Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta' Jannar 2012 - Advance Magazine Publishers vs UASI - López Cabré (TEEN VOGUE)

(Kawża T-37/12)

Lingwa tar-rikors: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Advance Magazine Publishers, Inc. (New York, l-Istati Uniti) (rappreżentant: T. Alkin, Barrister)

Konvenut: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Parti oħra quddiem il-Bord tal-Appell : Eduardo López Cabré (Barcelona, Spanja)

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tar-Raba' Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), tat-22 ta' Novembru 2011, fil-Każ R 1763/2010-4, sa fejn din tirrigwarda l-oppożizzjoni bbażata fuq it-trade mark preċedenti; u

tikkundanna lill-parti li ressqet l-oppożizzjoni tħallas l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Applikant għat-trade mark Komunitarja: ir-rikorrenti

Trade mark Komunitarja kkonċernata: it-trade mark verbali "TEEN VOGUE", għal fost prodotti oħra fil-klassi 18 - Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja Nru 5265517

Proprjetarju tat-trade mark jew tas-sinjal invokat insostenn tal-oppożizzjoni: il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell

Trade mark jew sinjal invokat: reġistrazzjoni tat-trade mark Spanjola Nru 496371 tat-trade mark verbali "VOGUE", għal prodotti fil-klassi 18; reġistrazzjoni tat-trade mark Spanjola Nru 2153619 tat-trade mark figurattiva "VOGUE moda en lluvia", għal prodotti fil-klassi 18; reġistrazzjoni tat-trade mark Komunitarja Nru 2082287 tat-trade mark verbali "VOGUE", għal prodotti fil-klassi 18

Deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni: applikazzjoni għal trade mark Komunitarja parzjalment miċħuda

Deċiżjoni tal-Bord tal-Appell: appell miċħud

Motivi invokati: ksur tal-Artikoli 43(2) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009 u/jew tar-Regola 22(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, kif ukoll ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, peress li l-Bord tal-Appell wettaq żball ta' liġi meta ddeċieda li l-provi tal-parti li ressqet l-oppożizzjoni "meħuda kollu kemm huma" kienu suffiċjenti sabiex jintwera l-użu tat-trade mark preċedenti, u peress li l-Bord tal-Appell wettaq żball meta ddeċieda li kien hemm probabbiltà ta' konfużjoni bejn it-trade mark tar-rikorrenti u t-trade mark li tressqet oppożizzjoni kontriha.

____________