Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Jannar 2012 - Athens Resort Casino vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-36/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Athens Resort Casino AE Symmetochon (Marrousi, il-Greċja) (rappreżentanti: N. Niejahr, Q. Azau, F. Spyropoulos, I. Dryllerakis u K. Spyropoulos, avukati u F. Carlin, Barrister)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/716/EU, tal-24 ta' Mejju 2011, dwar għajnuna mill-Istat lil ċerti każinò Griegi C 16/10 (ex NN 22/10, ex CP 318/09) implementata mir-Repubblika Ellenika (ĠU L 285, 01.11.2011, p. 25) (iktar 'il quddiem id-"deċiżjoni kkontestata"); jew

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tapplika għar-rikorrenti; jew

iktar sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn tordna l-irkupru ta' ammonti mingħand ir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tagħha u għal dawk tar-rikorrenti sostnuti f'konnessjoni ma' dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv isostni li

il-konvenuta kisret l-Artikolu 107(1) TFUE billi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata kienet tikkostitwixxi miżura ta' għajnuna billi:

(a) ikkunsidrat li r-rikorrenti bbenefikat minn vantaġġ ekonomiku fil-forma ta' "diskriminazzjoni fiskali" fl-ammont ta' EUR 7.20 għal kull biljett;

(b) ikkunsidrat li l-miżura kienet tinvolvi telf ta' riżorsi tal-Istat;

(c) ikkunsidrat li l-miżura kienet selettiva favur ir-rikorrenti;

(d) ikkonkludiet li l-miżura ikkawżat distorsjoni tal-kompetizzjoni u kellha effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

It-tieni motiv isostni

li l-konvenuta kisret l-Artikolu 296 TFUE billi naqset milli tipprovdi motivazzjoni suffiċjenti li tippermetti lir-rikorrenti tifhem u lill-Qorti Ġenerali tistħarreġ ir-raġunament li abbażi tiegħu sabet li l-applikanti kienet ibbenefikat minn vantaġġ selettiv, li dan il-vantaġġ kien jinvolvi telf ta' riżorsi tal-Istat u huwa tali li jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni u jkollu jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

It-tielet motiv isostni

li fil-każ li l-Qorti Ġenerali tikkonkludi li kienet ingħatat lir-rikorrenti għajnuna inkompatibbli, din għandha tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn tordna l-irkupru ta' ammonti mingħand ir-rikorrenti, peress li dan l-irkupru jikser:

(a) l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 , li jgħid li l-irkupru għandu jkun relatat mal-għajnuna li jkun irċieva l-benefiċjarju, peress li l-konvenuta naqset milli tikkwantifika korrettament fid-deċiżjoni kkontestata l-ammont tal-għajnuna li r-rikorrenti setgħet kienet irċeviet;

(b) it-tieni sentenza tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, peress li l-irkupru f'dan il-każ jikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri: il-prinċipju ta' protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi; il-prinċipju ta' ċertezza legali; u l-prinċipju ta' proporzjonalità.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).