Language of document : ECLI:EU:T:2016:8

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

14 ta’ Jannar 2016 (*) 

“Agrikoltura – Ħlas lura fuq l-esportazzjoni – Laħam tat-tjur – Regolament ta’ implementazzjoni li jistabbilixxi l-ħlas lura b’rata ta’ żero euro — Rikors għal annullament – Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni – Interess dirett – Ammissibbiltà – Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 164(3), tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 – Aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża T‑397/13,

Tilly-Sabco, stabbilita f’Guerlesquin (Franza), irrappreżentata minn R. Milchior, F. Le Roquais u S. Charbonnel, avukati,

rikorrenti,

sostnuta minn

Doux SA, stabbilita f’Châteaulin (Franza), irrappreżentata minn J. Vogel, avukat,

intervenjenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn D. Bianchi u K. Skelly, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 689/2013, tat-18 ta’ Lulju 2013 li jiffissa r-rifużjonijiet tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur (ĠU L 196, p. 13),

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),

komposta minn A. Dittrich (Relatur), President, J. Schwarcz u V. Tomljenović, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Tilly-Sabco, hija kumpannija attiva b’mod partikolari fl-esportazzjoni ta’ tiġieġ sħaħ iffriżati lejn il-pajjiżi tal-Lvant Nofsani.

2        Permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament ta’ att adottat mill-Kummissjoni Ewropea, li bih din tal-aħħar stabbilixxiet b’rata ta’ żero euro l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur għal tliet kategoriji ta’ tiġieġ sħaħ iffriżati.

3        Il-prinċipji li jirregolaw il-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni huma rregolati mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament “Waħdieni dwar l-OKS”) (ĠU L 299, p. 1), kif emendat.

4        Il-Kapitolu III, “Esportazzjonijiet”, tal-Parti III, “Kummerċ ma’ pajjiżi terzi”, tar-Regolament Nru 1234/2007 jinkludi Taqsima II, “Rifużjonijiet ta’ esportazzjoni” dedikata lill-imsemmija ħlasijiet lura. L-Artikolu 162 tar-regolament jipprovdi li, sa fejn ikun meħtieġ sabiex l-esportazzjonijiet ikunu jistgħu jseħħu abbażi ta’ kwotazzjonijiet jew prezzijiet fis-suq dinji u fi ħdan il-limiti li jirriżultaw minn ftehim konklużi skont l-Artikolu 218 TFUE, id-differenza bejn dawk il-kwotazzjonijiet jew prezzijiet u prezzijiet fl-Unjoni Ewropea jistgħu jkunu koperti minn rifużjoni ta’ esportazzjoni għal prodotti li jaqgħu, b’mod partikolari, taħt is-settur tal-laħam tat-tjur.

5        Skont l-Artikolu 164(1) tar-Regolament Nru 1234/2007, ir-rifużjonijiet ta’ esportazzjoni għandhom ikunu l-istess għall-Unjoni kollha. Skont il-paragrafu 2 tal-istess artikolu, ir-rifużjonijiet għandhom ikunu ffisati mill-Kummissjoni. Ir-rifużjonijiet jistgħu jkunu ffissati: u jistgħu jkunu f’intervalli regolari jew, għal ċerti prodotti, permezz ta’ sejħa għal appalt. Dan il-paragrafu jipprovdi wkoll li, ħlief fejn iffissati b’appalt, il-lista ta’ prodotti li għalihom tingħata rifużjoni tal-esportazzjoni u l-ammont ta’ din ir-rifużjonijiet għandha tkun stabbilita tal-inqas darba kull tliet xhur.

[omissis]

10      Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 689/2013, tat-18 ta’ Lulju 2013, li jiffissa r-rifużjonijiet tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur (ĠU L 196, p. 13, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”), il-Kummissjoni Ewropea stabbilixxiet b’rata ta’ żero euro l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni għal tliet kategoriji ta’ tiġieġ sħaħ iffriżati, li l-kodiċijiet tagħhom huma 0207 12 10 9900, 0207 12 90 9190 u 0207 12 90 9990.

11      L-ammont tal-ħlasijiet lura għas-sitt prodotti l-oħra – essenzjalment flieles – riprodotti fl-anness tar-regolament ikkontestat, li kien ġie ffissat għal żero mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1056/2011, tal-20 ta’ Ottubru 2011, li jistabbilixxi r-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur (ĠU L 276, p. 31), ma ġiex emendat.

12      Skont l-anness tar-regolament ikkontestat, id-destinazzjonijiet ikkonċernati mill-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni huma b’mod partikolari l-pajjiżi tal-Lvant Nofsani.

13      Ir-regolament ikkontestat, barra minn hekk, ħassar ir-Regolament Nru 360/2013 li kien jiffissa sa dak iż-żmien il-livell ta’ ħlasijiet lura għas-settur inkwistjoni.

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

18      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreżentat talba għal miżuri provviżorji, li fiha hija kienet qed titlob, essenzjalment, lill-President tal-Qorti Ġenerali sabiex jissospendi l-eżekuzzjoni tar-regolament ikkontestat, sal-adozzjoni tad-deċiżjoni li ġġib fi tmiemha l-kawża prinċipali. Permezz ta’ digriet tad-29 ta’ Awwissu 2013, il-President tal-Qorti Ġenerali awtorizza lir-Repubblika Franċiża li tintervjeni fil-kawża għal miżuri provviżorji insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti. Il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji permezz tad-digriet tas-26 ta’ Settembru 2013, Tilly-Sabco vs Il‑Kummissjoni (T‑397/13 R, EU:T:2013:502), u l-ispejjeż ġew rriżervati.

19      Permezz ta’ att reġistrat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Novembru 2013, Doux SA, kumpannija attiva wkoll b’mod partikolari fl-esportazzjoni ta’ tiġieġ sħaħ iffriżati mill-Unjoni lejn il-pajjiżi tal-Lvant Nofsani, talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. B’digriet tas‑7 ta’ April 2014, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent.

20      Ir-rikorrenti talbet li ċerti elementi kunfidenzjali fir-replika kif ukoll fl-annessi tagħha jiġu esklużi mill-komunikazzjoni lill-intervenjenti. Il-komunikazzjoni lill-intervenjenti tal-imsemmija atti u annessi ġiet limitata għall-verżjonijiet mhux kunfidenzjali prodotti mir-rikorrenti. L-intervenjenti ma qajmitx oġġezzjonijiet f’dan ir-rigward.

21      L-intervenjenti ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fit-terminu stabbilit u l-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din tal-aħħar ukoll fit-terminu stabbilit. Ir-rikorrenti ma ppreżentatx l-osservazzjonijiet tagħha dwar din in-nota fit-terminu mogħti.

22      Fid-dawl tal-proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Mejju 1991, stiednet lill-partijiet biex jirrispondu bil-miktub għal domandi u talbet lill-Kummissjoni l-produzzjoni ta’ ċerti dokumenti. Il-partijiet wieġbu għal dawn it-talbiet fit-terminu impost.

23      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        tannulla r-regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors għal annullament kontra r-regolament ikkontestat ippreżentat mir-rikorrenti ammissibbli;

–        tannulla r-regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

25      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli jew infondat;

–        tirriżerva l-ispejjeż.

 Id-dritt

26      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem ħames motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u fuq użu ħażin ta’ proċedura, it-tieni, fuq vizzju ta’ proċedura u nuqqas ta’ ġurisdizzjoni, it-tielet, fuq assenza ta’ motivazzjoni, ir-raba’, fuq ksur tal-liġi jew fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u, il-ħames, fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

27      Il-Kummissjoni, mingħajr ma tqajjem eċċezzjoni formali ta’ inammissibbiltà, tikkunsidra li r-rikors huwa inammissibbli. Hija tqis li r-rikorrenti ma għandhiex locus standi, għaliex, fil-fehma tagħha, il-kundizzjonijiet previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE ma humiex sodisfatti.

 I – Fuq l-ammissibbiltà

28      Ir-rikorrenti, sostnuta mill-intervenjenti, targumenta li r-regolament ikkontestat jikkostitwixxi att regolatorju li jirrigwardaha direttament u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, konformement mat-tielet ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Sussidjarjament, hija targumenta li hija kkonċernata direttament u individwalment mir-regolament ikkontestat, fis-sens tat-tieni ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

29      Wieħed għandu jibda billi janalizza jekk ir-regolament ikkontestat jikkostitwixxi att regolatorju li jirrigwarda direttament ir-rikorrenti u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni.

 A – Fuq l-eżistenza ta’ att regolatorju

30      Qabelxejn, fir-rigward tal-kwistjoni jekk ir-regolament ikkontestat jikkostitwixxix att regolatorju fis-sens tat-tielet ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ att regolatorju, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni għandu jinftiehem bħala li jipprevedi kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni ta’ atti leġiżlattivi [sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑583/11 P, Ġabra, EU:C:2013:625, punt 61; digriet tas-6 ta’ Settembru 2011, Inuit Tapiriit Kanatami et vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, T‑18/10, Ġabra, EU:T:2011:419, punt 56, u s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni, T‑262/10, Ġabra, EU:T:2011:623, punt 21].

31      Kif ir-rikorrenti tenfasizza ġustament, att għandu portata ġenerali jekk japplika għal sitwazzjonijiet iddeterminati b’mod oġġettiv u jekk jipproduċi effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni identifikati b’mod ġenerali u astratt [digriet tat-8 ta’ April 2008, Saint-Gobain Glass Deutschland vs Il‑Kummissjoni, C‑503/07 P, Ġabra, EU:C:2008:207, punt 71, u s-sentenza Microban International et Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:T:2011:623, punt 23]. F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-regolament ikkontestat għandu portata ġenerali, għaliex huwa għandu bħala għan li jiffissa l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni li japplikaw għal kategorija ta’ operaturi previsti b’mod ġenerali u astratt, jiġifieri għall-operaturi kollha li jesportaw il-prodotti inkwistjoni lejn il-pajjiżi kkonċernati mill-imsemmi regolament.

32      Peress li r-regolament ikkontestat ma ġiex adottat la skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u lanqas skont proċedura leġiżlattiva speċjali fis-sens tal-Artikolu 289(1) sa (3) TFUE (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-4 ta’ Ġunju 2012, Eurofer vs Il‑Kummissjoni, T‑381/11, Ġabra, EU:T:2012:273, punt 44), huwa jikkostitwixxi att regolatorju fis-sens tat-tielet ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

33      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonċedi li r-regolament ikkontestat huwa att regolatorju.

 B – Fuq l-interess dirett tar-rikorrenti

34      Ma hemm l-ebda raġuni li wieħed jinterpreta l-kunċett ta’ interess dirett, kif inhu meħtieġ fir-rigward ta’ atti regolatorji fil-kuntest tat-tielet ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’mod differenti minn dik li biha dan il-kunċett huwa interpretat fil-kuntest tat-tieni ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri fir-rigward ta’ atti li jikkonċernaw “direttament u individwalment” persuna fiżika jew ġuridika (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali Kokott fil-kawża Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, Ġabra, EU:C:2013:204, punt 59).

35      Il-kundizzjoni ta’ interess dirett teħtieġ, l-ewwel nett, li l-miżura kkontestata taffettwa s-sitwazzjoni legali tal-individwu b’mod dirett, u, it-tieni nett, li hija ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha, li huma responsabbli għall-implementazzjoni tagħha, peress li din l-implementazzjoni hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni kkontestata, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra [ara s-sentenza Microban International u Microban (Europe) vs Il‑Kummissjoni, punt 30 iktar ’il fuq, EU:T:2011:623, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata].

36      F’dan il-każ, ir-regolament ikkontestat jipproduċi effett legali direttament fuq ir-rikorrenti, fis-sens li hija ma tistax iktar tibbenefika mill-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni ta’ ammont pożittiv għall-esportazzjonijiet tagħha ta’ tiġieġ sħaħ iffriżati lejn il-pajjiżi tal-Lvant Nofsani. Peress li l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni ġie ffissat għal żero mir-regolament ikkontestat, dan ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli li jallokaw il-ħlasijiet lura. Anki jekk ngħata ħlas lura tal-esportazzjoni minn awtorità nazzjonali, dan ikun awtomatikament ta’ ammont ugwali għal żero, sa fejn ir-regolament ikkontestat ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali li jippermettilhom li jiffissaw ħlas lura tal-esportazzjoni ta’ ammont pożittiv.

37      Għalhekk ir-rikorrenti hija direttament affettwata mir-regolament ikkontestat.

38      Barra minn hekk il-Kummissjoni kkonfermat, b’risposta għal domanda magħmula f’dan ir-rigward matul is-seduta, li hija ma kinitx qed tikkontesta l-interess dirett tar-rikorrenti, li tiegħu ġie nnotat fil-proċess verbal tas-seduta.

 C – Fuq l-eżistenza ta’ att li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni

39      Il-kunċett ta’ atti regolatorji li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni, fis-sens tat-tielet ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jeħtieġ li jiġi interpretat fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta miċ-ċirkustanzi li fih ġiet fis-seħħ, f’li jiġi evitat li individwu jkun kostrett li jikser id-dritt sabiex ikollu aċċess għall-qorti. Issa, meta att regolatorju jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ persuna fiżika jew ġuridika mingħajr ma jeżiġi miżuri ta’ implementazzjoni, din tal-aħħar tirriskja li ma jkollhiex protezzjoni ġudizzjarja effettiva jekk hija ma jkollhiex rimedju dirett quddiem il-qorti tal-Unjoni sabiex tikkontesta l-legalità ta’ dan l-att regolatorju. Fil-fatt, fl-assenza ta’ miżuri ta’ implementazzjoni, persuna fiżika jew ġuridika, anki jekk direttament ikkonċernata mill-att inkwistjoni, tkun tista’ tikseb stħarriġ ġudizzjarju ta’ dan l-att biss wara li tkun kisret id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi att billi tinvoka l-illegalità tagħhom fl-ambitu tal-proċeduri miftuħa kontra tagħha quddiem il-qrati nazzjonali (sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Telefónica vs Il‑Kummissjoni, C‑274/12 P, Ġabra, EU:C:2013:852, punt 27).

40      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat ukoll li, meta att regolatorju jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-osservanza tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni huwa żgurat indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmija miżuri joriġinawx mill-Unjoni jew mill-Istati Membri. Peress li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi ma jistgħux, minħabba l-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà previsti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jikkontestaw att regolatorju direttament quddiem il-qorti tal-Unjoni, dawn huma protetti mill-applikazzjoni fil-konfront tagħhom ta’ tali att permezz tal-possibbiltà li jikkontestaw il-miżuri ta’ implementazzjoni li dan l-att jinvolvi (sentenza Telefónica vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:2013:852, punt 28).

41      Sabiex tiġi evalwata l-kwistjoni ta’ jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata l-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt għal azzjoni skont it-tielet ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk huwa irrilevanti jekk l-att inkwistjoni jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward ta’ partijiet oħra fil-kawża. Barra minn hekk, huwa xieraq li wieħed jirreferi esklużivament għas-suġġett tar-rikors (sentenza Telefónica vs Il‑Kummissjoni, punt 39 iktar ’il fuq, EU:C:2013:852, punti 30 u 31).

42      Jekk jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 iktar ’il fuq li l-kunċett ta’ atti regolatorji li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan ta’ din id-dispożizzjoni, li huwa li tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva, madankollu dan ma jfissirx li għandu jiġi analizzat dan il-kunċett esklużivament fid-dawl ta’ dan l-għan. Fil-fatt, ma huwiex possibbli li tingħata deċiżjoni fuq kriterju oġġettiv tal-ammissibbiltà, jiġifieri l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ att regolatorju li jinvolvu miżuri ta’ implementazzjoni, billi tingħata risposta biss għall-kwistjoni jekk ir-rikorrenti għandha protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

43      Fid-dawl tal-kliem tat-tielet ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, għandu wkoll jiġi analizzat jekk l-att regolatorju inkwistjoni “jinvolvix” miżuri għall-implementazzjoni tagħha. Dan ifisser li jistgħu biss jikkostitwixxu miżuri ta’ implementazzajoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-miżuri li l-korpi jew organi tal-Unjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw fil-kors normali tal-kawżi. Jekk, fil-kors normali tal-kawżi, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni u l-awtoritajiet nazzjonali ma jadottaw ebda miżura biex jimplementaw l-att regolatorju u biex jimmaterjalizzaw il-konsegwenzi tiegħu għal kull wieħed mill-operaturi kkonċernati, dan l-att regolatorju ma “jinvolvix” miżuri ta’ implementazzjoni.

44      Għandu jiġi enfasizzat li, skont il-kliem tat-tielet ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma huwiex suffiċjenti li l-att regolatorju “jista’ jinvolvi” miżuri ta’ implementazzjoni, iżda huwa neċessarju li “jinvolvi” miżuri ta’ implementazzjoni.

45      Il-kliem tat-tielet ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, fil-verżjonijiet lingwistiċi oħra tat-Trattat FUE minbarra l-verżjoni Franċiża, bħall-verżjoni Ingliża (does not entail implementing measures) jew il-verżjoni Ġermaniża (keine Durchführungsmaßnahmen nach sich ziehen), jikkonfermaw li għandu jirrigwarda miżuri li jsegwu b’mod naturali l-att regolatorju. Ma huwiex suffiċjenti li operatur għandu l-possibbiltà li jobbliga, b’mod artifiċjali, l-amministrazzjoni biex tadotta miżura li tista’ tiġi kkontestata, għaliex tali miżura ma tikkostitwixxix miżura li l-att regolatorju “jinvolvi”.

46      Għalhekk għandu jiġi analizzat jekk, fil-kors normali tal-kawżi, ser ikunu adottati xi miżuri mill-awtoritajiet sabiex jiġi implementat ir-regolament ikkontestat.

47      Skont l-Artikolu 167(1) tar-Regolament Nru 1234/2007, ir-rifużjonijiet fuq prodotti esportati għandhom jingħataw biss fuq applikazzjoni u mal-preżentazzjoni ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni. L-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 612/2009, tas-7 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 186, p. 1), jipprovdi li, ħlief fil-każi tal-esportazzjoni tal-oġġetti, id-dritt għar-rifondi għandu jkun bil-kundizzjoni li tkun ippreżentata liċenzja tal-esportazzjoni bl-iffissar bil-quddiem tar-rifondi. Kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata quddiem l-awtoritajiet nazzjonali u l-liċenzja ta’ esportazzjoni li tinkludi l-iffissar minn quddiem tal-ħlas lura toħroġ ukoll mill-awtoritajiet nazzjonali.

48      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 46(1) tar-Regolament Nru 612/2009, ir-rifużjonijiet għandhom jitħallsu biss fuq applikazzjoni speċifika mill-esportatur u mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu d-dikjarazzjoni tal-esportazzjoni tkun aċċettata.

49      Barra minn hekk għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(2)(b)(ii) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008, tat-23 ta’ April 2008, li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli (ĠU L 114, p. 3), liċenzja jew ċertifikat għandu jintwera fil-każ tal-esportazzjoni għall-“prodotti msemmijin fl-Artikolu 162(1) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 li għalihom ġiet iffissata rifużjoni fuq l-esportazzjoni, inkluż dik b’ammont żero, jew li għalihom ġiet iffissata taxxa fuq l-esportazzjoni”.

50      Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 376/2008, “[g]ħall-finijiet tas-sistema tal-liċenzji ta’ l-esportazzjoni u taċ-ċertifikati bl-iffissar bil-quddiem imsemmija fil-paragrafu 1, meta tkun ġiet iffissata rifużjoni għal prodotti li mhumiex imniżżlin fil-Parti II ta’ l-Anness II u meta operatur ma japplikax għar-rifużjoni, dak l-operatur ma għandux ikun mitlub jippreżenta liċenzja jew ċertifikat għall-esportazzjoni tal-prodotti kkonċernati”.

51      F’dan il-każ, huwa stabbilit bejn il-partijiet li ma kien hemm ebda obbligu biex tinkiseb liċenzja ta’ esportazzjoni għall-prodotti inkwistjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu esportati mingħajr ma jibbenefikaw mill-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni.

52      Il‑Kummissjoni tiddikjara li, anki f’każ tal-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni għal żero minn regolament, “xejn ma jwaqqaf” [traduzzjoni mhux uffiċjali] operatur li jippreżenta applikazzjoni għal ħruġ ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni, għaliex, mal-ħruġ ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 376/2008, id-dritt li wieħed jesporta jkun iffissat, li jipproteġi lill-operatur minn kull riskju fil-każ fejn l-Unjoni tiddeċiedi li timponi dritt addizzjonali, projbizzjoni ta’ esportazzjoni jew kull miżura simili oħra.

53      Madankollu, id-domanda rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-regolament ikkontestat “jinvolvi” miżuri ta’ implementazzjoni ma hijiex dik li wieħed isir jaf jekk xejn ma jwaqqaf lill-operaturi kkonċernati li japplikaw għal liċenzja tal-esportazzjoni bl-iffissar bil-quddiem tar-rifondi tal-esportazzjoni, iżda dik li wieħed isir jaf jekk, fil-kors normali tal-kawżi, xi operaturi ser jippreżentaw dawk l-applikazzjonijiet.

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, peress li l-kisba ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni ma hijiex obbligatorja u li l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni li jistgħu jiġu ffissati ser ikunu b’kull mod ammont daqs iż-żero, fil-kors normali tal-kawżi, l-operaturi kkonċernati mhux ser jippreżentaw applikazzjonijiet għal liċenzji tal-esportazzjoni li jinvolvu l-iffissar minn quddiem tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni mingħand l-awtoritajiet nazzjonali.

55      Huwa ġustament li r-rikorrenti tenfasizza, fir-replika tagħha, li r-riskju ta’ twaqqif ta’ taxxa tal-esportazzjoni, jew saħansitra projbizzjoni ta’ esportazzjoni bejn id-data tal-applikazzjoni għal-liċenzja ta’ esportazzjoni u l-esportazzjoni attwali, kienet teoretika fl-2013 fis-settur inkwistjoni. Fil-fatt, peress li l-prodotti inkwistjoni kienu bbenefikaw, sal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, minn ħlasijiet lura tal-esportazzjoni ta’ ammont pożittiv, ma kienx previst li, fil-futur qrib, il-Kummissjoni twaqqaf taxxa tal-esportazzjoni jew anki projbizzjoni ta’ esportazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tiddikjarax li tali riskju kien jeżisti.

56      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkonċedi li, fis-settur tat-tajr, ma kienx hemm applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ esportazzjoni wara l-iffissar tal-ħlasijiet lura għal żero mir-regolament ikkontestat.

57      Sa fejn il-Kummissjoni tenfasizza li, fis-setturi taċ-ċereali u taz-zokkor, kien hemm applikazzjonijiet għal liċenzji ta’ esportazzjoni minkejja l-iffissar għal żero tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma tipprovdi ebda dettall li jippermetti li jiġu evalwati r-raġunijiet li għalihom l-operaturi f’setturi oħra ppreżentaw dawn l-applikazzjonijiet u li jiġi evalwat jekk is-sitwazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur kien paragunabbli. Il-Kummissjoni barra minn hekk ikkonċediet, matul is-seduta, li ma kinux jeżistu eżempji reċenti ta’ tali prattika.

58      Minħabba l-iffissar għal żero tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, mir-regolament ikkontestat, u fl-assenza tal-obbligu li tiġi ppreżentata liċenzja ta’ esportazzjoni sabiex ikunu jistgħu jiġu esportati l-prodotti inkwistjoni, fil-kors normali tal-kawżi, mhux ser tiġi ppreżentata ebda applikazzjoni għal ċertifikati tal-esportazzjoni mingħand l-awtoritajiet nazzjonali. Fl-assenza ta’ applikazzjonijiet għal liċenzji tal-esportazzjoni li jinvolvu l-iffissar minn quddiem tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali mhux ser jadottaw ebda miżura sabiex jiġi implementat ir-regolament ikkontestat. Għalhekk dawn mhux ser jadottaw, fil-kors normali tal-kawżi, tali miżuri. Għalhekk mhux ser teżisti ebda miżura li timmaterjalizza l-konsegwenzi li għandu r-regolament ikkontestat fir-rigward ta’ diversi operaturi kkonċernati.

59      Huwa artifiċjali li jiġi kkunsidrat li r-regolament ikkontestat jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni għall-unika raġuni li l-operaturi jistgħu jippreżentaw applikazzjonijiet għal liċenzji tal-esportazzjoni li jinvolvu l-iffissar minn quddiem tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni u b’hekk jobbligaw l-awtoritajiet nazzjonali li jadottaw miżuri li jimplementaw r-regolament ikkontestat, jiġifieri l-għoti ta’ ħlasijiet lura tal-esportazzjoni ta’ ammont ugwali għal żero. Fil-fatt, l-operaturi ma għandhom ebda raġuni li jipproċedu għaldaqstant u mhux ser jagħmlu dan fil-kors normali tal-kawżi.

60      Il-Kummissjoni taċċetta li jista’ jidher eċċessiv li jiġi rikjest minn operatur li jippreżenta applikazzjoni għal liċenzja ta’ esportazzjoni għall-uniku għan li jinkiseb l-aċċess minn qorti. Hija tikkonċedi wkoll, b’risposta għal domanda bil-miktub magħmula f’dan ir-rigward mill-Qorti Ġenerali, li, “f’ċerta miżura” [traduzzjoni mhux uffiċjali], iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni għal żero f’regolament jikkostitwixxi att li, fil-kors normali tal-kawżi, mhux ser iwassal għall-adozzjoni ta’ ebda att minn awtorità għall-implementazzjoni tagħha, għaliex operatur, a priori, ma għandu bżonn ta’ ebda att biex ikun jista’ jesporta mingħajr ħlasijiet lura.

61      Il-Kummissjoni tqis madankollu li, f’dan il-każ, l-att ta’ implementazzjoni, li ma jkunx normalment mitlub, seta’ tassew ikun hekk ġustament sabiex jinkiseb aċċess għall-ġustizzja. Hija tikkunsidra li r-rikorrenti setgħet tagħmel applikazzjoni għal liċenzja ta’ esportazzjoni li kien jagħti dritt għal ħlas lura tal-esportazzjoni ta’ ammont ta’ 0 euro u li setgħet, wara li tkun ipproduċiet il-prova tal-esportazzjoni tal-prodotti msemmija fiċ-ċertifikat, tikkontesta quddiem il-qorti nazzjonali l-għoti ta’ ħlas lura ta’ ammont ugwali għal żero, billi tinvoka l-allegata illegalità tar-regolament ikkontestat.

62      Madankollu, huwa ġustament il-fatt li applikazzjoni tkun ippreżentata quddiem awtorità nazzjonali għall-uniku għan li wieħed ikun jista’ jikseb aċċess għall-ġustizzja li jimplika li din l-applikazzjoni mhux ser tkun ippreżentata fil-kors normali tal-kawżi. Peress li l-awtorità nazzjonali ma għandhiex għażla oħra ħlief li tiffissa l-ammont tal-ħlasijiet lura għal żero, esportatur ma jista’ jkollu ebda interess li jikseb iffissar tal-ħlasijiet lura mill-awtorità nazzjonali f’dawn il-kundizzjonijiet, ħlief biex jikseb, b’mod “artifiċjali”, l-adozzjoni ta’ att li jista’ jiġi kkontestat.

63      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-regolament ikkontestat ma “jinvolvix” miżuri ta’ implementazzjoni.

64      Dan ir-riżultat ma huwiex ikkontestat mill-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li huwa paradossali li l-ammissibbiltà ta’ rikors issir tiddependi fuq il-livell tal-ħlasijiet lura u li jiġi kkunsidrat li, f’każ ta’ iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura għal żero, ir-regolament ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni minkejja, li f’każ ta’ iffissar għal livell superjuri għal żero, l-att ikkontestat huwa dak ta’ implementazzjoni fil-livell nazzjonali.

65      Fil-fatt, il-kwistjoni jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni għandha tiġi analizzata filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ dan il-każ. Għandu jitfakkar li, għall-finijiet li tiġi evalwata l-kwistjoni jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, dan għandu jintrabat mal-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt ta’ rikors (ara punt 41 iktar ’il fuq). Għalhekk huwa possibbli li l-istess regolament jista’ jiġi kkontestat minn ċerti operaturi quddiem il-Qorti Ġenerali, għaliex huwa jikkonċernahom direttament u ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward ta’ dawn, filwaqt li jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward ta’ operaturi oħra. A fortiori, ma huwiex eskluż li regolament li jiffissa għal żero l-ammont tal-ħlasijiet lura ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, filwaqt li regolament “simili” li jiffissa l-ħlasijiet lura għal ammont pożittiv jinvolvi dan.

66      Għalhekk ma huwiex neċessarju li tiġi analizzata l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li, anki jekk hija kienet applikat għal liċenzja tal-esportazzjoni li tinvolvi l-iffissar minn quddiem tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, hija ma setgħetx fi kwalunkwe każ tikkontesta quddiem il-qorti nazzjonali l-att adottat fil-livell nazzjonali li jagħti ħlasijiet lura tal-esportazzjoni ta’ ammont ugwali għal żero.

67      Lanqas ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti li jipprovdu li hija individwalment ikkonċernata mir-regolament ikkontestat.

68      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikors huwa ammissibbli, għaliex ir-regolament ikkontestat huwa att regolatorju li jirrigwarda direttament ir-rikorrenti u li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni.

 II – Fuq il-mertu

 A – Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u fuq użu ħażin ta’ proċedura

69      L-ewwel motiv tar-rikors jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura prevista mir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implementazzjoni (ĠU L 55, p. 13), u, it-tieni parti, fuq kontradizzjoni bejn il-proċedura adottata u l-kunsiderazzjonijiet legali li jinvolvu t-test inkwistjoni.

 1. Fuq l-ewwel parti, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura prevista mir-Regolament Nru 182/2011

70      Ir-rikorrenti, sostnuta mill-intervenjenti, tqis li, billi ppreżentat l-abbozz tar-regolament ikkontestat biss matul il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija, il-Kummissjoni ma osservatx ir-regoli previsti mill-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011. Il-Kummissjoni ma tatx lill-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija l-elementi kollha li offrewlhom “opportunitajiet bikrija u effikaċi biex jeżaminaw l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom”, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011.

71      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u tal-intervenjenti.

72      Għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li r-rikorrenti indikat inizjalment li l-ewwel motiv kien fl-intier tiegħu bbażat fuq użu ħażin ta’ proċedura.

73      Madankollu, permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tqajjem essenzjalment ksur tal-forom proċedurali sostanzjali sa fejn il-Kummissjoni ma osservatx, matul il-konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ Tmexxija, il-proċedura prevista fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011. Matul is-seduta, ir-rikorrenti kkonfermat li l-ewwel parti tal-ewwel motiv kien fir-realtà bbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, li tiegħu ttieħed att fil-proċess verbal tas-seduta.

 a) Fuq il-ksur allegat tad-dispożizzjonijiet proċedurali

74      Skont l-Artikolu 195 tar-Regolament Nru 1234/2007, il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tat-Tmexxija. Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 182/2011, il-kumitat huwa kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri u ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

75      L-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011 jipprovdi bil-mod li ġej:

“Il-president għandu jippreżenta lill-Kumitat l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

Ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, il-president għandu jsejjaħ laqgħa mhux inqas minn 14-il ġurnata mill-preżentazzjoni tal-abbozz tal-atti ta’ implimentazzjoni u tal-abbozz tal-aġenda lill-kumitat. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni f’limitu ta’ żmien li l-president jista’ jistabbilixxi skont l-urġenza tal-każ. Il-limiti ta’ żmien għandhom ikunu proporzjonati u għandhom jippermettu lill-membri tal-kumitati opportunitajiet bikrija u effikaċi biex jeżaminaw l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom.”

76      Kif il-Kummissjoni spjegat, il-proċedura ta’ konsultazzjoni mal-Kumitat ta’ Tmexxija żviluppat bil-mod li ġej. Fis-16 ta’ Lulju, jiġifieri jumejn qabel il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija, il-Kummissjoni bagħtet permezz ta’ posta elettronika lill-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija dokument intitolat “EU Market situation for poultry” (is-sitwazzjoni tas-suq tat-tjur tal-Unjoni; iktar ’il quddiem id-“dokument sottomess lill-Kumitat ta’ Tmexxija”).

77      Filgħodu meta nżammet il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija fit-18 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni ppreżentat is-sitwazzjoni tas-suq tat-tjur. Waranofsinhar meta din il-laqgħa tkompliet, wara 13.00, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kumitat ta’ Tmexxija l-abbozz tar-regolament ikkontestat. Kien jirrigwarda regolament standard li fih il-figuri biss kienu ġew aġġornati. B’mod iktar partikolari, kien jirrigwarda fotokopja tar-regolament preċedenti li jiffissa l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni li fih ir-referenzi dwar l-ammonti tal-ħlasijiet lura kienu ġew maqtugħa bil-lapes.

78      L-abbozz tar-regolament ikkontestat sussegwentement tressaq għall-votazzjoni. Id-Direttur Ġenerali tad-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali wettaq il-formalitajiet ta’ ċertifikazzjoni l-istess jum, fil-15.46 sabiex jippermetti pubblikazzjoni tar-regolament ikkontestat l-għada fil-Ġurnal Uffiċjali, għal dħul fis-seħħ u applikazzjoni immedjata.

79      Barra minn hekk il-Kummissjoni spjegat li kienet qed issegwi din il-prattika għall-iffissar tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni mill-1962.

80      Barra minn hekk, hija rrilevat li l-proċedura u l-limiti ta’ żmien ma kinux is-suġġett ta’ ebda kontestazzjoni min-naħa tal-Istati Membri f’dan il-każ.

81      Il-Kummissjoni tiddikjara li r-raġunijiet marbutin ma’ din il-prattika huma li jiġi evitat t-telf, it-tfixkil fis-suq u l-ispekulazzjoni li jipperikolaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Hija tirrileva li d-distribuzzjoni tal-abbozz tal-miżuri wara 13.00 huwa ġġustifikat mill-fatt li, abbażi tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 376/2008, ebda applikazzjoni għal ċertifikat validu għall-istess jum ma jista’ jiġi ppreżentat wara 13.00. Il-Kummissjoni tqis li dawn il-modalitajiet huma assolutament essenzjali u li l-fatt li wieħed isir jaf kmieni dwar eventwali tnaqqis tal-ammont tal-ħlasijiet lura jippermetti lill-operaturi, permezz tal-iffissar minn qabel tal-ħlasijiet lura, li jintrebħu somom enormi, frott purament ta’ spekulazzjoni, u dan għad-detriment tal-baġit tal-Unjoni, billi twassal barra minn hekk għal tfixkil qawwi tas-swieq. Il-Kummissjoni targumenta wkoll li l-operaturi huma informati bil-miżuri qabel il-pubblikazzjoni tagħhom mill-organi professjonali differenti li jagħmlu kuntatt mal-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom.

82      Ir-rikorrenti tqis li l-argumenti mqajma mill-Kummissjoni ma jiġġustifikawx l-preżentata tal-abbozz tar-regolament ikkontestat biss matul il-laqgħa u li ma jistax jiġi preżunt li kien jeżisti riskju ta’ telf.

83      Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk il-mod li bih il-Kummissjoni pproċediet matul l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat huwa konformi mar-regoli previsti fl-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011.

84      Wieħed għandu jibda billi janalizza l-kwistjoni jekk ir-Regolament Nru 182/2011 jippermetti, fil-prinċipju, li abbozz ta’ regolament jista’ jiġi ppreżentat lill-Kumitat ta’ Tmexxija matul sessjoni.

85      L-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011 jipprovdi limitu ta’ żmien ta’ mhux inqas minn 14-il ġurnata mill-preżentata tal-abbozz tal-atti ta’ implementazzjoni u tal-abbozz tal-aġenda lill-kumitat, li għandu jiġi osservat, “[ħ]lief f’każijiet debitament ġustifikati”.

86      Huwa għalhekk possibbli li ssir deroga għar-regola ta’ preżentata tal-abbozzi tar-regolament erbatax-il jum qabel id-data tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija, mingħajr ma r-Regolament Nru 182/2011 jipprovdi limitu ta’ żmien minimu li għandu jiġi osservat. Minħabba l-kliem “[ħ]lief f’każijiet debitament ġustifikati”, li jidhru fil-bidu tal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar‑Regolament Nru 182/2011, din l-ewwel sentenza ma tipprekludix preżentazzjoni ta’ abbozz ta’ regolament matul sessjoni.

87      It-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011 jipprovdi li l-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozzi tal-atti ta’ implementazzjoni “f’limitu ta’ żmien li l-president jista’ jistabbilixxi skont l-urġenza tal-każ”. Ir-rikorrenti essenzjalment iddikjarat, matul is-seduta, li kien jirriżulta minn din il-formulazzjoni li limitu ta’ żmien għandu dejjem jeżisti u li dan ma setax ikun null, b’mod li preżentata tal-abbozz tar-regolament li għandu jiġi adottat matul is-sessjoni huwa eskluż.

88      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni enfasizzat ġustament, matul is-seduta, li, anki f’każ ta’ preżentata tal-abbozz li għandu jiġi adottat matul sessjoni, il-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija kellhom dejjem “mument” biex janalizzaw it-test. Fil-fatt, anki f’każ ta’ preżentata ta’ abbozz ta’ regolament matul sessjoni, il-votazzjoni ma ssirx flimkien mal-preżentata tal-abbozz, iżda dejjem mal-eżitu ta’ ċertu tul ta’ żmien, ta’ ftit minuti jew ta’ ftit kwarti ta’ siegħa mill-inqas. Il-preżentata matul il-laqgħa ma tfissirx għalhekk li hemm limitu ta’ żmien null għall-opinjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

89      It-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011, li tipprovdi li l-“limiti ta’ żmien għandhom ikunu proporzjonati u għandhom jippermettu lill-membri tal-kumitati opportunitajiet bikrija u effikaċi biex jeżaminaw l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom”, ma tipprekludix lanqas preżentata tal-abbozz tar-regolament matul sessjoni. Fil-fatt, meta limitu ta’ żmien ta’ ftit minuti jew, skont il-każ, ta’ ftit kwarti ta’ siegħa bejn is-sottomissjoni tal-abbozz tar-regolament lill-Kumitat ta’ Tmexxija u t-tranżizzjoni għall-votazzjoni hija suffiċjenti sabiex tagħti lill-membri tal-Kumitat opportunitajiet bikrija u effikaċi biex jeżaminaw l-abbozzi tal-atti ta’ implementazzjoni u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, tali limitu ta’ żmien jista’ jkun “proporzjonat” fis-sens tat-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011.

90      Il-formulazzjoni li tipprovdi li l-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija għandhom ikollhom il-possibbiltà li janalizzaw l-abbozz fi stadju “bikri” għandhom jinqraw fid-dawl tal-fatt li l-limitu ta’ żmien għandu, skont l-istess dispożizzjoni, ikun “proporzjonat”. Il-formulazzjoni “opportunitajiet bikrija” ma tfissirx neċessarjament li l-abbozz tar-regolament għandu jiġi sottomess lill-Kumitat ta’ Tmexxija qabel id-data tal-laqgħa. Meta l-limitu ta’ żmien ta’ ftit minuti jew, skont il-każ, ta’ ftit kwarti ta’ siegħa hija “proporzjonata”, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, din il-preżentata għandha titqies li hija preżentata li twettqet fi stadju “bikri” fis-sens tat-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011.

91      Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011 ma jipprekludix, fil-prinċipju, preżentata tal-abbozz tar-regolament biss matul il-laqgħa.

92      Għalhekk għandu jiġi analizzat jekk kienet teżisti, għall-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, ġustifikazzjoni suffiċjenti li kienet tippermetti li ma jiġix osservat il-limitu ta’ żmien ta’ erbatax-il jum li għandu jiġi osservat, “[ħ]lief f’każijiet debitament ġustifikati”, u jekk il-preżentata matul il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija f’dan il-każ tat lill-membri tal-Kumitat opportunitajiet effikaċi biex jeżaminaw l-abbozzi tal-atti ta’ implementazzjoni u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom.

93      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabelxejn, li jumejn qabel il-laqgħa, il-Kummissjoni bagħtet permezz ta’ posta elettronika lill-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija dokument sottomess lill-Kumitat ta’ Tmexxija, jiġifieri preżentazzjoni dwar is-sitwazzjoni tas-suq tat-tjur. Dan id-dokument, li ġie prodott mir-rikorrenti fl-anness għall-att, ippermetta lill-Istati Membri li jinformaw ruħhom dwar is-sitwazzjoni tas-suq u biex jifformaw l-opinjoni tagħhom stess dwar dan. Fid-dawl tal-kontenut ta’ dan id-dokument, it-tul ta’ żmien bejn meta ntbagħat dan tal-aħħar u d-data tal-laqgħa kien suffiċjenti biex jippermetti lill-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija li jieħdu konjizzjoni b’mod utli tal-elementi li jidhru fih, li jsawru opinjoni dwar is-sitwazzjoni tas-suq u li jippreparaw domandi possibbli biex jagħmlu lill-Kummissjoni dwar dan is-suġġett matul il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija. Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011 ma jipprovdix limitu ta’ żmien partikolari biex jintbagħtu dawn id-dokumenti. Fil-fatt, il-limitu ta’ żmien ta’ erbatax-il jum previst fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011 jikkonċerna biss is-sottomissjoni tal-abbozz tal-atti ta’ implementazzjoni u tal-abbozz tal-aġenda.

94      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta mill-Anness 9 tal-att li l-istedina u l-aġenda dwar il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija tat-18 ta’ Lulju 2013, kellhom id-data tat-3 ta’ Lulju 2013. Ir-rikorrenti ma tiddikjarax li l-limitu ta’ żmien ta’ erbatax-il ġurnata bejn id-data tas-sottomissjoni tal-abbozz tal-aġenda u d-data tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija, previst fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011, ma ġiex osservat f’dan il-każ.

95      Il-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija kienu jafu, mal-wasla tal-aġenda tal-Kumitat ta’ Tmexxija, li tiġi ppreżentata filgħodu tal-laqgħa, is-sitwazzjoni tas-suq tal-laħam tat-tjur u tal-bajd u li, wara 13.00, il-Kumitat ta’ Tmexxija huwa mistieden li jagħti l-opinjoni tiegħu dwar abbozz ta’ regolament meta jiffissa l-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur. Din iċ-ċirkustanza ħalliet biżżejjed żmien lill-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija, jekk kienu jixtiequ, biex jagħmlu kuntatt mal-operaturi kkonċernati jew mal-organi professjonali, sabiex jistaqsuhom dwar l-opinjoni tagħhom dwar is-sitwazzjoni tas-suq u dwar l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni li kienu jikkunsidraw bħala adegwat, jew li jinformaw lilhom nnifishom permezz ta’ sorsi pubblikament aċċessibbli dwar is-sitwazzjoni tas-suq.

96      Sussegwentement, il-preżentazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni tas-suq, filgħodu tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija tat-18 ta’ Lulju 2013, tat lill-Istati Membri l-possibbiltà li jkollhom skambju ta’ veduti u li jistaqsu lill-Kummissjoni l-kjarifiki kollha li xtaqu dwar is-sitwazzjoni tas-suq.

97      Finalment, il-Kummissjoni ppreżentat l-abbozz tar-regolament ikkontestat fil-waranofsinhar ta’ din il-laqgħa. Fir-rigward ta’ dan l-abbozz, għandu jitfakkar li kien jirrigwarda regolament standard li fih il-figuri biss kienu ġew aġġornati (ara punt 77 iktar ’il fuq). Mill-Anness 10 tal-att, jirriżulta li l-abbozz tar-regolament ikkontestat kif sottomess lill-Kumitat ta’ Tmexxija kien fotokopja tar-regolament preċedenti, li fih l-ammonti l-ġodda tal-ħlasijiet lura kienu ġew miżjuda bl-idejn. Barra minn hekk minn dan id-dokument jirriżulta li, minbarra l-aġġornament tal-ammont tal-ħlasijiet lura, l-emendi purament formali biss twettqu bħall-aġġornament tad-data u tan-numru tar-regolament.

98      L-unika informazzjoni li żdiedet fil-waranofsinhar tal-laqgħa tat-18 ta’ Lulju 2013, minbarra dik li kellhom konjizzjoni tagħha l-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija, kien għalhekk l-ammont eżatt tal-ħlasijiet lura proposti mill-Kummissjoni. Għalhekk ma kienx neċessarju li l-limitu ta’ żmien iffissat mill-President tal-Kumitat ta’ Tmexxija jkun biżżejjed biex isir studju tat-test tar-regolament, iżda biss biex tittieħed konjizzjoni tal-fatt li l-ammont propost mill-Kummissjoni kien ta’ żero u li tissawwar opinjoni dwar din il-proposta.

99      Fid-dawl taċ-ċirkustanza li l-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija kellhom żmien suffiċjenti, qabel id-data tal-laqgħa, biex isawru opinjoni dwar is-sitwazzjoni tas-suq, u li s-sitwazzjoni tas-suq barra minn hekk ġiet ippreżentata filgħodu tal-laqgħa, ġew f’miżura li jagħtu minnufih opinjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni li tiffissa għal żero l-ammont tal-ħlasijiet lura.

100    Barra minn hekk, xejn ma kien jipprojbixxi lill-Istati Membri li jitolbu spjegazzjonijiet addizzjonali lill-Kummissjoni u li jistednuha tiġġustifika, b’mod l-iktar dettaljat, il-proposta tagħha li tiffissa għal żero l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni. L-Istati Membri kellhom ukoll il-possibbiltà li jitkellmu biex jispjegaw lill-membri l-oħra tal-Kumitat ta’ Tmexxija li kienu jikkunsidraw li dan l-iffissar għal żero ma kienx ġustifikat fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-suq. Ir-rikorrenti ma tiddikjarax li membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija xtaq jikkontribwixxi għad-dibattitu u li ġie pprojbit minħabba li ma kellux biżżejjed żmien. Il-Kummissjoni, fil-fehma tagħha, tenfasizza li hija ma ffissatx kwoti għall-ħin tad-diskorsi tal-Istati Membri u li hija, bħas-soltu, ipprovdiet risposta għad-domandi kollha magħmula.

101    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, kif spjegat il-Kummissjoni, mingħajr ma tkun f’kontradizzjoni dwar dan il-punt mar-rikorrenti, ebda membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija ma qajjem oġġezzjoni fir-rigward tal-preżentata tal-abbozz tar-regolament ikkontestat biss matul il-laqgħa lanqas fir-rigward tal-limitu taż-żmien bejn il-preżentata tal-abbozz tar-regolament ikkontestat u l-votazzjoni tiegħu.

102    Matul is-seduta, ir-rikorrenti ddikjarat li, peress li l-Istati Membri rċevew l-elementi dwar is-sitwazzjoni tas-suq jumejn qabel il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija, huma setgħu jikkunsidraw li, fid-dawl tal-iżvilupp tas-suq, il-Kummissjoni tipproponi li jinżamm l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni fl-istess livell bħar-regolament preċedenti. Skont ir-rikorrenti, iż-żieda tal-figura żero matul il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija biddlet kollox.

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, jekk membru tal-Kumitat ta’ Tmexxija jikkunsidra, fid-dawl tal-preżentazzjoni tas-sitwazzjoni tas-suq ikkomunikata jumejn qabel id-data tal-laqgħa, li l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tas-suq ma jagħtix lok għal emenda tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, u li jitgħallem fil-waranofsinhar tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija li l-Kummissjoni tipproponi li tiffissa għal żero l-ammont tal-ħlasijiet lura, għandu l-possibbiltà, bis-saħħa tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament Nru 182/2011, li jipproponi emendi u, b’mod partikolari, li jħalli kif inhu l-ammont tal-ħlasijiet lura ffissat mir-regolament preċedenti.

104    Għalkemm ir-rikorrenti tiddikjara li l-Istati Membri ma għandhomx iż-żmien li jikkoordinaw, hija ma tiddikjarax li Stat Membru oppona għal sottomissjoni tal-abbozz tar-regolament ikkontestat għall-votazzjoni. Għandu jiġi rrilevat li huwa l-obbligu tal-Istati Membri u mhux tar-rikorrenti li jiddeċiedu jekk għandhom bżonn ta’ iktar żmien biex jippermettu koordinazzjoni bejniethom. Barra minn hekk, kull Stat Membru kellu l-possibbiltà li jitkellem u li jispjega lill-Istati Membri l-oħra r-raġunijiet li għalihom kien jikkunsidra bħala mhux iġġustifikat l-iffissar għal żero tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, fejn jistieden b’hekk lill-Istati Membri l-oħra biex jivvotaw kontra l-abbozz tar-regolament ikkontestat.

105    Ir-rikorrenti tqis li l-fatt li ċ-ċertifikazzjoni setgħet titwettaq mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali mill-15.46 tal-istess jum juri l-assenza ta’ dibattitu serju fuq is-suġġett tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni.

106    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tistax teżiġi li l-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija jiddedikaw żmien determinat għad-dibattitu.

107    Huwa l-obbligu tal-Kummissjoni li tesponi s-sitwazzjoni tas-suq u li tagħti lill-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija l-okkażjoni li jagħmlu domandi u li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom fuq il-proposta tar-regolament ta’ implementazzjoni. Meta ftit Stati Membri jixtiequ jagħmlu domanda jew jitkellmu biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, id-dibattitu jista’ jitlesta malajr ħafna. Dan ma jfissirx li membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija ma għandhomx opportunitajiet effikaċi biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011. Barra minn hekk għandu jitfakkar li s-sitwazzjoni tas-suq kienet ġiet ippreżentata u diskussa filgħodu tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija u li huwa biss l-ammont eżatt tal-ħlasijiet lura propost mill-Kummissjoni li sar dibattitu dwaru matul il-waranofsinhar.

108    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, f’dan il-każ, il-limitu taż-żmien bejn il-preżentata tal-abbozz tar-regolament ikkontestat u l-votazzjoni tiegħu kien suffiċjenti biex jagħti lill-membri tal-Kumitat ta’ Tmexxija opportunitajiet effikaċi biex jeżaminaw l-imsemmi abbozz u li jesprimu l-opinjonijiet tagħhom.

109    Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011, il-limitu ta’ żmien għall-opinjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija li l-president ta’ dan il-kumitat jista’ jistabbilixxi skont l-urġenza tal-każ.

110    Matul is-seduta, ir-rikorrenti argumentat essenzjalment li, kuntrarjament għas-sitwazzjoni li tat lok għas-sentenza tal-14 ta’ Jannar 1987, il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (278/84, Ġabra, EU:C:1987:2), li fuqha l-Kummissjoni bbażat ruħha, ma kienx jeżisti f’dan il-każ tfixkil importanti tas-suq li seta’ jiġġustifika l-preżentata tal-abbozz tar-regolament ikkontestat biss matul il-laqgħa.

111    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, ċertament, il-Kummissjoni ma ssemmietx l-eżistenza ta’ urġenza f’dan is-sens li s-sitwazzjoni dwar is-suq kienet tkun dik li kellha bżonn emenda urġenti tal-ammont tal-ħlasijiet lura. Barra minn hekk, din is-sitwazzjoni kienet tippermetti lill-Kummissjoni, bis-saħħa tal-Artikolu 164(2) tar-Regolament Nru 1234/2007, li temenda l-ammont tal-ħlasijiet lura fl-intervall bejn żewġ fissazzjonijiet perjodiċi, u dan mingħajr l-assistenza tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

112    Permezz tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni pproċediet għal fissazzjoni perjodika tal-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, u l-fatt li hija rreġistrat fit-3 ta’ Lulju 2013 dan il-punt fl-aġenda tal-laqgħa tat-18 ta’ Lulju 2013 jixhed li ma kkunsidratx li kienet teżisti urġenza partikolari biex jiġi adattat l-ammont tal-ħlasijiet lura.

113    Madankollu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, ma teżisti ebda kontradizzjoni bejn in-natura perjodika tal-fissazzjoni tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni u l-fatt li, meta wasal il-jum għall-imsemmija fissazzjoni, teżisti neċessità ta’ intervent malajr f’urġenza estrema.

114    Mill-formulazzjoni tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011 jirriżulta li huwa l-obbligu tal-President tal-Kumitat ta’ Tmexxija, u għalhekk ta’ rappreżentant tal-Kummissjoni, li jiddeċiedi l-urġenza. L-analiżi tal-Qorti Ġenerali hija limitata għall-analiżi tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, punt 110 iktar ’il fuq, EU:C:1987:2, punt 13).

115    Għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura segwita mill-Kummissjoni hija ta’ natura li tevita kull riskju marbut ma’ possibbiltà eventwali ta’ żvelar. Fil-fatt, il-komunikazzjoni tal-abbozz tar-regolament li jinkludi data f’figuri biss wara 13.00 tal-jum tal-votazzjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija u tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat jippermetti li jevita kull riskju li operatur jista’, wara li jkun fehem li l-Kummissjoni kienet ser tipproponi tnaqqis tal-ammont tal-ħlasijiet lura, jippreżenta applikazzjonijiet għal ċertifikati ta’ esportazzjoni li jinkludu l-iffissar minn qabel tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni li għalihom l-ammonti antiki tal-ħlasijiet lura huma applikabbli. Kif il-Kummissjoni spjegat, hija għandha interess leġittimu li tevita dawn l-ispekulazzjonijiet, li jistgħu jagħmlu ħsara lill-interessi finanzjarji tal-Unjoni. Il-proċedura segwita mill-Kummissjoni tiggarantixxi li r-regolament li jiffissa l-ammont ġdid tal-ħlasijiet lura ser jista’ jidħol fis-seħħ l-għada tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija, u li l-ammont eżatt propost ser ikun ikkomunikat biss f’mument li fih ebda applikazzjoni għal ħlasijiet lura valida għall-istess jum ma ser jista’ iktar jiġi ppreżentat.

116    Barra minn hekk għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni rrilevat, b’risposta għal domanda bil-miktub dwar il-prattika tas-soltu li hija kienet issegwi, li s-servizzi tagħha kienu jissottomettu ġeneralment il-proposta tagħhom dwar l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni lill-ġerarkija biss jumejn qabel il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija u li d-deċiżjoni tal-ġerarkija kienet tittieħed ġeneralment lejliet il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma setgħetx tipproċedi li tibgħat l-abbozz tar-regolament ikkontestat li jinkludi l-ammonti proposti fl-istess żmien bħal meta tibgħat l-abbozz tar-regolament ikkontestat, għaliex hija stess kienet għadha ma ħaditx id-deċiżjoni dwar l-ammonti li hija kienet ser tipproponi. Il‑Kummissjoni għandha interess leġittimu li tagħmel mod li, anki matul fissazzjoni perjodika tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni, hija tieħu inkunsiderazzjoni d-data l-iktar reċenti possibbli disponibbli sad-data tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija. Mid-dokument sottomess lill-Kumitat ta’ Tmexxija jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni data reċenti ħafna. B’hekk, dan id-dokument jinkludi tabella dwar ċertifikati ta’ esportazzjoni għall-ġimgħa mit-8 sal-14 ta’ Lulju 2013, liema fatt jixhed aġġornament tad-data ftit ġranet qabel il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

117    L-għażla tal-Kummissjoni li tiffissa hija stess il-proposta tagħha dwar l-ammont tal-ħlasijiet lura tal-esportazzjoni biss lejliet tal-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija ma tistax tiġi kkritikata. Ir-rikorrenti, barra minn hekk, ma argumentatx li l-Kummissjoni kien imissha ħadet id-deċiżjoni tagħha dwar il-proposta tagħha iktar kmieni.

118    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li t-tressiq tal-abbozz tar-regolament ikkontestat mingħajr l-ammonti proposti ma kien ikollu ebda sens. Fil-fatt, peress li r-regolament ikkontestat li jikkorrispondi għal regolament standard li fih il-figuri biss kienu ġew aġġornati, l-Istati Membri kienu jafu minn qabel it-test tar-regolament ikkontestat, ħlief fir-rigward tal-ammonti tal-ħlasijiet lura.

119    Il-limitu ta’ żmien għall-opinjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija kien għalhekk proporzjonat u l-evalwazzjoni tal-urġenza mill-Kummissjoni ma kienet ivvizzjata la minn żball manifest ta’ evalwazzjoni lanqas minn użu ħażin ta’ poter.

120    Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx ksur tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011.

[omissis]

 B – Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq vizzju ta’ proċedura u nuqqas ta’ ġurisdizzjoni

[omissis]

201    Fir-rigward tal-argument li jipprovdi li r-regolament intern tal-Kummissjoni ma jipprovdix formalment li suddelegazzjoni mogħtija fl-2004 tkun għadha valida fl-2013, peress li min jirċievi d-delega u d-deleganti jkunu nbidlu, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

202    Awtorizzazzjoni jew suddelegazzjoni ma hijiex mogħtija lill-persuna fiżika, iżda lil persuna li teżerċita funzjoni, jiġifieri l-membru tal-Kummissjoni responsabbli ta’ qasam speċifiku jew id-Direttur Ġenerali ta’ Direzzjoni Ġenerali determinata. B’hekk, hija tibqa’ valida f’każ ta’ tibdil tal-persuni li jeżerċitaw funzjoni.

203    Kuntrarjament għal dak li tidher li qed issostni r-rikorrenti, ma huwiex neċessarju li r-regolament intern tal-Kummissjoni jipprovdi espliċitament li suddelegazzjoni mogħtija tibqa’ valida wara tibdil tal-persuni li aġixxew fil-kwalità ta’ min jirċievi d-delega jew ta’ delegant. Fil-fatt, il-possibbiltà li jingħataw awtorizzazzjonijiet jew suddelegazzjonijiet intiża li tiskaġuna l-Kulleġġ tal-Kummissarji jew il-membru tal-Kummissjoni fil-każ ta’ deċiżjonijiet li ma għandhomx bżonn l-intervent tal-Kulleġġ jew tal-Kummissarju inkwistjoni. Id-deċiżjoni li tingħata awtorizzazzjoni jew suddelegazzjoni intiża li jerġgħu jibdew il-kompetenzi fi ħdan il-Kummissjoni u ma tirrigwardax prova ta’ fiduċja li tikkonċerna persuna fiżika speċifika. Ħlief għal deċiżjoni kuntrarja speċifika, ebda kompetenza ma ngħatat ad personam. F’dan il-każ, id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni u ta’ suddelegazzjoni jsemmu l-membru tal-Kummissjoni responsabbli mill-agrikoltura u mill-iżvilupp rurali u d-Direttur Ġenerali tad-DĠ Agrikoltura u Żvilupp Rurali u mhux ċerti persuni nominati b’isimhom.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Tilly-Sabco għandha tbati l-ispejjeż tagħha, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

4)      Doux SA għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

5)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif sostnuti bħala intervenjenti fil-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Dittrich

Schwarcz

Tomljenović

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-14 ta’ Jannar 2016.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1 – Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.