Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-16 ta’ Frar 2017 – Solar World vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-783/14) 1

[“Dumping – Sussidji – Importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-silikon kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew huma kkonsenjati miċ-Ċina – Approvazzjoni ta’ tnaqqis tal-prezz minimu fuq l-importazzjoni skont impenju aċċettat fil-kuntest ta’ proċeduri antidumping u antisussidji – Industrija tal-Unjoni – Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009”]

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: SolarWorld AG (Bonn, il-Ġermanja) (rappreżentanti: L. Ruessmann, avukat, u J. Beck, solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: T. Maxian Rusche u A. Stobiecka-Kuik, aġenti)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, inkluża f’ittra tal-15 ta’ Settembru 2014 indirizzata lill-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ makkinarju u ta’ prodotti elettroniċi, li jġibu r-riferiment Trade/H4 (2014) 3328168, li jiġi aġġustat ’l isfel il-prezz minimu fuq l-importazzjoni għall-importazzjonijiet ta’ moduli u ċelloli fotovoltajċi mmanufatturati mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi, suġġetti għal impenn tal-prezz b’effett mill-1 ta’ Ottubru 2014 għall-aħħar kwart tal-2014.

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud.

SolarWorld AG hija kkundannata għall-ispejjeż.

____________

1 ĠU C 73, 2.3.2015.