Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta' Diċembru 2011 - Royal Scandinavian Casino Århus AS vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-615/11)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Partijiet

Rikorrenti: Royal Scandinavian Casino Århus AS I/S (Århus, id-Danimarka) (rappreżentant: B. Jacobi, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 fil-Każ C 35/2010 (ex N 302/2020) dwar il-miżura li d-Danimarka tippjana li timplementa fl-għamla ta' taxxi fuq il-logħob online fil-Liġi Daniża dwar it-taxxi fuq il-logħob;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

Skont l-ewwel motiv, il-Kummissjoni approvat b'mod żbaljat l-għajnuna fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, minħabba li:

l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE ma jipprovdi ebda possibbiltà għall-approvazzjoni ta' għajnuna statali għal parti minn reġjun ekonomiku;

l-għajnuna ma tissodisfax ir-rekwiżit tal-Artikolu 107(3)(ċ) li tiffaċilita l-iżvilupp ta' ċerti reġjuni ekonomiċi;

l-għajnuna taffettwa l-kundizzjonijiet tal-kummerċ b'mod kuntrarju għall-interess komuni u għalhekk

l-għajnuna ma sservi ebda skop sostanzjat ta' interess Komunitarju.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-eċċezzjoni fl-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE għandha tingħata interpretazzjoni restrittiva u li din id-dispożizzjoni ma tipprovdi ebda possibbiltà għall-għoti ta' għajnuna statali fuq il-bażi ta' kunsiderazzjonijiet finanzjarji tal-Istat.

Skont it-tieni motiv, il-Kummissjoni approvat l-għajnuna b'mod kuntrarju għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-għajnuna għall-funzjonament. L-għajnuna inkwistjoni, li ngħatat bħala għajnuna permanenti fl-għamla ta' tnaqqis ta' taxxa, tammonta għal għajnuna għall-funzjonament li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma tistax tiġi approvata f'każijiet bħalma huwa l-każ ineżami.

Skont it-tielet motiv, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità, peress li l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni Daniża jistgħu jintlaħqu mingħajr l-għoti ta' għajnuna statali.

Skont ir-raba' motiv, il-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni żbaljata meta kkonkludiet, b'mod żbaljat, li l-għajnuna kienet neċessarja sabiex toħloq inċentiv għall-fornitur tal-logħob sabiex japplika għal liċenzja Daniża.

Skont il-ħames motiv, il-Kummissjoni għamlet użu ħażin mill-poteri tagħha meta rreferiet għal dispożizzjoni tat-Trattat li tawtorizza l-approvazzjoni ta' għajnuna intiża sabiex tiffaċilita l-iżvilupp ta' reġjun ekonomiku, meta, fil-fatt, jidher ċar mid-deċiżjoni li r-raġuni vera għall-approvazzjoni tal-għajnuna hija x-xewqa li jkun hemm numru xieraq ta' applikanti għal liċenzja Daniża għal-logħob online. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tuża ħażin il-poteri tagħha meta tagħti bħala raġunijiet għall-approvazzjoni l-għan ta' liberalizzazzjoni u faċilitazzjoni tal-iżvilupp ta' reġjun ekonomiku, meta l-Istat Daniż innifsu jiddikjara li l-għan ġenerali tal-iskema tat-taxxa huwa li jkun hemm l-ikbar dħul mit-taxxa possibbli.

Skont is-sitt motiv, il-Kummissjoni naqset milli tissodisfa r-rekwiżit ta' motivazzjoni suffiċjenti, peress li r-raġunijiet mogħtija:

huma ġeneralment inkonsistenti u kontradittorji fuq diversi punti;

ma jipprovdux spjegazzjoni suffiċjenti dwar kif il-liberalizzazzjoni tas-suq tal-logħob tikkostitwixxi skop leġittimu li jintlaħaq permezz ta' approvazzjonijiet fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE;

ma jipprovdux spjegazzjoni sodisfaċenti tal-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE;

ma jsostnux il-ħtieġa tal-għajnuna statali u lanqas ma jipprovdu analiżi suffiċjenti tat-tassazzjoni fi Stati Membri oħra;

ma humiex ċari fir-rigward tal-għanijiet tal-Liġi Daniża dwar it-taxxi fuq il-logħob;

ma jindirizzawx il-leġiżlazzjoni Daniża li tkopri forom oħra ta' logħob;

ma jinkludu ebda eżami jew spjegazzjoni tal-effetti tal-għajnuna fuq logħob operat internament.

____________