Language of document : ECLI:EU:T:2010:294

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)

8 ta’ Lulju 2010

Kawża T-160/08 P

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Françoise Putterie-De-Beukelaer

“Appell — Servizz pubbliku — Uffiċjali — Annullament fl-ewwel istanza tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Proċedura ta’ evalwazzjoni 2005 — Leġiżlazzjoni applikabbli — Taqsima ‘Potenzjal’ — Proċedura ta’ evalwazzjoni — Proċedura ta’ ċertifikazzjoni”

Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Frar 2008, Putterie-De-Beukelaer vs Il-Kummissjoni (F-31/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑53 u II‑A‑1‑261), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.

Deċiżjoni: Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-21 ta’ Frar 2008, Putterie De Beukelaer vs Il-Kummissjoni (F‑31/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑53 u II‑A‑1‑261), hija annullata. Il-kawża hija rrinvjata quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea. L-ispejjeż huma rriżervati.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Appelli — Aggravju bbażat fuq l-inkompetenza tal-awtur tal-att u fuq in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-proċedura — Konstatazzjoni ex officio

2.      Proċedura — Obbligu tal-qorti li tosserva l-qafas tal-kawża kif iddefinit mill-partijiet

3.      Uffiċjali — Evalwazzjoni — Rapport tal-iżvilupp tal-karriera — Evalwazzjoni tal-potenzjal tal-uffiċjal fid-dawl tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni fi ħdan il-Kummissjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)

1.      L-inkompetenza tal-awtur ta’ att li jikkawża preġudizzju tikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jiġi eżaminat mill-qorti tal-Unjoni, jekk ikun hemm bżonn ex officio.

In-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ proċedura dwar l-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju jikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, li jista’ jiġi eżaminat mill-qorti tal-Unjoni anki ex officio. Ir-rifjut li jiġi eżaminat rikors intern, previst mir-regoli ta’ proċedura applikabbli għall-adozzjoni ta’ att li jikkawża preġudizzju, jikkostitwixxi, naturalment, ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u jista’, għalhekk, jiġi eżaminat ex officio mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

(ara l-punti 61 u 63)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 17 ta’ Diċembru 1959, Société des fonderies de Pont-à-Mousson vs L-Awtorità Għolja, 14/59, Ġabra p. 445, 473; Il-Qorti tal-Ġustizzja 13 ta’ Lulju 2000, Salzgitter vs Il-Kummissjoni, C‑210/98 P, Ġabra p. I‑5843, punt 56; Il-Qorti Ġenerali 24 ta’ Settembru 1996, Marx Esser u Del Amo Martinez vs Il-Parlament, T‑182/94, Ġabra SP p. I‑A‑411 u II‑1197, punti 42 u 44; Il-Qorti Ġenerali 13 ta’ Lulju 2006, Vounakis vs Il-Kummissjoni, T‑165/04, Ġabra SP p. I‑A‑2‑155 u II‑A‑2‑735, punt 30; Il-Qorti Ġenerali 13 ta’ Diċembru 2007, Angelidis vs Il-Parlament, T‑113/05, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 62, u l-ġurisprudenza ċċitata; Il-Qorti Ġenerali 2 ta’ Ottubru 2009, Ċipru vs Il-Kummissjoni, T‑300/05 u T‑316/05, Ġabra p. II-192, punt 206

2.      Il-qorti, għalkemm trid tiddeċiedi biss fuq it-talba tal-partijiet, għaliex huma jiddelimitaw il-qafas tal-kawża, ma tistax tiġi obbligata ssegwi biss l-argumenti invokati minnhom biex isostnu l-pretensjoni tagħhom, jekk ma tridx tiġi kostretta, jekk ikun il-każ, tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq kunsiderazzjonijiet ġuridiċi żbaljati.

(ara l-punt 65)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 27 ta’ Settembru 2004, UER vs M6 et, C‑470/02 P, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 69; Il-Qorti tal-Ġustizzja 13 ta’ Ġunju 2006, Mancini vs Il-Kummissjoni, C‑172/05 P, li ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 41

3.      Mid-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ implementazzjoni tal-Artikolu 43 tar-Regolamenti tal-Persunal, adottati mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Diċembru 2004 u mill-Informations administratives Nru 1-2006 jirriżulta li t-taqsima “Potenzjal” tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera ta’ persuna li tokkupa kariga li tixtieq taqdi dmirijiet ta’ kategorija ogħla, hija intiża essenzjalment sabiex tikseb evalwazzjoni dwar ix-xogħol rilevanti tal-kategorija superjuri li effettivament jitwettaq minn dan l-uffiċjal fir-realtà tax-xogħol ta’ kuljum matul il-perijodu kopert mir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera sabiex ikun jista’, b’mod partikolari, jiġi ċċertifikat.

Fir-rigward tal-għan tal-evalwazzjoni tal-potenzjal ta’ uffiċjal, jiġifieri l-parti tal-attività tiegħu u l-kwalità tas-servizzi tiegħu dwar ix-xogħol li jirrigwarda kategorija ogħla li huwa jkun wettaq effettivament matul perijodu li huwa suġġett tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera, jidher li dik l-evalwazzjoni hija parti integrali minn dik li tevalwa l-esperjenza professjonali u l-merti tal-uffiċjal, li huma neċessarjament riflessi, tal-inqas, fl-evalwazzjoni tal-abbiltà tiegħu matul l-istess perijodu.

Għalhekk, l-awtoritajiet li jistgħu jagħmlu l-evalwazzjoni, fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni, tal-mertu tal-uffiċjali taħt l-aspett ta’ diversi taqsimiet msemmijin fir-rapport tal-iżvilupp tal-karriera, jiġifieri l-evalwatur u l-validatur, b’riżerva tal-intervent eventwali tal-evalwatur tal-appell, huma dawk li huma mitlubin ukoll biex jevalwaw il-“potenzjal” tal-uffiċjali li jkunu għamlu t-talba biex it-taqsima kkonċernata timtela mill-evalwatur.

Meta l-Awtorità tal-Ħatra tikkunsidra l-potenzjal tal-uffiċjali biex jassumi funzjonijiet tal-kategorija ogħla, hija bl-ebda mod ma tgħaddi għall-evalwazzjoni ta’ dan il-potenzjal, imma tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni li tidher fit-taqsima korrispondenti tar-rapport tal-iżvilupp tal-karriera tas-sena ta’ qabel.

It-taqsima “Potenzjal”, għalkemm għandha ċerti konsegwenzi fil-qafas tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, tidħol fil-qafas tal-evalwazzjoni tal-uffiċjali. Għalhekk, din it-taqsima, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tistabbilixxi espressament li hija tifforma parti minn evalwazzjoni li għandha ssir fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni, ma tistax tiġi sseparata mill-proċedura ta’ evalwazzjoni, biex din taqa’ esklużivament fil-kompetenza tal-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest tal-proċedura ta’ ċertifikazzjoni.

(ara l-punti 78 sa 80, 87 u 90)