Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta' Settembru 2010 - Hansa Metallwerke et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-375/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Hansa Metallwerke AG (Stuttgart, il-Ġermanja), Hansa Nederland BV (Nijkerk, il-Pajjiżi l-Baxxi), Hansa Italiana Srl (Castelnuovo del Garda, l-Italja), Hansa Belgium Sprl (Asse, il-Belġju), Hansa Austria GmbH (Salzburg, l-Awstrija) (rappreżentant: H.-J. Hellmann, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenuta tat-23 ta' Ġunju 2010, li ġiet innotifikata lir-rikorrenti fit-23 ta' Ġunju 2010, fi proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39092 - Installazzjonijiet sanitarji) sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas il-multa tar-rikorrenti;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 4185 finali, tat-23 ta' Ġunju 2010, fil-Każ COMP/39092 - installazzjonijiet sanitarji. Fid-deċiżjoni kkontestata ġew imposti multi fuq ir-rikorrenti u fuq impriżi oħra minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti pparteċipaw fi ftehim kontinwu jew fi prattiki miftiehma fis-settur tal-installazzjonijiet sanitarji fil-Belġju, fil-Ġermanja, fi Franza, fl-Italja, fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Awstrija.

Bl-ewwel motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-multi imposti jeċċedu b'mod illegali l-ammont massimu awtorizzat skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 1 peress li fid-deċiżjoni tagħha l-konvenuta bbażat ruħha fuq fatturat globali żbaljat ta' Hansa Metallwerke AG.

Bit-tieni motiv qiegħda tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Skont ir-rikorrenti, il-konvenuta wettqet żbalji proċedurali serji fil-proċedura amministrattiva u b'dan il-mod huma ġew żvantaġġati meta mqabbla ma' partijiet oħra fil-proċedura. Fid-deċiżjoni kkontestata ma nżammitx il-wiegħda magħmula mill-konvenuta matul il-proċedura fis-sens li kienet ser tieħu inkunsiderazzjoni dan il-fatt.

Permezz tat-tielet motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta kisret l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 peress li għamlet kalkolu żbaljat fir-rigward tal-Avviż dwar il-kooperazzjoni 2. Dawn jilmentaw dwar in-nuqqas ta' tnaqqis tal-multa imposta minkejja l-kooperazzjoni tagħhom.

Permezz tar-raba' motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-applikazzjoni tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi 3 għal fatti li ġew konklużi qabel il-pubblikazzjoni tagħhom tikser il-prinċipju ta' nuqqas ta' retroattività.

Barra minn hekk, qiegħed jiġi sostnut li l-prassi tal-konvenuta fil-qasam tal-multi mhijiex legali skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Ir-rikorrenti jilmentaw li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni u ta' proporzjonalità. Barra minn hekk, l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, kif applikat fil-prassi tal-konvenuta abbażi tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi jikser il-prinċipju tal-legalità tal-pieni skont l-Artikolu 7 ECHR u tal-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jilmentaw dwar l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi minħabba diversi żbalji fl-applikazzjoni tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali għad-dannu tar-rikorrenti. Huma jsostnu b'mod partikolari li l-provi u l-evalwazzjoni tal-provi dwar il-fatti individwali fir-rigward tar-rikorrenti huma vvizzjati minn żbalji.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

2 - Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155).

3 - Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006 C 210, p. 2)