Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Ottubru 2013 – Franza vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-549/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: G. De Bergues, D. Colas u C. Candat, aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 689/2013 tat-18 ta’ Lulju 2013 li jiffissa r-rifużjonijiet tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni bl-ebda mod ma indikat ir-raġunament tagħha b’mod ċar u inekwivoku u, konsegwentement, ma ppermettitx lill-persuni kkonċernati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tar-regolament ikkontestat. Ir-rikorrenti ssostni li:

minn naħa, l-obbligu ta’ motivazzjoni tar-regolament ikkontestat kien iktar u iktar fundamentali peress li l-Kummissjoni, għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, kellha marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni u,

min-naħa l-oħra, billi l-Kummissjoni stabbilixxiet rata żero fir-rigward tar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur, il-Kummissjoni kienet marbuta tiżviluppa r-raġunament tagħha b’mod espliċitu peress li r-regolament ikkontestat kien imur ferm lil hinn mir-regolament preċedenti f’dan is-settur.

It-tieni motiv, maqsum f’żewġ partijiet, huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 164(3) tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS1 peress li s-sitwazzjoni fis-suq u l-kuntest nazzjonali u internazzjonali li kien jeżisti meta ġie adottat ir-regolament ikkontestat jiġġustifikaw l-iffissar ta’ rata żero fir-rigward tar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur. Ir-rikorrenti ssostni li:

il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni manifestament żbaljata tas-stiwazzjoni tas-suq;

il-Kumissjoni manifestament injorat il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tagħha billi hadet inkunsiderazzjoni, għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, ir-riforma reċenti tal-politika agrikola komuni u n-negozjati pendenti fil-kuntest tad-WTO, li huma fatturi mhux imsemmija fost il-fatturi speċifikament elenkati fl-Artikolu 164(3) tar-Regolament Waħdieni dwar l-OKS.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat- 22 ta' Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, p. 1)