Language of document : ECLI:EU:F:2010:121

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)

30 ta’ Settembru 2010

Kawża F-43/09

Carlo van Heuckelom

vs

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz pubbliku — Regolamenti tal-Persunal tal-Europol — Artikolu 29 — Avvanz fl-iskala mogħti abbażi ta’ rapporti ta’ evalwazzjoni — Eċċezzjoni ta’ illegalità tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-politika ta’ determinazzjoni tal-gradi u tal-iskali — Kompetenzi rispettivi tad-Direttur u tal-Bord ta’ Amministrazzjoni tal-Europol — Setgħa diskrezzjonali tad-Direttur tal-Europol — Limiti”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 40(3) tal-Konvenzjoni stabbilita abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Konvenzjoni Europol) u l-Artikolu 93(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, li permezz tiegħu C. van Heuckelom jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur tal-Europol, tal-14 ta’ Lulju 2008, li tagħtih avvanz wieħed fl-iskala mill-1 ta’ April 2008, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tad-19 ta’ Jannar 2009 li tiċħad l-ilment tiegħu dirett kontra din id-deċiżjoni.

Deċiżjoni: Ir-rikors tar-rikorrent huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Persuni fiżiċi jew ġuridiċi

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Uffiċjali — Rikors — Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel — Konkordanza bejn l-ilment u r-rikors — Identiċità tas-suġġett u tal-kawża — Eċċezzjoni ta’ illegalità relatata ma’ kawża oħra legali milli dik li tidher fl-ilment — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Europol — Avvanz fl-iskala kull sentejn

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikoli 28 u 29)

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Europol — Avvanz fl-iskala kull sentejn

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikolu 29)

1.      Rikors għal annullament imressaq minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess jannulla l-att ikkontestat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att ikun jista’, minnu nnifsu, ikollu konsegwenzi ġuridiċi jew, skont forma oħra, li r-rikors ikun jista’, jekk jirnexxi, jagħti benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu.

(ara l-punt 31)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni, 53/85, Ġabra p. 1965, punt 21; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il‑Kummissjoni, T‑480/93 u T‑483/93, Ġabra p. II‑2305, punti 59 u 60, u l-ġurisprudenza ċċitata; 20 ta’ Ġunju 2001, Euroalliages vs Il‑Kummissjoni, T‑188/99, Ġabra p. II‑1757, punt 26; 28 ta’ Settembru 2004, MCI vs Il‑Kummissjoni, T‑310/00, Ġabra p. II‑3253, punt 44

2.      Ir-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors essenzjalment teżiġi li jkun hemm konkordanza bejn is-suġġett u l-kawża tar-rikors u s-suġġett u l-kawża tal-ilment. Hija neċessarja interpretazzjoni flessibbli ta’ dan ir-rekwiżit. Għalhekk, ir-regola ta’ konkordanza tiġi fis-seħħ biss fil-każ fejn ir-rikors fil-kontenzjuż jibdel is-suġġett tal-ilment, jew il-kawża, u hawn dan l-aħħar kunċett ta’ “kawża” għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. Meta tiġi segwita tali interpretazzjoni, u fid-dawl ta’ talbiet għal annullament, għandu jinftiehem, b’“kawża tat-tilwima”, il-kontestazzjoni mir-rikorrenti tal-legalità interna tal-att ikkontestat jew, sussidjarjament, il-kontestazzjoni tal-legalità esterna tagħha

Fir-rigward tal-eċċezzjonijiet ta’ illegalità, anki jekk dawn ikunu relatati ma’ kawża oħra legali milli dik li tidher fl-ilment, l-inammissibbiltà tagħhom għan-nuqqas ta’ osservanza tar-regola ta’ konkordanza tkisser l-ekwilibriju bejn il-ħarsien tad-drittijiet proċedurali tal-uffiċjali u l-għan tal-proċedura prekontenzjuża, u tikkostitwixxi sanzjoni sproporzjonata u inġusta għall-uffiċjal. Fil-fatt, minħabba n-natura intrinsikament legali ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità, kif ukoll tar-raġunament li jwassal lill-persuna kkonċernata tfittex u tqajjem tali illegalità, ma jistax jintalab minn uffiċjal jew membru tal-persunal li jippreżenta l-ilment, u li mhux neċessarjament ikollu kompetenzi legali xierqa, li jifformula tali eċċezzjoni fil-fażi prekontenzjuża, u dan taħt piena ta’ inammissibbiltà iktar ’il quddiem. Dan huwa speċjalment il-każ għaliex l-introduzzjoni ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità fil-fażi prekontenzjuża tidher li ftit tgħin lil min jilmenta jirnexxi f’dan l-istadju, peress li huwa improbabbli li l-amministrazzjoni tagħżel li ma tapplikax dispożizzjoni fis-seħħ, li possibbilment tikser xi regola ta’ ordni ogħla, bl-uniku għan li tippermetti t-tranżazzjoni alternattiva tal-kwistjoni.

(ara l-punti 43 u 44)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 1 ta’ Lulju 2010, Mandt vs Il‑Parlament, F‑45/07, punti 109, 115 u 119, u l-ġurisprudenza ċċitata, u punt 121

3.      Is-sistema ta’ determinazzjoni ta’ gradi u ta’ skali fis-seħħ fil-Europol tipprevedi żewġ proċeduri distinti: minn naħa, l-evalwazzjoni, suġġetta għall-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, u li hija kompetenza tal-evalwatur u, min-naħa l-oħra, l-avvanz fl-iskala, previst mill-Artikolu 29 ta’ dawn ir-Regolamenti u liema kompetenza hija f’idejn id-Direttur tal-Europol.

Skont l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 tal-istess Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, id-deċiżjonijiet tad-Direttur tal-Europol li jirrigwardaw allokazzjoni fl-iskali ta’ darbtejn fis-sena lill-persunal tal-Europol jiġu adottati fuq il-bażi ta’ “evalwazzjoni” li tieħu inkunsiderazzjoni l-prestazzjonijiet ta’ kull membru tal-persunal ikkonċernat. Minn dan isegwi li, meta t-tielet sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol tipprovdi li “t-termini preċiżi tal-proċedura ta’ evalwazzjoni għandhom ikunu adottati mill-kunsill ta’ amministrazzjoni”, din id-dispożizzjoni tirreferi għall-proċedura li biha l-prestazzjoni tal-membri tal-persunal tal-Europol jiġu evalwati. Għalhekk ma huwiex meħtieġ li l-Bord tal-Europol tadotta regoli tal-proċedura għall-avvanz fl-iskala.

(ara l-punti 48 sa 50)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 22 ta’ Marzu 2006, Mausolf vs Europol, T‑209/02 u T‑210/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑79 u II‑A‑2‑335, punt 37

4.      Skont l-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, id-Direttur jista’ jagħti sa żewġ skali għal kull sentejn, fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni u fid-dawl tal-prestazzjoni tal-persuna kkonċernata. L-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu jikkonċerna qasam li fih għandu jiġi rrikonoxxut lid-Direttur tal-Europol marġni wiesgħa ta’ diskrezzjoni, bħal dak mogħti lill-Awtorità tal-Ħatra fl-applikazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

L-Artikolu 5(1) tal-politika ta’ determinazzjoni ta’ gradi u ta’ skali tal-persunal tal-Europol, adottata mid-Direttur, tiddetermina l-kriterji ta’ allokazzjoni tal-iskali. Billi jibbaża ruħu fuq l-aħħar żewġ evalwazzjonijiet annwali, id-Direttur jagħti żewġ skali lill-membri tal-persunal li kontinwament jew ta’ spiss marru lil hinn mill-aspettattivi, l-ebda skala lil dawk li parzjalment biss jew kważi xejn ma laħqu l-aspettattivi, u skala lill-membri kollha l-oħra tal-persunal.

Jirriżulta mill-Artikolu 5(1) li d-Direttur jagħti żewġ skali biss fil-każ fejn il-membru tal-persunal ikkonċernat ikun wettaq prestazzjoni partikolarment eċċellenti u li ma jkunx sempliċement ħadem biex jilħaq l-aspettattivi matul kull wieħed minn dawn is-sentejn tal-perjodu ta’ referenza. Dawn il-kriterji, li ċertament huma eżiġenti ħafna, huma maħsuba sabiex jippremjaw il-kontinwità tal-isforz. Ma jistax jiġi miċħud li l-politika li tinkoraġġixxi lill-membri tal-persunal jippersistu fl-isforzi tagħhom sabiex jaqbżu l-aspettattivi, politika adottata mill-Direttur tal-Europol fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu skont l-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, tfittex l-interessi tas-servizz.

Sa fejn id-Direttur ma għandu l-ebda setgħa diskrezzjonali fl-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tal-politika fuq imsemmija u jaderixxi b’mod strett mal-kriterji stabbiliti mill-imsemmija dispożizzjoni, it-tqegħid fil-qafas permezz ta’ dawn il-kriterji tal-poter tiegħu f’termini ta’ avvanz fl-iskala preċiżament jippermetti lid-Direttur jiżgura li l-applikazzjonijiet jiġu eżaminati bir-reqqa, b’mod ġust u b’osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

(ara l-punti 59 u 61 sa 63)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: Mausolf vs Europol, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67