Language of document : ECLI:EU:T:2016:8

Kawża T‑397/13

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Tilly-Sabco

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Agrikoltura – Ħlas lura fuq l-esportazzjoni – Laħam tat-tjur – Regolament ta’ implementazzjoni li jistabbilixxi l-ħlas lura b’rata ta’ żero euro — Rikors għal annullament – Att regolatorju li ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni – Interess dirett – Ammissibbiltà – Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 – Obbligu ta’ motivazzjoni – Artikolu 164(3) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 – Aspettattivi leġittimi”

SOMMARJU – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-14 ta’ Jannar 2016 ?II – 0000

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Kunċett ta’ att regolatorju – Kull att ta’ portata ġenerali bl-eċċezzjoni tal-atti leġiżlattivi – Regolament tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur – Inklużjoni

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 689/2013)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti regolatorji – Atti li ma jinvolvux miżuri ta’ eżekuzzjoni u li jikkonċernaw lir-rikorrent direttament – Kunċett ta’ Interess dirett – Kriterji – Regolament tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur – Rikors ta’ kumpannija attiva fl-esportazzjoni ta’ tiġieġ iffriżati – Ammissibbiltà

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 689/2013)

3.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti regolatorji – Atti li ma jinvolvux miżuri ta’ eżekuzzjoni u li jikkonċernaw lir-rikorrent direttament – Kunċett ta' miżuri ta’ eżekuzzjoni – Rikorsi ġudizzjarji disponibbli kontra dawn l-atti 78666 / Recours juridictionnels disponibles contre ces actes

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

4.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti regolatorji – Atti li ma jinvolvux miżuri ta’ eżekuzzjoni u li jikkonċernaw lir-rikorrent direttament – Kunċett ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni – Kriterji – Regolament tal-Kummissjoni li tistabbilixxi għal żero l-ammont tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur – Atti li ma jinvolvux miżuri ta’ implementazzjoni

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kummissjoni Nru 689/2013)

5.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Setgħa ta’ implementazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implementazzjoni – Stħarriġ minn kumitat kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri – Proċedura ta’ konsultazzjoni – Terminu għas-sottomissjoni ta’ abbozz ta’ att ta’ implementazzjoni – Possibbiltà ta’ deroga – Preżentazzjoni ta’ proġett matul laqgħa tal-imsemmi kumitat – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 182/2011, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3); Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007, Artikolu 195)

6.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Setgħa ta’ implementazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implementazzjoni – Stħarriġ minn kumitat kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri – Proċedura ta’ konsultazzjoni – Terminu għall-konvokazzjoni – Urġenza – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 182/2011, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3); Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007, Artikolu 195)

7.      Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea – Eżerċizzju tal-kompetenzi – Delegi – Awtorizzazzjoni jew suddelegazzjoni mogħtija lil persuna li teżerċita funzjoni speċifika fi ħdan l-istituzzjonijiet – Tibdil tal-persuna li teżerċita din il-funzjoni – Assenza ta’ effett fuq il-validità tal-awtorizzazzjoni jew tas-suddelegazzjoni

(Regolament intern tal-Kummissjoni, Artikoli 13 u 14)

8.      Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni – Iffissar tal-ammonti – Iffissar tal-ammont għal żero għall-ewwel darba għall-prodotti kkonċernati – Ammissibbiltà

(Regolament tal-Kunsill Nru 1234/2007, Artikolu 164(3); Regolament tal-Kummissjoni Nru 689/2013)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 30-32)

2.      Ma hemm l-ebda raġuni li wieħed jinterpreta l-kunċett ta’ interess dirett, kif inhu meħtieġ fir-rigward ta’ atti regolatorji fil-kuntest tat-tielet ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, b’mod differenti minn dik li biha dan il-kunċett huwa interpretat fil-kuntest tat-tieni ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jiġifieri fir-rigward ta’ atti li jikkonċernaw “direttament u individwalment” persuna fiżika jew ġuridika. F’dan ir-rigward, il-kundizzjoni ta’ interess dirett teħtieġ, l-ewwel nett, li l-miżura kkontestata toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-individwu u, it-tieni nett, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ din il-miżura li huma inkarigati mill-implementazzjoni tagħha, peress li din għandha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni kkontestata mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji.

Fir-rigward ta’ rikors dirett kontra r-Regolament Nru 689/2013 li jiffissa għal żero l-ammont tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur, dan ir-regolament jipproduċi effett legali direttament fuq kumpannija attiva fl-esportazzjoni tat-tiġieġ iffriżati, fis-sens li hija ma tistax iktar tibbenefika minn ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ta’ ammont pożittiv. Peress li l-ammont tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni ġie ffissat għal żero mir-regolament ikkontestat, dan ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli li jallokaw il-ħlasijiet lura. Anki jekk ngħata ħlas lura fuq l-esportazzjoni minn awtorità nazzjonali, dan ikun awtomatikament ta’ ammont ugwali għal żero, sa fejn ir-regolament ikkontestat ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-awtoritajiet nazzjonali li jippermettilhom li jiffissaw ħlas lura fuq l-esportazzjoni ta’ ammont pożittiv. Għalhekk l-imsemmija kumpannija hija direttament affettwata mir-regolament ikkontestat.

(ara l-punti 34-37)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 39-41)

4.      Fir-rigward tal-kliem tat-tielet ipoteżi intiża fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, jistgħu biss jikkostitwixxu miżuri ta’ implementazzajoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni miżuri li l-korpi jew organi tal-Unjoni jew l-awtoritajiet nazzjonali jadottaw fil-kors normali tal-kawżi. Jekk, fil-kors normali tal-kawżi, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni u l-awtoritajiet nazzjonali ma jadottaw ebda miżura biex jimplementaw l-att regolatorju u biex jimmaterjalizzaw il-konsegwenzi tiegħu għal kull wieħed mill-operaturi kkonċernati, dan l-att regolatorju ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni. F’dan ir-rigward, skont il-kliem tat-tielet ipoteżi msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma huwiex suffiċjenti li l-att regolatorju jista’ jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni, iżda huwa neċessarju li jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni. B’hekk, ma huwiex suffiċjenti li operatur għandu l-possibbiltà li jobbliga, b’mod artifiċjali, l-amministrazzjoni biex tadotta miżura li tista’ tiġi kkontestata, għaliex tali miżura ma tikkostitwixxix miżura li l-att regolatorju jinvolvi.

Fir-rigward ta’ rikors dirett kontra r-Regolament Nru 689/2013, li jiffissa l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur, id-domanda rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dan ir-regolament jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni ma hijiex dik li wieħed isir jaf jekk xejn ma jwaqqaf lill-operaturi kkonċernati li japplikaw għal liċenzja tal-esportazzjoni bl-iffissar bil-quddiem tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni, iżda dik li wieħed isir jaf jekk, fil-kors normali tal-kawżi, xi operaturi ser jippreżentaw dawk l-applikazzjonijiet. F’dan ir-rigward, peress li l-kisba ta’ liċenzja ta’ esportazzjoni ma hijiex obbligatorja u li l-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni li jistgħu jiġu ffissati ser ikunu b’kull mod ammont daqs iż-żero, fil-kors normali tal-kawżi, l-operaturi kkonċernati mhux ser jippreżentaw applikazzjonijiet għal liċenzji tal-esportazzjoni li jinvolvu l-iffissar minn quddiem tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni mingħand l-awtoritajiet nazzjonali. Fl-assenza ta’ tali applikazzjonijiet, l-awtoritajiet nazzjonali mhux ser jadottaw ebda miżura sabiex jiġi implementat ir-Regolament Nru 689/2013. Għalhekk dawn mhux ser jadottaw, fil-kors normali tal-kawżi, tali miżuri. Għalhekk mhux ser teżisti ebda miżura li timmaterjalizza l-konsegwenzi li għandu l-imsemmi regolament fir-rigward ta’ diversi operaturi kkonċernati. F’dan ir-rigward, il-fatt li applikazzjoni għal-liċenzja ta’ esportazzjoni tkun ippreżentata quddiem awtorità nazzjonali għall-uniku għan li wieħed ikun jista’ jikseb aċċess għall-ġustizzja jimplika li din l-applikazzjoni mhux ser tkun ippreżentata fil-kors normali tal-kawżi. Peress li l-awtorità nazzjonali ma għandhiex għażla oħra ħlief li tiffissa l-ammont tal-ħlasijiet lura għal żero, esportatur ma jista’ jkollu ebda interess li jikseb iffissar tal-ħlasijiet lura mill-awtorità nazzjonali f’dawn il-kundizzjonijiet, ħlief biex jikseb, b’mod artifiċjali, l-adozzjoni ta’ att li jista’ jiġi kkontestat. Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-Regolament Nru 689/2013 ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni.

Dan ir-riżultat ma huwiex ikkontestat minn argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li huwa paradossali li l-ammissibbiltà ta’ rikors issir tiddependi fuq il-livell tal-ħlasijiet lura u li jiġi kkunsidrat li, f’każ ta’ iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura għal żero, ir-regolament ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni minkejja, li f’każ ta’ iffissar għal livell superjuri għal żero, l-att ikkontestat huwa dak ta’ implementazzjoni fil-livell nazzjonali. Fil-fatt, il-kwistjoni jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni għandha tiġi analizzata filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ dan il-każ. F’dan ir-rigward, għall-finijiet li tiġi evalwata l-kwistjoni jekk att regolatorju jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, dan għandu jintrabat mal-pożizzjoni tal-persuna li tinvoka d-dritt ta’ rikors. Għalhekk huwa possibbli li l-istess regolament jista’ jiġi kkontestat minn ċerti operaturi quddiem il-qorti tal-Unjoni, għaliex huwa jikkonċernahom direttament u ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward ta’ dawn, filwaqt li jinvolvi miżuri ta’ implementazzjoni fir-rigward ta’ operaturi oħra. A fortiori, ma huwiex eskluż li regolament li jiffissa għal żero l-ammont tal-ħlasijiet lura ma jinvolvix miżuri ta’ implementazzjoni, filwaqt li regolament simili li jiffissa l-ħlasijiet lura għal ammont pożittiv jinvolvi dan.

(ara l-punti 43-45, 53, 54, 58, 62-65)

5.      L-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-implementazzjoni mill-Kummissjoni, ma jipprekludix, fil-prinċipju, preżentazzjoni ta’ abbozz tar-Regolament ta’ Implementazzjoni matul laqgħa tal-kumitat ta’ tmexxija previst fl-Artikolu 195 tar-Regolament Nru 1234/2007, li tistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur agrikolu u dispożizzjoniijiet speċifiċi fir-rigward ta’ ċerti prodotti ta’ dan is-settur. L-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011 jipprovdi terminu ta’ żmien ta’ mhux inqas minn 14-il ġurnata mill-preżentata tal-abbozz ta’ att ta’ implementazzjoni u d-data tal-laqgħa tal-kumitat ta’ tmexxija, li għandu jiġi osservat, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati. Huwa għalhekk possibbli li ssir deroga għar-regola ta’ preżentata tal-abbozzi tar-regolament erbatax-il jum qabel id-data tal-laqgħa tal-kumitat ta’ tmexxija, mingħajr ma r-Regolament Nru 182/2011 jipprovdi limitu ta’ żmien minimu li għandu jiġi osservat. Minħabba l-kliem “[ħ]lief f’każijiet debitament ġustifikati”, li jidhru fil-bidu tal-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011, din l-ewwel sentenza ma tipprekludix preżentazzjoni ta’ abbozz ta’ regolament matul sessjoni.

Barra minn hekk, il-formulazzjoni fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011 li tipprovdi li l-membri tal-kumitat ta’ tmexxija għandhom ikollhom il-possibbiltà li janalizzaw l-abbozz fi stadju bikri għandha tinqara fid-dawl tal-fatt li l-limitu ta’ żmien għandu, skont l-istess dispożizzjoni, ikun proporzjonat. Il-formulazzjoni “opportunitajiet bikrija” ma tfissirx neċessarjament li l-abbozz tar-regolament għandu jiġi sottomess lill-kumitat ta’ tmexxija qabel id-data tal-laqgħa. Meta l-limitu ta’ żmien ta’ ftit minuti jew, skont il-każ, ta’ ftit kwarti ta’ siegħa hija proporzjonata, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, din il-preżentata għandha titqies li hija preżentata li twettqet fi stadju bikri fis-sens tat-tielet sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011.

(ara l-punti 85, 86, 90, 91)

6.      Mill-formulazzjoni tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament Nru 182/2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ implementazzjoni mill-Kummissjoni, li huwa l-obbligu tal-President tal-kumitat ta’ tmexxija previst fl-Artikolu 195 tar-Regolament Nru 1234/2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur agrikolu u dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta’ ċerti prodotti ta’ dan is-settur, u għalhekk għal rappreżentant tal-Kummissjoni, li jiddeċiedi dwar l-urġenza tal-kwistjoni qabel ma tiġi ddeterminata mill-imsemmi kumitat. L-analiżi tal-qorti tal-Unjoni hija limitata għall-analiżi tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter.

(ara l-punt 114)

7.      Awtorizzazzjoni jew suddelegazzjoni ma hijiex mogħtija lill-persuna fiżika, iżda lil persuna li teżerċita funzjoni, jiġifieri l-membru tal-Kummissjoni responsabbli ta’ qasam speċifiku jew id-Direttur Ġenerali ta’ Direzzjoni Ġenerali determinata. B’hekk, hija tibqa’ valida f’każ ta’ tibdil tal-persuni li jeżerċitaw din il-funzjoni. Minn dan isegwi li ma huwiex neċessarju li r-regolament intern tal-Kummissjoni jipprovdi espliċitament li suddelegazzjoni mogħtija tibqa’ valida wara tibdil tal-persuni li aġixxew fil-kwalità ta’ min jirċievi d-delega jew ta’ delegant. Fil-fatt, il-possibbiltà li jingħataw awtorizzazzjonijiet jew suddelegazzjonijiet intiża li tiskaġuna l-Kulleġġ tal-Kummissarji jew il-membru tal-Kummissjoni fil-każ ta’ deċiżjonijiet li ma għandhomx bżonn l-intervent tal-Kulleġġ jew tal-Kummissarju inkwistjoni. Id-deċiżjoni li tingħata awtorizzazzjoni jew suddelegazzjoni intiża li jerġgħu jibdew il-kompetenzi fi ħdan il-Kummissjoni u ma tirrigwardax prova ta’ fiduċja li tikkonċerna persuna fiżika speċifika. Ħlief għal deċiżjoni kuntrarja speċifika, ebda kompetenza ma ngħatat ad personam.

(ara l-punti 202, 203)

8.      Fil-kuntest tal-iffissar tal-ammont tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni mill-Kummissjoni, il-fatt biss li l-ammont ġie ffissat għall-ewwel darba għal żero għall-prodotti inkwistjoni ma jfissirx awtomatikament li l-Kummissjoni waqfet mill-prattika tagħha tas-soltu. F’dan ir-rigward, l-emenda tal-ammont tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni hija inerenti għas-sistema ta’ ffissar perjodiku tal-ammont ta’ dawn il-ħlasijiet lura, b’mod li l-istess motivazzjoni tista’ tkopri ammonti ta’ ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni differenti ħafna.

(ara l-punt 245)