Language of document :

Appell ippreżentat fl-24 ta’ Novembru 2014 minn DF mis-sentenza mogħtija fl-1 ta’ Ottubru 2014 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-91/13, DF vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-782/14 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: DF (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: A. von Zwehl, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku (It-Tielet Awla) (iktar ’il quddiem, it-“TSP”) mogħtija fl-1 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża F-91/13, DF vs Il-Kummissjoni, sa fejn ma ntlaqax ir-rikors ta’ DF;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2012;

tikkundanna lill-Kummissjoni għar-rimbors tas-somom li diġà ġew irkuprati minnha, flimkien mal-interessi moratorji, ikkalkolati abbażi tar-rata ta’ referenza tal-Bank Ċentrali Ewropew miżjuda b’żewġ punti; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellanti tinvoka tliet aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq ksur tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, sa fejn it-TSP, b’mod konformi mal-ġurisprudenza rilevanti, kellu jasal għall-konklużjoni li ma jistax jiġi sostnut b’mod raġonevoli li waħda jew l-oħra miż-żewġ interpretazzjonijiet possibbli tal-Artikolu 4(1)(b) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri l-kwistjoni dwar jekk il-perijodu ta’ referenza ta’ għaxar snin jintemmx mad-dħul fil-kariga inizjali jew mad-dħul fil-kariga fl-entità ta’ kollokament, tant hija manifestament infondata li japplika l-Artikolu 85.It-tieni aggravju bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-Artikolu 19 TUE, sa fejn, minħabba l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet diverġenti u inkompatibbli tad-dritt nazzjonali u tad-dritt tal-Unjoni dwar l-arrikkiment indebitu, DF huwa s-suġġett ta’ diskriminazzjoni meta s-sitwazzjoni tiegħu titqabbel ma’ sitwazzjoni fejn ikun biss l-ordinament ġuridiku nazzjonali li japplika, għaliex ma jitħalliex jinvoka kontra l-Kummissjoni l-fatt li l-arrikiment ma għadux jeżisti.It-tielet aggravju bbażat fuq responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn id-deċiżjoni li tikkonstata li l-ħlas irregolari għandu jitqies li huwa illegali u li timponi fuq DF ir-rimbors tiegħu lill-Kummissjoni kkawżat dannu lil DF.