Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta' April 2008 minn R mid-digriet mogħti fid-19 ta' Frar 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-49/07, R vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-156/08 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: R (Brussell, il-Belgju) (rappreżentant: Y. Minatchy, avocat)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet ta' l-appellanti

tannulla d-digriet mogħti mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea fid-19 ta' Frar 2008, fil-Kawża F-49/07;

tilqa' t-talbiet għal annullament u għall-kumpens ta' danni mressqa mill-appellanti fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan l-appell, l-appellanti qed titlob l-annullament tad-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (TSP) li ċaħad bħala inammissibbli r-rikors li permezz tiegħu talbet, minn naħa, l-annullament tat-totalità tal-perijodu ta' prova tagħha kif ukoll ta' l-atti kollha magħmula f'dak il-kuntest, inkluż ir-rapport ta' tmiem il-perijodu ta' prova, u, min-naħa l-oħra, kumpens għad-dannu allegatament imġarrab.

In sostenn ta' l-appell tagħha, l-appellanti tinvoka, minn naħa, ksur tad-drittijiet ta' difiża tagħha, safejn it-TSP ma kkunsidrax ċerti elementi u ċerti dokumenti mressqa mill-appellanti u, min-naħa l-oħra, interpretazzjoni żbaljata tar-Regoli tal-Proċedura tat-TSP u tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropew. L-appellanti tinvoka wkoll żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-fatti.

____________