Language of document : ECLI:EU:T:2007:257

Kawża T-25/04

González y Díez, SA

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna maħsuba biex tkopri spejjeż eċċezzjonali ta’ ristrutturazzjoni — Revoka ta’ deċiżjoni preċedenti — Skadenza tat-Trattat KEFA — Kompetenza tal-Kummissjoni — Kontinwità ta’ l-ordinament ġuridiku Komunitarju — Nuqqas ta’ ksur tal-forom proċedurali sostanzjali — Protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Għajnuna suġġetta ratione materiae u ratione temporis għas-sistema ġuridika tat-Trattat KEFA – Skadenza tat-Trattat KEFA – Żamma ta’ kontroll mill-Kummissjoni meta taġixxi fil-kuntest ġuridiku ta’ l-Artikolu 88(2) KE

(Artikolu 88(2) KE)

2.      Atti ta’ l-istituzzjonijiet – Applikazzjoni fiż-żmien – Regoli proċedurali – Regoli sostantivi – Distinzjoni – Retroattività ta’ regola sostantiva – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1407/2002; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2002/C 152/03)

3.      Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ l-għajnuna mill-Istat, prevista fl-Artikolu 88(2) KE

(Artikoli 88(2) KE u 230 KE)

4.      Atti ta’ l-istituzzjonijiet – Revoka – Atti illegali – Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 9)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni – Użu ħażin mill-benefiċjarju – Deċiżjoni li tikkonstata l-applikazzjoni ħażina ta’ parti mill-għajnuna awtorizzata – Revoka – Ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali ġdida

(Artikolu 88(2) KE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftah proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ għajnuna – Protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet ikkonċernati rigward l-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni kontra l-miżuri ta’ għajnuna investigata

(Artikolu 88(2) KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 6)

1.      Jekk is-suċċessjoni tal-qafas ġuridiku tat-Trattat KE fuq dak tat-Trattat KEFA wassal, b’effett mill-24 ta’ Lulju 2002, għal tibdil tal-bażi legali, tal-proċeduri u tar-regoli sostantivi applikabbli, dan għandu jiġi interpretat fil-kuntest ta’ l-unità u l-kontinwità tas-sistema legali Komunitarja u ta’ l-għanijiet tagħha. F’dan ir-rigward, l-introduzzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kompetizzjoni libera, li fi ħdanha l-kundizzjonijiet normali tal-kompetizzjoni huma ggarantiti u li ġeneralment tagħti lok għar-regoli fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat, tikkostitwixxi wieħed mill-għanijiet essenzjali kemm tat-Trattat KE kif ukoll tat-Trattat KEFA. F’dan il-kuntest, għalkemm ir-regoli tat-Trattati KEFA u KE li jirregolaw id-dixxiplina fir-rigward ta’ l-għajnuna mill-Istat huma sa ċertu punt differenti, l-għajnuna mogħtija taħt it-Trattat KEFA tissoddisfa l-kunċett ta’ għajnuna skond l-Artikoli 87 KE u 88 KE. Għaldaqstant il-persegwiment ta’ l-għan li jkun hemm kompetizzjoni mingħajr distorsjoni fis-setturi li inizjalment kienu jaqgħu taħt is-suq komuni tal-faħam u ta’ l-azzar mhuwiex interrott minħabba l-iskadenza tat-Trattat KEFA, peress li dan l-għan huwa ppersegwit ukoll mit-Trattat KE.

Il-kontinwità tas-sistema legali Komunitarja u ta’ l-għanijiet tagħha li jmexxu t-tħaddim tagħha teżiġi għaldaqstant li, bħala suċċessur l-Komunità Ewropea tal-Faħam u ta’ l-Azzar, u fil-kuntest proċedurali li huwa dak tagħha, il-Komunità Ewropea tiggarantixxi, fir-rigward tas-sitwazzjonijiet li nħolqu taħt it-Trattat KEFA, ir-rispett tad-drittijiet u ta’ l-obbligi li jkun hemm eo tempore kemm fuq l-Istati Membri kif ukoll fuq l-individwi skond it-Trattat KEFA u r-regoli adottati għall-applikazzjoni tiegħu. Din il-ħtieġa hija neċessarja iktar u iktar fejn id-disotrsjoni tal-kompetizzjoni, li tirriżulta min-nuqqas ta’ rispett tar-regoli fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat, x’aktarx testendi l-effetti tagħha fiż-żmien wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, taħt it-Trattat KE.

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 88(2) KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Kummissjoni li tistħarreġ, wara t-23 ta’ Lulju 2002, il-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija fl-oqsma li jaqgħu, ratione materiae u ratione temporis, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA, kif ukoll l-applikazzjoni mill-Istat Membri ta’ deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat adottati skond it-Trattat KEFA, fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li seħħu qabel ma’ skada dan it-Trattat.

(ara l-punti 55-57)

2.      Għalkemm ir-regoli proċedurali huma ġeneralment ikkunsidrati li japplikaw għall-kawżi pendenti kollha meta dawn jidħlu fis-seħħ, dan ma jgħoddx għar-regoli sostantivi. Fil-fatt, dawn ta’ l-aħħar għandhom jiġu interpretati, sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi, li jirrigwardaw sitwazzjonijiet li nħolqu qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss safejn mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li t-tali effett għandu jingħatalhom.

Minn din il-perspettiva, il-kontinwità tas-sistema legali Komunitarja u l-ħtiġijiet li jikkonċernaw il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi jimponu l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet materjali, adottati skond it-Trattat KEFA, għall-fatti li, ratione materiae u ratione temporis, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Iċ-ċirkustanza li l-kuntest leġiżlattiv in kwistjoni ma jkunx fis-seħħ meta ssir l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fattwali, u dan minħabba l-iskadenza tat-Trattat KEFA, mhijiex rilevanti, u dan għaliex din l-evalwazzjoni tirrigwarda sitwazzjoni ġuridika definittivament magħluqa fi żmien meta kienu applikabbli d-dispożizzjonijiet materjali adottati skond it-Trattat KEFA.

F’dan il-kuntest, ir-Regolament 1407/2002, dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam, ma jistax jiġi applikat għas-sitwazzjonijiet ġuridiċi li definittivament ingħalqu qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA. Fil-fatt, mill-kliem ta’ l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament jirriżulta b’mod ċar li dan japplika għas-sitwazzjonijiet li ngħalqu l-iżjed kmieni mill-24 ta’ Lulju 2002. Il-Kummissjoni għaldaqstant ma kinitx ġustifikata li tipprovdi, fil-punt 47 tal-Komunikazzjoni fuq ċertu aspetti ta’ kif jiġu ttrattati kawżi fuq il-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat KEFA, li l-għajnuna mill-Istat mogħtija qabel it-23 ta’ Lulju 2002 mingħajr l-approvazzjoni preċedenti tagħha kienet taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1407/2002.

(ara l-punti 58-59, 67-68)

3.      Deċiżjoni finali adottata mill-Kummissjoni sabiex tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista mill-Artikolu 88(2) KE tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat abbażi ta’ l-Artikolu 230 KE. Deċiżjoni bħal din tipproduċi, fil-fatt, effetti legali vinkolanti ta’ natura tali li jaffettwaw l-interessi tal-partijiet interessati, peress li hija ttemm il-proċedura in kwistjoni u tagħti deċiżjoni definittiva fuq il-kompatibbiltà tal-miżura investigata mar-regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat. Għaldaqstant, il-partijiet interessati dejjem għandhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-deċiżjoni finali li tagħlaq il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u f’dan il-kuntest għandu jkollhom il-possibbiltà li jikkontestaw id-diversi elementi li fuqhom hija bbażata l-pożizzjoni definittivament adottata mill-Kummissjoni.

Din il-possibbiltà hija indipendenti mill-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali tikkawżax jew le effetti legali li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament. Fil-fatt, il-possibbiltà li tiġi kkontestata deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ proċedura formali ma jistax ikollha bħala konsegwenza li jitnaqqsu d-drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati billi tipprekludihom milli jikkontestaw id-deċiżjoni finali u li jinvokaw in sostenn tar-rikors tagħhom id-difetti li jikkonċernaw l-istadji kollha tal-proċedura li twassal għal din id-deċiżjoni.

(ara l-punti 91-92)

4.      Mill-kliem użat fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88 KE], jirriżulta li l-proċedura prevista minn din id-dispożizzjoni tapplika esklużivament għat-tħassir ta’ deċiżjonijiet pożittivi fil-qasam ta’ l-għajnuna mill-Istat meħuda skond l-Artikolu 4(2) jew (3), jew l-Artikolu 7(2), (3) jew (4) ta’ dan ir-regolament, adottati abbażi ta’ informazzjoni li mhijiex eżatta pprovduta matul il-proċedura. Għaldaqstant hija mhijiex applikabbli għad-deċiżjonijiet negattivi, li jikkonstataw l-applikazzjoni ħażina ta’ għajnuna awtorizzata jew l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni.

Għaldaqstant, il-possibbiltà li l-Kummissjoni għandha li tiritira deċiżjoni fuq għajnuna mill-Istat mhijiex limitata għas-sempliċi sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 659/1999. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni hija biss espressjoni speċifika tal-prinċipju ġenerali tad-dritt li jgħid li t-tħassir retroattiv ta’ att amministrattiv illegali li jkun ħoloq drittijiet suġġettivi huwa ammess, b’mod partikolari ladarba l-att amministrattiv in kwistjoni ġie adottat abbażi ta’ indikazzjonijiet li mhumiex eżatti jew inkompleti pprovduti mill-parti interessata. Il-possibbiltà li jiġi rtirat b’mod retroattiv att amministrattiv illegali li jkun ħoloq drittijiet suġġettivi mhijiex madankollu limitat għal din iċ-ċirkustanza biss, peress li t-tali rtirar jista’ dejjem iseħħ, bla ħsara għall-osservanza, mill-istituzzjoni li minnha joħroġ l-att, tal-kundizzjonijiet li jikkonċernaw ir-rispett ta’ terminu raġonevoli u ta’ l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju ta’ l-att li seta’ jafda fil-legalità ta’ dan ta’ l-aħħar.

(ara l-punti 96-97)

5.      Meta deċiżjoni tal-Kummissjoni tikkonstata l-applikazzjoni ħażina ta’ parti mill-għajnuna awtorizzata, il-parti l-oħra ta’ l-għajnuna in kwistjoni, li ma kinitx is-suġġett ta’ konstatazzjoni ta’ applikazzjoni ħażina, tibqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni u tibbenefika, f’dan ir-rigward, minn preżunzjoni ta’ applikazzjoni mhux ħażina.

Issa, l-investigazzjoni li saret mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura formali ġdida, miftuħa sabiex tiġi rrevokata d-deċiżjoni preċedenti tagħha li tikkonstata l-applikazzjoni ħażina ta’ parti mil-għajnuna u sabiex tadotta deċiżjoni ġdida f’dan ir-rigward, għandha tkun ibbażata fuq l-ammonti kollha ta’ l-għajnuna li kienu s-suġġett ta’ l-ewwel investigazzjoni fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni preċedenti.

B’hekk, ir-rikorrenti ma tistax tallega li kien hemm aspettattivi leġittimi peress li l-ammonti ta’ għajnuna li ma ġewx ikkunsidrati bħala li kienu s-suġġett ta’ applikazzjoni ħażina fil-kuntest tad-deċiżjoni preċedenti ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura formali ġdida.

(ara l-punti 119-121)

6.      Skond l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [88 KE], id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali ta’ għajnuna mill-Istat għandha tqiegħed lill-partijiet interessati f’pożizzjoni li jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura formali fejn ikollhom il-possibbiltà li jesponu l-argumenti tagħhom. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li l-partijiet ikollhom għarfien dwar ir-raġuni li wasslet lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra provviżorjament li l-miżura in kwistjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni.

Fil-fatt, il-Kummissjoni għandha tieħu in kunsiderazzjoni, meta tmexxi proċedura ta’ investigazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, l-aspettattivi leġittimi li setgħu tqajmu mill-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni, u, sussegwentement, ta’ l-aspettattiva leġittima li d-deċiżjoni finali ma tkunx ibbażata fuq in-nuqqas ta’ elementi li, fid-dawl ta’ dawn l-indikazzjonijiet, il-partijiet interessati ma setgħux iqisu li għandhom jipprovdulha.

(ara l-punti 124-125)