Language of document : ECLI:EU:T:2009:69

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)

16 ta’ Marzu 2009

Kawża T-156/08 P

R

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali bi prova – Rapport dwar il-perijodu ta’ prova – Nuqqas ta’ att li jikkawża preġudizzju – Terminu għall-preżentata ta’ rikors – Dewmien”

Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla), tad-19 ta’ Frar 2008, R vs Il-Kummissjoni (F-49/07, li għadu ma ġiex ippubblikat fil-Ġabra) intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. R għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din l-istanza.

Sommarju

1.      Proċedura – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Espożizzjoni tat-talbiet tar-rikors

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44(1)(ċ) u (d))

2.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Att preparatorju – Miżuri meħuda matul il-perijodu ta’ prova ta’ uffiċjal – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 34, 90 u 91)

3.      Uffiċjali – Rikors – Kuntest proċedurali – Artikolu 236 KE u Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal – Rikors għad-danni bbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 45/2001

(Artikolu 236 KE; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 45/2001)

4.      Dritt Komunitarju – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal smigħ quddiem qorti – Obbligu li l-allegazzjonijiet kollha tal-partijiet jiddaħħlu fid-deċiżjoni – Assenza

1.      Sabiex ir-rekwiżiti tal-Artikolu 44(1)(ċ) u (d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza jiġu sodisafatti, ir-rikors m’għandux neċessarjament jinkludi t-talbiet formali sa fejn mill-argument globali tar-rikorrenti jirriżulta liema huwa l-att inkwistjoni. Madankollu, rikors li ma jsemmix espressament l-att li tiegħu qed jintalab l-annullament u li ma jippermettix li l-imsemmi att jiġi identifikat b’mod preċiż biżżejjed ma jistax jissodisfa r-rekwiżiti msemmija iktar ’il fuq.

(ara l-punti 36 u 37)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 7 ta’ Frar 1994, PIA Hifi vs Il-Kummissjoni, C‑388/93, Ġabra p. I‑387, punt 10

2.      Meta inkwistjoni jkun hemm atti jew id-deċiżjonijet li t-tfassil tagħhom jitwettaq f’diversi fażijiet, b’mod partikolari fit-tmiem ta’ proċedura interna, bħala prinċipju jikostitwixxux att li jista’ jiġi kkontestat biss dawk il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fit-tmiem ta’ din il-proċedura, bl-esklużjoni tal-miżuri interim, li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali. L-atti preparatori ta’ deċiżjoni ma jikkawżawx preġudizzju u huwa biss meta tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni meħuda fit-tmiem tal-proċedua li r-rikorrenti tista’ ssostni l-irregolarità tal-atti preċedenti strettament marbuta mal-imsemmija deċiżjoni.

Dan huwa preċiżament il-każ tar-rapporti dwar il-perijodu ta’ prova, li l-għan tagħhom huwa li jipprepara d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni fir-rigward tal-ħatra tal-interessat fit-tmien tal-perijodu ta’ prova tiegħu jew tat-tkeċċija tiegħu, u tal-miżuri relatati mal-iżvolġiment tal-perijodu ta’ prova, adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal, bħalma hija d-deċiżjoni li l-uffiċjal bi prova jiġi assenjat għal servizz ieħor sabiex ikompli l-perijodu ta’ prova tiegħu jew id-deċiżjoni li l-perijodu ta’ prova tiegħu jittawwal. Huwa evidenti li dawn il-miżuri għandhom l-għan li jippermettu lill-amministrazzjoni twettaq evalwazzjoni aħjar tal-kwalitajiet tal-uffiċjal bi prova, kif ukoll sabiex jippreparaw id-deċiżjoni tal-ħatra jew tat-tkeċċija tal-persuna kkonċernata li għandha tiġi adottat fit-tmiem tal-perijodu ta’ prova u għaldaqstant, dawn il-miżuri, ma jistgħux jiġu kkontestati, b’mod awtonomu, permezz ta’ rikors għall-annullament. Peress li dawn il-miżuri, fihom infushom, ma jbiddlux is-sitwazzjoni ġuridika tal-uffiċjal inkwistjoni dawn ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala atti li jikkawża preġudizzju u dan minkejja l-fatt li jinkludu evalwazzjonijiet negattivi dwaru. Dawn l-evalwazzjonijiet jistgħu, jekk ikun il-każ, ikunu s-suġġett ta’ kawża għal kumpens tad-dannu allegatament subit mill-interessat.

(ara l-punti 49, 55, 56 u 58)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 8 ta’ Marzu 2005, D vs Il-BĊE, T‑275/02, ĠabraSP p. I‑A‑51 u II‑211, punt 44, u l-ġurisprudenza ċċitata.

3.      Rikors għad-danni, ippreżentat minn uffiċjal kontra l-istituzzjoni li magħha jaħdem u bbażat fuq l-allegat ksur, imwettaq minn din l-istituzzjoni, tar-Regolament Nru 45/2001, dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data, jidħol fil-kuntest tal-Artikolu 236 KE u l-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-ammissibbiltà tiegħu hija għalhekk suġġetta għall-osservanza tal-proċedura prekontenzjuża prevista mir-Regolamenti tal-Persunal. L-ebda dispożizzjoni li tmur kontra dan ma tinsab fir-Regolament Nru 45/2001.

(ara l-punt 73)

4.      Id-dritt għal smigħ fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarji ma jimplikax li l-qorti għandha ddaħħal integralment l-allegazzjonijiet kollha ta’ kull waħda mill-partijiet fid-deċiżjoni tagħha. Il-qorti, wara li tkun semgħet l-allegazzjonijiet tal-partijiet u wara li tkun evalwat il-provi, għandha tiddeċiedi fuq it-talbiet tar-rikors u għandha timmotiva d-deċiżjoni tagħha.

(ara l-punt 87)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 10 ta’ Diċembru 1998, Schröder et vs Il-Kummissjoni, C‑221/97 P, Ġabra p. I‑8255, punt 24