Language of document :

Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Awwissu 2013 – Tilly-Sabco vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-397/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Tilly-Sabco (Guerlesquin, Franza) (rappreżentanti: R. Milchior u F. Le Roquais, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara ammissibbli r-rikors għal annullament tar-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 689/2013, tat-18 ta’ Lulju 2013, li jiffissa r-rifużjonijiet tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur (ĠU L 196, p. 13, tad-19 ta’ Lulju 2013);

tannulla r-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) Nru 689/2013, tat-18 ta’ Lulju 2013, li jiffissa r-rifużjonijiet tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur (ĠU L 196, p. 13, tad-19 ta’ Lulju 2013);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dan ir-rikors.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.    L-ewwel motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ proċedura, peress li nkisru r-regoli tal-proċedura tal-kumitat ta’ ġestjoni sa fejn il-Kummissjoni ma tatx lill-kumitat is-setgħa li jeżamina l-elementi kollha sabiex ikun jista’ jagħti l-parir tiegħu dwar l-abbozz ta’ test li għandu jiġi adottat skont il-proċedura tar-Regolament Nru 182/2011 1 .

2.    It-tieni motiv ibbażat fuq difett proċedurali u fuq inkompetenza, peress li r-regolament ikkontestat ġie adottat bil-firma tad-Direttur Ġenerali għall-agrikoltura u għall-iżvilupp rurali, f’isem il-President tal-Kummissjoni, mingħajr ma huwa stabbilit li jeżistu att ta’ delega u dikjarazzjoni ta’ awtoċertifikazzjoni.

3.    It-tielet motiv ibbażat fuq assenza ta’ motivazzjoni tar-regolament ikkontestat, sa fejn:

-    il-premessa 6 tiegħu ma tistax tikkostitwixxi motivazzjoni suffiċjenti għal regolament li jaqta’ mill-prassi normali tal-Kummissjoni li tikkonsisti fl-iffissar tal-ammont tar-rifużjonijiet skont id-differenza bejn il-prezzijiet tal-prodotti kkonċernati fis-suq Komunitarju, minn naħa, u fis-suq dinji, min-naħa l-oħra, u

-    il-motivazzjoni hija inkoerenti u kontradittorja inkwantu hija r-riporoduzzjoni identika tar-Regolament ta’ Implementazzjoni preċedenti Nru 360/2013 mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni kriterji evoluttivi stabbiliti fl-Artikolu 164 tar-Regolament Nruº1234/2007 2 .

4.    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-liġi jew mill-inqas fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li l-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni lill-kumitat ta’ ġestjoni ma tosservax il-kriterji tal-Artikolu 164(3) tar-Regolament Nru 1234/2007.

5.    Il-ħames motiv ibbażat fuq preġudizzju għall-aspettattivi leġittimi, sa fejn ir-rikorrenti għandha l-aspettattiva leġittima, minħabba assigurazzjonijiet li hija ngħatat mill-Kummissjoni, li titkompla sistema ta’ rifużjonijiet pożittivi sat-tmiem tal-politika agrikola komuni attwali.

____________

1     Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, p. 13).

2     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, p. 1).