Language of document :

Rikors ippreżentat fl-4 ta' April 2012 - Deutsche Post vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-152/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Deutsche Post AG (Bonn, il-Ġermanja) (rappreżentanti: J. Sedemund, T. Lübbig u M. Klasse, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-Artikoli 1 u 2 kif ukoll l-Artikoli 4 sa 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-25 ta' Jannar 2012, rigward l-Għajnuna C 36/2007 (ex NN 25/2007) mogħtija mill-Ġermanja favur Deutsche Post AG (Dokument tal-Kummissjoni Nru C(2012) 184 finali);

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti b'kollox tinvoka tlettax-il motiv.

A.    Ir-rikorrenti tinvoka għaxar motivi insostenn tar-rikors tagħha għall-annullament tal-Artikolu 1 u tal-Artikoli 4 sa 6 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Jannar 2012:

L-ewwel motiv: ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE

minħabba klassifikazzjoni żbaljata, li hija inkonsistenti mal-ġurisprudenza "Combus" tal-Qorti tal-Ġustizzja 2, bħala għajnuna mill-Istat, tal-finanzjament parzjali mill-Istat ta' spejjeż marbuta ma' legat ta' pensjoni ta' impriża li kienet proprjetà tal-Istat;

It-tieni motiv: ksur tal-Artikolu 108(1) TFUE u tal-Artikolu 1(b)(i) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 4

minħabba klassifikazzjoni żbaljata tal-finanzjament parzjali mill-Istat ta' legat ta' pensjoni bħala għajnuna "ġdida"

It-tielet motiv: ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE

minħabba li l-ispejjeż irregolati tqiesu b'mod żbaljat bħala għajnuna, kuntrarjament għall-ġurisprudenza "PreussenElektra" tal-Qorti tal-Ġustizzja  kif ukoll minħabba l-oġġezzjoni għal sempliċi (allegata) allokazzjoni infondata ta' spejjeż bejn żewġ gruppi ta' prodotti għaliex tqieset b'mod żbaljat bħala għajnuna;

Ir-raba' motiv: żball ta' kompetenza u evalwazzjoni kif ukoll ksur tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni u tad-dmir ta' kooperazzjoni leali mal-Istati Membri

minħabba ksur retroattiv tar-regoli nazzjonali tal-ispejjeż minkejja għarfien matul żmien twil ta' dawn ir-regoli u li huwa inkonsistenti mal-prassi deċiżjonali preċedenti kollha tal-Kummissjoni;

Il-ħames motiv: ksur tal-Artikolu 107(1) u (3) TFUE

minħabba ffissar żbaljat tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li għandhom jitħallsu minn kompetituri privati (iktar 'il quddiem, "Benchmark") kif ukoll minħabba żieda fittizzja tad-dħul gross ta' uffiċjali bħala l-bażi ta' kalkolu għall-applikazzjoni tal-"Benchmark";

Is-sitt motiv: nuqqas ta' motivazzjoni skont l-Artikolu 296 TFUE

minħabba li l-kontenut estremament estensiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa parzjalment oskur, kontradittorju u inkomprensibbli u ma jurix b'mod ċar il-konnessjoni bejn il-partijiet individwali tiegħu;

Is-seba' motiv: ksur tal-prinċipju tal-legalità u tal-Artikolu 107(1) TFUE

minħabba deskrizzjoni kontradittorja tal-bażi ta' kalkolu tas-somma rimborsabbli u minħabba li l-imsemmija bażi ma hijiex identifikabbli;

It-tmien motiv: ksur tad-dritt għal "żmien raġonevoli tal-proċeduri" bħala parti mid-dritt għal "amministrazzjoni tajba" skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 659/1999

minħabba tul tal-proċeduri legali ta' iktar minn tnax-il sena mid-deċiżjoni ta' ftuħ tal-1999 sad-deċiżjoni kkontestata tal-25 ta' Jannar 2012;

Id-disa' motiv: ksur tad-dritt għal "amministrazzjoni tajba" skont l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999

minħabba nuqqas totali li tittieħed azzjoni fir-rigward tar-regolament tal-ispejjeż skont il-paragrafu 20(2) tal-PostGesetz (Liġi dwar il-posta), li l-Kummissjoni kellha għarfien tiegħu mhux iktar tard mill-1999, iżda li sar is-suġġett ta' proċeduri legali biss wara iktar minn ħdax-il sena, bid-deċiżjoni ta' tkabbir tal-10 ta' Mejju 2011;

L-għaxar motiv: ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali, tal-aspettattivi leġittimi u tal-amministrazzjoni tajba, li huma protetti bħala drittijiet fundamentali, kif ukoll tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 659/1999

minħabba nuqqas ta' osservanza tan-natura finali tad-deċiżjoni tal-2002, li, kuntrarjament għad-dmir imperattiv li jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 659/1999, ma rregolatx "b'mod konklużiv" il-miżuri tal-Istat li kienu s-suġġett tal-proċeduri u li kienu wkoll jagħmlu parti minnhom l-ispejjeż tal-pensjoni.

B.    Ir-rikorrenti tqajjem tliet motivi oħra insostenn tar-rikors tagħha għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Jannar 2012:

Il-ħdax-il motiv: ksur tal-prinċipji ta' "amministrazzjoni tajba" u ta' "żmien raġonevoli" tal-proċeduri

minħabba nuqqas illegali li jiġu eżaminati l-eżistenza ta' "kumpens żejjed" bħala konsegwenza tal-"kumpens finanzjarju" mill-1999, kif diġà ġie ddeterminat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-1 ta' Lulju 2008, fil-Kawża T-266/02, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni;

It-tnax-il motiv: ksur tal-Artikolu 106(2) TFUE

minħabba motivazzjoni inadegwata dovuta għall-fatt li, f'dan il-każ, ir-raba' kriterju tas-sentenza Altmark  ma huwiex sodisfatt;

It-tlettax-il motiv: applikazzjoni żbaljata tal-għajnuna fl-Artikolu 107(1) TFUE

minħabba l-fatt li l-"kumpens finanzjarju" jissodisfa l-kundizzjonijiet ta' servizz ta' importanza ekonomika ġenerali fis-sens tal-Artikolu 106(2) TFUE.

____________

1 - Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tas-16 ta' Marzu 2004, Danske Busvognmænd vs Il-Kummissjoni (T-157/01, Ġabra p. II-917).

2 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

3 - Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-13 ta' Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, Ġabra p. I-2099).

4 - Sentenza tal-24 ta' Ġunju 2003, Altmark Trans (C-280/00, Ġabra p. I-7747).