tal-koeżistenza paċifika fis-suq fis-settur ta' l-inbejjed ta' reġistrazzjonijiet li għandhom elementi verbali komuni għandhom ukoll jiġu ddikjarati inammissibbli, billi dawn id-dokumenti ġew ippreżentati għall-ewwel darba fil-proċediment quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza.

83      Min-naħa l-oħra, id-dokumenti annessi mar-rikors li jirrigwardaw il-kunjomijiet Faustino, Medrano u Palacios, li ġew ippreżentati quddiem l-UASI, huma ammissibbli. Madankollu, dawn huma irrilevanti. Ir-reġistrazzjonijiet nazzjonali msemmija f'dawn id-dokumenti jirrigwardaw trade marks li m'għandhom l-ebda relazzjoni mat-trade marks in kwistjoni. Dawn id-dokumenti u l-argumenti li huma jsostnu huma għalhekk irrilevanti għall-finijiet ta' l-analiżi tal-probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade marks in kwistjoni f'din il-kawża (ara s-sentenza BUDMEN, punt 81 iktar 'il fuq, punt 63).

84      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta' l-allegazzjoni tar-rikorrent li tgħid illi teżisti koeżistenza paċifika bejn it-trade marks in kwistjoni fid-Danimarka, biżżejjed jingħad li dan l-argument huwa irrilevanti, peress illi t-trade mark preċedenti ta' l-intervenjenti mhijiex protetta fid-Danimarka.

85      Billi teżisti probabbiltà ta' konfużjoni fi Stat Membru, f'dan il-każ fi Spanja, dan huwa biżżejjed sabiex ir-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni tiġi rrifjutata, kif ġie indikat fil-punt 39 iktar 'il fuq. Għalhekk mhuwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-probabbiltà ta' konfużjoni, aċċettata mill-Bord ta' l-Appell, bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark internazzjonali preċedenti protetta fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Awstrija, fl-Isvizzera u fil-Benelux.

86      Peress illi l-unika raġuni bbażata fuq il-ksur ta' l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 mhijiex fondata, ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

87      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-UASI u mill-intervenjenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeciedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż.

Legal

Mengozzi

Wiszniewska-Białecka

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Lulju 2005.

H. Jung

 

      H. Legal

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.