Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta' Jannar 2012 - Icelandic Group UK vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-35/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Icelandic Group UK Ltd (Grimsby, ir-Renju Unit) (rappreżentant: V. Sloane, Barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 8113 finali tal-15 ta' Novembru 2011 li tikkonstata li r-remissjoni ta' dazju doganali fuq l-importazzjoni ma hijiex iġġustifikata f'każ partikolari (rem 04/2010); u

tikkundanna lill-konvenuta tbati l-ispejjeż legali u spejjeż oħrajn tar-rikorrenti u l-ispejjeż relatati ma' din il-kwistjoni.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv, huwa bbażat fuq ksur ta' rekwiżiti proċedurali essenzjali u fuq l-Artikolu 906a tar-Regolament tal-Kummissjoni 2454/93/KEE 2, peress li l-konvenuta naqset milli tirrispetta d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti fil-proċedura li twassal għall-adozzjoni tal-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni kkontestata, billi adottat deċiżjoni li tippreġudika d-drittijiet tar-rikorrenti mingħajr ma tagħtiha d-dritt li tinstema' abbażi ta' dik id-deċiżjoni sfavorevoli, jiġifieri l-evalwazzjoni tal-konvenuta li l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma wettqux żball fir-rigward tal-importazzjoni magħmula mill-1 ta' Diċembru 2006 sal-24 ta' Lulju 2007.

2.    It-tieni motiv, huwa bbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni u ksur tal-Artikolu 220(2)(b), l-Artikolu 236 u/jew l-Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 , peress li:

Il-konvenuta wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta ddeċidiet li l-kundizzjonijiet għar-remissjoni ta' dazju doganali skont l-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 ma ġewx sodisfatti fiċ-ċirkustanzi preżenti. L-evalwazzjoni tal-konvenuta li l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma wettqux żball rigward tal-importazzjoni magħmula mill-1 ta' Diċembru 2006 sal-24 ta' Lulju 2007 hija manifestament żbaljata;

Barra dan jew sussidjarjament, il-konvenuta għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni meta ddeċidiet li l-kundizzjonijiet għar-remissjoni ta' dazju doganali fl-Artikolu 239 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 ma kinux sodisfatti. L-evalwazzjoni tal-konvenuta li ċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti ma jiżvelawx sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 kienet manifestament żbaljata.

____________

1 - Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta' Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6 p. 3)

2 - Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta' Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307)