Language of document : ECLI:EU:T:2005:296

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Lulju 2005 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordju – Trasport bl-ajru – Regolament (KEE) Nru 3975/87 – Ftehim innotifikat – Akkordju li jmur lil hinn mill-kuntest tan-notifika – Tqassim ta’ swieq – Multa – Linji gwida għall-kalkolu tal-multi – Gravità tal-ksur – Notifika dwar eżenzjoni minn multi jew it-tnaqqis ta’ l-ammont tagħhom – Ċirkustanzi mitiganti – Kompetenza ġuridika sħiħa ”

Fil-kawża T-241/01,

Scandinavian Airlines System AB, stabbilita f’Stokkolma (l-Iżvezja), irrappreżentata minn M. Kofmann, Avocat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn P. Oliver u W. Wils, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, Jaeger u F. Dehousse, Imħallfin,

Reġistratur : M. H. Jung,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-24 ta’ Ġunju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1        Skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KEE) tal-Kunsill Nru 3975/87 ta’ l-14 ta’ Diċembru 1987 li jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni tar-Regoli dwar il-kompetizzjoni għall-impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru (ĠU 1987 L 374, p. 1), li kien fis-seħħ fil-mument tal-fatti (iktar ’il quddiem ir-“Regolament”), meta l-Kummissjoni ssib li hemm ksur ta’ l-Artikoli 81(1) tat-Trattat, hija, tista’ permess ta’ deċiżjoni teżieġi lill-impriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati sabiex itemmu dan il-ksur.

2        Skond l-Artikolu 12(2) tar-Regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi multi fuq impriżi jew assoċjazzjonijiet ta’ impriżi minn 1000 sa 1 000 000 EUR, jew somma li taqbeż dan l-ammont iżda li ma jaqbiżx 10% tal-fatturat magħmul matul is-sena tal-kummerċ preċedenti mill-impriżi li jipparteċipaw fil-ksur meta, jew volontarjament jew b’ negliġenza, jiksru l-Artikolu 85(1) jew l-Artikolu 86 tat-Trattat. Biex jiġi ffissat l-ammont tal-multa, għandhom jiġu kkunsidrati kemm il-gravità kif ukoll id-dewmien tal-ksur.

3        Permezz ta’ komunikazzjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali (ĠU 1998, C 9, p. 3), il-Kummissjoni esponiet linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 tal-Kunsill, tas-6 ta’ Frar 1962, li huwa l-ewwel regolament li jimplementa l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat (ĠU 1962, 13, p. 204) u l-Artikolu 65(5), [CA] (iktar ‘il quddiem il-“linji ta’ gwida”).

4        Fil-komunikazzjoni tagħha tat-18 ta’ Lulju 1996 dwar nuqqas ta’ impożizzjoni ta’ multi jew it-tnaqqis ta’ l-ammont tagħhom f’kawżi li jirrigwardaw akkordji (ĠU C 207, p. 4) (iktar ‘il quddiem il-“komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni”), il-Kummissjoni ppreċiżat il-kundizzjonijiet li fihom l-impriżi li jikkooperaw magħha matul investigazzjoni tagħha jistgħu jiġu eżentati minn multa jew jibbenefikaw minn tnaqqis tal-multa.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

5        Scandinavian Airlines System AB (iktar ‘il quddiem “ SAS ” jew ir-“ rikorrenti ”), il-kumpannija ta’ l-ajru ewlenija ta’ l-Iskandinavja, hija konsorzju kkontrollat minn Scandinavian Airlines System Sverige AB, Scandinavian Airlines System Danmark A/S u Scandinavian Airlines System Norge ASA, li kull waħda minn dawn it-tlett impriżi hija kkontrollata 50 % mill-Istat u 50 % mis-settur privat. Din hija membru ta’ Alliance Star u topera titjiriet regolari lejn 105 destinazzjonijiet (40 fl-Iskandinavja, 56 fil-kumplament ta’ l-Ewropa u 9 barra l-Ewropa). Skond ir-rapport annwali tagħha għas-sena 2000, SAS kellha fatturat ta’ EUR 4.917 biljun.

6        Maersk Air A/S hija kumpannija ta’ l-ajru Daniża kkontrollata mill-grupp A.P. Møller, li teżerċita wkoll attivitajiet f’setturi oħrajn, bħat-trasport marittimu, iż-żejt u l-gass. Il-grupp A.P. Møller jikkontrolla wkoll il-kumpannija Ingliża Maersk Air Ltd. Maersk Air A/S u Maersk Air Ltd flimkien jiffurmaw il-grupp Maersk Air, li fis-sena 2000 kellu fatturat ta’ EUR 458.6 miljun. Maersk Air A/S (iktar ‘il quddiem “Maersk Air ”) topera erba’ rotot interni fid-Danimarka u ħmistax-il rotta internazzjonali regolari minn u lejn Kopenħagen u Billund.

7        B’ittra tat-8 ta’ Marzu 1999, SAS u Maersk Air innotifikaw lill-Kummissjoni dwar ftehim ta’ kooperazzjoni, datat 8 ta’ Ottubru 1998, u ħames ftehim relatati bil-għan li jiksbu ċertifikat negattiv u/jew eżenzjoni skond, rispettivament, l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 5 tar-Regolament.

8        Il-ftehim ta’ kooperazzjoni, li daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Marzu 1999, jinkludi żewġ aspetti ewlenin, jiġifieri:

a)      qsim tal-kodiċi tat-titjiriet fuq ċertu numru ta’ rotot operati minn Maersk Air (erba’ rotot interni u disa’ rotot internazzjonali), li jippermetti lil SAS li tbiegħ postijiet fuq titjiriet bil-kodiċi maqsuma u

b)      il-parteċipazzjoni fi skema ta’ lealtà tal-klijenti, li permezz tagħha l-passiġġieri tat-titjiriet ta’ Maersk Air jistgħu jirbħu punti fil-kuntest ta’ l-iskema ta’ lealtà ta’ l-SAS (skema “ EuroBonus ”), u li, min-naħa l-oħra, il-membri ta’ EuroBonus jistgħu jsarrfu l-punti li jkunu kisbu fir-rigward ta’ biljetti ta’ l-ajru għat-titjiriet ta’ Maersk Air. Il-kooperazzjoni fir-rigward ta’ l-iskema ta’ lealtà tkopri r-rotot kollha ta’ Maersk Air.

9        Il-ħames ftehim relatati jipprovdu l-preċiżazzjonijiet tekniċi u finanzjarji meħtieġa għall-implementazzjoni taż-żewġ elementi tal-ftehim prinċipali.

10      Fit-23 ta’ Novembru 1998, kumpannija ta’ l-ajru żgħira Daniża, Sun-Air of Scandinavia, ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni, li ġie rreġistrat fis-7 ta’ Jannar 1999, dwar il-kooperazzjoni bejn SAS u Maersk Air.

11      Matul l-investigazzjoni preliminari tagħha, il-Kummissjoni kkonstatat li n-notifika kienet tirrifletti parzjalment biss il-ftehim li saru bejn iż-żewġ kumpanniji. Skond il-Kummissjoni, id-dħul fis-seħħ tal-ftehim ta’ kooperazzjoni ħabat mal-ħruġ ta’ Maersk Air mir-rotta Kopenħagen-Stokkolma, fejn sa dak iż-żmien hija kienet tikkompeti ma’ SAS. Barra minn hekk, seħħ ukoll li fl-istess waqt, SAS waqfet topera s-servizz bejn Kopenħagen u Venezja, filwaqt li Maersk Air bdiet topera din it-titjira. Fl-aħħar nett, hekk kif SAS waqfet topera t-tirjira Billund-Frankfurt, din ir-rotta bdiet tiġi operata biss minn Maersk Air. Dan id-dħul u dan il-ħruġ ma kinux ġew innotifikati lill-Kummissjoni.

12      B’deċiżjoni tad-9 ta’ Ġunju tas-sena 2000, il-Kummissjoni ordnat li SAS, Maersk Air u l-grupp A.P. Møller jissottomettu ruħhom għal investigazzjonijiet skond l-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 17 u ta’ l-Artikolu 11(3) tar-Regolament.

13      Id-dokumenti misjuba matul l-ispezzjoni, li seħħet fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2000, ikkonfermaw li l-ftehim konkluż bejn il-kumpanniji SAS u Maersk Air huma ta’ portata aktar wiesgħa minn dik innotifikata lill-Kummissjoni mill-partijiet. Fil-fatt, id-dokumenti wrew li permezz ta’ ftehim mhux innotifikat lill-Kummissjoni, minn naħa waħda, SAS intrabtet li ma tkomplix topera t-titjiriet magħmula minn Maersk Air li jitilqu minn Jutland, filwaqt li Maersk Air intrabtet li ma toperax servizzi fuq titjiriet li jitilqu minn Kopenħagen li SAS kienet tagħmel jew li xtaqet tagħmel, u min-naħa l-oħra, Maersk Air intrabtet li twaqqaf ir-rotta Kopenħagen-Stokkolma, filwaqt li SAS intrabtet li tagħmel l-istess fir-rigward tar-rotot Kopenħagen-Venezja u Billund-Frankfurt, b’mod illi kull waħda minn dawn iż-żewġ kumpanniji tħalli lill-oħra topera r-rotot tagħha b’mod esklużiv.

14      Fit-22 ta’ Ġunju 2000, Maersk Air minn jeddha bagħtet lill-Kummissjoni informazzjoni supplimentari li sa dak iż-żmien kienet miżmuma fir-residenza ta’ wieħed mill-uffiċjal antiki tagħha.

15      B’ittra ta’ l-24 ta’ Awwissu 2000, b’risposta għal talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni ta’ l-1 ta’ Awwissu 2000, SAS bagħtet fajl bl-isem “fajls privati”. B’ittra tat-13 ta’ Settembru 2000, SAS bagħtet żewġ fajls oħra li nstabu wara li xi impjegati ġew lura mill-vaganzi tas-Sajf.

16      B’korrispondenza tat-12 ta’ Ottubru 2000, il-kumpanniji SAS u Maersk Air bagħtu notifika supplementari sabiex il-Kummissjoni setgħet tieħu kunsiderazzjoni tat-tibdiliet li seħħew fil-kooperazzjoni tagħhom, relatati b’mod partikolari ma’ l-ipprogrammar tat-traffiku taż-żewġ kumpanniji.

17      Fil-31 ta’ Jannar 2001, il-Kummissjoni bdiet proċeduri taħt l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u bagħtet dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet lil SAS u Maersk Air, skond l-Artikolu 3(1) u 16(1) tar-Regolament. Id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet kienet tirrigwarda l-aspetti mhux innotifikati tal-kooperazzjoni li l-Kummissjoni kienet skopriet matul l-ispezzjoni, kif ukoll l-aspetti nnotifikati li ma kinux jinftiehmu separatament mill-aspetti mhux innotifikati, bħal fil-każ tal-kooperazzjoni fir-rigward tar-rotot Billund-Frankfurt u Kopenħagen-Venezja. Fl-imsemmija dikjarazzjoni, l-ewwel konklużjonijiet tal-Kummissjoni kienu li SAS u Maersk Air kienu kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, u li dan il-ksur tad-dritt tal-Komunitarju seta’ jiġi kkunsidrat bħala ksur ferm gravi. Il-Kummissjoni infurmat ukoll lill-partijiet bl-intenzjoni tagħha li timponilhom multi.

18      Fir-risposti separati tagħhom għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, it-tnejn datati 4 ta’ April 2001, il-partijiet involuti fl-akkordju rrikonoxxew il-fatti kif ukoll l-eżistenza tal-ksur deskritt fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u ppreċiżaw li huma ma xtaqux li jinstemgħu.

19      Il-kumpanniji SAS u Maersk Air madankollu fformulaw osservazzjonijiet li kienu limitati għall-elementi li jistgħu jaffettwaw il-kalkolu tal-multa, bħall-gravità u d-dewmien tal-ksur.

20      Mat-tmiem tal-proċeduri, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2001/716/KE tat-18 ta’ Lulju 2001 dwar proċeduri skond l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ COMP.D.2 37.444 — SAS/Maersk Air u l-Każ COMP.D.2 37.386 — Sun-Air vs SAS u Maersk Air) (ĠU L 265, p. 15) (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”)

21      Id-dispożttiv tad-deċiżjoni kkontestata jinqara kif ġej:

“Artikolu 1

[…] SAS u […] Maersk Air kisru l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, billi kkonkludew :

a)      ftehim globali ta’ tqassim tas-swieq li jipprovdi li SAS ma toperax ir-rotot operati minn Maersk Air li jitilqu minn Jutland u li Maersk Air ma toffrix servizzi fuq rotot li jitilqu minn Kopenħagen li SAS topera jew tixtieq topera, kif ukoll ftehim biex jiġi rrispettat it-tqassim tat-titjiriet interni;

b)      ftehim speċifiċi ta’ tqassim tas-suq fir-rigward ta’ ċerti titjiriet internazzjonali, b’mod partikolari :

i)      il-ftehim li jistabbilixxi li Maersk Air tieqaf milli topera r-rotta Kopenħagen-Stokkolma sa mit-28 ta’ Marzu 1999 bi ħlas ta’ kumpens;

ii)      bħala kumpens għall-irtirar ta’ Maersk Air mir-rotta Kopenħagen-Stokkolma, il-ftehim li permezz tiegħu SAS tieqaf topera t-titjira bejn Kopenħagen u Venezja [sat-] tmiem [tax-xahar ta’] Marzu [jew fil-] bidu [tax-xahar ta’] April 1999 filwaqt li Maersk Air tibda topera din it-titjira fl-istess data;

iii)      il-ftehim li jistabbilixxi li SAS tieqaf toffri titjiriet fuq ir-rotta Billund-Frankfurt f’Jannar 1999.

Artikolu 2

Minħabba l-ksur hawn fuq imsemmi ta’ l-Artikolu 1, a), SAS għandha tiġi imposta multa ta’ EUR 39 375 000 […] filwaqt li Maersk Air għandha tiġi imposta multa ta’ 13 125 000 euro […]”

[Traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2 ta’ Ottubru 2001, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

23      Fuq ir-rapport ta’ l-Imħallef Relatur, il-il-il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, skond il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, talbet lill-partijiet sabiex iwiegħġbu bil-miktub għal ċerti domandi u li jipprovdu diversi dokumenti. Il-partijiet obdew dawn it-talbiet fit-terminu stabbilit.

24      Instemgħu t-trattazzjoni orali tal-partijiet kif ukoll ir-risposti tagħhom għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-seduta ta’ l-24 ta’ Ġunju 2004.

25      Ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata, safejn il-multa li ġiet imposta fuqha taħt l-Artikolu 2 ta’ l-imsemmija Deċiżjoni hija eċċessiva;

–        sussidjarjament, li tnaqqas l-ammont tal-multa safejn jidhrilha li huwa xieraq;

–        tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

27      Fil-kontroreplika tagħha, il-Kummissjoni tirrileva li r-rikorrenti qed tikkontesta ċerti kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-portata u n-natura tal-ksur minkejja li hija affermat, fl-atti tagħha, li ma kinitx qed tikkontesta ċ-ċirkustanzi tal-ksur, u li hija kisbet tnaqqis ta’ 10 % ta’ l-ammont tal-multa minħabba li ma kkontestatx is-sustanza tal-fatti allegati fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet. Il-Kummissjoni tqis li, meta għamlet hekk, ir-rikorrenti aġixxiet b’mod skorrett li minħabba f’hekk ħaqqha żieda fl-ammont tal-multa imposta u tfakkar li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha s-setgħa li tieħu tali miżura permezz tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

 Id-dritt

28      Bħala osservazzjoni preliminari, ir-rikorrenti ssostni li hija ma tikkontestax id-deċiżjoni kkontestata fejn din tiddikjara li hija kisret ir-regoli tal-kompetizzjoni, iżda biss ċerti elementi li jistgħu jaffettwaw il-kalkolu tal-multa li ġiet imposta fuqha.

29      In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem tlett motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 12(2) tar-Regolament u tal-linji gwida u jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur ta’ l-Artikolu 12(2) tar-Regolament u jirrigwarda d-determinazzjoni tad-dewmien tal-ksur. Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra, jew ikkunsidrat b’mod mhux korrett, iċ-ċirkustanzi mitiganti li kellhom jagħtu lok għal tnaqqis akbar ta’ l-ammont ta’ bażi tal-multa.

1.     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

30      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 12 tar-Regolament u l-linji gwida billi kkwalifikat il-ksur imwettaq mir- rikorrenti bħala “ferm gravi ”, meta dawn kienu biss “gravi”. Dan il-motiv jinqasam f’ħames partijiet – in-natura tal-ksur, l-impatt reali tagħhom, il-firxa ġeografika tagħhom, il-qligħ derivat minnhom u l-fatturat li ġie kkunsidrat.

 Fuq l-ewwel parti, dwar in-natura tal-ksur

31      Ir-rikorrenti ssostni fl-ewwel lok li l-ksur imwettaq minnha ma jammontax għall-gravità ta’ ksur li normalment jiġi kkunsidrat bħala “ferm gravi” mill-Kummissjoni. Fil-fatt, fid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, u b’mod partikolari f’dawk li għalihom isir riferiment fil-linji gwida, kif ukoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja, il-ksur ikkunsidrat bħala “ferm gravi” invarjabbilment jaffettwa s-suq komuni kollu, jew, għall-inqas, parti sostanzjali ferm minnu, u jippreżupponi li tkun saret ħsara effettiva u kunsiderevoli lill-kompetizzjoni fuq dan is-suq. Ir-rikorrenti ssostni li, jekk il-linji gwida effettivament jindikaw li t-tqassim ta’ swieq jikkostitwixxi ksur ferm gravi, kienu kkwalifikati bħala tali biss dawk l-akkordji fuq skala kbira u għal tul ta’ żmien twil. Din l-analiżi hija konformi mal-pożizzjoni li ttieħdet fil-kawżi l-iktar reċenti dwar tqassim ta’ swieq, bħal per eżempju l-kawżi “Lisina ”, “Tubi ta’ l-azzar mingħajr saldatura” u “Pajpijiet tat-tisħin urbani”. Madankollu, f’dan il-każ, minkejja l-importanza relattiva ta’ ċerti rotot ta’ l-ajru affettwati mill-ksur, l-aspetti mhux innotifikati tal-kooperazzjoni ma kellhomx effetti daqstant estiżi jew gravi.

32      Ir-rikorrenti tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-gravità ta’ ksur għandha tiġi evalwata fil-kuntest ta’ diversi fatturi li n-natura tagħhom tvarja skond it-tip ta’ ksur u ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ partikolari (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 1983, Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, 100/80 sa 103/80, Ġabra p. 1825, punt 120 u 129). Filwaqt li tirrikonoxxi li l-Kummissjoni għandha ċerta setgħa sabiex tevalwa l-gravità ta’ ksur, ir-rikorrenti hija tal-fehma li din is-setgħa kienet ġiet ristretta b’mod sostanzjali bl-adozzjoni tal-linji gwida. Anke jekk il-metodu użat mill-Kummissjoni skond il-linji gwida jikkunsidra elementi oħrajn minbarra n-natura tal-ksur, l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur b’hekk ma tistax tkun ibbażata esklużivament fuq in-natura ta’ l-imġieba mingħajr ma jiġi kkunsidrat l-impatt tagħha. Għall-kuntrarju, skond ir-rikorrenti, il-fatt li ksur “per se ” jew “manifest” jaqa’ b’mod ċar taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 81(1) KE, kif hija tammetti fir-rigward tat-tqassim tas-swieq, ma jippermettix li tiġi deċiża direttament il-gravità tal-ksur għall-finijiet tal-kalkolu ta’ l-ammont tal-multa.

33      Ir-rikorrenti ssostni, fit-tieni lok, li dan il-każ għandu jiġi mqabbel ma’ dak li kien is-suġġett tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża “ Bastimenti tal-Ġarr Griegi” (Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/271/KE tad-9 ta’ Diċembru 1998, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81] KE – IV/34.466) (ĠU 1999, L 109, p. 24), li kienet tirrigwarda ftehim ta’ iffissar ta’ prezz għas-servizzi tat-trasport roll on roll off bejn il-Greċja u l-Italja u fejn, minkejja li dan it-tip ta’ ftehim jikkostitwixxi, minnu nnifsu, ksur ferm gravi tad-dritt Komunitarju, il-Kummissjoni, wara li kkunsidrat l-effett reali limitat tal-ksur fuq is-suq, iċ-ċirkustanza li l-partijiet ma kinux applikaw b’mod sħiħ il-ftehim kollha u l-fatt li l-ksur kien ipproduċa l-effetti tiegħu biss fuq parti limitata tas-suq komuni, madankollu kkonkludiet li dan kien biss ksur “gravi” u mhux “ferm gravi” tar-regoli tal-Komunità dwar il-kompetizzjoni.

34      Ir-rikorrenti ssostni li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma ressqitx prova ta’ l-effetti allegati ta’ l-arranġament, u lanqas ta’ l-impatt tagħhom meta affermat li t-tqassim tas-swieq bejn iż-żewġ kumpanniji kien affettwa diversi linji ta’ l-ajru oħrajn. Ir-rikorrenti b’mod partikolari takkuża lill-Kummissjoni li ma ddefinixxietx korrettament aktar minn tlett iswieq f’dan il-każ (jiġifieri r-rotot Kopenħagen‑Stokkolma, Kopenħagen-Venezja u Billund-Frankfurt).

35      Il-gravità ta’ ksur tiddependi kemm mill-impatt ġeografiku tiegħu kif ukoll min-numru ta’ persuni milquta, u jekk jintuża biss l-ewwel kriterju, dan ikun ifisser, b’mod ġenerali, trattament iktar iebes għas-settur ta’ l-avjazzjoni milli per eżempju għas-settur marittimu. Ir-rikorrenti ssostni l-fatt li n-numru ta’ passiġġieri fuq it-tlett rotot li saret distinzjoni tagħhom mill-Kummissjoni, jiġifieri 1.082 miljun passiġġier, jikkonferma li l-każ preżenti jista’ jitqabbel ma’ dak tal-kawża “Bastimenti tal-Ġarr Griegi ”, fejn il-volum ta’ passiġġieri kien ta’ 1.258 miljun. Fiż-żewġ każijiet, in-numru ta’ passiġġieri huwa relattivament baxx meta mqabbel mat-titjiriet kollha fuq it-territorju taż-ŻEE, kif ukoll bejn iż-ŻEE u l-barra minnha. Bl-istess mod, il-ftehim konkluż f’dan il-każ kien ġie eżegwit biss parzjalment fil-każ fejn affettwa biss it-tliet rotot identifikati speċifikament mill-Kummissjoni, kif jirriżulta b’mod partikolari miċ-ċirkustanza li l-partijiet ma rnexxielhomx jikkonkludu ftehim ta’ kooperazzjoni fir-rigward tar-rotta Kopenħagen-Birmingham.

36      Min-naħa l-oħra, il-tqabbil li għamlet il-Kummissjoni ta’ l-impatt ġeografiku tal-ksur imwettaq f’dan il-każ ma’ dawk in kwistjoni fil-kawża Volkswagen (Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/273/KE tat-28 ta’ Jannar 1998, dwar proċedura ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu [81] KE, IV/35.733 – VW) (ĠU L 124, p. 60), huwa irrelevanti fil-każ fejn id-definizzjoni tas-suq ikkonċernat għal kull wieħed miż-żewġ setturi, jiġifieri t-trasport bl-ajru fl-ewwel każ u d-distribuzzjoni ta’ vetturi awtomobilistiċi fit-tieni każ, jeħtieġ metodi ferm differenti. Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li fil-kawża Volkswagen, il-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala ferm gravi, minkejja li l-Italja, il-Ġermanja u l-Awstrija kienu l-uniċi pajjiżi kkonċernati, m’huwiex rilevanti minħabba d-differenza fid-daqs bejn dawn it-tliet pajjiżi u d-Danimarka.

37      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tirrileva, fit-tielet lok, li l-Kummissjoni, għalkemm ikkwalifikat il-ksur imwettaq mill-kumpanniji SAS u Maersk Air bħala “ferm gravi”, stabbilixxiet il-punt ta’ tluq tal-kalkolu tal-multa għal EUR 14-il miljun għal Maersk Air. Peress li l-linji gwida jiffissaw multa minima ta’ EUR 20 miljun għall-ksur ikkwalifikat bħala ferm gravi, ir-rikorrenti tiddeduċi li l-atteġġament tal-Kummissjoni kien huwa inkoerenti u li l-ksur imwettaq minn kull waħda mill-ftehim kellu jiġi kkwalifikat bħala gravi. Fuq it-tieni parti, dwar l-impatt reali tal-ksur

38      Ir-rikorrenti ssostni li l-ksur li tiegħu hija koawtriċi kellu biss impatt negattiv żgħir fuq is-swieq in kwistjoni, jekk kien hemm. Ir-rikorrenti tafferma, f’dan ir-rigward, li l-bidliet kollha li saru fl-iskedi tat-titjiriet tagħha minn kull waħda mill-partijiet kienu ġġustifikati fuq il-bażi ta’ kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali serji, b’mod li deċiżjonijiet unilaterali kienu wasslu għall-istess bidliet. Hija tfakkar li SAS ssubixxiet telf kunsiderevoli fuq ir-rotot Kopenħagen-Venezja u Billund-Frankfurt, filwaqt li Maersk Air kienet issubixxa telf fuq ir-rotta Stokkolma-Kopenħagen.

39      Ir-rikorrenti tikkonċedi li r-rotta Kopenħagen-Stokkolma serviet bħala “mezz ta’ skambju” fil-kuntest tan-negozjati, iżda hija ssostni li hija kellha kull interess li Maersk Air tkompli topera din ir-rotta b’madwar erba’ titjiriet kuljum, peress li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tisfrutta weħidha bi profitt il-potenzjal kollu tat-traffiku bejn Stokkolma u ċ-ċentru ewlieni tagħha f’Kopenħagen.

40      Ir-rikorrenti ssostni li xejn ma jindika li l-prezzijiet żdiedu b’mod sproporzjonat fuq ir-rotot affettwati mill-kooperazzjoni. Madankollu, għandu jitqies l-impatt fuq il-prezzijiet sabiex tiġi evalwata b’mod korrett il-gravità ta’ ksur, jew inkella, għall-inqas għandu jiġi ppruvat l-impatt fuq il-volum tat-traffiku. Ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li studju li hija kienet ikkummissjonat lill-kumpannija Lexecon, bil-għan li teżamina l-impatt reali tal-ftehim fuq ir-rotot li jitilqu mid-Danimarka minbarra t-tliet rotot imsemmija mill-Kummissjoni, juri li l-ftehim ftit li xejn dgħajjef il-pressjoni kompetittiva potenzjali kontra SAS u kellu biss effett reali minimu fuq it-tariffi. Meta wieħed iqabbel ir-rotta Kopenħagen-Stokkolma, minn naħa waħda, u r-rotot Kopenħagen-Ożlo u Stokkolma-Ożlo, min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet mix-xahar ta’ Jannar 1998 sax-xahar ta’ Marzu, għal ċerti kategoriji ta’ biljetti, jirriżulta li, fir-rigward tat-tliet rotot, li tnejn minnhom m’humiex operati minn Maersk Air, il-prezzijiet żdiedu b’mod paragunabbli.

41      Ir-rikorrenti ssostni li l-kooperazzjoni tagħha ma’ Maersk Air kienet ta’ vantaġġ għall-vjaġġaturi minn diversi aspetti. Wara l-ispezzjoni, SAS u Maersk Air irrestrinġew il-kooperazzjoni tagħhom fuq l-aspetti “leċiti” tagħha, bħall-qsim ta’ kodiċi, il-programm ta’ lealtà u s-servizzi ta’ ground handling u ta’ ospitalità. Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-vjaġġaturi bbenefikaw b’mod sostanzjali minn din il-kooperazzjoni, u dan il-benefiċċju kkonsista, b’mod partikolari, fil-ftuħ jew il-ftuħ mill-ġdid ta’ rotot ġodda, per eżempju bejn Kopenħagen, minn naħa waħda, u Ateni, Venezja, Istanbul u l-Kajr, min-naħa l-oħra, u bejn Billund u Dublin, kif ukoll miż-żieda fil-frekwenza tat-titjiriet u t-titjib tal-konnessjonijiet fuq rotot eżistenti.

42      Ir-rikorrenti ssostni li ebda waħda mill-partijiet ma’ ħadet jew implementat xi deċiżjoni li ma kinitx fl-aħjar interessi tagħha. Huwa għalhekk li fir-Rebbiegħa tas-sena 2000, il-partijiet kontraenti, wara li ma rnexxilhomx jilħqu ftehim dwar ir-rotta Kopenħagen-Birmingham, iddeċidew li jikkompetu direttament fuq din ir-rotta li Maersk Air kienet topera flimkien ma’ British Airways.

43      Fl-aħħar, ir-rikorrenti ssostni li parti limitata biss tas-suq komuni kienet ġiet affettwata, u dan minkejja li l-partijiet fasslu l-ftehim tagħhom ta’ tqassim ta’ swieq b’termini ġenerali. Minn naħa waħda, xejn ma jindika li kieku ma sarx il-ftehim, il-partijiet kienu ser jaġixxu b’mod differenti fuq kwalunkwe rotta oħra barra t-tliet rotot partikolari. Min-naħa l-oħra, anki fir-rigward tat-tliet rotot identifikati mill-Kummissjoni, il-bidliet li saru fl-iskedi tat-traffiku kienu inevitabbli. Fuq it-tielet parti, dwar il-firxa ġeografika tal-ksur

44      Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-affermazzjoni, li tinsab fil-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li “is-suq ġeografiku affettwat jestendi […] lil hinn miż-ŻEE” m’hijiex ċara u hija inkoerenti. Fil-fatt, tali affermazzjoni tiddefinixxi s-suq ġeogragiku affettwat bħala ż-żona ġeografika li fiha l-ksur kellhom ċertu impatt. Ir-rikorrenti tfakkar li, fil-premessa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tafferma li kull konnessjoni ta’ punt ta’ oriġini u punt ta’ wasla għandha tiġi kkunsidrata bħala suq separat mill-perspettiva tal-klijent. Barra minn hekk, il-metodu normali ta’ definizzjoni tas-swieq adottat mill-Kummissjoni fil-kawżi tat-trasport bl-ajru ma jwassalx sabiex jidentifika żona ġeografika partikolari, iżda pjuttost li jidentifika konnessjoni lineari minn punt għal punt. Ir-rikorrenti ssostni li, minbarra t-tlett iswieq in kwistjoni (Kopenħagen-Stokkolma, Kopenħagen-Venezja u Billund-Frankfurt), il-Kummissjoni ma kinitx iddeffinixxiet suq ieħor u kienet ikkuntentat ruħha li tagħmel biss riferiment għal kategoriji ġenerali billi semmiet numru kbir iżda indeterminat ta’ rotot, lejn u minn Kopenħagen u Billund. B’hekk il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tidentifika u tiddelimita iktar minn tlett iswieq.

45      Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ suq li jestendi fiż-ŻEE kollha u ma mmotivatx l-affermazzjoni tagħha li r-rotot kollha minn jew lejn id-Danimarka kienu jew setgħu jiġu affettwati mill-ftehim.

46      Barra minn hekk, it-territorju rilevanti identifikat mill-Kummissjoni jinkludi għadd kbir ta’ rotot mhumiex operati la minn SAS u lanqas minn Maersk Air u li la jitilqu u lanqas għandhom bħala destinazzjoni d-Danimarka. F’dan ir-rigward ukoll, il-Kummissjoni b’ebda mod ma stabbilixxiet kif dawn ir-rotot huma jew jistgħu jiġu milquta.

47      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tatx prova ta’ l-impatt reali tal-ftehim in kwistjoni fuq l-għadd ta’ rotot in kwistjoni, li hija ssemmihom biss f’kategoriji jew b’mod indeterminat. Hija ssostni li l-istudju ta’ Lexecon ikkonkluda li, fir-rigward tar-rotot li ma jikkoinċidux ma’ xulxin, li għalihom SAS kellha kompetizzjoni potenzjali minn-naħa ta’ Maersk Air biss, l-impatt tal-ftehim kien minimu. (Replika, punt 24)

48      Ir-rikorrenti tosserva li fil-kawża “Bastimenti tal-Ġarr Griegi”, il-Kummissjoni affermat li fil-qasam tat-trasport, il-firxa ġeografika tal-ksur kienet limitata għal konnessjonijiet realment milquta mill-prattika antikompetittiva. F’dan il-każ, l-evalwazzjoni żbaljata tal-firxa ġeografika tal-ftehim wasslet lill-Kummissjoni biex tagħmel evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur.

49      Anki fl-ipoteżi li l-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra li l-kunċett ta’ “suq ġeografiku affettwat” ifisser iż-żona ġeografika li fiha l-effetti tal-ksur kellhom impatt, il-motivazzjoni hija inadegwata fis-sitwazzjoni fejn id-deċiżjoni kkontestata ma tindikax liema tipi ta’ effetti jistgħu jinħolqu fiż-“ ŻEE u lil hinn minnha ”.

50      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata ta’ l-impatt ġeografiku tal-ksur.

51      Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-ksur ma kellux impatt daqstant kbir daqs kemm tallega l-Kummissjoni. Il-Kummissjoni kellha, per eżempju, tikkunsidra l-isforzi ta’ SAS u Maersk Air fit-tentattiv tagħhom li jikkoordinaw l-iskedi ta’ ħin tagħhom fuq ir-rotta Kopenħagen-Birmingham. Dan l-eżempju juri li minkejja t-termini ġenerali tal-ftehim dwar it-tqassim tas-suq, l-effetti tiegħu nħassu biss fuq ir-rotot fejn il-partijiet effettivament kienu jikkompetu ma’ xulxin.

 Fuq ir-raba’ parti, dwar il-profitt derivat mill-ksur

52      Ir-rikorrenti tfakkar li, skond il-linji gwida, l-ammont bażiku tal-multa jista’ jiżdied sabiex jaqbeż l-ammont ta’ qligħ illeċitu li jkun sar permezz tal-ksur. F’dan il-każ, il-Kummissjoni applikat dawn id-dispożizzjonijiet u kkalkulat l-ammont tal-multa impost fuqha billi kkunsidrat, fuq il-bażi ta’ stima li saret mill-partijiet involuti fl-akkordju matul in-negozjati tagħhom, li l-irtirar ta’ Maersk Air mir-rotta Kopenħagen-Stokkolma setgħet tfisser għal SAS żieda fid-dħul annwali ta’ […]DKK. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fir-risposta tagħha, jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata li huwa effettivament fuq il-bażi ta’ l-ammont ta’ […] DKK li l-Kummissjoni stmat il-qligħ li SAS għamlet permezz tal-ksur.

53      Ir-rikorrenti tikkontesta li permezz tal-ksur hija għamlet qligħ addizzjonali ta’ […] DKK.

54      Ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li fl-ewwel lok li ċ-ċifra ta’ […] DKK tirriżulta minn rimarka li saret mingħajr ħsieb minn rappreżentant ta’ Maersk Air matul in-negozjati, u li din f’ebda ħin ma ġiet ammessa minn SAS.

55      Fatt ieħor li jikkontradixxi din l-informazzjoni huwa li t-tariffi osservati għar-rotta Kopenħagen-Stokkolma ma nbidlux b’mod differenti mit-tariffi mogħtija fuq rotot li jitqabblu.

56      Ir-rikorrenti tosserva, sussegwentement, li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni, fil-każ li din illimitat ruħha sabiex tikkunsidra biss ir-rotta Kopenħagen-Stokkolma, ma tikkunsidrax in-natura partikolari tas-settur tat-trasport bl-ajru li jaħdem bħala netwerk. Il-ħtieġa li jiġi kkunsidrat in-netwerk kollu hija partikolarment importanti f’dak li jirrigwarda r-rotta Kopenħagen-Stokkolma, li fuqha 60 % tat-traffiku tagħha huwa traffiku ta’ konnessjoni.

57      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li kien fl-interess tagħha li Maersk Air tkompli bl-attivitajiet tagħha fuq ir-rotta Kopenħagen-Stokkolma minħabba ma setgħatx tlaħħaq max-xogħol kollu fuq din ir-rotta, kif hija kienet sostniet ukoll matul in-negozjati tagħha ma’ Maersk Air fl-1998. Hija żżid tgħid ukoll li, matul il-perijodu relattivament qasir wara l-irtirar ta’ Maersk Air, SAS ma kinitx f’pożizzjoni li tadatta b’mod sħiħ in-netwerk tagħha għas-sitwazzjoni l-ġdida u li, minħabba l-fatt li ma setgħetx tlaħħaq max-xogħol kollu, SAS tinsab fis-sitwazzjoni fejn qed titlef dan it-traffiku bi gwadann għan-netwerks kompetituri tagħha.

58      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tafferma li ċ-ċifra ta’ […]DKK tirriżulta minn dokument li SAS ma kellhiex l-opportunità li tikkumenta dwaru meta nħareġ, u li l-fatt li dak li ntqal minn rappreżentant ta’ Maersk Air ma kienx ġie kkontradett ma jfissirx għaldaqstant li SAS approvatu. Barra minn hekk, id-dokumenti mħejja minn SAS dwar dawn in-negozjati ma jsemmux dħul addizzjonali b’riżultat tal-ftehim ta’ kooperazzjoni, iżda jissuġġerixxu, għall-kuntrarju, li jkun hemm il-qligħ jekk Maersk Air tibqa’ topera r-rotta Stokkolma-Kopenħagen, sabiex b’hekk ittaffi l-konġestjoni matul il-ħinijiet fejn ikun hemm l-aktar traffiku.

59      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrileva li d-deċiżjoni kkontestata tagħti x’tifhem li ċ-ċifra ta’ […]DKK hija bbażata fuq l-ipoteżi ta’ żieda tat-tariffa għall-passiġġieri fuq ir-rotot Kopenħagen-Stokkolma u Kopenħagen-Ożlo, filwaqt li din l-aħħar rotta ma kinitx inkluża fil-ftehim ta’ tqassim tas-suq. Jekk wieħed japplika r-raġunar tal-Kummissjoni biss għar-rotta Kopenħagen-Stokkolma, li tammonta għal madwar miljun passiġġier, iċ-ċifra korretta b’hekk hija ta’ […] DKK.

 Fuq il-ħames parti, dwar il-fatturat in kwistjoni

60      Ir-rikorrenti tikkunsidra li, jekk il-Qorti tal-Prim’Istanza taċċetta l-għażla tal-Kummissjoni li tirrikorri għal metodu ta’ kalkolu bbażat fuq il-fatturat in kwistjoni, minkejja li l-linji gwida ma jagħmlu ebda riferiment għal dan il-fatturat għall-kalkolu tal-multa, għall-inqas il-Kummissjoni għandha tqabbel ċifri paragunabbli.

61      Ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni għamlet żball meta qabblet il-fatturat ikkonsolidat tal-grupp SAS, li jammonta għal EUR 4.917 biljun, ma’ dak ta’ Maersk Air, li huwa 10.7-il darba iżgħar, mingħajr ma kkunsidrat il-fatt li Maersk Air tagħmel parti mill-grupp A.P. Møller, li l-fatturat tiegħu huwa approssimament id-doppju ta’ dak tal-grupp SAS.

62      Il-Kummissjoni tikkontesta l-mertu ta’ l-argument tar-rikorrenti u titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

63      Permezz ta’ l-ewwel motiv tagħha, fejn tallega li l-Kummissjoni bi żball kkwalifikat il-ksur bħala “ferm gravi” meta dan kien biss “gravi”, ir-rikorrenti tippreżenta għadd ta’ ilmenti u argumenti maqsuma f’ħames partijiet li, għalkemm huma distinti, għandhom ċerti aspetti komuni u fis-sustanza huma intiż sabiex jikkontestaw l-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fuq il-gravità tal-ksur imwettaq fis-sens li din kienet ibbażat b’mod eċċessiv fuq in-natura tal-ksur, filwaqt li naqset jew bi żball ma evalwatx il-fatturi relatati mad-daqs tas-suq ġeografiku in kwistjoni u l-impatt reali tal-ksur fuq is-suq. Hija ssostni li l-fatti ta’ din il-kawża jixxiebħu ma’ dawk in kwistjoni fil-kawża “Bastimenti tal-Ġarr Griegi ”, u li l-Kummissjoni bi żball ikkunsidrat il-qligħ derivat mill-ksur kif ukoll il-fatturat globali fil-kalkolu tal-multa.

 Osservazzjonijiet preliminari

64      Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament, bħal fil-każ ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, jillimita ruħu sabiex jipprovdi li, għad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa, jiġu kkunsidrati l-gravità u d-dewmien tal-ksur. Skond ġurisprudenza kostanti, din id-dispożizzjoni tagħti lill-Kummissjoni setgħa ta’ evalwazzjoni wiesgħa sabiex tiffissa l-multi (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-21 ta’ Ottubru 1997, Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, T‑229/94, Ġabra p. II‑1689, punt 127) li hija, b’mod partikolari, funzjoni tal-politika ġenerali tagħha fil-qasam tal-kompetizzjoni (sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 105 u 109). Huwa f’dan il-kuntest li, biex tassigura t-trasparenza u oġġettività tad-deċiżjonijiet tagħha fil-qasam tal-multi, il-Kummissjoni adottat, fl-1998, il-linji gwida li huma intiżi sabiex jippreċiżaw, fir-rispett tad-dritt ta’ grad superjuri, il-kriterji li hija għandha tapplika fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ evalwazzjoni tagħha ; minn dan jirriżulta limitazzjoni tal-poter tagħha stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 1998, Vlaamse Gewest vs Il-Kummissjoni, T‑214/95, Ġabra p. II‑717, punt 89), fil-każ fejn il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikkonforma mar-regoli indikattivi li hija imponiet fuqha nfisha (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il-Kummissjoni, T‑380/94, Ġabra p. II‑2169, punt 57).

65      F’dan il-każ, skond il-premessi 78 sa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet multi fuq iż-żewġ impriżi li kisru l-Artikolu 81(1), KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Jirriżulta minn dawn il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata u mill-proċess li l-multi kienu ġew imposti skond l-Artikolu 12(2) tar-Regolament u li l-Kummissjoni, anke jekk id-deċiżjoni kkontestata ma tirreferix b’mod espliċitu għal-linji gwida, u jekk dawn jirreferu espressament biss għall-multi imposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 biss, iddeterminat l-ammont tal-multi billi applikat il-metodu definit fil-linji gwida.

66      Għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk, kif qed tissuġġerixxi r-rikorrenti, il-linji gwida naqqsux b’mod eċċessiv is-setgħa ta’ evalwazzjoni li għandha l-Kummissjoni biex tiffissa l-multi.

67      Skond il-metodu ddefinit fil-linji gwida, id-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multi ssegwi skema bbażata fuq l-iffissar ta’ ammont bażiku li mbagħad jiżdied sabiex jiġu kkunsidrati ċirkustanzi aggravanti kif ukoll tnaqqis sabiex jiġu kkunsidrati ċirkustanzi mitiganti. L-ammont bażiku huwa ddeterminat fil-funzjoni tal-gravità tal-ksur, li miegħu jiġi miżjud eventwali ammont addizzjonali skond id-dewmien tal-ksur.

68      Fir-rigward tal-gravità tal-ksur, il-linji gwida jippreċiżaw li l-evalwazzjoni tagħha għandha tqis in-natura intrinsika tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fis-suq meta dan ikun jista’ jiġi kkwantifikat u l-firxa tas-suq ġeografiku in kwistjoni (l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 A, tal-linji ta’ gwida). F’dan il-kuntest, il-ksur huwa kklassifikat taħt tliet kategoriji, jiġifieri ksur “ftit gravi ”, li għalih l-ammont tal-multi maħsub huwa bejn 1000 u miljun EUR, il-“ ksur gravi ”, li għalih l-ammont tal-multi maħsub huwa bejn miljun u 20 milun EUR, u “ ksur ferm gravi ”, li għalih l-ammont tal-multi maħsub huwa aktar minn 20 miljun euro (l-ewwel sat-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 1 A). Fi ħdan kull waħda minn dawn il-kategoriji, il-livell ta’ penalitajiet applikabbli jippermetti li jsir divrenzjar tat-trattament li għandu jiġi applikat lill-impriżi skond in-natura tal-ksur imwettaq (it-tielet subparagrafu tal-punt 1 A). Bara minn hekk, jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kapaċità ekonomika effettiva ta’ l-awturi tal-ksur li jikkawżaw dannu sostanzjali lill-operaturi oħra, b’mod partikolari lill-konsumaturi, u li l-ammont tal-multa jiġi ddeterminat f’livell li jkun ta’ natura suffiċjentement disważiva (ir-raba’ subparagrafu tal-punt 1 A).

69      Fi ħdan kull waħda mit-tliet kategoriji ta’ ksur kif iddefiniti, jista’ jkun meħtieġ ukoll, skond il-linji ta’ gwida, li jiġi bbilanċjat, f’ċerti każijiet, l-ammont kif iddeterminat, sabiex jiġi kkunsidrat il-piż speċifiku, u b’hekk l-impatt reali, ta’ l-aġir illegali ta’ kull impriża fuq il-kompetizzjoni, b’mod partikolari meta jkun hemm disparità kunsiderevoli fid-daqs ta’ l-impriżi li jkunu wettqu ksur ta’ l-istess natura, u li b’hekk jiġi adattat il-punt ta’ tluq ta’ l-ammont bażiku skond in-natura speċifika ta’ kull impriża (iktar ‘il quddiem l-“ammont ta’ tluq ”) (is-sitt subparagrafu tal-punt 1 A).

70      Isegwi li, fil-każ fejn il-linji gwida jipprovdu li l-evalwazzjoni tal- gravità tal-ksur għandha tikkunsidra n-natura intrinsika tal-ksur, l-impatt konkret tiegħu fuq is-suq meta dan ikun jista’ jiġi kkwantifikat u l-firxa tas-suq ġeografiku kkonċernat, dawn jaqgħu kemm taħt il-kuntest leġiżlattiv impost mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament, kif ukoll fil-marġni ta’ evalwazzjoni rikonoxxuta mill-ġurisprudenza tal-Kummissjoni għall-iffissar tal-multi.

71      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jidher li qed issostni r-rikorrenti, il-linji gwida ma jipprovdux li l-akkordji kollha li jaqsmu swieq ser jiġu ex officio ikkwalifikati bħala ksur “ ferm gravi ”.

72      Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-ewwel subparagrafu tal-punt 1 A tal-linji gwida jipprovdi espressament li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tikkunsidra mhux biss in-natura intrinsika tal-ksur, iżda wkoll l-impatt tiegħu fuq is-suq meta dan ikun jista’ jiġi kkwantifikat kif ukoll il-firxa tas-suq ġeografiku in kwistjoni.

73      Fit-tieni lok, it-tielet inċiż tat-tieni subparagrafu tal-punt 1 A, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ksur ferm gravi ”, ma jimplikax definizzjoni riġida u predeterminata, iżda jillimita ruħu sabiex jinndika li “dawn huma essenzjalment restrizzjonijiet orizzontali tat-tip ta’ ‘kartelli ta’ prezzijiet’ u kwoti ta’ tqassim tas-swieq, jew prattiċi oħrajn li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, bħal dawk li huma ntiżi sabiex jaqsmu s-swieq nazzjonali jew abbużi kkaratterizzati ta’ pożizzjoni dominanti f’sitwazzjoni ta’ kważi monopolju ”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

74      Fit-tielet lok, il-punt 1 A jistabbilixxi wkoll, fir-raba’ sas-sitt subparagrafi tiegħu, il-kunsiderazzjoni ta’ għadd ta’ fatturi oħrajn (kapaċità ekonomika effettiva ta’ l-awturi tal-ksur li joħolqu ħsara kunsiderevoli, in-natura disważiva tal-multa, il-piż speċifiku, u b’hekk l-impatt reali ta’ l-aġir illegali ta’ kull impriża) għall-finijiet ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa.

75      Isegwi li l-linji gwida ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jillimitaw b’mod eċċessiv u illegali s-setgħa ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni fl-iffissar tal-multi, iżda għandhom pjuttost jiġu analizzati bħala strument li jippermetti lill-impriżi li jkollhom idea aktar preċiża tal-politika tal-kompetizzjoni li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li ssegwi, sabiex tiġi assigurata t-trasparenza u n-natura objettiva tad-deċiżjonijiet tagħha fil-qasam tal-multi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ April 2004, Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni, T‑236/01, T‑239/01, T‑244/01 sa T‑246/01, T‑251/01 u T‑252/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, iktar ’il quddiem is-“sentenza Elettrodi tal-grafita”, punt 157). Għandu jiġi mfakkar ukoll li l-legalità tal-metodoloġija stabbilita fil-linji gwida għall-kalkolu tal-multi diġà ġiet ikkonfermata f’diversi okkażjonijiet mill-Qrati Komunitarji (ara. b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-20 ta’ Marzu 2002, LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, T‑23/99, Ġabra p. II‑1705 ; tad-19 ta’ Marzu 2003, CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, T‑213/00, Ġabra p. II‑913 ; Elettrodi tal-grafita, u tad-9 ta’ Lulju 2003, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, T‑224/00, Ġabra p. II‑2597, iktar ’il quddiem is-“sentenza Lisina”).

76      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kkuntentat ruħha b’metodu purament formalist, billi kkunsidrat li l-uniku kriterju tan-natura tal-ksur, huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata.

77      Fil-fatt, l-eżami tal-gravità tal-ksur tibda fil-premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li “sabiex tkejjel il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni tieħu kunsiderazzjoni tan-natura tagħha, id-daqs tas-suq ġeografiku in kwistjoni u l-impatt reali tal-ksur fuq is-suq ”. Wara jsegwu tliet “taqsimiet” tad-deċiżjoni kkontestata, li huma ddedikati rispettivament għall-eżami tan-“ [n]atura tal-ksur ” (premessi 88 u 89), id-“ [d]aqs tas-suq ġeografiku in kwistjoni ” (premessi 90 u 91) u l-“[i]mpatt reali tal-ksur ” (premessi 92 sa 95). Fl-aħħar nett, fir-raba’ taqsima, il-Kummissjoni teżamina wkoll argumenti differenti tal-partijiet involuti fl-akkordju li jirrigwardaw il-gravità tal-ksur (premessi 96 sa 101).

78      B’hekk isegwi li l-ilment tar-rikorrenti, ibbażat fuq eżami purament formali tal-ksur, limitat għan-natura tiegħu, għandu jiġi miċħud.

79      Għaldaqstant, għandu sussegwentement jiġi eżaminat jekk l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-gravità tal-ksur fir-rigward tat-tliet fatturi li huma n-natura tal-ksur, l-impatt konkret tagħhom fuq is-suq u l-firxa tas-suq ġeografiku in kwistjoni, hija vvizzjata bi żball manifest.

 Fuq in-natura tal-ksur

80      Fir-rigward tan-natura tal-ksur, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, il-partijiet kisru l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-ftehim ŻEE meta kkonkludew, minn naħa, ftehim globali ta’ tqassim tas-swieq u jipprovdi li SAS ma toperax ir-rotot operati minn Maersk Air li jitilqu minn Jutland, u li Maersk Air ma tkunx tista’ tibda servizzi fuq ir-rotot li jitilqu minn Kopenħagen li SAS kienet topera jew li xtaqet topera, kif ukoll ftehim sabiex jiġi rrispettat it-tqassim tat-titjiriet interni u, min-naħa l-oħra, ftehim speċifiċi ta’ tqassim tas-suq fir-rigward ta’ ċerti rotot internazzjonali, b’mod partikolari l-ftehim jipprovdi li Maersk Air ma tibqax topera l-konnessjoni bejn Kopenħagen u Stokkolma b’kumpens, il-ftehim, li sar bħala kumpens ta’ dak preċedenti, li jipoprovdi li SAS tieqaf milli topera r-rotta Kopenħagen-Venezja filwaqt li Maersk Air tibda topera din it-titjira, u l-ftehim jipprovdi li SAS tieqaf milli tipproponi titjiriet fuq ir-rotta Billund-Frankfurt.

81      Dawn il-fatti huma kostanti, kif ġew ammessi mill-partijiet matul il-proċedura amministrattiva u r-rikorrenti ssostni espressament fl-atti tagħha li hija mhux qed tikkontesta l-ksur li ġie kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata.

82      Fir-rigward ta’ l-ewwel parti ta’ dan il-motiv, intiż sabiex juri li l-ksur ikkonstatat kellu jiġi kkwalifikat bħala “gravi ” u mhux “ ferm gravi ”, ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni, fis-sustanza, li adottat metodu formalist billi kkunsidrat biss in-natura tal-ksur, filwaq li jirriżulta mill-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni (kawżi “ Lisina ”, “ Tubi ta’ l-azzar mingħajr saldatura ” u “ Pajpijiet tat-tisħin urban ”) u mill-ġurisprudenza li, fost il-ksur li jikkonċerna tqassim tas-suq, huma kkwalifikati bħala “ferm gravi” biss dawk li invarjabbilment jaffettwaw is-suq komuni kollu jew għall-inqas parti sostanzjali minnu u li jkunu kkawżaw ħsara effettiva kunsiderevoli lill-kompetizzjoni. Il-linji gwida nfishom, filwaqt li huma stess isemmu t-tqassim ta’ swieq fost il-ksur “ ferm gravi ”, madankollu jirreferu biss għal akkordji fuq skala kbira u li jdumu għal żmien twil. Ir-rikorrenti tirreferi wkoll għad-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fil-każijiet “ Siment ”, “ Kartun ” u “ Travi ”).

83      Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li “ l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, għall-finijiet ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa, għandha ssir filwaqt li jiġu kkunsidrati b’mod partikolari n-natura tar-restrizzjonijiet imposti fuq il-kompetizzjoni, in-numru u l-importanza ta’ l-impriżi involuti, il-porzjon rispettiv mis-suq li huma jikkontrollaw fil-Komunità kif ukoll il-qagħda tas-suq fiż-żmien meta jkun twettaq il-ksur” (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, ACF Chemiefarma vs Il-Kummissjoni, 41/69, Ġabra p. 661, punt 176). Barra minn hekk, ġurisprudenza stabbilita tillimita ruħha sabiex tindika li “ l-evalwazzjoni tal-gravità […] għandha ssir filwaqt li tiġi kkunsidrata, b’mod partikolari, in-natura tar-restrizzjonijiet imposti fuq il-kompetizzjoni ” (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Ottubru 1997, SCK u FNK vs Il-Kummissjoni, T‑213/95 u T‑18/96, Ġabra p. II‑1739, punt 246, u s-sentenza Lisina, punt 117). Bl-istess mod, fis-sentenza tagħha tat-30 ta’ Settembru 2003, Michelin vs Il-Kummissjoni (T‑203/01, Ġabra p. II‑4071, punt 258 u 259), il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li l-gravità tal-ksur seta’ jiġi stabbilit b’riferiment għan-natura u l-għan ta’ l-aġir illegali, filwaqt li fakkret li “ jirriżulta minn ġurisprudenza kostanti (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-11 ta’ Marzu 1999, Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, T‑141/94, Ġabra p. II‑347, punt 636, u tat-13 ta’ Diċembru 2001, Krupp Thyssen Stainless et Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, T‑45/98 et T‑47/98, Ġabra p. II‑3757, punt 199), li elementi relatati ma’ l-għan ta’ l-aġir jistgħu jkunu iktar importanti għall-finijiet ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa minn dawk relatati ma’ l-effetti tiegħu”. [Traduzzjonijiet mhux uffiċjali]

84      Għaldaqstant, għalkemm iridu jiġu meqjusa wkoll id-daqs tas-suq ġeografiku kkonċernat u l-impatt fuq is-suq meta dan ikun jista’ jiġi kkwantifikat, in-natura tal-ksur tikkostitwixxi kriterju essenzjali għall-evalwazzjoni tal-gravità ta’ ksur.

85      Aktar speċifikament, fir-rigward ta’ akkordji li jikkonsistu, bħal f’dan il-każ, fi tqassim ta’ swieq, għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li l-linji gwida jesponu li l-ksur “ ferm gravi ” jikkonsisti essenzjalment f’restrizzjonijiet orizzontali tat-tip ta’ kartelli ta’ prezzijiet u kwoti ta’ tqassim tas-swieq jew prattiċi oħrajn li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, u li dawn jidhru wkoll fost l-eżempji ta’ akkordji li huma ddikjarati espressament bħala inkompatibbli mas-suq komuni fl-Artikolu 81(1)(c) KE. Minbarra li dawn ibiddlu b’mod gravi l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni, dawn l-akkkordji, billi jobbligaw lill-partijiet sabiex jirrispettaw swieq distinti, ta’ spiss jiġu ddelimitati mill-fruntieri nazzjonali, jagħtu lok għal iżolament ta’ dawn is-swieq, li għaldaqstant jikkontrobattu l-għan prinċipali tat-Trattat KE dwar integrazzjoni tas-suq Komunitarju. Barra minn hekk, il-ksur ta’ dan it-tip, b’mod partikolari meta jkun jikkonsisti f’akkordji orizzontali, huwa kklassifikat mill-ġurisprudenza bħala “ partikolarment gravi ” jew bħala “ ksur manifest ” (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ April 1995, Tréfilunion vs Il-Kummissjoni, T‑148/89, Ġabra p. II‑1063, punt 109, u tal-15 ta’ Settembru 1998, European Night Services et vs Il-Kummissjoni, T‑374/94, T‑375/94, T‑384/94 u T‑388/94, Ġabra p. II‑3141, punt 136). Madankollu, skond ġurisprudenza kostanti, sabiex tevalwa l-gravità ta’ ksur, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra mhux biss iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, iżda wkoll il-kuntest li fih ikun sar il-ksur filwaqt li tagħmel ċert li l-azzjoni tagħha tkun ta’ natura disważiva, b’mod speċjali għat-tip ta’ ksur li huwa ta’ ħsara partikolari għar-realizzazzjoni ta’ l-għanijiet tal-Komunità (sentenza Musique Diffusion Française et vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 106).

86      Rigward l-ilment tar-rikorrenti li l-ksur in kwistjoni kellu jiġi kklassifikat bħala “gravi” fuq il-bażi li jista’ jiġi kklassifikat bħala “ferm gravi” biss dak il-ksur li jkopri s-suq komuni kollu u li jdum għal żmien twil, dan għandu jiġi miċħud.

87      Min-naħa waħda, dan l-ilment huwa infondat fid-dritt. Fil-fatt, it-tul ta’ żmien ta’ ksur mhuwiex kriterju li jippermetti li tiġi evalwata l-gravità, iżda jikkostitwixxi t-tieni fattur, wara dak tal-gravità tal-ksur, stabbilit kemm mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament kif ukoll mil-linji gwida, sabiex jiffissa l-ammont tal-multa. Fir-rigward tal-firxa ġeografika, iċ-ċirkustanza li l-linji gwida jirreferu biss bħala eżempji sempliċi ta’ ksur ikkwalifikat bħala “ ferm gravi ”, għal xi ksur li jikkonċerna effettivament l-biċċa l-kbira ta’ l-Istati Membri, ma jistax jiġi interpretat li jfisser li ksur ta’ din il-firxa ġeografika biss għandu jiġi kklassifikat b’dan il-mod. Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżuppost li l-parti l-kbira tad-deċiżjonijiet jew tal-ġurisprudenza relatati ma’ ksur ikklassifikat bħala “ferm gravi” kienu jirrigwardaw restrizzjonijiet ġeografikament mifruxa sew, la t-Trattat, la r-Regolament, la l-linji gwida, u lanqas il-ġurisprudenza madankollu ma jippermettu li jiġi kkunsidrat li dawn biss jiġu kklassifikati bħala tali. Għall-kuntrarju, kif ġie mfakkar iktar ’il fuq, il-ġurisprudenza tirrikonoxxi lill-Kummissjoni setgħa wiesgħa ta’ evalwazzjoni sabiex tiddetermina l-gravità tal-ksur u sabiex tiffissa l-multa fuq il-bażi ta’ għadd ta’ elementi li mhumiex ħerġin minn lista restrittiva jew eżawrjenti ta’ kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati. Barra minn hekk, skond ġurisprudenza kostanti, il-prattika deċiżjonali tagħha ma sservix bħala qafas ġuridiku għall-multi fil- qasam tal-kompetizzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Jannar 2004, JCB Service vs Il-Kummissjoni, T‑67/01, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 188).

88      Għandu jiġi osservat fi kwalunkwe każ li ċerti ksur ġie kklassifikat bħala “ ferm gravi ” minkejja li dan ma kienx “mifrux ħafna”, skond kif xtaqet li jifiehem ir-rikorrenti. Tabilħaqq, id-deċiżjoni adottata fil-kawża Volkswagen, fejn rikors għal annullament ġie miċħud mill-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Lulju 2000, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, T‑62/98, Ġabra p. II‑2707, ikkonfermata fuq appell bis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-18 ta’ Settembru 2003, Volkswagen vs Il-Kummissjoni, C‑338/00 P, Ġabra p. I‑9189), ikklassifikat bħala “ferm gravi” il-ksur in kwistjoni, minkejja li l-Italja, il-Ġermanja u l-Awstrija kienu l-uniċi pajjiżi kkonċernati. Bl-istess mod, fis-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, General Motors Nederland u Opel Nederland vs Il-Kummissjoni (T‑368/00, Ġabra p. II‑4491), il-Qorti tal-Prim’Istanza kkonfermat l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li kklassifikat bħala “ferm gravi” ksur li kien jikkonċerna s-suq Olandiż tal-bejgħ ta’ karrozzi ġodda tat-trade mark Opel.

89      Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li t-territorju ta’ Stat Membru wieħed, jew saħansitra parti biss minnu, jista’ wkoll jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi parti sostanzjali mis-suq komuni skond l-Artikolu 82 KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 1975, Suiker Unie et vs Il-Kummissjoni, 40/73 sa 48/73, 50/73, 54/73 sa 56/73, 111/73, 113/73 u 114/73, Ġabra p. 1663, punti 371 sa 375, u ta’ l-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova, C‑179/90, Ġabra p. I‑5889, punt 15 ; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 2003, British Airways vs Il-Kummissjoni, T‑219/99, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punti 74 sa 117).

90      Min-naħa l-oħra, l-ilment huwa infondat fil-fatt fil-każ fejn il-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata ma jikkonċernax, kif tissuġġerixxi r-rikorrenti, lid-Danimarka biss. Fil-fatt, skond il-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata, is-suq ġeografiku affettwat jestendi lil hinn miż-ŻEE. Għandu jiġi mfakkar li d-deċiżjoni kkunsidrat li l-partijiet involuti fl-akkordju kienu kkonkludew, minbarra ftehim speċifiċi ta’ tqassim tas-swieq fir-rigward ta’ ċerti rotot internazzjonali, ftehim globali ta’ tqassim tas-swieq li jipprovdi li SAS m’għandhiex topera r-rotot operati minn Maersk Air li jitilqu minn Jutland u li Maersk Air ma tistax tibda servizzi fuq ir-rotot li jitilqu minn Kopenħagen li SAS topera jew li xtaqet topera. Għaldaqstant, bla ħsara għal eżami ulterjuri tas-sustanza ta’ l-evalwazzjoni tad-daqs ġeografiku tas-suq in kwistjoni, anki jekk il-ftehim jikkonċerna biss konnessjonijiet li jitilqu u li huma ta’ destinazzjoni lejn id-Danimarka, is-suq ġeografiku affettwat jestendi fiż-ŻEE kollha u lil hinn minnha.

91      Isegwi li l-ilment li l-ksur, meta tiġi kkunsidrata n-natura tiegħu, ma setax jiġi kkwalifikat bħala “ferm gravi”, għandu jiġi miċħud.

 Fuq id-daqs tas-suq ġeografiku in kwistjoni

92      Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, tal-kriterju relatat mad-daqs tas-suq ġeografiku in kwistjoni, ir-rikorrenti ssostni, fis-sustanza, li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata ta’ l-impatt ġeografiku tal-ksur u li hija lanqas ma ddefinixxiet is-swieq ikkonċernati, ħlief it-tliet rotot speċifikatament identifikati.

93      Għandu jiġi rrilevat li, l-ewwel nett, li dan l-ilment jifforma parti mill-motiv meħud minn żball allegat fl-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur u li ma jikkostitwixxix motiv li permezz tiegħu r-rikorrenti tikkontesta l-eżistenza tal-ksur innifsu. Kif issostni espressament ir-rikorrenti, ir-rikors m’għandux bħala l-għan li jikkontesta l-eżistenza tal-ksur, li skond l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn l-annullament tagħha mhux qed jintalab mir-rikorrenti jikkonsisti, minn naħa, fil-konklużjoni ta’ ftehim dwar tliet rotot speċifiċi (Kopenħagen-Stokkolma, Kopenħagen-Venezja u Billund-Frankfurt) u, min-naħa l-oħra, fil-konklużjoni ta’ ftehim globali ta’ tqassim ta’ swieq li jistabbilixxi li SAS ma toperax ir-rotot operati minn Maersk Air li jitilqu minn Jutland, u li Maersk Air ma tkunx tista’ tibda servizzi fuq ir-rotot li jitilqu minn Kopenħagen li SAS topera jew xtaqet topera, kif ukoll minn ftehim bil-għan li jiġi rrispettat it-tqassim tar-rotot interni.

94      Huwa f’dan il-kuntest li għandu jiġi kkunsidrat dan l-ilment, li għandu jiġi interpretat bħala li jirrigwarda biss id-determinazzjoni tal-firxa ġeografika tal-ftehim globali bil-għan li tiġi evalwata l-gravità tal-ksur.

95      Għandu jiġi mfakkar li, fil-premessa 90 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titolu “Daqs ġeografiku tas-suq in kwistjoni”, il-Kummissjoni esponiet li l-irtirar ta’ tliet rotot minn u għad-destinazzjoni tad-Danimarka (Kopenħagen-Stokkolma, Kopenħagen-Venezja u Billund-Frankfurt) kienu biss il-konsegwenzi li dehru l-iktar tat-tqassim tas-swieq, u li fir-rigward tar-rotot l-oħrajn kollha minn u għad-destinazzjoni tad-Danimarka (rotot għad-destinazzjoni u/jew li jitilqu minn Stati Membri oħrajn, minn pajjiżi taż-ŻEE u l-kumplament tad-dinja), il-ftehim globali ta’ tqassim tas-swieq impedixxa li tiġi eżerċitata l-kompetizzjoni bħalli kieku ma sarx il-ftehim. Barra minn hekk, SAS, li hija l-akbar kumpannija ta’ l-ajru tal-pajjiżi Nordiċi, kellha garanzija li Maersk Air, il-kompetitriċi Daniża ewlenija tagħha fuq it-titjiriet għad-destinazzjoni u/jew għat-tluq mid-Danimarka, ma kinitx ser topera xi titjira li hija stess topera bi tluq minn Kopenħagen, jew ukoll linja li hija ma toperax imma li tkun tixtieq topera. Bħala skambju, Maersk Air kellha l-garanzija li SAS ma kinitx ser tikkompetilha fuq ir-rotot li hija topera għad-destinazzjoni u li jitilqu minn Billund, it-tieni ajruport tad-Danimarka.

96      Bl-istess mod, fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat, b’mod partikolari, li “billi għamlu mezz li Maersk Air ma tikkompetix ma’ SAS fuq ir-rotot għad-destinazzjoni [u]/[jew] li jitilqu minn Kopenħagen u [li] SAS ma tikkompetix ma’ Maersk Air għad-destinazzjoni [u]/[jew] li jitilqu minn Billund, il-ftehim orizzontali ta’ tqassim tas-swieq magħmula bejn SAS u Maersk Air irrestrinġew il-kompetizzjoni fuq għadd kbir ta’ rotot għad-destinazzjoni [u]/[jew] li jitilqu mid-Danimarka, inklużi l-konnessjonijiet bejn id-Danimarka u l-Istati Membri l-oħra, bejn id-Danimarka u l-membri l-oħra taż-ŻEE u bejn id-Danimarka u l-kumplament tad-dinja. Peress illi SAS u Maersk Air huma ż-żewġ linji ta’ l-ajru ewlenin tad-Danimarka u peress illi Kopenħagen u Billund huma l-akbar żewġ ajruporti [ta’ dan] il-pajjiż, ir-riperkussjonijiet ta’ dan it-tqassim inħassu fiż-ŻEE kollha u lil hinn minnha, għall-kuntrarju ta’ dak li ġara fil-kawża ‘Bastimenti tal-Ġarr Griegi’ ”. Madankollu, kif huwa indikat fil-premessa 1 tad-deċiżjoni kkontestata, SAS, li hija membru ta’ Alliance Star, topera titjiriet regolari lejn 105 destinazzjonijiet, fosthom 40 fl-Iskandinavja, 56 fil-kumplament ta’ l-Ewropa u 9 barra l-Ewropa.

97      Isegwi li, anke jekk huwa preċiż li mhux it-trasport kollu bl-ajru fiż-ŻEE ġie affettwat bil-ftehim akkużati, l-ilment tar-rikorrenti huwa bbażat fuq interpretazzjoni ħażina tad-deċiżjoni kkontestata, u dan peress li l-Kummissjoni kkonkludiet biss, ġustament, fil-premessa 91 ta’ l-imsemmija Deċiżjoni, li l-ksur kellu riperkussjonijiet fiż-ŻEE kollha u lil hinn minnha.

98      Ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti ma jista’ jqiegħed in kwistjoni din l-evalwazzjoni.

99      L-ewwel nett, kif tirreleva ġustament il-Kummissjoni, l-espressjoni “suq ġeografiku affettwat ” għandha titqies bħala sinonima għat-terminu “suq ġeografiku in kwistjoni”, li jissemma’ fil-punt 1 A tal-linji gwida u l-premessi 90 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata. L-argument tar-rikorrenti, għalkemm ftit ċar, jidher li jikkonsisti li qed jakkuża lill-Kummissjoni li interpretat is-“suq ġeografiku affettwat” bħala ż-żona ġeografika fejn l-effetti tal-ksur kellhom ċertu impatt. Dan l-argument huwa manifestament mhux fondat peress illi l-punt 1 A tal-linji gwida jistabbilixxi preċiżament li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għandha tikkunsidra l-firxa ġeografika tas-suq ikkonċernat. Għaldaqstant il-Kummissjoni m’għandhiex obbligu, għal dan il-għan, li tiddefinixxi preċiżament liema huma s-swieq in kwistjoni, iżda għandha biss tevalwa kemm hi mifruxa ż-żona ġeografika tas-suq jew tas-swieq ikkonċernati. Barra minn hekk, anki sabiex tikkonstata li kien hemm ksur, il-Kummissjoni mhijiex obbligata li tiddefinixxi preċiżament is-swieq in kwistjoni meta, bħal f’dan il-każ, huwa ċar li l-għan tal-ftehim huwa li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

100    Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni, fil-każ fejn hija applikat il-metodu ta’ “punt ta’ oriġini/ punt ta’ destinazzjoni” sabiex tiddefinixxi s-swieq in kwistjoni, kienet naqset milli tidentifika s-swieq barra t-tlett iswieq imsemmija fil-ftehim speċifiċi, għandu jiġi manifestament miċħud.

101    Minn naħa, kif għadu kif intqal il-Kummissjoni mhijiex obbligata, skond il-punt 1 A tal-linji gwida, li tiddefinixxi bi preċiżjoni s-swieq in kwistjoni.

102    Min-naħa l-oħra, id-definizzjoni ta’ dawn is-swieq oħrajn tirriżulta biżżejjed mid-dritt ta’ deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, safejn l-għan taal-ftehim globali huwa li jneħħi l-kompetizzjoni potenzjali rispettiva taż-żewġ partijiet involuti fl-akkordju fir-rigward tar-rotot kollha li jitilqu minn u li huma għad-destinazzjoni tad-Danimarka, huwa ċar li s-“swieq oħrajn” in kwistjoni jikkonsistu kollha f’punti ta’ tnejn ta’ “oriġini/destinazzjoni” fir-rigward tad-Danimarka. B’hekk, huma affettwati, b’mod ġenerali, id-destinazzjonijiet kollha li l-partijiet joperaw jew, skond l-istess termini tal-ftehim globali ta’ tqassim tas-swieq, li huma jixtiequ joperaw, bi tluq jew destinazzjoni minn/lejn Kopenħagen jew Jutland. Għaldaqstant huwa ġust li, fil-premessa 43 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, wara li esponiet l-għan ta’ dan il-ftehim globali ta’ tqassim ta’ swieq, li jikkonsisti fi tneħħija totali tal-kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet involuti fl-akkordju, ikkonkludiet li “il-kooperazzjoni affettwat numru sostanzjali, għalkemm indeterminat, ta’ swieq ta’ tluq/destinazzjoni tas-servizzi regolari, nazzjonali u internazzjonali, ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri lejn jew minn Kopenħagen kif ukoll Billund ”.

103    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tosserva wkoll li skond il-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, fin-notifika tagħhom tat-8 ta’ Marzu 1999, il-partijiet involuti fl-akkordju stess iddikjaraw li “s-suq in kwistjoni kien dak tal-provvista ta’ servizzi regolari ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġeri fiż-ŻEE ” u “ppreċiżaw li ma kienx possibbli li ssir distinzjoni bejn ċerti rotot jew gruppi ta’ rotot u li jiġu eżaminati separatament, peress illi mil-lat kummerċjali, il-ftehim ta’ kooperazzjoni [kien] jikkostitwixxi ħaġa waħda”.

104    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, kienet tissodisfa għal kollox l-eżiġenza li jridu jingħataw raġunijiet, skond l-Artikolu 253 KE.

105    Isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti dwar id-daqs tas-suq ġeografiku in kwistjoni għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-effett fuq is-suq

106    Ir-rikorrenti ssostni, fis-sustanza, li l-ksur kellu biss impatt ferm limitat, jekk kellu, fuq is-suq.

107    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi miċħud l-argument ġenerali, li m’huwiex ippreċiżat ulterjorment, li l-ftehim ma kellhomx effett safejn il-bidliet kollha li saru fl-ipprogrammar tat-traffiku tagħhom minn kull waħda mill-partijiet involuti fl-akkordju kienu ġġustifikati minħabba raġunijiet ekonomiċi u kummerċjali. Din ma hija xejn ħlief allegazzjoni infondata u, għaldaqstant, ma tistax tinvalida l-konstatazzjonijiet li saru fid-deċiżjoni kkontestata bil-għan li jiġu stabbiliti l-effetti li jirriżultaw mill-ksur, li l-eżistenza tagħhom mhijiex ikkontestata.

108    Għandhom jiġu eżaminati, sussegwentement, l-argumenti differenti relatati mat-tliet ftehim speċifiċi, minn naħa waħda, u mal-ftehim ġenerali ta’ tqassim tas-suq, min-naħa l-oħra.

109    Għal dak li jirrigwarda t-tliet rotot li l-partijiet fil-ftehim abbandunaw rispettivament għall-profitt tal-parti l-oħra (Kopenħagen-Venezja u Billund-Frankfurt għal SAS u Stokkolma-Kopenħagen għal Maersk Air), l-argument tar-rikorrenti li jsostni li kull wieħed mill-partijiet issubixxa, qabel ma saru l-ftehim, telf fuq l-imsemmija rotot, huwa irrelevanti, anki jekk wieħed jippreżupponi li din iċ-ċirkustanza tiġi stabbilita. Minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja dan it-telf, il-partijiet madankollu dehrilhom li huwa neċessarju, jew għall-inqas, preferibbli li jikkonkludu diversi ftehim li permezz tagħhom huma jobbligaw ruħhom rispettivament li jabbandunaw dawn it-tliet rotot. Il-kwistjoni jekk huma kinux irtiraw minn dawn ir-rotot fil-każ fejn huma ma jkunux ikkonkludew l-imsemmija ftehim in kwistjoni hija waħda purament ipotetika, peress li l-partijiet fl-akkordju kienu ċċaħdu mill-libertà tagħhom li jirtiraw jew le. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li kumpannija ta’ l-ajru ssofri telf fuq rotta, f’mument partikolari, ma jimplikax neċessarjament li hija għandha interess li twaqqaf din ir-rotta, jekk xejn minħabba l-importanza li dik ir-rotta jista’ jkollha għan-netwerk sħiħa li hija sservi. Barra minn hekk huwa ftit probabbli li l-kumpanniji ta’ l-arju kollha jagħmlu qligħ fuq kull rotta f’kull mument. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li kien minħabba kunsiderazzjonijiet purament ekonomiċi, li jirriżultaw minn analiżi li saret f’dak iż-żmien, li l-partijiet involuti fl-akkordju kienu ddeċiedew li jwaqqfu r-rotot in kwistjoni. Barra minn hekk, kompletament għall-kuntrarju, jirriżulta mill-premessa 66 tad-deċiżjoni kkontestata, li mhuwiex ikkontestat mir-rikorrenti, li Maersk Air ftehmet ma’ SAS li kienet ser tirtira mir-rotta Kopenħagen-Stokkolma mingħajr ma tagħmel analiżi ekonomika ddettaljata ta’ l-operazzjoni ta’ din ir-rotta lil hinn mill-istaġun tax-Xitwa 1998/1999.

110    Fl-ewwel lok, għar-rigward tal-ftehim dwar ir-rotta Kopenħagen-Stokkolma, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni kkonstatat fil-premessi 92 sa 94 tad-deċiżjoni kkontestata li Maersk Air abbandunat ir-rotta Kopenħagen-Stokkolma fis-27 ta’ Marzu 1999, u ppreċiżat, fil-premessa 93, li minħabba l-volum tagħha f’termini tan-numru ta’ passiġġieri u n-numru ta’ titjiriet, ir-rotta Kopenħagen-Stokkolma hija waħda mir-rotot prinċipali ġewwa l-Komunità u li, fuq din ir-rotta, is-sehem mis-suq ta’ SAS kien żdied minn […] % fis-sena ta’ qabel id-dħul fis-seħħ tal-ftehim għal […] % – skond l-istimi – sa mix-xahar ta’ Mejju 2000. Bl-istess mod, jirriżulta mill-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata li Maersk Air temmet il-qsim ta’ kodiċi ma’ Finnair (li wkoll kienet topera din ir-rotta), li minħabba f’hekk waqqfet din ir-rotta f’Mejju 2000, u ma’ Alitalia u Swissair (li ma kinux joperaw din ir-rotta). Dawn il-fatti mhumiex ikkontestati mir-rikorrenti. Għalhekk huwa ċar li l-ftehim kellu effett sinjifikattiv ħafna fuq is-suq, kemm għall-passiġġiera kif ukoll għar-rikorrenti u għall-kumpanniji kompetituri.

111    Madankollu, ir-rikorrenti ssostni, f’dan ir-rigward, li hija kellha interess li Maersk Air tkompli topera din ir-rotta b’erba’ titjiriet kuljum peress li hija weħidha ma kellhiex il-kapaċità meħtieġa biex topera bi qligħ it-traffiku ta’ servizz potenzjali kollu bejn Stokkolma u l-bażi prinċipali tagħha (“hub”) f’Kopenħagen.

112    Dan l-argument għandu jiġi miċħud b’mod ċar.

113    Fl-ewwel lok, kif għadu kif ġie indikat, ir-rikorrenti bbenefikat mill-fatt li Maersk Air waqqfet dawn ir-rotot peress illi, b’mod partikolari, is-sehem tagħha mis-suq żdied b’mod sinjifikattiv wara l-irtirar ta’ Maersk Air.

114    Fit-tieni lok, din iż-żieda qawwija turi li, minkejja l-allegata saturazzjoni tal-kapaċitajiet tagħha, ir-rikorrenti kienet kapaċi tassorbi talba akbar.

115    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessa 67 tad-deċiżjoni kkontestata, li fil-fehma tal-partijiet stess involuti fl-akkordju, id-dħul ta’ SAS żdied b’mod sinjifikattiv wara l-irtirar ta’ Maersk Air u, iktar preċiżament, fil-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata, li “fil-mument tan-negozjati, il-partijiet ikkunsidraw - fuq il-bażi tal-volum magħruf ta’ passiġġieri u tal-possibiltà ta’ żieda fil-prezzijiet ta’ […] DKK – li l-fatt li Maersk Air kienet ser izżomm ‘il bogħod minn Stokkolma u Ożlo kien ser ifisser għal SAS żieda fid-dħul annwali ta’ madwar […] DKK ([…] euro)”. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreċiżat bħala difiża li dan it-tbassir kien fil-fatt seħħ eżatt, minħabba li SAS għaddiet minn telf ta’ 27 miljun krona Żvediża (SEK) fl-1998 għal qligħ ta’ 156 miljun SEK fl-2000, mingħajr ma r-rikorrenti tikkontesta l-eżattezza ta’ din l-informazzjoni.

116    Fir-raba’ lok, jekk ir-rikorrenti kellha interess li Maersk Air tkompli topera r-rotta, għandu jiġi kkonstatat li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tispjega għalfejn xorta waħda dehrilha li huwa meħtieġ li tikkonkludi ftehim intiż għall-irtirar ta’ Maersk Air. Dan huwa iżjed u iżjed minnu peress li, minn naħa waħda, jirriżulta mill-proċess, u b’mod partikolari mill-premessi 49 sa 51 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-rotta Kopenħagen-Stokkolma kienet fil-qalba tan-negozjati ta’ tqassim tas-suq, filwaqt li l-ftehim dwar l-irtirar miż-żewġ rotot l-oħrajn kellhom preċiżament bħala għan li jingħata kumpens ekwivalenti, u li, min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li ebda waħda mill-partijiet fl-akkordju ma ħadet jew implementat deċiżjoni li ma kinitx fl-aħjar interessi tagħha. Fi kwalunkwe każ, iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti kellha pjuttost interess li Maersk Air tkompli għaddejja bl-attività tagħha fuq ir-rotta, jekk nassumu li din hija eżatta, tikkonferma biss li l-ftehim kellu impatt veru fuq is-suq, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dan kellux konsegwenzi favorevoli jew sfavorevoli fuq il-pożizzjoni tar-rikorrenti. Għaldaqstant, jekk wieħed isegwi l-argument ta’ din ta’ l-aħħar, għandu jiġi kkunsidrat li l-ftehim, minħabba s-saturazzjoni tal-kapaċitajiet tagħha fuq dik ir-rotta, kellu l-effett li jċaħħad li xi vjaġġaturi mill-possibiltà ta’ aċċess għall-“hub” tagħha fi Stokkolma.

117    Fir-rigward, sussegwentement, tal-ftehim speċifiċi dwar ir-rotot Kopenħagen-Venezja u Billund-Frankfurt, il-Kummissjoni kkonstatat fil-premessa 92 tad-deċiżjoni kkontestata li SAS kienet waqfet milli topera dawn iż-żewġ rotot sabiex tikkumpensa l-irtirar ta’ Maersk Air mir-rotta Kopenħagen-Stokkolma. Madankollu, minn naħa, dawn il-fatti huma kostanti u jirriżulta li l-imsemmija ftehim kellhom bħala effett li jneħħu kull kompetizzjoni vera fiż-żewġt iswieq. Min-naħa l-oħra, għandu jingħad li r-rikorrenti ma ppreżentat ebda argument bil-għan li tistabbilixxi li l-ftehim madankollu ma kellhomx effett sinjifikattiv fuq is-suq. Għall-kuntrarju, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li, wara l-ispezzjoni, il-partijiet involuti fl-akkordju llimitaw il-kooperazzjoni tagħhom għall-aspetti leċiti tiegħu u li l-passiġġieri bbenefikaw, b’mod partikolari, mill-ftuħ jew ftuħ mill-ġdid tar-rotta bejn Kopenħagen u Venezja, tikkonferma biss l-eżistenza ta’ impatt fuq is-suq li ġie kkawżat mill-ftehim akkużati.

118    Isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex isostnu li l-ftehim ta’ tqassim tas-suq fir-rigward tat-tliet rotot speċifiċi kellhom biss impatt żgħir fuq is-suq għandhom jiġu miċħuda.

119    Rigward il-ftehim globali ta’ tqassim tas-swieq, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 41 sa 43, 62, 69, 72 u 90 tad-deċiżjoni kkontestata, li peress li Maersk Air kienet ftehmet ma’ SAS li ma kinitx ser toffri rotot ġodda bi tluq minn Kopenħagen ħlief bil-kunsens ta’ SAS, ir-rotot kollha lejn jew minn Kopenħagen kienu affettwati minn dan il-ftehim u li, min-naħa l-oħra, peress li SAS kienet aċċettat li ma toffrix it-titjiriet li Maersk Air diġà kienet topera bi tluq minn Jutland, il-ftehim kien jaffettwa wkoll dawn ir-rotot kollha. Hija kkonstatat ukoll li l-partijiet qablu li jirrispettaw il-tqassim ta’ rotot interni u li kien jeżisti suq distint għas-servizzi ta’ trasport bl-ajru bejn Kopenħagen u Bornholm. Fil-premessa 72, il-Kummissjoni esponiet li kemm it-tliet ftehim speċifiċi kif ukoll il-ftehim globali ta’ tqassim tas-suq kellhom għan li b’mod ċar kien antikompetittiv u li dawn kellhom ukoll l-effett li jirrestrinġu b’mod sostanzjali l-iżvolġiment tal-kompetizzjoni, filwaqt li speċifikat li l-effett ma kienx madankollu l-istess f’kull każ, safejn dawn ta’ l-ewwel ippreġudikaw il-kompetizzjoni reali, filwaqt li l-ftehim globali rrestrinġa l-kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet involuti fl-akkordju fis-sens li kull waħda mill-imsemmija partijiet intrabtet li ma toperax rotot bi tluq mill-ajruport riżervat lill-parti l-oħra. Hija ddikjarat ukoll, f’dan ir-rigward, li din ir-restrizzjoni saret f’kuntest fejn SAS kienet l-operatriċi ewlenija tat-trasport ta’ destinazzjoni jew tluq mid-Danimarka, filwaqt li Maersk Air kienet il-kompetitriċi ewlenija tagħha fid-Danimarka, meta l-parti l-kbira tat-traffiku ta’ l-ajru ta’ tluq jew għad-destinazzjoni tad-Danimarka kellu bħala l-punt ta’ oriġini jew ta’ destinazzjoni wieħed miż-żewġ ajruporti msemmija fil-ftehim, u meta Kopenħagen kien wieħed mit-tliet hubs ta’ ajruporti ta’ SAS filwaqt li Maersk Air kienet topera t-titjiriet tagħha prinċipalment minn jew għad-destinazzjoni ta’ l-ajruporti ta’ Kopenħagen u Billund.

120    Ma jistax jiġi kkontestat li dawn il-fatturi huma suffiċjenti biex jiġi kkunsidrat li l-ftehim globali kellu impatt fis-suq. Madankollu, minn naħa, ir-rikorrenti ammettiet li l-partijiet ikkonkludew dawn il-ftehim u wkoll li kellhom l-intenzjoni li jimplementawh, u min-naħa l-oħra, il-partijiet involuti fl-akkordju effettivament implementaw u rrispettaw dan il-ftehim globali ta’ tqassim tas-swieq, jew, għall-inqas, ir-rikorrenti ma kkontestatx li, skond ma kien previst fl-imsemmi ftehim, il-partijiet żammew ‘il bogħod mir-rotot riżervati rispettivament lil għal kull waħda miż-żewġ partijiet. Barra minn hekk il-Kummissjoni ddikjarat ukoll f’dan ir-rigward, fil-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, li, wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim, SAS waqqfet ir-rotot minn Billund filwaqt li Maersk Air kienet l-unika kumpannija li offriet rotot ġodda bi tluq minn Billund. Iċ-ċirkustanza, imsemmija fil-premessa 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-Kummissjoni sabet provi ċari ta’ ftehim ta’ qsim ta’ tqassim tas-swieq fuq ir-rotta Kopenħagen-Ġinevra, mingħajr madankollu ma kkonstatat ksur speċifiku, peress li r-Regolament japplika biss għal trasport bl-ajru bejn l-ajruporti taż-ŻEE, jikkonferma biss, barra minn hekk, li l-impatt tal-ftehim ma kienx limitat għat-tliet rotot identifikati mir-rikorrenti.

121    F’dawn il-kundizzjonijiet, l-ilment tar-rikorrenti, li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata billi esaġerat il-gravità tal-ksur meta affermat, mingħajr ma ġabet provi f’dan is-sens, li swieq oħra minbarra t-tliet rotot speċifiċi kienu ġew affettwati mill-akkordju, peress illi f’dan il-każ ġew affettwati biss dawk it-tliet rotot, ma jistax jiġi milqugħ, minħabba li jqiegħed in kwistjoni l-eżistenza nnfisha tal-ftehim globali ta’ tqassim tas-swieq.

122    Barra minn hekk, peress illi, skond il-linji gwida, il-Kummissjoni m’hijiex obbligata li tikkunsidra, għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, l-impatt konkret tagħha fuq is-suq ħlief meta dan jista’ jiġi kkwantifikat u li l-ftehim globali kien intiż sabiex ineħħi l-kompetizzjoni potenzjali, fejn l-effett konkret tiegħu huwa ipotetikament diffiċli li jiġi kkwantifikat, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata li turi preċiżament l-impatt konkret ta’ l-akkordu fuq is-suq u li tikkwantifikah, iżda setgħat tibbaża fuq stimi ta’ probabbiltà ta’ tali effett.

123    Għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li xejn ma juri, fin-nuqqas ta’ ftehim globali ta’ tqassim tas-swieq, il-partijiet kienu kienu jaġixxew b’mod differenti fir-rigward ta’ rotot oħra minbarra Kopenħagen-Stokkolma, Kopenħagen-Venezja u Billund-Frankfurt. Fil-fatt, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat, fil-premessa 100 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

“[…] Maersk Air ma tħallietx tikkompeti ma’ SAS fuq ir-rotot operati minn din ta’ l-aħħar bi tluq minn Kopenħagen, kif ukoll fuq ir-rotot li SAS ma kinitx topera, iżda li setgħet tixtieq topera. Il-kwistjoni jekk Maersk Air kinitx ser tidħol għal dawn ir-rotot f’każ li ma kinitx marbuta bil-ftehim konkluż ma’ SAS hija purament ipotetika u m’għandhiex għalfejn tiġi kkunsidrata peress illi Maersk Air kienet konkretament imċaħħda mil-libertà li tiddeċiedi jekk tidħolx fuq is-suq tar-rotot ta’ l-ajru bi tluq minn Kopenħagen. L-istess raġunament jgħodd ukoll għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ libertà ta’ SAS li tibda topera rotot bi tluq minn Billund.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

124    Bl-istess mod, l-argument tar-rikorrenti li jsostni li l-akkordju kien ippermetta lil Maersk Air li toffri r-rotot Kopenħagen-Il-Kajr u Kopenħagen-Ateni huwa irrelevanti, peress illi l-Kummissjoni, fil-premessa 99 tad-deċiżjoni kkontestata, esponiet b’mod korrett dan li ġej:

“[…] ebda element ma jagħti prova li l-kooperazzjoni ma’ SAS kienet meħtieġa għal dan il-għan. Maersk Air setgħat tiddeċiedi li topera r-rotot tagħha b’mod indipendenti jew b’kooperazzjoni ma’ trasportatur ieħor barra SAS. Anki jekk wieħed jippreżupponi, favur il-partijiet, li dawn ir-rotot ma setgħux jinfetħu ħlief permezz ta’ kooperazzjoni bejn Maersk Air u SAS, il-benefiċċji miksuba mill-vjaġġaturi li jieħdu dawn ir-rotot ma jistgħux jikkumpensaw l-eliminazzjoni tal-kompetizzjoni fi swieq oħrajn”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

125    Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-argument dwar l-iżvolġiment tal-ftehim ta’ tqassim ta’ kodiċi bejn Maersk Air u British Airways fuq ir-rotta Kopenħagen-Birmingham ma jsostnix il-fehma tar-rikorrenti li l-ftehim ta’ tqassim tas-suq ma kellux effetti ħlief fuq it-tlett iswieq speċifiċi. Fil-fatt, kif huwa msemmi fil-premessa 19 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta mid-dokumenti miksuba matul l-ispezzjoni li kien ġie deċiż li l-ftehim kollha ta’ qsim ta’ kodiċi konkulżi minn Maersk Air ma jintemmux immedjatament u li jinżammu xi uħud minnhom bil-għan li ma tinġibidx l-attenzjoni u li jiġu evitati “problemi mal-Kummissjoni”. Barra minn hekk, skond ma ammettiet ir-rikorrenti stess, Maersk Air u SAS kienu mall-ewwel ippruvaw jaqblu fuq din ir-rotta, u kien biss wara d-29 ta’ Ottubru 2000, jiġifieri wara l-ispezzjoni li saret mill-Kummissjoni fil-15 u s-16 ta’ Ġunju 2000, li l-partijiet involuti fl-akkordju ddeċiedew li jikkompetu ma’ xulxin.

126    Sabiex jintwera li l-ftehim globali ta’ tqassim tas-suq ma kellux effett fuq is-suq, ir-rikorrenti tinvoka fl-aħħar nett studju, li sar mill-kumpannija Lexecon, li juri li l-impatt veru tal-ftehim fuq it-tariffi tar-rotot bi tluq mid-Danimarka kien wieħed minimu. Minbarra l-fatt li dan l-istudju, li ġie kkummissjonat mir-rikorrenti, ġie ppreżentat biss fl-istadju tar-replika mingħajr ma r-rikorrenti tat raġuni għad-dewmien fil-preżentazzjoni ta’ din il-prova, kif jeżiġi l-Artikolu 48(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-ksur ikkonstatat jikkonsisti fi tqassim ta’ swieq u b’hekk ma jikkonċernax direttament it-tariffi pprattikati mill-partijiet involuti fl-akkordju u li dawn aġixxew b’mod konformi ma’ dan it-tqassim ta’ swieq.

127    Minbarra dan, għandu jiġi enfasizzat li l-istudju jikkunsidra biss fuq l-impatt tal-ftehim fuq il-prezzijiet ipprattikati minn SAS, filwaqt li l-klawsola ta’ non-kompetizzjoni kienet reċiproka u kien ġie miftiehem ukoll li SAS ma toperax ir-rotot operati minn Maersk Air lejn u minn Billund. Madankollu, huwa ċar li fin-nuqqas ta’ ftehim, SAS setgħet teżerċita restrizzjoni kompetittiva sinjifikattiva fuq Maersk Air. La l-istudju u lanqas ir-rikorrenti ma jressqu element ta’ natura li juri n-nuqqas ta’ impatt tal-ftehim f’dan ir-rigward.

128    Għandu jiġi rrilevat ukoll li anke jekk l-istudju juri li t-tariffi ta’ SAS fuq ir-rotot bi tluq mid-Danimarka, li kienu affettwati mill-ftehim globali ta’ tqassim tas-suq, baqgħu stabbli meta mqabbla ma’ dawk ipprattikati minn SAS fuq ir-rotot bi tluq mill-Iżvezja u min-Norveġja, li ma jaqgħux taħt l-imsemmi ftehim, madankollu dan iqabbel biss il-prezzijiet ipprattikati fuq 20 rotta magħżula fost 105 destinazzjonijiet operati minn SAS u jistabbilixxi biss il-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni applikabbli fis-swieq affettwati u s-swieq mhux affettwati kienu paragunabbli. Barra minn hekk, l-istudju juri li l-t-tariffi evolvew b’mod differenti fiż-żewġ reġjuni, hekk kif it-tariffi pprattikati fuq ir-rotot bi tluq mid-Danimarka żdiedu meta mqabbla ma’ dawk implementati fuq ir-rototi bi tluq mill-Iżvezja u min-Norveġja bejn l-1996 u l-1999, biex imbagħad naqsu sas-sena 2000.

129    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-ilmenti tar-rikorrenti intiżi sabiex juru li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata ta’ l-impatt tal-ksur fis-suq għandhom jiġu miċħuda.

130    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza ferm stabbilita, il-Kummissjoni m’hijiex obbligata li turi l-effetti konkreti ta’ ftehim meta dan ikollu għan li huwa b’mod ċar antikompetittiv. Għaldaqstant, fis-sentenza Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq (punt 258 u 259), b’risposta għall-argument tar-rikorrenti li l-ammont bażiku kellu jkun sostanzjalment inqas minħabba l-effetti reali tal-ksur, il-Qorti tal-Prim’Istanza enfasizzat li l-Kummissjoni ma eżaminatx fid-deċiżjoni tagħha l-effetti konkreti tal-prattiċi abużivi in kwistjoni u li barra minn hekk hija ma kinitx obbligata li tagħmel tali eżami u li, għalkemm il-Kummissjoni għamlet xi spekulazzjonijiet fuq l-effetti ta’ l-aġir abużiv, il-gravità tal-ksur kien ġie stabbilit b’riferiment għan-natura u l-għan ta’ l-aġir abużiv. Sussegwentement il-Qorti tal-Prim’Istanza fakkret ukoll li xi elementi li jaqgħu taħt l-għan ta’ aġir jistgħu jkollhom aktar importanza għall-finijiet ta’ l-iffissar ta’ l-ammont tal-multa milli dawk relatati ma’ l-effetti tiegħu. F’dan is-sens, fis-sentenza Thyssen Stahl vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet, fil-punt 635 u 636, dan li ġej:

“[…] m’huwiex neċessarju, sabiex jiġi kkonstatat ksur ta’ l-Artikolu 65(1), [KEFA], li jiġi stabbilit li l-aġir in kwistjoni kellu effett anti-kompetittiv. L-istess japplika f’dak li jirrigwarda l-impożizzjoni ta’ multa skond l-Artikolu 65(5), [KEFA]. Isegwi li l-effett li seta’ kellu ftehim jew prattika miftiehma fuq l-iżvolġiment normali tal-kompetizzjoni m’huwiex kriterju determinanti fl-evalwazzjoni ta’ l-ammont adegwat tal-multa. Kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, elementi li jaqgħu taħt l-aspett intenzjonali, u b’hekk ta’ l-għan ta’ aġir, jistgħu fil-fatt ikollhom aktar importanza minn dawk relatati ma’ dawn l-effetti […], b’mod partikolari meta dawn ikunu kkunsidraw ksur intrinsikament gravi, bħall-iffissar ta’ prezzijiet u t-tqassim tas-swieq”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

131    Madankollu, f’dan il-każ, ma jistax jiġi kkontestat li l-ftehim akkużati, peress illi jipprevedu tqassim tas-suq, kellhom għan li b’mod ċar kien antikompetittiv.

 Fuq it-tqabbil mal-kawża “Bastimenti tal-Ġarr Griegi ”

132    Fir-rigward ta’ l-argument ibbażat fuq it-tqabbil mal-kawża “Bastimenti tal-Ġarr Griegi”, li fiha l-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala “gravi” u mhux “ferm gravi”, għandu jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li skond ġurisprudenza kostanti, il-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma toħloqx qafas ġuridiku għall-multi fil-qasam ta’ kompetizzjoni, peress illi dan huwa ddefinit fir-Regolament Nru 17, jew fil-leġiżlazzjoni settorjali ekwivalenti, bħal f’dan il-każ, ir-Regolament u l-linji gwida (sentenzi LR AF 1998 vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punt 234 u 337, u Michelin vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 254). Il-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet fil-passat li ksur ta’ ċertu tip kellu jiġi kkwalifikat bħala “gravi” ma jistax, għaldaqstant, iċaħħadha mill-possibiltà li tikkunsidrhom, f’każ sussegwenti, bħala “ferm gravi” jekk dan jirriżulta meħtieġ sabiex tassigura l-implementazzjoni tal-politika tal-Komunità dwar il-kompetizzjoni (sentenzi Musique Diffusion Française et vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 105 à 108, u Lisina, punt 56).

133    Isegwi li t-tqabbil mal-kawża “Bastimenti tal-Ġarr Griegi”, li fiha l-Kummissjoni kkwalifikat il-ksur bħala “gravi”, ma jistax ikun tali li jistabbilixxi li l-Kummissjoni ma setgħetx tikkwalifika l-ksur in kwistjoni f’din il-kawża bħala “ferm gravi”.

134    Għandu jiġi kkunsidrat, sussegwentement, li, fi kwalunkwe każ, it-tqabbil bejn iż-żewġ kawżi mhuwiex ta’ natura li jistabbilixxi li l-ksur in kwistjoni kellu jiġi kklassifikat bħala “gravi”.

135    Fil-fatt, minbarra li d-deċiżjoni “Bastimenti tal-Ġarr Griegi” kienet tikkonċerna ftehim dwar prezz fir-rigward ta’ tliet rotot marittimi bejn Patras (il-Greċja) u tliet portijiet Taljani u mhux, bħal f’dan il-każ, ftehim speċifiċi dwar ċerti rotot sostnuti bi ftehim globali ta’ tqassim tas-swieq, għandu jiġi rrilevat li, kif tesponi ġustament il-Kummissjoni fil-premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata, il-ksur ikkonstatat fil-kawża “Bastimenti tal-Ġarr Griegi”, li kien jirrigwarda l-iffissar ta’ prezzijiet, kien iktar limitat milli f’dan il-każ.

136    Fl-ewwel lok, fl-imsemmija kawża, il-partijiet involuti fl-akkordju ma kinux implementaw il-ftehim illeċiti kollha u kienu kkompetew fuq il-prezzijiet billi offrew skont.

137    Fit-tieni lok, l-awtoritajiet Griegi kienu ħeġġew lit-trasportaturi, matul il-perijodu tal-ksur, biex jillimitaw iż-żidiet fil-prezzijiet miftiehma fil-limitu tar-rati ta’ inflazzjoni, minkejja li t-tariffi kienu baqgħu fost l-aktar baxxi fil-Komunità fil-qasam tat-trasport marittimu intrakomunitarju. Madannkollu, ir-rikorrenti ma ressqet ebda prova li kien l-istess f’dan il-każ.

138    Fit-tielet lok, jekk f’termini ta’ numru ta’ passiġġieri, it-tliet rotot li fir-rigward tagħhom ġie kkonstatat il-ksur fil-kawża “Bastimenti tal-Ġarr Griegi” (Ancona-Patras, Bari-Patras u Brindisi-Patras) kienu ta’ daqs li jista’ jitqabbel ma’ dak tar-rotot Kopenħagen-Stokkolma, Kopenħagen-Venezja u Billund-Frankfurt, madankollu għandu jiġi mfakkar f’dan il-każ li t-tqassim tas-swieq bejn SAS u Maersk Air jaffettwa wkoll għadd kbir ta’ rotot oħrajn. Peress li għamlu mod li Maersk Air ma tikkompetix ma’ SAS fuq ir-rotot ta’ destinazzjoni u/jew ta’ tluq minn Kopenħagen u li SAS ma tikkompetix ma’ Maersk Air fuq ir-rotot ta’ destinazzjoni u/jew ta’ tluq minn Billund, il-ftehim orizzontali ta’ tqassim tas-swieq li saru bejn SAS u Maersk Air irrestrinġew il-kompetizzjoni fuq għadd kbir ta’ rotot ta’ destinazzjoni u/jew ta’ tluq mid-Danimarka, inklużi l-konnessjonijiet bejn id-Danimarka u l-Istati Membri l-oħra, bejn id-Danimarka u l-membri taż-ŻEE u bejn id-Danimarka u l-kumplament tad-dinja. Peress illi SAS u Maersk Air huma ż-żewġ kumpanniji ta’ l-ajru prinċipali tad-Danimarka, u li Kopenħagen u Billund huma l-akbar żewġ ajruporti tal-pajjiż, ir-riperkussjonijiet ta’ dan it-tqassim inħassu fiż-ŻEE kollha u lil hinn minnha, kuntrarjament għal dak li seħħ fil-kawża “Bastimenti tal-Ġarr Griegi”.

139    Għandu wkoll jiġi ppreċiżat li, fid-deċiżjoni “Bastimenti tal-Ġarr Griegi”, il-Kummissjoni stmat li l-ftehim dwar il-prezzijiet kien jikkostitwixxi, min-natura tiegħu, ksur ferm gravi, u kien biss minħabba ċirkustanzi partikolari li hija kkonkludiet li dan kien jikkonsisti fi ksur “gravi”. Madankollu, kif jirriżulta mill-premessa 148 tad-deċiżjoni “Bastimenti tal-Ġarr Griegi”, it-tliet fatturi li kienu wasslu lill-Kummissjoni sabiex tnaqqas il-gravità tal-ksur mhumiex preżenti f’dan il-każ. Ir-rikorrenti ma tikkontestax in-nuqqas ta’ l-ewwel żewġ fatturi f’dan il-każ (jiġifieri li l-partijiet, minkejja l-ftehim, kienu kkompetew bil-prezz u li, minħabba l-pressjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, it-tariffi kienu baqgħu fost l-orħos fil-Komunità). Jekk ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq it-tielet fattur, madankollu hija tkun żbaljata, kif kien deċiż iktar ‘il fuq, peress illi l-ksur imwettaq f’dan il-każ huwa ġeografikament iktar mifrux minn dak ippenalizzat fid-deċiżjoni “Bastimenti tal-Ġarr Griegi”.

 Konklużjoni dwar il-kwalifika tal-ksur

140    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li, mhux biss il-kawża “Bastimenti tal-Ġarr Griegi” ma toffri ebda bażi valida sabiex jiġu kkwalifikati mill-ġdid il-ksur f’dan il-każ, iżda għall-kuntrarju, hija pjuttost ta’ natura li tikkonferma l-mertu tal-kwalifika tal-ksur bħala “ferm gravi”, peress illi, minn naħa waħda, iċ-ċirkustanzi speċifiċi li ppermettew il-mitigazzjoni tal-gravità tal-ksur fil-kawża “Bastimenti tal-Ġarr Griegi” m’humiex preżenti f’dan il-każ, u li, min-naħa l-oħra, il-ksur in kwistjoni huwa b’mod ċar ħafna iktar mifrux ġeografikament.

141    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet korretta meta kkonkludiet, fir-rigward tan-natura tal-ksur, id-daqs tas-suq ġeografiku in kwistjoni u l-effett tal-ksur fuq is-suq, li SAS u Maersk Air kienu wettqu ksur ferm gravi.

142    Ebda wieħed mill-argumenti l-oħrajn invokati mir-rikorrenti ma huwa ta’ natura li jqiegħed in kwistjoni din l-analiżi.

143    Fir-rigward, l-ewwel nett, ta’ l-argument li ċ-ċirkustanza li l-Kummissjoni ffissat il-punt ta’ tluq tal-multa ta’ Maersk Air għal EUR 14-il miljun jimplika li l-ksur għandu jiġi kklassifikat bħala “gravi” u mhux “ferm gravi”, inkwantu l-linji gwida jiffissaw il-multa minima għal EUR 20 miljun euro għal ksur ikkwalifikat bħala “ferm gravi”, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li hija l-gravità tal-ksur li tiddetermina l-ammont tal-multa u mhux bil-maqlub. Kif diġà ntqal iktar ‘il fuq, il-Kummissjoni kienet korretta meta kkonkludiet, fil-premessa 102 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ftehim tat-tqassim tas-swieq konkluż bejn SAS u Maersk Air kien ksur ta’ natura ferm gravi.

144    Rigward l-argument li r-rikorrenti m’għamlitx qligħ illeċitu permezz tal-ksur u li l-Kummissjoni b’hekk ma setgħetx tapplika d-dispożizzjoni tal-linji gwida li tistabbilixxi li “l-ammont ta’ bażi jista’ jiżdied f’każ li jkun meħtieġ li tiżdied il-penali sabiex jinqabeż l-ammont ta’ qligħ illeċitu miksub permezz tal-ksur”, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li dan l-ilment jirriżulta minn interpretazzjoni żbaljata kemm tal-linji gwida kif ukoll tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, huwa fil-kuntest ta’ ċirkustanzi aggravanti, u mhux għall-finijiet ta’ l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur, li l-linji gwida jipprovdu, fil-ħames inċiż tat-tieni punt, il-possibiltà li tiżdied il-penali b’mod li jinqabeż l-ammont ta’ qligħ illeċitu miksub pemezz tal-ksur. Madankollu, kif ġie espressament indikat fil-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma kienx hemm ċirkustanzi aggravanti f’dan il-każ u b’hekk ma żieditx il-multa imposta fuq ir-rikorrenti b’riferiment għall-qligħ illeċitu miksub minnha. Isegwi li l-ilment għandu jiġi miċħud.

145    Għal finijiet ta’eżattezza, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżamina madankollu l-argument, mhux sabiex turi li l-ksur ma kellux jiġi kkwalifikat bħala “ferm gravi”, iżda bħala motiv distint li jsostni li l-multa imposta fuq tar-rikorrenti kienet ġiet iffissata għal livell eċċessiv, peress li kienet ibbażata fuq is-suppożizzjoni żbaljata li l-irtirar ta’ Maersk Air mir-rotta Kopenħagen-Stokkolma rriżultalha fi qligħ annwali addizzjonali ta’ […]DKK.

146    Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li, skond il-ġurisprudenza (sentenzi CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 75 iktar ’il fuq, punt 340, u Deutsche Bahn vs Il-Kummissjoni, punt 64 iktar ’il fuq, punt 217), il-fatt li impriża ma tkunx kisbet ebda benefiċċju mill-ksur ma jfissirx li ma tiġix imposta multa fuqha, bil-periklu li din titlef in-natura disważiva tagħha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1997, Ferriere Nord vs Il-Kummissjoni, C‑219/95 P, Ġabra p. I‑4411, punt 153). Isegwi li l-Kummissjoni m’hijiex obbligata, sabiex tiffissa l-ammont tal-multi, li tistabbilixxi li l-ksur irriżulta f’vantaġġ illeċitu għall-impriżi kkonċernati, u lanqas li tikkunsidra, jekk ikun il-każ, in-nuqqas ta’ benefiċċju miksub mill-ksur in kwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, iktar ’il quddiem is-“sentenza Siment”, punt 4881).

147    Huwa ċert li, skond il-punt 5(b), tal-linji gwida, li fih serje ta’ rimarki ġenerali, “skond iċ-ċirkustanzi, wara li jkunu ġew stabbiliti l-kalkoli, […], għandhom jiġu kkunsidrati ċerti fatturi objettivi, bħall-kuntest ekonomiku speċifiku, il-vantaġġ ekonomiku jew finanzjarju eventwalment miksub mill-awturi tal-ksur […] sabiex jiġu ddeterminati, finalment, l-ammonti tal-multi previsti ”. Diġà ġie deċiż li tali indikazzjonijiet ma jfissrux madankollu li l-Kummissjoni hija obbligata, f’każijiet bħal dawn, li tistabbilixxi, f’kull ċirkustanza, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa, il-benefiċċju finanzjarju marbut mal-ksur ikkonstatat. Dawn juru biss ir-rieda tagħha li tikkunsidra wkoll dan l-element u li tużah bħala bażi ta’ kalkolu ta’ l-ammont tal-multi, safejn hija tkun f’pożizzjoni li tevalwah, anki jekk biss b’mod approssimattiv (sentenza Siment, punt 4885).

148    Għandu jiġi eżaminat, l-ewwel nett, jekk id-deċiżjoni kkontestata kkunsidratx b’mod effettiv il-benefiċċji miksuba mill-partijiet involuti fl-akkordju mill-fatt tal-ksur sabiex tiddetermina l-gravità tal-ksur.

149    Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, taħt it-titolu “Impatt reali tal-ksur”, li jinsab fit-taqsima li tikkunsidra l-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni l-ewwel nett ikkonstatat, fil-premessi 92 u 93, li “ir-riżultati l-iktar viżibbli tal-ksur [kienu] s-segwenti: Maersk Air waqfet topera r-rotta Kopenħagen-Stokkolma […] SAS waqfet topera r-rotta Kopenħagen-Venezja u r-rotta Billund-Frankfurt […] Fir-rigward tar-rotta Kopenħagen-Stokkolma, SAS rat is-sehem tagħha mis-suq jiżdied minn […] % għal […] %]”. Dawn l-effetti huma kostanti u diġà juru li SAS kisbet benefiċċju, mhux ikkontestat, mill-ksur billi żiedet is-sehem tagħha fis-suq. Il-Kummissjoni tindika wkoll, fil-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata, li, “fil-mument tan-negozjati, il-partijiet stmaw - fuq il-bażi tal-volum magħruf ta’ vjaġġaturi u tal-possibiltà ta’ żieda fil-prezzijiet ta’ 100 […] DKK – li l-fatt li Maersk Air kienet ser iżżomm ‘il bogħod minn Stokkolma u Ożlo, kien ser ifisser għal SAS żieda fid-dħul annwali tagħha ta’ madwar […]DKK ([…] EUR)” u fil-premessa 95 li, “bħal fil-każ tal-ftehim globali ta’ tqassim tas-swieq konkluż bejn SAS u Maersk Air jaffettwa għadd kbir ta’ konnessjonijiet ta’ destinazzjoni u ta’ tluq mid-Danimarka, il-Kummissjoni tqis li l-qligħ miksub mill-ksur huwa ferm ogħla minn din l-istima”. Isegwi li jista’ jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ħadet kunsiderazzjoni, sa ċertu punt, tal-benefiċċji magħmula mill-partijiet involuti fl-akkordju minħabba l-fatt tal-ksur, filwaqt li huwa mifhum li dan l-element ma jistax jiġi kkunsidrat bħala l-punt ta’ tluq għad-determinazzjoni tal-multa iżda, l-iktar, bħala fattur li ġie kkunsidrat fid-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur u, b’hekk, seta’ kellu ċertu rwol fil-kalkolu tal-multa.

150    Ir-rikorrenti tikkontesta li l-ksur kien wassal għal żieda fid-dħul annwali tagħha ta’ madwar […]DKK.

151    Għandu jiġi rrilevat f’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, li l-premessa 94 tad-deċiżjoni kkontestata tindika biss li “fil-mument tan-negozjati, il-partijiet stmaw […]”. B’hekk din m’hijiex stima li saret mill-Kummissjoni, iżda mill-partijiet infushom matul in-negozjati tal-ftehim.

152    Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, din l-istima tidher fir-rapport tal-laqgħa tal-25 ta’ Awwissu 1998 tal-grupp ta’ l-uffiċjali responsabbli għall-proġett (SAS/Maersk Air). Għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, b’hekk din ma kinitx “sempliċi rimarka li saret bla ħsieb minn rappreżentant ta’ Maersk [Air] ”, iżda li ħarġet mir-rapport ta’ laqgħa li fiha pparteċipat SAS.

153    Fit-tielet lok, jekk ir-rikorrenti tafferma li din l-istima kienet tinsab f’dokument miktub minn Maersk Air u li f’ebda mument, ma ġiet ammessa minn SAS, jirriżulta madankollu mir-risposti għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza li dan id-dokument kien mehmuż mad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u li l-partijiet irrikonoxxew il-fatti u l-ksur deskritti f’dik id-dikjarazzjoni.

154    Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tallega li l-informazzjoni hija kkontradetta minħabba l-fatt li t-tariffi fuq ir-rotta Kopenħagen-Stokkolma ma nbidlux b’mod differenti mit-tariffi pprattikati fuq rotot paragunabbli li ma kinux affettwati mill-akkordju. Din l-allegazzjoni diġà ġiet miċħuda fl-osservazzjonijiet dwar l-impatt reali tal-ksur għar-raġuni, b’mod partikolari, li r-rotot Kopenħagen-Ożlo u Stokkolma-Ożlo ma setgħux jiġu kkunsidrati bħala muhx affettwati mill-akkordju, meta wieħed iqis, minn naħa waħda, il-ftehim globali ta’ tqassim tas-swieq u, min-naħa l-oħra, il-fatt li, skond ir-rapport tal-laqgħa li saret fil-25 ta’ Awwissu 1998, imsemmija fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, Maersk Air intrabtet li żżomm ‘il bogħod minn Ożlo.

155    Fil-ħames lok, ir-rikorrenti ssostni fir-replika tagħha li l-istima ta’ […]DKK għandha titnaqqas bi […] DKK, għar-raġuni li r-rotta Kopenħagen-Ożlo qatt ma kienet is-suġġett tat-tqassim ta’ swieq. Kif issostni ġustament il-Kummissjoni, dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat peress illi jqiegħed in kwistjoni l-eżistenza jew il-portata tal-ftehim globali ta’ tqassim tas-swieq u li r-rikorrenti la kkontestat il-fatti u lanqas il-ksur. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tatx prova suffiċjenti għall-finijiet ta’ dritt li r-rotta ma kinitx is-suġġett ta’ ftehim ta’ tqassim ta’ swieq.

156    Fis-sitt lok, l-ilment għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud peress illi r-rikorrenti tillimta ruħha li tikkontesta l-eżistenza ta’ qligħ miksub mill-ksur mingħajr madankollu ma tipprovdi l-inqas prova f’dan is-sens. Għall-kuntrarju, kif ġie indikat iktar ‘il fuq, il-Kummissjoni sostniet, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li l-previżjonijiet tal-partijiet irriżultaw li kienu preċiżi minħabba li SAS għaddiet minn telf ta’ 27 miljun DKK fl-1998 għal qligħ ta’ 36 miljun DKK fis-sena ta’ wara u għal qligħ ta’ 156 miljun DKK fis-sena 2000.

157    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal hawn fuq li l-motiv li l-ksur kellu jiġi kklassifikat bħala “gravi” u mhux “ferm gravi” għandu jiġi miċħud.

 Dwar jekk għandux jiġi kkunsidrat il-fatturat

158    Fil-kuntest ta’ dan l-ewwel motiv, ir-rikorrenti takkuża wkoll lill-Kummissjoni li kkalkulat il-multa fuq il-bażi tal-fatturat minkejja li l-linji gwida ma jagħmlu ebda riferiment għal dan u li żbaljat meta qabblet il-fatturat ikkonsolidat tal-grupp SAS ma’ dak ta’ Maersk Air mingħajr ma kkunsidrat il-fatt li Maersk Air tagħmel parti mill-grupp A.P. Møller.

159    Għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment huwa irrelevanti fil-kuntest ta’ dan l-ewwel motiv, li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-gravità tal-ksur. Madankollu, il-Qorti tal-Prim’Istanza ser teżaminah iktar ‘il quddiem bħala motiv separat.

160    Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li l-linji gwida introduċew metodu ġdid għall-kalkolu tal-multi. Fil-fatt, filwaqt li qabel il-prattika tal-Kummissjoni kienet tikkonsisti f’kalkolu tal-multa bħala proporzjon tal-fatturat ta’ l-impriżi kkonċernati, il-linji gwida huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ rata fissa, bl-ammont bażiku kien dak iż-żmien iffissat f’termini assoluti, skond il-gravità intrinsika tal-ksur, li mbagħad jiżdied skond it-tul ta’ żmien, u li fl-aħħar nett aġġustat skond ċirkustanzi aggravanti jew mitiganti. Dan il-metodu ġie espresasment approvat mill-ġurisprudenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Elettrodi tal-grafita, punt 189 sa 193). Fil-metodu previst mill-linji gwida, il-fatturat jiġi kkunsidrat biss bħala kriterju sekondarju sabiex tiġi aġġustata l-multa fi ħdan l-ammonti previsti mil-linji gwida għall-kategorji differenti ta’ ksur (“ftit gravi”, “gravi” u “ferm gravi”).

161    Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, il-Kummissjoni, kif jirriżulta wkoll mill-premessi 87 sa 103 tad-deċiżjoni kkontestata, ma użatx metodu ta’ kalkolu bbażat fuq il-fatturat in kwistjoni, iżda telqet mill-kwalifika tal-ksur – f’dan il-każ ikkunsidrat bħala “ferm gravi” – u sussegwentement ikkunsidrat fil-premessi 104 sa 106 tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod konformi mal-linji gwida, l-impatt reali ta’ l-aġir mhux korrett ta’ kull waħda miż-żewġ impriżi billi ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li kienet teżisti differenza kbira ta’ daqs bejniethom.

162    Għaldaqstant, billi kkunsidrat espressament li l-partijiet kienu kkommettew ksur ta’ l-istess tip u, minkejja l-ekwilibriju intrinsiku tal-ftehim, safejn il-ftehim huwa intiż, bħala prinċipju, li jagħti liż-żewġ intrapriżi qligħ ta’ l-istess daqs, il-Kummissjoni kkunsidrat, skond il-premessa 104 tad-deċiżjoni kkontestata, dawn il-fatturi segwenti:

“ –      SAS hija l-kumpannija ta’ l-ajru ewlenija fl-Iskandinavja filwaqt li Maersk Air hija ferm iżgħar. Fis-sena 2000, SAS kellha fatturat ta’ EUR 4,917 biljun, filwaqt li Maersk Air kellha fatturat ta’ EUR 458.6 miljun (jiġifieri 10.7 darbiet inqas). Il-fatturat ta’ EUR 757.6 miljun magħmul minn SAS fir-rigward tad-Danimarka xorta huwa 1.65 darba akbar minn dak ta’ Maersk Air,

–      il-ftehim fil-fatt saħħaħ il-pożizzjoni fuq is-suq ta’ SAS: minn naħa waħda, dan ippermetta lil din il-kumpannija li tinkorpora fin-netwerk tagħha r-rotot li fir-rigward tagħhom il-partijiet kienu jaqsmu l-kodiċi (SAS imponiet il-kodiċi tagħha fuq ir-rotot ta’ Maersk Air filwaqt li Maersk Air ma użatx il-kodiċi tagħha fuq ir-rotot ta’ SAS); min-naħa l-oħra, il-programm ta’ lealtà ta’ SAS seta’ jintuża fuq ir-rotot ta’ Maersk Air, kemm biex jintrebħu punti u sabiex jissarrfu f’biljetti”

163    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata, li “il-ksur imwettaq minn SAS kellu iktar piż minn dak imwettaq minn Maersk Air”, iżda li dan ma jfissirx “madankollu li l-ammont tal-multi imposti fuq iż-żewġ kumpanniji għandu jirrifletti eżattament id-differenza fil-fatturat”. Peress illi d-differenza fid-daqs bejn il-partijiet involuti fil-ftehim u l-ħtieġa li jiġu ffissati multi għal livell li huwa biżżejjed disważiv, il-Kummissjoni ffissat, fil-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata, il-punt ta’ tluq għad-determinazzjoni tal-multi għal EUR 35 miljun għal SAS u EUR 14-il miljun għal Maersk Air.

164    Jirriżulta minn dawn is-siltiet tad-deċiżjoni kkontestata li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma kkalkulatx il-multa fuq il-bażi tal-fatturat totali, iżda minflok skond il-fatturat miksub fis-suq in kwistjoni, jiġifieri relatat maid-Danimarka, iżda kkunsidrat l-informazzjoni dwar dawn iż-żewġ tipi ta’ fatturat biex taġġusta, sa ċertu limitu, il-punt ta’ tluq tal-multa imposta fuq kull waħda miż-żewġ partijiet involuti fl-akkordju, li kienu wettqu l-istess tip ta’ ksur.

165    Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, li jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-Kummissjoni għandha setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni sabiex tiffissa l-multi u li hija tista’, b’mod partikolari, tirrikorri għal tip wieħed jew ieħor ta’ fatturat skond iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim’Istanza, filwaqt li fakkret li l-uniku riferiment għall-fatturat li jinsab fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 jirrigwarda l-limitu massimu li l-ammont ta’ multa ma jistax jaqbeż u li dan il-limitu għandu jiġi interpretat bħala li huwa relatat mal-fatturat globali (sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 119), iddeċidiet li, “fi ħdan dan il-limitu, il-Kummissjoni tista’, bħala regola, tiffissa l-multa bi tluq mill-fatturat li tagħżel hi, f’termini taż-żona ġeografika u l-prodotti kkonċernati (sentenza Siment, punt 5023) mingħajr ma hija obbligata li tuża’ preċiżament il-fatturat globali jew dak magħmul fuq is-suq ġeografiku jew is-suq tal-prodotti in kwistjoni” u li, “jekk il-linji gwida ma jipprovdux il-kalkolu tal-multi skond fatturat partikolari, dawn laqas ma jipprekludu li tali fatturat jiġi kkunsidrat, bil-kundizzjoni li l-għażla magħmula mill-Kummissjoni ma tkunx ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni” (sentenza Elettrodi tal-grafita, punt 195). [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

166    Isegwi li, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha l-fakultà li tikkunsidra l-fatturat li tagħżel hi, kemm-il darba dan ma jidhirx li ma jkunx raġonevoli fiċ-ċirkustanzi tal-każ. Bl-istess mod, skond il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni m’hijiex obbligata li tiżgura, meta tistabbilixxi l-ammont tal-multi, li tassigura, f’każ li l-multi jiġu imposti kontra diversi impriżi implikati fl-istess ksur, li l-ammonti finali tal-multi jkunu jirriflettu d-differenzi kollha bejn l-impriżi kkonċernati fir-rigward tal-fatturat globali tagħhom (sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 7575 iktar ’il fuq, punt 385), u l-ġurisprudenza ċċitata.

167    Peress li r-rikorrenti ma ġabitx prova li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni, u lanqas ma wriet li l-għażla li saret minn din ta’ l-aħħar ma kinitx raġonevoli, l-ilment tagħha għandu jiġi miċħud.

168    Minbarra dan, għandu jingħad li l-punt ta’ tluq għad-determinazzjoni tal-multi kien ġie ffissat għal EUR 35 miljun għal SAS u EUR 14-il miljun għal Maersk Air, b’hekk jirrappreżenta 4.62 % u 3.05 % rispettivament tal-fatturat tagħhom miksub fir-rigward tad-Danimarka jew 0.7 % u 3.05 % tal-fatturat totali tagħhom. Jekk wieħed jikkunsidra l-fatturat totali miksub fid-Danimarka, ir-rikorrenti b’hekk ġiet ippenalizzata ftit biss iktar minn Maersk Air (4.62 % kontra 3.05 %), filwaqt li jekk wieħed iqis il-fatturat globali, ir-rikorrenti ġiet ippenalizzata b’mod ferm inqas sever minn Maersk Air (0.7 % meta mqabbel ma’ 3.05 % rispettivament). Madankollu, minn naħa, jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni, minn naħa waħda, pjuttost ibbażat, kif kellha dritt tagħmel, fuq iż-żewġ tipi ta’ fatturat u, min-naħa l-oħra, peress li l-partijiet involuti fl-akkordju kkommettew l-istess ksur u kisbu qligħ stabbli minnu, u peress li l-linji ta’ gwida huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ rata fissa li permezz tagħha l-multa tiġi ffissata skond il-gravità tal-ksur iktar milli skond il-fatturat ta’ l-impriżi kkonċernati, il-punt ta’ tluq li ntuża f’dan il-każ ma jidhirx li kien ivvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni jew li jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali.

169    Ir-rikorrenti tidher li qed tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-fatturat globali minnflok il-fatturat li nkiseb fid-Danimarka. Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, skond ġurisprudenza kostanti, il-Kummissjoni, meta tikkalkula l-multa ta’ impriża, tista’ tikkunsidra, b’mod partikolari, id-daqs u s-saħħa ekonomika tagħha (sentenza Musique Diffusion française et vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, punt 120, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 2001, Acerinox vs Il-Kummissjoni, T‑48/98, Ġabra p. II‑3859, punt 89 u 90). Minbarra dan, fir-rigward tal-kapaċità finanzjarja tal-membri ta’ akkordju, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet ir-rilevanza tal-fatturat globali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, Sarrió vs Il-Kummissjoni, C‑291/98 P, Ġabra p. I‑9991, punt 85 et 86). Minbarra l-fatt li l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq il-fatturat globali, l-argument għaldaqstant għandu jiġi miċħud.

170    Fl-aħħar nett, fil-każ fejn l-ilment tar-rikorrenti, għalkemm m’huwiex ifformulat b’mod ċar, huwa pjuttost intiż sabiex jikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li Maersk Air hija parti mill-grupp A.P. Møller, huwa biżżejjed li jingħad, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, li, minn naħa, il-membri l-oħrajn tal-grupp A.P. Møller kienu attivi f’setturi oħrajn li huma ferm distinti minn dak tat-trasport bl-ajru, bħas-setturi tat-trasport marittimu u ta’ l-enerġija, u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni kkunsidrat il-fatt li Maersk Air tagħmel parti minn dan il-grupp meta ċaħdet, fil-premessa 118 tad-deċiżjoni kkontestata, l-eżistenza ta’ ċirkustanza mitiganti fuq il-bażi li dan kien l-ewwel ksur li wettqet. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jiġi preżuppost l-Kummissjoni għamlet żball favur Maersk Air billi nsiet tikkunsidra l-fatt li din tagħmel parti mill-grupp A.P. Møller, din iċ-ċirkustanza m’hijiex motiv validu sabiex titnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti, peress li ħadd ma jista’ jinvoka illegalità kommessa kontra parti terza.

171    Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li l-ilmenti u l-argumenti żviluppati fil-kuntest ta’ l-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda.

2.     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tad-dewmien tal-ksur

 L-argumenti tal-partijiet

172    Ir-rikorrenti ssostni li l-istima tad-dewmien ta’ ksur kif ikkalkulata mill-Kummissjoni, li tistipula li l-ksur dam mill-5 ta’ Settembru 1998 sal-15 ta’ Frar 2001, m’hijiex korretta.

173    Rigward id-data ta’ meta beda l-ksur, ir-rikorrenti ssostni li r-rapport tas-sitwazzjoni tal-5 ta’ Settembru 1998 dwar il-possibiltà ta’ alleanza bejn SAS u Maersk Air, għalkemm jieħu in kunsiderazzjoni ftehim fil-prinċipju dwar għadd kbir ta’ punti li sussegwentement ġew implementati, ma jistax jitqies bħala ftehim skond l-Artikolu 81 KE. It-tqassim tas-suq miftiehem bejn SAS u Maersk Air kien strettament marbut mal-ftehim ta’ kooperazzjoni tat-8 ta’ Ottubru 1998 u ma kellux eżistenza awtonoma. Ir-rikorrenti ssostni li r-rapport tas-sitwazzjoni tal-5 ta’ Settembru 1998 la jikkostitwixxi ftehim u lanqas prattika miftiehma, safejn dan kien jirreferi sempliċement għal azzjoni li tista’ tittieħed fil-futur li l-implementazzjoni tagħha tippreżupponi l-konklużjoni tal-ftehim definittiv. Għaldaqstant, il-ksur ma setax jibda, mill-iktar kmieni, ħlief mid-data tal-ftehim ta’ kooperazzjoni tal-partijiet, jiġifieri mit-8 ta’ Ottubru 1998.

174    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni fir-replika tagħha, li, irrispettivament mid-dewmien tal-ksur, hija l-Kummissjoni li għandha tiddetermina t-tul ta’ żmien ta’ l-effetti antikompetittivi tal-ftehim, meta mqabbel mad-dewmien tal-ksur, meta hija tiffissa l-ammont tal-multa. F’dan il-każ, irrispettivament mill-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza f’dak li jirrigwarda t-tul ta’ żmien tal-ftehim akkużat, dan ta’ l-aħħar ma kellux effetti antikompetittivi qabel it-8 ta’ Ottubru 1998.

175    Fir-rigward tad-data tas-sospensjoni tal-ksur, ir-rikorrenti tafferma li wara li saret l-ispezzjoni in situ mill-Kummissjoni fil-15 ta’ Ġunju 2000, hija waqqfet minnufih kull aġir kontra l-Artikolu 81(1), KE fir-rigward ta’ Maersk Air. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-laqgħat kollha previsti ma’ Maersk Air ġew ikkanċellati jew żvolġew f’ambjent ikkontrollat, bil-pariri tal-konsulenti legali interni u esterni tagħha dwar kemm kienu ammissibbli l-kuntatti maħsuba ma’ Maersk Air.

176    Fi kwalunkwe każ, l-ittri mibgħuta minn Maersk Air fil-21 ta’ Awwissu 2000 lill-Kummissjoni u lil SAS esprimew b’mod ċar l-impenn ta’ Maersk Air li tissospendi kull kooperazzjoni fir-rigward ta’ l-iffissar tal-prezzijiet jew it-tqassim tas-swieq.

177    Ir-rikorrenti tosserva li l-ksur għar-regoli tal-kompetizzjoni fil-forma ta’ tqassim ta’ swieq intemm sempliċement permezz tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet miftiehma bejn il-partijiet u li m’hemm ebda obbligu impost fuq il-partijiet involuti fl-akkordju li jieħdu miżuri attivi li jikkonsistu fid-dħul mill-ġdid f’suq fejn hemm it-telf.

178    Fir-rigward ta’ l-irtirar unilaterali ta’ waħda mill-partijiet fil-ftehim, jiġifieri Maersk Air, l-Artikolu 81 KE ma setax jibqa’ applikabbli sa mill-21 ta’ Awwissu 2000, anki kieku SAS riedet, f’dak il-mument, tikkonforma ruħha mal-ftehim.

179    Ir-rikorrenti hija tal-fehma li l-Kummissjoni ma setgħetx tirrifjuta li tikkunsidra d-dikjarazzjoni unilaterali ta’ Maersk Air tal-21 ta’ Awwissu 2000 bħala prova tar-rinunzja tagħha, għar-raġuni li, f’dik id-data, hija kienet għadha ma bagħtet id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet tagħha. Barra minn hekk, huwa inkonsistenti li l-Kummissjoni tagħti importanza lill-ittra mibgħuta minn SAS lil Maersk Air fil-15 ta’ Frar 2001, filwaqt li ma tikkunsidrax l-ittra simili mibgħuta fil-21 ta’ Awwissu 2000 minn Maersk Air lil SAS. Din in-negliġenza tammonta għal nuqqas ta’ ħarsien ta’ l-obbligu li għandha l-Kummissjoni li tikkunsidra l-informazzjoni ppreżentata lilha.

180    Ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni għaldaqstant kienet żbaljata meta applikat żieda ta’ 25 % għall-ammont tal-multa, minnflok 17 % li kien ikun applikabbli kieku ttieħdu d-dati mit-8 ta’ Ottubru 1998 u l-15 ta’ Ġunju 2000.

181    Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni motiv mhuwiex fondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

182    Ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-data tal-bidu u tat-tmiem tal-ksur.

183    Fir-rigward tad-data tal-bidu tal-ksur, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni b’mod korrett ħadet id-data tal-5 ta’ Settembru 1998. Fil-fatt, ir-rapport tas-sitwazzjoni tal-5 ta’ Settembru 1998, li huwa riprodott fil-premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata, jindika s-segwenti:

“Peress illi t-tqassim tal-kodiċi u l-parteċipazzjoni ta’ Maersk Air f’Eurobonus fuq CPH-STO ġew meqjusa bħala impossibbli, għall-inqas matul il-fażi 1 (Sajf 1999-Xitwa 1999/2000) u forsi, matul perijodu itwal, u filwaqt li jitqies ir-riskju mhux negliġibbli ta’ inkjesta u/jew talbiet għal informazzjoni mill-[Unjoni Ewropea] dwar il-kooperazzjoni bejn Maersk Air u SAS jekk l-elementi kollha previsti fil-ftehim li bħala prinċipju huwa verbali jiġu implementati f’daqqa waħda sa mis-Sajf ta’ l-1999, aħna naqblu fil-prinċipju li ċerti partijiet ta’ dan il-ftehim verbali jiġu mibdula […] Konsegwentement, jeżisti attwalment ftehim dwar il-punti segwenti:

a) Maersk Air ser tieqaf topera CPH-STO u CPH-GVA fit-28 ta’ Marzu 1999.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

184    Jirriżulta b’mod ċar minn dan id-dokument li, fil-5 ta’ Settembru 1998, il-partijiet diġà kienu kkonkludew ftehim, għalkemm jekk kien ser jiġi implementat iktar tard, b’mod partikolari sabiex ma tinġibidx l-attenzjoni tal-Kummissjoni, u li l-partijiet involuti fl-akkordju kienu tilfu l-awtonomija tagħhom minn dak il-mument.

185    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li dan it-tqassim tas-suq kien marbut strettament mal-ftehim ta’ kooperazzjoni tat-8 ta’ Ottobru 1998 għandu jiġi miċħud, peress illi r-rikorrenti ma ġabet ebda prova f’dan is-sens.

186    Bl-istess mod, l-argument li jsostni li l-Kummissjoni kellha tibbaża fuq it-tul ta’ żmien ta’ l-effetti tal-ksur pjuttost milli fuq id-dewmien tal-ksur innifsu huwa manifestament mhux fondat, peress illi s-sempliċi fatt li jsir ftehim li l-għan tiegħu huwa li jirrestrinġi l-kompetizzjoni bi ksur ta’ l-Artikolu 81(1), KE jikkostitwixxi, minnu nnifsu, ksur ta’ din id-dispożizzjoni, indipendentement mill-effettività ta’ l-implementazzjoni ta’ dan il-ftehim (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1989, Belasco et vs Il-Kummissjoni, 246/86, Ġabra p. 2117, punt 15).

187    Fl-aħħar nett, jirriżulta mill-premessa 108 tad-deċiżjoni kkontestata li Maersk Air rrikonoxxiet fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li l-ksur kien beda fil-5 ta’ Settembru 1998.

188    Isegwi li l-ilment ibbażat fuq żball fl-iffissar tad-data tal-bidu tal-ksur għandu b’mod ċar jiġi miċħud.

189    Minbarra dan, il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrileva li l-ksur jidher li beda iktar kmieni, safejn, b’mod partikolari, il-partijiet ftiehmu, fil-5 ta’ Settembru 1998, li jimmodifikaw ċerti partijiet tal-ftehim verbali tagħhom. Bl-istess mod, dokument ta’ Maersk Air datat 8 ta’ Jannar 1998, imsemmi fil-premessa 22 tad-deċiżjoni kkontestata, jirreferi għal negozjati li saru matul l-1998 kif ukoll l-għan komuni fundamentali tal-partijiet involuti fl-akkordju li jiddeterminaw liema rotot kienu ser jiġu operti minn kull waħda minnhom, filwaqt li jindika li SAS teżiġi li Maersk Air “tillimita l-iżvilupp tar-rotot bi tluq minn Kopenħagen għal dak li ġie miftiehem reċiprokament”.

190    Rigward id-data tat-tmiem tal-ksur, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni kellha tieħu l-jum ta’ l-ispezzjonijiet, jiġifieri l-15 ta’ Ġunju 2000, peress li hija waqqfet kull aġir ipprojbit minn dan il-mument.

191    Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

192    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma ġabet ebda prova f’dan ir-rigward, iżda sempliċement issostni li sa minn dak il-mument il-laqgħat kollha previsti ma’ Maersk Air kienu ġew ikkanċellati jew saru fil-preżenza tal-konsulenti legali tagħha.

193    Fit-tieni lok, iċ-ċirkustanza, jekk wieħed jassumi li hija stabbilita, li ma kienx hemm aktar “laqgħat ipprojbiti”, mhijiex ta’ natura li turi li l-ftehim ta’ tqassim tas-swieq li kienu ġew konklużi u implementati kienu ntemmu.

194    Fit-tielet lok, il-preżenza tal-konsulenti legali tar-rikorrenti ma tistax titqies bħala assigurazzjoni tal-legalità perfetta ta’ dawn il-laqgħat. Għandu jingħad, f’dan ir-rigward, li jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 89 tad-deċiżjoni kkontestata li l-avukati tal-partijiet involuti fl-akkordju kienu intenzjonalment assistew fit-tfassil tal-ftehim ipprojbiti. Barra minn hekk, ir-rapport tal-laqgħa tal-grupp ta’ uffiċjali responsabbli tal-proġett ta’ l-14 ta’ Awwissu 1998 isemmi l-fatt li “il-partijiet tad-dokumenti li jiksru l-Artikolu 81(1), [KE], anke fil-każ meta huwa impossibbli li jintlaħaq ftehim u li jitqiegħed bil-miktub, xorta għandhom jeżistu bil-miktub u jiġu ddepożitati fl-uffiċċji ta’ l-avukati taż-żewġ partijiet […] ”. Skond rapport ieħor, rappreżentant ta’ SAS kien inkwetat “li r-rapport tas-sitwazzjoni jkompli jiċċirkola fil-forma attwali tiegħu” , u wera x-xewqa tiegħu “li jiġi mmodifikat u li ċerti partijiet jitħassru, kif [kienu] ssuġġerew l-avukati […] ”.

195    Ir-rikorrenti ssostni, fit-tieni lok, li l-ittri mibgħuta fil-21 ta’ Awwissu 2000 minn Maersk Air lill-Kummissjoni u lil SAS jesprimu b’mod ċar l-impenn ta’ Maersk Air li twaqqaf kull kooperazzjoni.

196    Dawn l-ittri madankollu ma jistgħux jitqiesu li temmew il-ftehim jew li jikkostitwixxu prova li l-ftehim kienu ġew mitmuma.

197    Minn naħa waħda, fl-ittra tagħha tal-21 ta’ Awwissu 2000 indirizzata lill-Kummissjoni, Maersk Air indikat sempliċement li, “kif diġà ntqal matul il-laqgħa ta’ l-10 ta’ Awwissu 2000, Maersk Air […] temmet minnufih kull kooperazzjoni ma’ SAS fil-qasam tat-tqassim tas-suq u l-iffissar tal-prezzijiet” u li “l-ittra preżenti tagħtiha l-possibbiltà li tikkonferma din il-pożizzjoni ta’ Maersk Air […] ”. Kif iddikjarat korrettament il-Kummissjoni fil-premessa 112 tad-deċiżjoni kkontestata, din l-ittra m’għandha ebda effett fuq l-eżistenza tal-ftehim u lanqas turi li Maersk Air effettivament iddenunzjat dawn il-ftehim fil-konfront ta’ SAS.

198    Min-naħa l-oħra, fl-ittra tagħha tal-21 ta’ Awwissu 2000 indirizzata lil SAS, Maersk Air kitbet is-segwenti:

“Għall-finijiet ta’ amministrazzjoni tajba, bil-preżenti ninfurmak li Maersk Air […] ikkonfermat lill-Kummissjoni Ewropea li hija b’ebda mod m’hi ser tikkoopera ma’ SAS fir-rigward ta’ l-iffissar orizzontali tal-prezzijiet jew tat-tqassim tas-suq”.

199    Din l-ittra indirizzata lil SAS ma tindikax b’mod ċar u inekwivoku r-rieda li jintemmu l-ftehim. Din tista’ wkoll, kif issostni l-Kummissjoni fil-premessa 112 tad-deċiżjoni kkontestata, “tiġi interpretata bħala tentattiv li tingħata assigurazzjoni lil SAS dwar id-dikjarazzjonijiet li saru minn Maersk Air […] lill-Kummissjoni ”, minħabba l-fatt li, “ matul dak iż-żmien, il-partijiet ma kinux għadhom jafu l-pożizzjoni li kienet ser tieħu l-Kummissjoni fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet”.

200    Għaldaqstant, il-Kummissjoni kienet korretta meta kkonkludiet li l-ksur ma jistax jiġi kkunsidrat li ntemm aktar kmieni mill-15 ta’ Frar 2001, meta r-rikorrenti għarrfet lil Maersk Air li hija ma kinitx tikkunsidra lilha nfisha marbuta bil-ftehim tat-tqassim tas-suq. Barra minn hekk, is-sustanza ta’ din il-konklużjoni tirriżulta wkoll mir-risposta għad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet ta’ SAS għall-ksur, ta’ l-4 ta’ April 2001, fejn hija kitbet li, “ meta d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet li waslet fit-2 ta’ Frar 2001 wriet x’kien il-kontribut ta’ SAS fil-ksur, il-Kap Eżekuttiv tal-kumpannija […] informa lill-Kap Eżekuttiv ta’ Maersk Air [b’ittra tal-15 ta’ Frar 2001] li kull arranġament li ma jaqax taħt il-ftehim ta’ kooperazzjoni għandu jkun – u dejjem kien – null u bla effett ”.

201    Jirriżulta b’mod ċar minn dak li ntqal hawn fuq li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

3.     Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq eevalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi mitiganti

 Fuq l-ewwel parti, dwar il-kooperazzjoni ta’ SAS mal-Kummissjoni

 L-argumenti tal-partijiet

202    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta tagħtha biss tnaqqis ta’ 10 % ta’ l-ammont tal-multa tagħha talli kkooperat, filwaqt li tat tnaqqis ta’ 25 % ta’ l-ammont tal-multa imposta kontra Maersk Air, minkejja li skond hi ma kien hemm ebda differenza reali fir-rieda tal-partijiet involuti fl-akkordju li jikkooperaw mal-Kummissjoni u li jekk tali differenza ġiet ikkonstatatha, din setgħet biss kienet aċċidentali. Hija ssostni li, matul l-ispezzjoni fuq il-post, hija kkooperat b’mod sħiħ u żammet ruħha għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni għal kull mistoqsija li din ta’ l-aħħar għamlitilha. Hija ssostni wkoll li, għal kuntrarju ta’ dak li seħħ fil-kuntest ta’ l-ispezzjoni li saret fl-uffiċċji ta’ Maersk Air, il-persuna li kienet implikata l-iktar min-naħa tagħha kienet preżenti u assistiet b’mod attiv lill-Kummissjoni, b’mod li ma kellha ebda raġuni sabiex tistieden lill-Kummissjoni sabiex terġa’ tmur ulterjorment.

203    Ir-rikorrenti tikkunsidra li hija kkomunikat informazzjoni li kienet ferm utli għall-Kummissjoni. Hija jidhrilha li kellha tibbenefika minn tnaqqis iktar sostanzjali ta’ l-ammont tal-multa tagħha, fir-rigward ta’ l-elementi segwenti:

–        sa mill-bidu ta’ l-ispezzjoni, SAS esprimiet b’mod ċar l-intenzjoni tagħha li tikkoopera u tat lill-ispetturi assistenza sħiħa;

–        b’risposta għat-talba għal informazzjoni ta’ l-1 ta’ Awwissu 2000 u sussegwentement matul il-proċedura, SAS ipprovdiet “dokumenti addizzjonali”, inklużi dokumenti, għalkemm koperti bl-obbligu tal-kunfidenzjalità, li juru l-ħtija tagħha u li b’mod deċiżiv jagħtu l-prova ta’ l-eżistenza tal-ksur;

–        il-partijiet involuti fl-akkordju bagħtu flimkien notifika addizzjonali dwar il-bidliet li saru wara n-notifika inizjali u l-bidliet li l-partijiet ipproponew li japplikaw ulterjorment;

–        fis-27 ta’ Ottubru 2000, SAS issottomettiet lill-Kummissjoni dokument li jesponi l-pożizzjoni tagħha bil-għan li tgħinha tifhem ċerti aspetti ta’ l-akkordju bejn il-partijiet;

–        wara li rċieva d-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-Bord tad-Diretturi ta’ SAS għamel tentattiv biex jiskopri għalfejn u kif setgħu seħħu l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, bil-għan li jitnaqqas ir-riskju li tali ksur jerġa’ jseħħ;

–        b’ittra tal-15 ta’ Frar 2001, SAS infurmat b’mod ċar lil Maersk Air li kull ftehim li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim ta’ kooperazzjoni nnotifikat kien, u minn dejjem kien, null u bla effett;

–        fis-7 ta’ Marzu 2001, wara djalogu mal-Kummissjoni dwar il-kwistjoni tad-dewmien tal-ksur, il-partijiet għamlu dikjarazzjoni konġunta li fiha affermaw mill-ġdid li kull ksur kien intemm;

–        matul laqgħa mal-Kummissjoni fit-23 ta’ Marzu 2001, SAS ikkonfermat li hija ma kinitx qed tikkontesta l-fatti, li hija tirrikonoxxi li kisret l-Artikolu 81 KE u li hija kienet qed tirrinunzja d-dritt li tagħmel sottomossjonijiet matul seduta orali.

204    Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni ma tatx motivi adegwati għat-trattament differenti li sar fit-tnaqqis ta’ l-ammont tal-multi mogħti liż-żewġ partijiet involuti fl-akkordju.

205    Il-Kummissjoni tikkontesta l-mertu ta’ l-argument tar-rikorrenti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

206    Għandu jiġi mfakkar, l-ewwel nett, li skond il-premessa 125 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li kien xieraq li jitnaqqas l-ammont tal-multa imposta kontra Maersk Air għal 25 % u l-ammont tal-multa imposta kontra SAS għal 10 %, skond il-punt 2 tat-titolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni. Min-naħa l-oħra, ebda tnaqqis ma ngħata lill-partijiet taħt it-titolu B ta’ l-imsemmija komunikazzjoni (li jippermetti li jingħata tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa ta’ mhux inqas minn 75 %), peress li ebda waħda mill-partijiet ma żvelat l-akkordju sigriet lill-Kummissjoni qabel ma din kienet ipproċediet għall-verifika fil-15 ta’ Ġunju 2000, u lanqas fuq il-bażi tat-titolu C ta’ l-imsemmija komunika (li jippermetti li jingħata tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa ta’ bejn 50 u 75 %), peress illi l-Kummissjoni diġà kellha provi determinanti li kienu jippermettulha li tiftaħ il-proċedura. Dawn l-elementi tad-deċiżjoni kkontestata m’humiex ikkontestati mir-rikorrenti.

207    Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li t-titolu D tal-komunika dwar il-kooperazzjoni jipprovdi li:

“1.      Meta impriża tikkoopera mingħajr ma jkunu sodisfatti l-kundizzjonijiet kollha elenkati fit-titoli B u C, hija għandha tibbenefika minn tnaqqis ta’ bejn 10 u 50 % ta’ l-ammont tal-multa li kienet tiġi imposta fuqha fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni.

2.      B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ jekk :

–        qabel ma tintbagħat dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, impriża tipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni, dokumenti jew elementi oħra ta’ prova li jikkontribwixxu sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-ksur imwettaq,

–        wara li tkun irċeviet id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, impriża tinforma lill-Kummissjoni li hija mhux qed tikkontesta s-sustanza tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni tkun qed tibbaża l-akkużi tagħha.” [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

208    Il-Kummissjoni kkunsidrat li la SAS u lanqas Maersk Air ma kkontestaw il-fatti deskritti fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u b’hekk hija tathom il-benefiċċju ta’ tnaqqis fuq il-bażi tat-tieni inċiż tal-punt 2 tat-titolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni.

209    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma applikatx l-ewwel inċiż tat-tieni punt tat-titolu D ta’ l-istess komunikazzjoni ħlief għall-benefiċċju ta’ Maersk Air, u osservat, fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, dan li ġej:

“ –      mat-tmiem ta’ l-ispezzjoni in situ, Maersk Air ipproponiet lis-servizzi tal-Kummissjoni li ssir laqgħa ma’ [rappreżentant ta’ Maersk Air], li ma kienx għadu jaħdem ma’ Maersk Air. [Dan ir-rappreżentant ta’ Maersk Air] kellu rwol kritiku fin-negozjati ta’ Maersk Air ma’ SAS fl-1998. Din il-laqgħa saret fl-uffiċċji ta’ Maersk Air fit-22 ta’ Ġunju tas-sena 2000 u, għal din l-okkażjoni, Maersk Air tat lir-rappreżentanti tal-Kummissjoni l-‘fajls privati’ li [r-rappreżentant ta’ Maersk Air] kien żamm fir-residenza tiegħu f’ Kopenħagen. Dawn il-fajls għenu lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi kif kienu żvolġew in-negozjati u l-portata eżatta tal-ftehim,

–      min-naħa l-oħra, l-informazzjoni mogħtija minn SAS serviet biss sabiex tikkonferma dak li l-Kummissjoni kienet diġà taf. Għall-kuntrarju tad-dokumenti pprovduti minn Maersk Air, id-‘dokumenti addizzjonali’ mogħtija minn SAS ma ngħatawx minn jeddha matul l-ispezzjoni, iżda wara talba għal informazzjoni.”

210    Isegwi li d-differenza fit-tnaqqis tal-multa mogħti lir-rikorrenti (10 %) u lil Maersk Air (25 %) tirriżulta mit-tnaqqis addizzjonali ta’ 15 % li l-Kummissjoni tat għall-benefiċċju ta’ Maersk Air biss. Huwa dan in-nuqqas ta’ tnaqqis għal kooperazzjoni li jikkostitwixxi s-suġġett ta’ din il-parti tat-tielet motiv.

211    In sostenn ta’ dan l-ilment, ir-rikorrenti ssostni li ma kien hemm ebda differenza fir-rieda tal-partijiet involuti fl-akkordju sabiex jikkooperaw u li hija kkooperat b’mod sħiħ mal-Kummissjoni.

212    Din iċ-ċirkustanza, anki jekk jiġi preżupposta li hija stabbilita, hija madankollu irrelevanti. Is-sempliċi rieda ta’ impriża li tikkoopera m’għandha ebda sinjifikat. L-ewwel inċiż tal-punt 2 tat-titolu D tal-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni fil-fatt tipprovdi tnaqqis biss għal impriża li “tipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni, dokumenti u elementi ta’ prova oħra li jikkontribwixxu biex sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-ksur iwettaq” u mhux għal impriża li sempliċement ikollha r-rieda li tikkoopera jew li tillimita ruħha li tikkoopera mal-Kummissjoni.

213    Bl-istess mod, skond ġurisprudenza kostanti, tnaqqis tal-multa fuq il-bażi ta’ kooperazzjoni matul proċedura amministrattiva m’hijiex iġġustifikata ħlief jekk l-aġir ta’ l-impriża in kwistjoni jkun ippermetta lill-Kummissjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur b’inqas diffikultà u, jekk ikun il-każ, li twaqqfu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Novembru 2000, SCA Holding vs Il-Kummissjoni, C‑297/98 P, Ġabra p. I‑10101, punt 36, u s-sentenza Lisina, punt 300). Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni tal-kooperazzjoni mogħtija mill-impriżi, il-Kummissjoni ma tistax ma tikkunsidrax il-prinċipju ta’ trattament ugwali (sentenza Krupp Thyssen Stainless u Acciai speciali Terni vs Il-Kummissjoni, punt 83 iktar ’il fuq, punt 237, u s-sentenza Lisina, punt 308).

214    Jirriżulta mill-ewwel inċiż tal-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata li skond dak li tistabbilixxi l-komunikazzjoni fuq il-kooperazzjoni, huwa minħabba li Maersk Air tat lill-Kummissjoni fajls (iktar ‘il quddiem il-“fajls privati”) li għenuha tistabbilixxi kif żvolġew in-negozjati u l-portata eżatta tal-ftehim li l-Kummissjoni tagħtha tnaqqis addizzjonali.

215    L-argument tar-rikorrenti li d-differenza fil-kooperazzjoni li setgħet tiġi kkonstatatha bejnha u Maersk Air hija purament aċċidentali u tirriżulta mill-preżenza għandha, bid-differenza ta’ dak li seħħ fl-uffiċċji ta’ Maersk Air, ta’ uffiċjal matul l-ispezzjoni, li evita l-ħtieġa li ssir żjara oħra mill-Kummissjoni, jirriżulta għaldaqstant minn interpretazzjoni żbajlata tad-deċiżjoni kkontestata. Kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, mhuwiex, fil-fatt, minħabba li Maersk Air stiednet lill-Kummissjoni sabiex terġa’ tmur fl-uffiċċji tagħha biex tipprovdilha spjegazzjonijiet li l-Kummissjoni tatha tnaqqis addizzjonali, iżda minħabba li pprovditilha fajls li ppermettew li tiġi stabbilita l-portata eżatta tal-ftehim.

216    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni rrifjutat dan it-tnaqqis lir-rikorrenti għal żewġ raġunijiet:

–        minn naħa waħda, l-informazzjoni mogħtija minn SAS serviet biss biex tikkonferma dak li kienet diġà taf;

–        min-naħa l-oħra, SAS ma pprovditx id-‘dokumenti addizzjonali’ minn jeddha, iżda biss wara talba għal informazzjoni

217    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ġabet ebda prova konkreta bil-għan li tikkontesta l-mertu taż-żewġ motivi ta’ rifjut ta’ l-għoti ta’ tnaqqis addizzjonali ta’ l-ammont tal-multa.

218    Minn naħa, hija ma kkontestatx il-fatt li pprovdiet dawn id-dokumenti biss wara li saritilha talba għal informazzjoni. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li, skond il-ġurisprudenza, kooperazzjoni matul l-inkjesta li ma tmurx lil hinn mill-obbligi li għandhom l-impriżi skond l-Artikolu 11(4) u 5, tar-Regolament Nru 17 jew tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti li jinsabu fil-leġiżlazzjonijiet settorjali ma tiġġustifikax tnaqqis tal-multa (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Mejju 1998, Weig vs Il-Kummissjoni, T‑317/94, Ġabra p. II‑1235, punt 283, u s-sentenza CMA CGM et vs Il-Kummissjoni, punt 7575 iktar ’il fuq, punt 303).

219    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma tindikax dokument wieħed li hija bagħtet lill-Kummissjoni u li ppermetta lil din ta’ l-aħħar biex tikkonferma l-eżistenza tal-ksur, u lanqas dokument wieħed li jservi bħala bażi għad-deċiżjoni kkontestata jew li sempliċement intuża f’dan ir-rigward.

220    Barra minn hekk, ebda waħda mill-miżuri invokati mir-rikorrenti m’hija ta’ natura tali li tiġġustifika tnaqqis tal-multa għal kooperazzjoni, u lanqas, b’mod iktar ġenerali, fuq il-bażi ta’ ċirkustanzi mitiganti.

221    Isegwi li l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti, dwar azzjonijiet li ttieħdu minn SAS wara d-deċiżjoni kkontestata

 L-argumenti tal-partijiet

222    Ir-rikorrenti ssostni li l-Qorti Komunitarja għandha l-possibbiltà, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, li tikkunsidra elementi li seħħew wara d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u, b’mod partikolari, l-aġir adottat minn parti ppenalizzata wara d-deċiżjoni ta’ penalizzazzjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Marzu 1974, Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni, 6/73 u 7/73, Ġabra p. 223, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Lulju 1995, CB vs Il-Kummissjoni, T‑275/94, Ġabra p. II‑2169, punt 64). Hija tikkunsidra li l-azzjonijiet li hija wettqet wara d-deċiżjoni kkontestata, u li wasslu għat-tkeċċija tal-viċi president ewlieni tagħha kif ukoll għar-riżenja tad-diretturi kollha fuq il-bord amministrattiv, jiġġustifikaw tnaqqis iktar sostanzjali ta’ l-ammont tal-multa imposta. Barra minn hekk, l-implementazzjoni ta’ programm ta’ konformità għandha tiġi kkunsidrata bħala ċirkustanza mitiganti (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza ta’ l-14 ta’ Lulju 1994, Parker Pen vs Il-Kummissjoni, T‑77/92, Ġabra p. II‑549).

223    Ir-rikorrenti tikkunsidra li l-miżuri li hija ħadet wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata huma eċċezzjonali. Ir-riżenja tad-diretturi kollha fuq il-bord amministrattiv kif ukoll it-tkeċċija tal-viċi president ewlieni tagħha huma miżuri estremi għal kumpannja u jikkostitwixxu mezz effikaċi li jiddiswadi lil impriżi oħrajn milli jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, l-implementazzjoni ta’ programm ta’ konformità ta’ l-organizzazzjoni tagħha turi b’mod ċar ir-rieda tagħha li tevita ksur fil-futur tar-regoli tal-Komunità.

224    Il-Kummissjoni tikkunsidra li ċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti b’ebda mod ma jiġġustifikaw tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa imposta fuqha, u li l-ġurisprudenza ċċitata m’hijiex rilevanti għal dan il-każ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

225    Fuq bażi preliminari, għandu jiġi osservat li l-miżuri meħuda minn impriża wara deċiżjoni indirizzata lilha ma jistgħux, taħt ebda ċirkustanzi, jaffettwaw il-legalità ta’ dik id-deċiżjoni, li għandha tiġi evalwata fir-rigward l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data meta l-att ikun ġie adottat.

226    Għaldaqstant, it-talba tar-rikorrenti tista’ tiġi eżaminata biss, l-iktar, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti tal-Prim’Istanza, skond l-Artikolu 229 KE.

227    Għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li ż-żewġ sentenzi ċċitati mir-rikorrenti ma jistgħux jiġu interpretati bħala li jaffermaw il-prinċipju li l-multa imposta fuq impriża tista’ tiġi mnaqqsa meta jiġi kkunsidrat l-aġir adottat minnha wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li imponiet il-multa fuqha. Minn naħa waħda, fis-sentenza Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni, punt 222 supra, il-Qorti tal-Ġustizzja naqqset l-ammont tal-multa fuq il-bażi tad-dewmien imputabbli lill-Kummissjoni fl-adozzjoni tad-deċiżjoni, għar-raġuni li kieku kienet aġixxiet iktar kmieni, il-ksur kien idum inqas u l-multa kienet tkun iktar baxxa, u li l-effetti li kkawżaw il-ħsara ta’ l-aġir akkużat kienu ġew limitati mill-fatt li r-rikorrenti kienet wettqet l-ordnijiet tad-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, fis-sentenza CB vs Il-Kummissjoni, punt 222 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Prim’Istanza sempliċement fakkret is-sentenza Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ‘il fuq, iżda ma naqqsitx l-ammont tal-multa fuq il-bażi ta’ aġir li seħħ wara d-deċiżjoni u barra minn hekk lanqas ma tressqet quddiemha din it-talba.

228    Isegwi li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, ma jirriżultax mill-ġurisprudenza li multa tista’ tiġi mnaqqsa fuq il-bażi ta’ aġir adottat wara l-ħruġ ta’ deċiżjoni li timponi multa. Dan it-tnaqqis, anki jekk huwa possibbli, ma jistax, f’kull każ, jiġi ordnat mill-qorti Komunitarja ħlief b’kawtela kbira u f’ċirkustanzi ferm partikolari, għar-raġuni, b’mod partikolari, li tali prattika tista’ tiġi interpretata bħala inċentiv biex jitwettaq ksur filwaqt li jieħu r-riskju li l-multa tista’ titnaqqas permezz ta’ bidla fl-aġir mill-impriża wara d-deċiżjoni.

229    Madankollu, ebda waħda miċ-ċirkustanzi invokati mir-rikorrenti f’dan il-każ ma tidher li hija ta’ natura li tiġġustifika tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa.

230    Isegwi li l-argument tar-rikorrenti żviluppat fil-kuntest tat-tieni parti tat-tielet motiv għandu tiġi miċħud, u għaldaqstant, għandu jiġi miċħud wkoll it-tielet motiv kollu kemm hu.

4.     Fuq it-talba tal-Kummissjoni sabiex jiżdied l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

231    Il-Kummissjoni ssostni li, fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tikkontesta ċerti kunsiderazzjonijiet relatati mal-portata u nan-natura tal-ksur, minkejja li kisbet tnaqqis ta’ 10 % ta’ l-ammont tal-multa talli ma kkontestatx is-sustanza tal-fatti ppreżentati fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, u talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza li tippenalizza dan l-aġir skorrett billi żżid il-multa fuq il-bażi tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha.

232    Għandu jiġi mfakkar, f’dan ir-rigward, l-ewwel nett li t-tieni subparagrafu tal-punt E(4) tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jipprovdi li “[jekk] impriża, li bbenefikat minn tnaqqis fil-multa minħabba li ma kkontestatx is-sustanza tal-fatti, tikkontesta għall-ewwel darba f’rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Prim’Ista,za, il-Kummissjoni bħala prinċipju ser titlob lil din il-Qorti sabiex iżżid l-ammont tal-multa impost fuq din l-impriża.” Barra minn hekk, skond l-Artikolu 14 tar-Regolament, “[Il-Qorti tal-Prim’Istanza] għandu jkollha ġuriżdizzjoni illimitata fis-sens ta’ l-Artikolu [229] tat-Trattat li tirrevedi deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tkun iffissat multa jew ħlas ta’ penali perjodiku; din tista’ tneħħi, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-ħlas ta’ penali perjodiku impost. [verżjoni mhux uffiċjali]. Għaldaqstant, fis-sentenza tagħha Elettrodi tal-grafita (punti 417 u 418), il-Qorti tal-Prim’Istanza ħadet in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li r-rikorrenti kienet ikkontestat quddiemha ċerti fatti li hija kienet ammettiet matul il-proċedura amministrattiva sabiex tnaqqas ir-riduzzjoni li r-rikorrenti kienet ibbenefikat minnha fid-dawl tal-kooperazzjoni tagħha.

233    Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, iċ-ċirkustanzi tal-każ jiġġustifikaw it-tneħħija tat-tnaqqis ta’ 10 % mogħti lir-rikorrenti fuq il-bażi tal-kooperazzjoni tagħha.

234    F’dan il-każ, għandu jingħad li r-rikorrenti ma tikkontestax direttament, fil-kuntest tar-rikors tagħha, il-fatti li bihom ġiet akkużata fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet u li fuqhom hija bbażata l-konstatazzjoni ta’ ksur ta’ l-Artikolu 81 KE, peress illi hija mhux qed titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata inkwantu li hija tikkonstata li r-rikorrenti kkommettiet ksur, iżda biss it-tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.

235    Madankollu, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti tikkontesta uħud mill-kunsiderazzjonijiet tagħha li jirrigwardaw il-portata u n-natura tal-ksur u tikkunsidra illi b’hekk ir-rikorrenti adottat aġir skorrett li jimmerita żieda fl-ammont tal-multa imposta.

236    Għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti qed tqiegħed in kwistjoni s-sustanza tal-fatti li fuqhom il-Kummissjoni bbażat l-ilmenti tagħha u li r-rikorrenti kienet ammettiet fil-kuntest tal-proċedura ta’ prekontenzjuża.

237    Il-Kummissjoni tirrileva f’dan ir-rigward illi r-rikorrenti ssostni, fir- replika, li “l-ftehim konkluż f’dan il-każ bejn il-partijiet kien ġie parzjalment implementat peress illi affettwa biss it-tliet rotot identifikati speċifikament mill-Kummissjoni (jiġifieri Kopenħagen-Stokkolma, Kopenħagen-Venezja u Billund-Frankfurt)”; li “l-intenzjoni tal-partijiet kienet ferm iktar limitata minn dak li taħseb il-Kummissjoni, [peress li] tliet rotot biss kienu involuti” u li “r-rotta Kopenħagen-Ożlo qatt ma kienet tifforma parti mill-ftehim tat-tqassim tas-suq”, filwaqt li d-“deċiżjoni [kkontestata] tindika b’mod ċar, fil-[premessi] 62 sa 64 u fl-Artikolu 1, illi l-partijiet ikkonkludew ftehim globali għat-tqassim ta’ swieq bil-għan li jaffettwa t-traffiku ta’ l-ajru kollu ta’ destinazzjoni u ta’ tluq mid-Danimarka, b’mod partikolari billi jillimita wkoll il-kompetizzjoni potenzjali bejn SAS u Maersk [Air]”.

238    Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, illi sabiex jiġi evalwat jekk ir-rikorrenti hijiex qed tmur lura fuq l-ammissjoni li permezz tagħha kisbet tnaqqis fil-multa tagħha, l-argument żviluppat mir-rikorrenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għandhu jitqabbel mhux mal-konstatazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, iżda fir-rigward ta’ dak li hija ammettiet matul il-proċedura amministrattiva.

239    Id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet tesponi li l-partijiet involuti fl-akkordju kkonkludew ftehim ta’ tqassim tas-suq fuq tliet rotot speċifiċi u ftehim globali tqassim ta’ swieq. Barra minn hekk, il-punt 74 tad-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet huwa miktub fit-termini segwenti:

“Jekk huwa biżżejjed li ftehim ikollu bħala għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni sabiex jaqa’ taħt l-Artikolu 81(1), [KE], għandu jiġi kkonstatat illi l-ftehim in kwistjoni għandhom ukoll bħala effett li jirrestrinġu b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni. L-effett fuq is-suq madankollu m’huwiex l-istess kullimkien. Fir-rigward tar-rotot Kopenħagen-Stokkolma u Billund-Frankfurt, hija l-kompetizzjoni reali li ġiet ristretta, filwaqt li fir-rigward tar-rotta Kopenħagen-Venezja, din tirrigwarda l-kompetizzjoni potenzjali. Il-ftehim globali jirrestrinġi wkoll il-kompetizzjoni potenzjali bejn il-partijiet”. [Traduzzjoni mhux uffiċjali]

240    Għalhekk jista’ jiġi kkunsidrat li, fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, il-Kummissjoni b’ċertu mod ikkonkludiet illi l-ftehim globali mhux biss kien ġie konkluż, iżda wkoll li kien ġie implementat u li kellu effett fuq is-suq.

241    L-argument żviluppat mir-rikorrenti fin-noti tagħha quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza jista’, sa ċertu mod, jiġi interpretat bħala li huwa intiż sabiex jikkontesta mhux biss l-effetti tal-ftehim globali, iżda wkoll l-implementazzjoni tiegħu, jew saħansitra l-konklużjoni tiegħu. Madankollu jirriżulta mir-risposti għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza u mit-trattazzjoni matul is-seduta illi r-rikorrenti kkonfermat illi hija ma kkontestatx li kkonkludiet ftehim globali ta’ tqassim tas-suq u lanqas li l-partijiet kellhom l-intenzjoni li jimplementawh, iżda li hija kkontestat biss li l-ftehim globali kellu impatt fuq is-suq. Madankollu għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti, filwaqt li tirrikonoxxi l-fatti u l-ksur deskritti fid-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet, kienet diġà argumentat, fir-risposta tagħha għall-imsemmija komunika, li l-ksur ma kellhomx effett fuq is-suq.

242    Isegwi li l-argument żviluppat mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan ir-rikors ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi rtirar ta’ l-ammissjoni tagħha b’mod li jiġġustifika t-tneħħija tat-tnaqqis ta’ 10 % ta’ l-ammont tal-multa tagħha li ġiet imposta lilha mill-Kummissjoni.

243    It-talba tal-Kummissjoni f’dan is-sens għaldaqstant għandha tiġi miċħuda.

244    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal hawn fuq li l-motivi u l-argumenti tar-rikorrenti intiża sabiex jinkiseb tnaqqis ta’ l-ammont tal-multa imposta fuqha għandhom jiġu miċħuda.

245    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-gravità u tad-dewmien tal-ksur kif ikkonstatati, korrettament, fid-deċiżjoni kkontestata, u tal-fatt illi l-partijiet kellhom għarfien sħiħ tan-natura kjarament antikompetittiva ta’ l-aġir tagħhom u li ħadu miżuri sabiex il-Kummissjoni ma tindunax bil-portata eżatta tal-ftehim tagħhom billi evitaw li jħallu traċċi bil-miktub, filwaqt li nnotifikawha b’aspetti oħrajn tal-kooperazzjoni tagħhom, bħad-daqs tar-rikorrenti u l-pożizzjoni tagħha fuq is-suq, il-Qorti tal-Prim’Istanza, permezz tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tikkunsidra li l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuq ir-rikorrenti hija adegwata.

246    Isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

247    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi r-rikorrenti tilfet fir-rigward tat-talbiet kollha tagħha, hemm lok li tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA(It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeciedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

Azizi

Jaeger

Dehousse

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Lulju 2005.

Reġistratur

 

       President

H. Jung

 

       M. Jaeger

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni tal-gravitŕ tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Fuq l-ewwel parti, dwar in-natura tal-ksur

Fuq it-tieni parti, dwar l-impatt reali tal-ksur

Fuq it-tielet parti, dwar il-firxa ġeografika tal-ksur

Fuq ir-raba’ parti, dwar il-profitt derivat mill-ksur

Fuq il-ħames parti, dwar il-fatturat in kwistjoni

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq in-natura tal-ksur

Fuq id-daqs tas-suq ġeografiku in kwistjoni

Fuq l-effett fuq is-suq

Fuq it-tqabbil mal-kawża “Bastimenti tal-Ġarr Griegi ”

Konklużjoni dwar il-kwalifika tal-ksur

Dwar jekk għandux jiġi kkunsidrat il-fatturat

2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata tad-dewmien tal-ksur

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq eevalwazzjoni żbaljata taċ-ċirkustanzi mitiganti

Fuq l-ewwel parti, dwar il-kooperazzjoni ta’ SAS mal-Kummissjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq it-tieni parti, dwar azzjonijiet li ttieħdu minn SAS wara d-deċiżjoni kkontestata

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4. Fuq it-talba tal-Kummissjoni sabiex jiżdied l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.