Language of document :

Kawżi maqgħuda C116/21 P sa C118/21 P, C138/21 P u C139/21 P

IlKummissjoni Ewropea

vs

VW et

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal14 ta’ Lulju 2022

“Appell – Servizz pubbliku – Pensjoni – Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 tal-Anness VIII – Għoti ta’ pensjoni tas-superstiti – Konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal intitolat għal pensjoni tal-irtirar – Żwieġ konkluż wara t-tmiem tas-servizz ta’ dan l-uffiċjal – Kundizzjoni ta’ tul minimu ta’ ħames snin taż-żwieġ fid-data tal-mewt tal-uffiċjal – Artikolu 18 tal-Anness VIII – Żwieġ konkluż qabel it-tmiem tas-servizz tal-uffiċjal – Kundizzjoni ta’ tul minimu taż-żwieġ ta’ sena biss – Eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 20 tal-Anness VIII – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 20 – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Artikolu 21(1) – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Artikolu 52(1) – Assenza ta’ distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mil-leġiżlatur tal-Unjoni”

1.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Ugwaljanza fit-trattament – Differenza fit-trattament oġġettivament iġġustifikata – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Applikazzjoni għal att leġiżlattiv tal-Unjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 20; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 18 u 20)

(ara l-punti 95 sa 97, 140 sa 143)

2.        Uffiċjali – Pensjonijiet – Pensjoni tas-superstiti – Kundizzjonijiet għall-għoti – Applikazzjoni ddifferenzjata skont id-data tal-konklużjoni taż-żwieġ, li seħħet qabel jew wara t-tmiem tal-attività tal-uffiċjal mejjet – Natura komparabbli taż-żewġ sitwazzjonijiet fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tal-pensjonijiet tas-superstiti kif ukoll tal-kundizzjoni komuni tar-rabta legali bejn il-konjuġi

(Regolamenti tal-Persunal, Anness VIII, Artikoli 18 sa 20 u 27)

(ara l-punti 98 sa 100, 102 sa 108)

3.        Uffiċjali – Pensjonijiet – Pensjoni tas-superstiti – Kundizzjonijiet għall-għoti – Tul minimu taż-żwieġ – Differenza fit-trattament tal-konjuġi superstiti skont id-data taż-żwieġ, li seħħ qabel jew wara t-tmiem tal-attività tal-uffiċjal mejjet – Setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti – Eżami mill-qorti tal-Unjoni tan-natura xierqa u neċessarja tad-differenza – Inammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 20 u 52(1); Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 18 u 20)

(ara l-punti 127 sa 130, 144)

4.        Uffiċjali – Pensjonijiet – Pensjoni tas-superstiti – Kundizzjonijiet għall-għoti – Tul minimu taż-żwieġ – Differenza fit-trattament tal-konjuġi superstiti skont id-data taż-żwieġ, li seħħ qabel jew wara t-tmiem tal-attività tal-uffiċjal mejjet – Limitazzjoni tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament u diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età – Ġustifikazzjoni – Ġlieda kontra l-frodi – Ammissibbiltà – Stħarriġ tal-proporzjonalità

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 20, 21(1) u 52(1)); Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1d u Anness VIII, Artikoli 18 u 20)

(ara l-punti 139 sa 142, 146 sa 156, 172 sa 176)

5.        Appell – Aggravji – Aggravji li jirrigwardaw talbiet li jinsabu fis-sentenza appellata u li ma kinux is-suġġett ta’ appell inċidentali – Awtorità ta’ res judicata – Ċaħda

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 169(1) u 178(1))

(ara l-punt 180)

Sunt

VW, BT u RN, skont il-każ, iżżewġu jew iżżewġu mill-ġdid uffiċjali tal-Unjoni li ma kinux għadhom fis-servizz ta’ istituzzjoni tal-Unjoni fid-data tal-konklużjoni taż-żwieġ tagħhom jew taż-żwieġ mill-ġdid tagħhom. Inqas minn ħames snin wara dik id-data, it-tliet konjuġi mietu.

Kull waħda mit-tliet nisa inkwistjoni, bħala konjuġi superstiti ta’ ex uffiċjal tal-Unjoni, ressqet talba għall-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti.

Dawn it-talbiet ġew miċħuda mill-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet kontenzjużi”) għar-raġuni li VW, BT u RN ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”). Bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, il-konjuġi superstiti li żżewġu uffiċjal wara t-tmiem tas-servizz tiegħu huma esklużi mill-benefiċċju tal-pensjoni tas-superstiti meta ż-żwieġ tagħhom ikun dam inqas minn ħames snin. Għall-kuntrarju, skont l-Artikolu 18 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, il-konjuġi superstiti li jkunu żżewġu uffiċjal qabel it-tmiem tas-servizz tiegħu għandhom dritt għal pensjoni tas-superstiti meta ż-żwieġ tagħhom ikun dam mill-inqas sena.

Adita b’rikorsi għal annullament ippreżentati minn VW, BT u RN kontra d-deċiżjonijiet kontenzjużi, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kiser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) kif ukoll, fil-kawża relatata ma’ VW, il-prinċipju ta’ proporzjonalità u, fil-kawżi relatati ma’ BT u ma’ RN, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija laqgħet l-eċċezzjonijiet ta’ illegalità mqajma minn VW, BT u RN u annulla kull waħda mid-deċiżjonijiet kontenzjużi.

Fuq l-appelli ppreżentati mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenzi tal-Qorti Ġenerali u tiċħad ir-rikorsi ta’ VW, BT u RN. Il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, billi ppreveda perijodi minimi ta’ żwieġ differenti fl-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jagħti d-dritt għal pensjoni tas-superstiti lill-konjuġi superstiti ta’ uffiċjali jew ta’ ex uffiċjali li mietu, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma eżerċitax b’mod arbitrarju jew manifestament inadegwat il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li huwa għandu f’dan ir-rigward.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

Filwaqt li tikkonferma l-analiżi tal-Qorti Ġenerali li s-sitwazzjonijiet koperti mill-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huma komparabbli u fid-dawl tal-fatt li, billi ppreveda perijodi minimi ta’ żwieġ differenti f’dawn id-dispożizzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni ttratta sitwazzjonijiet komparabbli b’mod differenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandu l-leġiżlatur tal-Unjoni waqt l-adozzjoni ta’ regoli stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta, jinkiser biss meta l-leġiżlatur jagħmel distinzjoni arbitrarja jew manifestament inadegwata meta mqabbel mal-għan li għandu jintlaħaq mid-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal inkwistjoni Din il-ġurisprudenza hija applikabbli wkoll fil-kuntest tal-verifika tar-rekwiżit ta’ proporzjonalità impost fl-Artikolu 52(1) tal-Karta.

Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kellha tillimita ruħha li tivverifika jekk id-differenza bejn il-konjuġi superstiti ta’ uffiċjali jew ta’ ex uffiċjali skont id-data tal-konklużjoni taż-żwieġ, magħmula fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, moqrija flimkien mal-Artikolu 18 ta’ dan l-anness, kinitx tidher “arbitrarja” jew “manifestament inadegwata” fid-dawl tal-għan ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq minn dawn id-dispożizzjonijiet. Issa, billi vverifikat, fis-sentenzi appellati, jekk din id-distinzjoni kinitx tidher “irraġonevoli” fid-dawl tal-għan ta’ interess ġenerali li għandu jintlaħaq u billi, barra minn hekk, eżaminat jekk il-kundizzjoni tat-tul minimu taż-żwieġ ta’ ħames snin prevista fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, meħuda waħedha u indipendentement minn dik ta’ sena prevista fl-Artikolu 18 ta’ dan l-anness, kinitx, fil-kuntest tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, proporzjonata fis-sens li hija ma kinitx tmur manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan ta’ interess ġenerali, il-Qorti Ġenerali naqset milli tosserva l-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju tagħha u, b’hekk, wettqet żball ta’ liġi.

Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenzi appellati tal-Qorti Ġenerali u, wara li kkonstatat li t-tilwim kien fi stat li jiġi deċiż, tiddeċidihom definittivament hija stess.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, għalkemm il-leġiżlatur tal-Unjoni ttratta sitwazzjonijiet komparabbli b’mod differenti billi ppreveda perijodi minimi ta’ żwieġ differenti fl-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, din id-differenza fit-trattament hija madankollu ġġustifikata skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta.

Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, jistgħu jsiru limitazzjonijiet għad-drittijiet u għal-libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta biss jekk, l-ewwel, dawn ikunu previsti mil-liġi, it-tieni, ikunu jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u, it-tielet, ikunu neċessarji u effettivament jaqdu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor.

F’dan il-każ, huwa stabbilit li d-differenza fit-trattament bejn il-konjuġi superstiti ta’ uffiċjali hija prevista mil-liġi, peress li tirriżulta mill-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, moqri flimkien mal-Artikolu 18 ta’ dan l-anness. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu kundizzjonijiet ta’ tul minimu taż-żwieġ f’ċifri b’mod preċiż, li jiddefinixxu l-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal ugwaljanza fit-trattament.

Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-limitazzjoni imposta fuq l-iskema tal-pensjonijiet tas-superstiti permezz tad-differenza fit-trattament inkwistjoni tosserva, barra minn hekk, il-kontenut essenzjali tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, din il-limitazzjoni ma tikkonfutax il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bħala tali sa fejn din tirrigwarda biss il-kwistjoni tal-kundizzjoni minima ta’ tul taż-żwieġ li l-konjuġi superstiti ta’ uffiċjali jew ta’ ex uffiċjali li mietu għandhom jissodisfaw sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn pensjoni tas-superstiti, mingħajr ma dawn il-konjuġi jkunu mċaħħda mill-possibbiltà li jibbenefikaw minn tali pensjoni f’kull wieħed mill-każijiet previsti fl-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

L-imsemmija limitazzjoni tissodisfa, barra minn hekk, għan ta’ interess ġenerali, jiġifieri dak intiż għall-prevenzjoni tal-abbuż ta’ dritt u tal-frodi. F’dan il-kuntest, il-kundizzjoni li ż-żwieġ għandu jkun dam għal mill-inqas sena sabiex il-konjuġi superstiti jibbenefika mill-pensjoni tas-superstiti hija intiża sabiex tiżgura r-realtà u l-istabbiltà tar-relazzjonijiet bejn il-persuni kkonċernati. Dan huwa kriterju uniformi u indistintament applikabbli għall-konjuġi superstiti kollha koperti mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 18 u 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal li ma huwiex intiż li jippreżumi l-eżistenza ta’ abbuż jew ta’ frodi fir-rigward tal-konjuġi superstiti, iżda sabiex jipprevjeni t-twettiq ta’ tali abbuż jew frodi.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-eżami ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li la jidher arbitrarju u lanqas manifestament inadegwat li jkun meħtieġ, fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, tul minimu taż-żwieġ itwal minn dak previst fl-Artikolu 18 ta’ dan l-anness. Fil-fatt, fl-ipoteżi msemmija f’dan l-Artikolu 20, ikkaratterizzata mill-fatt li ż-żwieġ ikun seħħ wara t-tmiem tas-servizz tal-uffiċjal, l-inċentiv għall-abbużi jew għall-frodi jista’ jiġi ffavorit mill-ikbar prevedibbiltà u mill-ikbar viċinanza tal-mewt tal-uffiċjal peress li, bħal f’dan il-każ, dan it-tmiem iseħħ bħala effett tal-irtirar.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li, sa fejn id-differenza fit-trattament stabbilita fl-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, l-Artikolu 20 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikolu 20 tal-Karta.

Għall-istess raġunijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li tikkonstata li l-imsemmija differenza fit-trattament tikkostitwixxi wkoll differenza fit-trattament indirettament ibbażata fuq l-età, tiddeċiedi li din hija wkoll konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta.