Language of document : ECLI:EU:T:2009:474

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

30 ta’ Novembru 2009 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema ta’ ssuġġettar ta’ France Télécom għat‑taxxa fuq in‑negozju għas-snin 1994 sal-2002 – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha – Vantaġġ – Preskrizzjoni – Aspettattivi leġittimi – Ċertezza legali – Ksur tar‑rekwiżiti proċedurali sostanzjali – Kolleġjalità – Drittijiet tad-difiża u drittijiet proċedurali tat-terzi interessati”

Fil-Kawżi magħquda T‑427/04 u T‑17/05,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn G. de Bergues, R. Abraham u S. Ramet, sussegwentement minn de Bergues, Ramet u E. Belliard, u fl-aħħar nett minn de Bergues, Belliard u A.-L. Vendrolini, bħala aġenti,

rikorrenti fil-Kawża T‑427/04,

France Télécom SA, stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata inizjalment minn A. Gosset-Grainville u L. Godfroid, sussegwentement minn Godfroid, S. Hautbourg u M. van der Woude, avukati,

rikorrenti fil-Kawża T‑17/05,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Buendía Sierra u C. Giolito, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandhom bħal suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal‑Kummissjoni 2005/709/KE, tat-2 ta’ Awwissu 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur France Télécom (ĠU 2005, L 269, p. 30),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),

komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Novembru 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

1.     Regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat

1        Skont l-Artikolu 87(1) KE, bla ħsara ta’ kull deroga prevista mit-Trattat KE, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall‑kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi hija, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, inkompatibbli mas-suq komuni.

2        L-Artikolu 88(2) jipprovdi li, jekk, wara li ssejjaħ lill-partijiet interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej issib li miżura ta’ għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi tal-Istat, ma hijiex kompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 87, jew li dik l-għajnuna tkun applikata b’mod inġust, hija għandha tieħu deċiżjoni li tirrikjedi lill-Istat interessat jabolixxi dik l-għajnuna jew jimmodifikaha fit-terminu preskritt mill‑Kummissjoni.

3        L-Artikolu 88(3) KE jistabbilixxi:

“Il-Kummissjoni għandha tiġi informata, fil-ħin biex tissottometti l‑osservazzjonijiet tagħha, dwar kull proġett biex tiġi mogħtija jew biex tiġi modifikata għajnuna. Jekk tikkunsidra li proġett bħal dak ma jkunx kompatibbli mas-suq komuni skond it-termini ta’ l-Artikolu 87 [KE], hija għandha mingħajr dewmien tibda l-proċedura prevista fil-paragrafu qabel dan. L-Istat Membru interessat ma jistgħax idaħħal fis-seħħ il-proġetti proposti tiegħu qabel ma dik il‑proċedura ikollha deċiżjoni finali.”

4        Abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 94 tat-Trattat KE (li sar l‑Artikolu 89 KE), il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal‑Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).

5        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 659/1999 jistabbilixxi d-definizzjonijiet li ġejjin:

“Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

a)      ‛għajnuna’ għandha tfisser kull miżura li taderixxi l-kriterja kollha mqiegħda fl-Artikolu 92(1) [KE] tat-Trattat [KE];

b)      ‛għajnuna eżistenti’ għandha tfisser:

[…]

(iv)      għajnuna li tinftiehem li hi għajnuna eżistenti skond l-Artikolu 15;

[…]

ċ)      ‛għajnuna ġdida’ għandha tfisser kull għajnuna, jiġifieri, skemi ta’ għajnuna u għajnuna individwali, li m’hijiex għajnuna eżistenti […]

d)      ‛skema ta’ għajnuna’ għandha tfisser kull att li abbażi tiegħu, mingħajr ma jkunu meħtieġa miżuri implimentattivi oħra, jistgħu jingħataw għajnuniet individwali lill-impriżi definiti fi ħdan l-att f’manjiera ġenerali u astratta u kull azzjoni li abbażi tagħha għajnuna li m’hijiex magħquda ma’ proġett speċifiku tista’ tingħata lil waħda jew ħafna impriżi għal perjodu ta’ żmien indefinit u/jew għal ammont indefinit;

e)      ‛għajnuna individwali’ għandha tfisser għajnuna li ma tingħatax abbażi ta’ skema ta’ għajnuna u għoti ta’ għajnuna notifikati abbażi ta’ skema ta’ għajnuna;

f)      ‛għajnuna kontra l-liġi’ [“għajnuna illegali”] għandha tfisser għajnuna ġdida li tiddaħħal fis-seħħ f’kontravenzjoni ta’ l-Artikolu [88] (3) tat-Trattat [KE];

[…]

h)      ‛parti interessata’ għandha tfisser kull Stat Membru u kull persuna, impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu affettwati bl-għoti ta’ għajnuna, b’mod partikolari l-benefiċjarju ta’ l-għajnuna, impriżi li jikkompetu bejniethom u assoċjazzjonijiet tal-kummerċ.”

6        Mill-Artikolu 7(5) tar-Regolament Nru 659/1999, applikabbli, skont l‑Artikolu 13(1) tal-istess regolament, għall-għajnuna kontra l-liġi, jirriżulta li “deċiżjoni negattiva” tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ din l‑għajnuna mas-suq komuni u tostakola l-implementazzjoni tagħha.

7        L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, dwar l-irkupru tal‑għajnuna illegali, jipprovdi kif ġej:

“1.      Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill‑benefiċjarju (minn hawn ’l quddiem imsejjħa “deċiżjoni ta’ rkupru”). Il-Kummissjoni m’għandhiex teħtieġ ir-rkupru ta’ l-għajnuna jekk dan ikun kuntrarju għal prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Komunità.

2.      L-għajnuna li ser tkun rikuperata skond deċiżjoni ta’ rkupru għandha tinkludi l-imgħax f’rata xierqa ffissata mill-Kummissjoni L-imgħax għandu jkun pagabbli mid-data li fiha l-għajnuna llegali kienet fid-disposizzjoni tal-benefiċjarju sad-data li fiha kienet irkuprata.

3.      Mingħajr preġudizzju għall-ebda ordni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej skond l-Artikolu 185 [242 KE] tat-Trattat, ir-rkupru għandu jsir mingħajr dewmien u f’konformità mal-proċeduri tal-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru kkonċernat, sakemm jippermettu għall-esekuzzjoni mmedjata u effettiva tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Għal dan l-effett u fl-eventwalità ta’ proċedura quddiem il-qrati nazzjonali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa li huma disponibbli fis-sistemi legali rispettivi tagħhom, li jinkludu miżuri proviżjonali, mingħajr preġudizzju għall-liġi tal-Komunità.”

8        Il-ħtieġa li jiġi stabbilit terminu ta’ preskrizzjoni li fi tmiemu l-għajnuna illegali ma tistax tiġi rkuprata hija msemmija fil-premessa 14 tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi: “Billi għal raġunijiet ta’ ċertezza legali huwa xieraq li jitwaqqaf perjodu ta’ limitazzjoni ta’ għaxar snin dwar l-għajnuna llegali, li wara li jiskadi ma jista’ jkun ordnat l-ebda radd lura”.

9        Ir-regoli dwar it-terminu ta’ preskrizzjoni u dwar il-konsegwenzi tal-iskadenza ta’ dan it-terminu huma stabbiliti fl-Artikolu 15 tar‑Regolament Nru 659/1999:

“1.      Il-poteri tal-Kummissjoni sabiex jirkupraw l-għajnuna għandhom ikunu suġġett għal perjodu ta’ limitazzjoni [terminu ta’ preskrizzjoni] ta’ għaxar snin.

2.      Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jibda dakinhar li fih l-għajnuna llegali tingħata lill-benefiċarju jew bħala għajnuna individwali jew bħala għajnuna taħt skema ta’ għajnuna. Kull azzjoni meħudha mill‑Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, b’rigward għall-għajnuna llegali għandha tinterrompi l-perjodu ta’ limitazzjoni. Kull interuzzjoni għandha tibda l-ħin mill-ġdid [terġa’ tibda tiddekorri t-terminu]. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jkun sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.

3.      Kull għajnuna li għaliha jkun skada l-perjodu ta’ limitu, għandha tinftiehem li hi għajnuna eżistenti.”

2.     Regoli dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni

10      L-Artikolu 219 KE jistabbilixxi r-regoli dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kummissjoni. Huwa jipprovdi kif ġej:

“Il-Kummissjoni għandha taġixxi b’maġġoranza ta’ l-għadd tal-membri skond l-Artikolu 213 [KE].

Laqgħa tal-Kummissjoni għandha tkun biss valida jekk ikun preżenti in-numru ta’ membri indikat fir-regoli ta’ proċedura [Regoli ta’ Proċedura] tagħha.”

11      L-Artikolu 1 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 213), applikabbli f’dan il-każ, huwa fformulat kif ġej:

“Il-Kummissjoni għandha taġixxi b’mod kolleġġjali skond dawn ir-Regoli u b’konformità mal-linji ta’ gwida politiċi stabbiliti mill-President.”

12      L-Artikolu 4 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni jippreċiża kif ġej:

“Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jittieħdu:

a)      f’laqgħat

jew […]

ċ)      permezz ta’ awtorizzazzjoni skond l-Artikolu 13 […]”

13      It-tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni jipprovdi:

“Il-Kummissjoni tista’ […] tagħti struzzjonijiet lil wieħed jew aktar mill-Membri tagħha sabiex jadotta t-test definittiv ta’ xi strument jew ta’ xi proposta li għad iridu jkunu preżentati lill-istituzzjonijiet l-oħra u li l-partijiet essenzali tagħhom kienu diġa deċiżi f’diskussjoni.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.     Twaqqif ta’ France Télécom

14      Ir-rikorrenti, France Télécom SA hija kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Franċiż li għandha b’mod partikolari l-għan statutorju li tipprovdi s-servizzi kollha ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi fir-relazzjonijiet domestiċi u internazzjonali, li twettaq il-kompiti li jaqgħu taħt is-servizz pubbliku u, b’mod partikolari, li tipprovdi, jekk ikun il-każ, is-servizz pubbliku universali tat-telekomunikazzjoni u tas-servizzi obbligatorji, li tistabbilixxi, li tiżviluppa u li topera n-netwerks kollha ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi miftuħa għall‑pubbliku, kif ukoll li tistabbilixxi u topera n-netwerks kollha li jagħtu servizzi ta’ xandir tar-radju, tat-televiżjoni jew tal-multimedia.

15      Sal-1990, l-attivitajiet ta’ France Télécom kienu jaqgħu taħt it-tmexxija tal-ministère des Postes et Télécommunications (PTT) (Ministeru tal-Posta u tat-Telekomunikazzjonijiet) Franċiż. France Télécom twaqqfet, fil-forma ta’ persuna ġuridika ta’ dritt pubbliku sui generis, mill-1 ta’ Jannar 1991, permezz tal-Liġi 90‑568, tat-2 ta’ Lulju 1990, dwar l-organizzazzjoni tas-servizz pubbliku tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet (JORF tat-8 ta’ Lulju 1990, p. 8069). Skont il-Liġi 96‑660, tas-26 ta’ Lulju 1996, dwar l-impriża nazzjonali France Télécom (JORF tas-27 ta’ Lulju 1996, p. 11398), mill-31 ta’ Diċembru 1998, France Télécom ġiet ittrasformata f’impriża nazzjonali, li l-Istat, fid-data tal-fatti li wasslu għal din il-kawża, kien proprjetarju, direttament jew indirettament, ta’ iktar minn nofs il‑kapital azzjonarju tagħha. Għalhekk France Télécom kienet irregolata mil-Liġi 90‑568 u, barra minn hekk, suġġetta, sa fejn din ma kinitx kontra l-imsemmija liġi, għal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata.

2.     L-issuġġettar ta’ France Télécom għat-taxxa fuq in-negozju

 Sistema ġenerali tat-taxxa fuq in-negozju

16      It-taxxa fuq in-negozju hija taxxa lokali li r-regoli tagħha huma stabbiliti mil-liġi u kkodifikati fil-code général des impôts (Kodiċi Ġenerali tat‑Taxxa).

17      Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1447-I u tal-Artikolu 1478-I tal-code général des impôts, it-taxxa fuq in-negozju hija dovuta kull sena mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jeżerċitaw regolarment attività ta’ negozju għal rashom fl-1 ta’ Jannar.

18      Skont l-Artikolu 1448 tal-istess code général des impôts, it-taxxa fuq in-negozju hija stabbilita skont il-kapaċità kontributtiva tal-persuni taxxabbli, evalwata abbażi ta’ kriterji ekonomiċi skont l-importanza tal-attivitajiet eżerċitati minnhom fit-territorju tal-awtoritità lokali benefiċjarja.

19      Minn dan isegwi li t-taxxa fuq in-negozju hija taxxa li l-bażijiet tagħha ma jikkonsistux fil-qligħ li jsir mill-attività tal-impriża, iżda, sad-data tal-fatti li wasslu għal din il-kawża, f’parti mill-valur tal-fatturi tal‑produzzjoni - il-kapital u x-xogħol - użati mill-persuna taxxabbli f’kull komun fejn it-taxxa hija stabbilita.

20      B’hekk, skont l-Artikolu 1467(1) tal-istess kodiċi, fil-formulazzjoni tiegħu fis-seħħ għat-taxxi stabbiliti għas-snin 1994 sal-2002, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji, il-bażi taxxabbli tat-taxxa fuq in-negozju kienet tinkludi, minn naħa, il-valur tal-kiri tal-proprjetà immobbli korporali li l-persuna taxxabbli kellha għall-ħtiġiet tal-attività professjonali tagħha matul il-perijodu ta’ referenza u, min-naħa l-oħra, parti mill-pagi mħallsa matul il-perijodu ta’ referenza.

21      B’mod konformi mal-Artikolu 1467 A tal-code général des impôts, il‑perijodu ta’ referenza imsemmi fil-punt 20 iktar ’il fuq huwa s-sena ta’ qabel tal-aħħar preċedenti għal dik tat-tassazzjoni, meta s-sena finanzjarja tikkoinċidi mas-sena kalendarja, jew, fejn dan ma huwiex il-każ, is-sena finanzjarja magħluqa fis-sena ta’ qabel tal-aħħar preċedenti għal dik tat-tassazzjoni.

22      L-Artikolu 1473 tal-code général des impôts jispeċifika li t-taxxa fuq in-negozju hija stabbilita f’kull komun fejn il-persuna taxxabbli għandha bini jew artijiet, skont il-valur tal-kiri tal-beni li jinsabu fuq din il-proprjetà jew li huma marbuta magħha u skont il-pagi mħallsa lill-persunal.

23      Il-bażijiet taxxabbli għandhom ikunu ddikjarati mill-persuna taxxabbli skont l-Artikolu 1477 tal-code général des impôts.

24      Ir-rati applikabbli għall-bażijiet taxxabbli jiġu stabbiliti kull sena mil-laqgħat ta’ deliberazzjoni tal‑awtoritajiet lokali benefiċjarji tat-taxxa – jiġifieri, prinċipalment, il-kunsilli muniċipali, il-kunsilli tad-dipartimenti (distretti amministrattivi) u l‑kunsilli reġjonali - kif previst fl-Artikoli 1636 B u 1636e tal-code général des impôts.

 Regoli applikabbli għal France Télécom

 Prinċipju ta’ ssuġġettar għat-taxxi fid-dritt komuni

25      Il-Liġi 90‑568, li permezz tagħha ġiet imwaqqfa France Télécom (ara l-punt 15 iktar ’il fuq) u La Poste, tipprovdi, fil-Kapitolu IV tagħha, dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-tassazzjoni.

26      L-Artikolu 18 tal-imsemmija liġi jipprovdi li, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikoli 19 u 21, France Télécom hija suġġetta għat-taxxi u l-ħlasijiet kif previst fl-Artikolu 1654 tal-code général des impôts. Din id-dispożizzjoni għandha l-effett li tissuġġetta lil France Télécom fil-prinċipju, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dritt komuni, għat-taxxi u għall-ħlasijiet ta’ kwalunkwe tip li huma suġġetti għalihom impriżi privati li jwettqu l-istess operazzjonijiet.

 Ġbir ta’ ammont globali

27      L-Artikolu 19 jistabbilixxi l-ewwel deroga, li hija temporanja, għal dan il‑prinċipju. Skont din id-dispożizzjoni, fil-fatt, sal-1 ta’ Jannar 1994, France Télécom kellha tkun suġġetta biss għat-taxxi u l-ħlasijiet effettivament sostnuti mill-Istat. Għaldaqstant, France Télécom ma kinitx responsabbli, b’mod partikolari, la għat-taxxa fuq il-kumpanniji u lanqas għat-taxxi lokali, fosthom it-taxxa fuq in-negozju. Bħala korrispettiv, għas-snin 1991 sal-1993, France Télécom kellha tħallas kontribuzzjoni stabbilita kull sena mil-liġi finanzjarja, limitata għal ammont li l-bażi tiegħu, qabel aġġustament għall-għoli tal-ħajja, kien dak tal-bilanċ milħuq mill-baġit anness tat-telekomunikazzjoni għas-sena 1989 (iktar ’il quddiem il-“ġbir ta’ ammont globali”).

 Sistema speċifika ta’ tassazzjoni

28      L-Artikolu 21 tal-Liġi 90‑568 kien jikkonċerna s-sistema applikabbli għal France Télécom u għal La Poste rigward taxxi lokali, sa mill-1994.

29      Mid-dispożizzjonijiet tal-punt I tal-Artikolu 21 tal-Liġi 90‑568 jirriżulta li, mill-1994, permezz ta’ deroga għall-Artikolu 1473 tal-code général des impôts (ara l-punt 22 iktar ’il fuq), France Télécom kienet suġġetta għat-taxxa fil-post tal-istabbiliment prinċipali tagħha.

30      It-taxxa, li l-bażi taxxabbli tagħha kienet issegwi, għall-kalkolu tal-bażijiet taxxabbli, ir-regoli ġenerali previsti fil-code général des impôts (il‑punt I 2 tal-Artikolu 21) ġiet stabbilita bl-applikazzjoni ta’ rata medja bbilanċjata nazzjonali li tirriżulta mir-rati li ġew stabbiliti fis-sena preċedenti mill-awtoritajiet lokali kollha (il-punt I 4 tal-Artikolu 21).

31      Għal France Télécom kienet tiġi applikata, barra minn hekk, rata ta’ 1.9 % minflok rata ta’ 8 % għall-ispejjeż ta’ amministrazzjoni, jiġifieri ammont addizzjonali miġbur mill-Istat sabiex isir tajjeb għall-ispejjeż sostnuti mid-dipartimenti tat-taxxa għall-attivitajiet ta’ stabbiliment tar-rwoli u tal-irkupru tat-taxxa fuq in-negozju għall-benefiċċju tal-awtoritajiet lokali.

32      Il-dħul mit-taxxa kellu jitħallas lill-Istat, jew, għal dik il-parti li taqbeż il-kontribuzzjoni mħallsa għas-sena 1994, aġġustata kull sena għat-tibdil fl-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut, lill-Fond Nazzjonali ta’ ridistribuzzjoni tat-taxxa fuq in-negozju (il-punt II 6 tal-Artikolu 21).

33      Dawn ir-regoli speċifiċi ta’ tassazzjoni għat-taxxa fuq in-negozju (iktar ’il quddiem is-“sistema speċifika ta’ tassazzjoni”) kienu kkodifikati fl-Artikolu 1635e tal-code général des impôts. Is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni ma kienet tipprevedi l-ebda skadenza għall-applikazzjoni tagħha.

34      Madankollu, għal dak li jikkonċerna France Télécom, l-Artikolu 29 tal‑Liġi 2002‑1575, tat-30 ta’ Diċembru 2002, rigward il-liġi tal-finanzi għall-2003, temm sistema speċifika ta’ tassazzjoni b’applikazzjoni mit-taxxi stabbiliti għall‑2003.

3.     Proċedura amministrattiva

35      Fit-13 ta’ Marzu 2001, l-Assoċjazzjoni tal-awtoritajiet lokali għall-introduzzjoni mill-ġdid tat-taxxa fuq in-negozju ta’ France Télécom u ta’ La Poste fid-dritt komuni ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni, fejn qalet li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni. L-imsemmija assoċjazzjoni rreferiet, b’mod partikolari, għat‑telf ta’ dħul ikkawżat, għal ċerti komuni, mill-applikazzjoni ta’ rata medja bbilanċjata nazzjonali.

36      Wara dan l-ilment, fit-28 ta’ Ġunju 2001, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura ta’ eżami preliminari tas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni u bagħtet lir-Repubblika Franċiża talba għal informazzjoni f’dan ir-rigward.

37      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Settembru 2001, ir-Repubblika Franċiża rrispondiet għal din it-talba għal informazzjoni, fejn indikat li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat peress li ma kienet toħloq l-ebda vantaġġ għal France Télécom u ma wasslet għal ebda telf ta’ riżorsi għall-Istat.

38      Fit-30 ta’ Jannar 2003, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tiftaħ il‑proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista taħt l-Artikolu 88(2) KE fir‑rigward, b’mod partikolari, tal-eżenzjoni tat-taxxa fuq in-negozju li France Télécom kienet ibbenefikat minnha mill-1991 sal-1993 u tas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”). Id‑deċiżjoni ta’ ftuħ ġiet innotifikata lir-Repubblika Franċiża permezz ta’ ittra tal-31 ta’ Jannar 2003. Fuq talba tal-awtoritajiet Franċiżi, fis-7 ta’ Marzu 2003 il‑Kummissjoni nnotifikat il-verżjoni kkoreġuta ta’ din id-deċiżjoni. Fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni stmat il‑vantaġġ mogħti lil France Télécom għal, bejn wieħed u ieħor, biljun Frank Franċiż (FRF) kull sena mill-1994 (paragrafi 73 u 74). Id-deċiżjoni ta’ ftuħ ġiet ippubblikata fit-12 ta’ Marzu 2003 (ĠU C 57, p. 5).

39      Fl-4 ta’ April 2003, u sussegwentement fil-15 ta’ Mejju 2003, ir‑Repubblika Franċiża ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar id‑deċiżjoni ta’ ftuħ. L-awtoritajiet Franċiżi kkontestaw b’mod partikolari l-evalwazzjoni tal-ammont tal-għajnuna u sostnew li s-sistema ta’ taxxa speċifika għal France Télécom kellha tiġi kkunsidrata globalment u, għaldaqstant, li l-analiżi tal-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-ammont tal-ġbir globali impost fuq France Télécom mill-1991 sal-1993. Ir-Repubblika Franċiża kkunsidrat, barra minn hekk, li, globalment, is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni ta’ France Télécom ma kinitx tikkostitwixxi eżenzjoni mit-taxxa, iżda tassazzjoni organizzata skont regoli speċifiċi, li ma humiex konnessi mal‑kwistjoni tal-għajnuna mill-Istat. F’din l-ittra, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw ukoll l-ewwel simulazzjoni (iktar ’il quddiem l-“l-istima tal-15 ta’ Mejju 2003”), ibbażata fuq kalkoli approssimattivi statistiċi, li juru li France Télécom kienet suġġetta għal tassazzjoni żejda ta’ mill-inqas EUR 1.4 biljun, barra aġġustament għall-għoli tal-ħajja, matul il-perijodu 1991-2002.

40      Wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ, bejn il-21 ta’ Marzu u t-30 ta’ April 2003, il‑Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet minn ħdax-il terz interessat. Min-naħa l-oħra, France Télécom ma ppreżentatx osservazzjonijiet bil‑miktub f’dan l-istadju. Dawn l-osservazzjonijiet ġew ikkomunikati lir-Repubblika Franċiża permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Mejju 2003. L‑awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw il-kummenti tagħhom dwar dawn permezz ta’ ittri tat-30 ta’ Ġunju u tad-29 ta’ Lulju 2003.

41      Sussegwentement, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni ġdida minn diversi terzi interessati. Hija talbet iktar kjarifiki mir-Repubblika Franċiża permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Settembru 2003. L-awtoritajiet Franċiżi rrispondew għal din it-talba permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ottubru 2003. Talba ġdida għal informazzjoni ntbagħtet lir-Repubblika Franċiża permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Novembru 2003, li din wieġbet permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Diċembru 2003. Il-Kummissjoni ppreżentat talba ġdida għal informazzjoni permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Jannar 2004.

42      Fit-22 ta’ Jannar 2004 ġiet organizzata laqgħa bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni, dawk tar-Repubblika Franċiża u dawk ta’ France Télécom.

43      Permezz ta’ ittra tas-26 ta’ Jannar 2004, ir-Repubblika Franċiża bagħtet lill-Kummissjoni l-ammont reali tal-kontribuzzjoni tat-taxxa fuq in-negozju li France Télécom kienet suġġetta għaliha għas-sena 2003. Dan l-ammont irriżulta inqas mill-evalwazzjonijiet li fuqhom kienet ġiet ikkalkolata l-istima tal-15 ta’ Mejju 2003.

44      Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Frar 2004, il-Kummissjoni bagħtet talba ġdida għal informazzjoni lir-Repubblika Franċiża, li din wieġbet permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Frar 2004.

45      Terzi interessati ppreżentaw osservazzjonijiet ġodda bejn id-19 ta’ Marzu u s-26 ta’ Mejju 2004. Dawn intbagħtu lir-Repubblika Franċiża fit-3 ta’ Mejju u fl-14 ta’ Ġunju 2004.

46      Fl-1 ta’ Ġunju 2004, il-Kummissjoni bagħtet lir-Repubblika Franċiża talba għal informazzjoni dwar it-taxxi eventwali, barra t-taxxa fuq in-negozju u t-taxxa fuq il-kumpanniji, li France Télécom kienet ġiet eżentata minnhom għas-snin 1991 sa 1993.

47      Fis-16 ta’ Ġunju 2004, waqt laqgħa mar-rappreżentanti tal‑Kummissjoni u ma’ dawk ta’ France Télécom, ir-rappreżentanti tar‑Repubblika Franċiża ppreżentaw elementi ta’ risposta preliminari għad-domanda magħmula fl-ittra tal-1 Ġunju 2004.

48      France Télécom ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fit-22 ta’ Ġunju 2004.

49      Saret laqgħa bejn ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni, dawk tar‑Repubblika Franċiża u dawk ta’ France Télécom fit-23 ta’ Ġunju 2004.

50      France Télécom ippreżentat osservazzjonijiet bil-miktub ġodda fit-30 ta’ Ġunju u t-2 ta’ Lulju 2004.

51      Permezz ta’ faks tal-5 ta’ Lulju 2004, ir-Repubblika Franċiża, filwaqt li insistiet fuq in-natura aprossimattiva tal-evalwazzjonijiet tagħha, ressqet simulazzjoni ġdida tal-konsegwenzi finanzjarji tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ tassazzjoni ta’ France Télécom għat-taxxa fuq in-negozju mill‑1991 sal-2002 (iktar ’il quddiem l-“istima tal-5 ta’ Lulju 2004”). Din l-evalwazzjoni ġdida, ikkalkolata abbażi tal-kontribuzzjoni tat-taxxa fuq in-negozju li France Télécom kienet effettivament ġiet suġġetta għaliha għas-sena 2003, uriet li France Télécom kienet, matul dan il-perjodu, suġġetta għal tassazzjoni żejda ta’ iktar minn EUR 1.7 biljun barra mill-aġġustament għall-għoli tal-ħajja.

52      Fit-13, il-15, is-16 u d-19 ta’ Lulju 2004, ir-Repubblika Franċiża bagħtet żewġ noti ta’ spjegazzjoni u ta’ informazzjoni ulterjuri rigward, b’mod partikolari, il-metodu użat sabiex saret l-istima tal-5 ta’ Lulju 2004.

4.     Deċiżjoni kkontestata

53      Fid-19 u l-20 ta’ Lulju 2004, waqt l-1667 laqgħa tiegħu, il-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni approva abbozz ta’ deċiżjoni li tikkonstata li France Télécom kienet ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat minħabba s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, matul il‑perijodu 1994-2002 (iktar ’il quddiem l-“għajnuna inkwistjoni”), u ta s-setgħa lill-membru inkarigat mill-kompetizzjoni sabiex jadotta, bil-kunsens tal-President, il-verżjoni finali tad-deċiżjoni bil-Franċiż, il‑lingwa awtentika, wara “reviżjoni ġuridiko-lingwistika”.

54      Fit-2 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2004) 3061 finali, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Franza għal France Télécom (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Din ġiet innotifikata lir-Repubblika Franċiża fit-3 ta’ Awwissu 2004. Il-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata nnotifikata lir-Repubblika Franċiża kellha, meta mqabbla mal-verżjoni approvata mill-kulleġġ tal‑membri tal‑Kummissjoni fl-20 ta’ Lulju preċedenti, ċerti differenzi.

55      Fit-8 ta’ Settembru 2004, France Télécom talbet lill-Kummissjoni sabiex tibgħatilha l-abbozz tad-deċiżjoni kkontestata approvat mill‑kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni u l-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata mibgħuta lir-Repubblika Franċiża.

56      Permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Settembru 2004, id-dipartimenti tas‑Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni rrikonoxxew li rċevew din it-talba u informaw lil France Télécom li ser tingħatalha risposta fi żmien ħmistax-il jum utli, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal‑Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

57      Fit-28 ta’ Ottubru 2004, fin-nuqqas ta’ risposta mill-Kummissjoni, France Télécom ippreżentat applikazzjoni konfermatorja abbażi tal‑Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 1049/2001.

58      Id-dokumenti mitluba ġew ikkomunikati lil France Télécom fil-11 ta’ Novembru 2004.

59      Fid-19 ta’ Jannar 2005, il-Kummissjoni nnotifikat rettifika lir‑Repubblika Franċiża, li biha stabbiliet mill-ġdid it-test approvat fid-19 u l‑20 ta’ Lulju 2004.

60      Il-verżjoni rrettifikata tad-deċiżjoni kkontestata ġiet ippubblikata fil‑Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Ottubru 2005 bir‑referenza 2005/709/KE (ĠU 2005, L 269, p. 30).

61      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qabel kollox ikkunsidrat li l-ġbir ta’ ammont globali, previst fl-Artikolu 19 tal-Liġi 90‑568 għall‑perijodu mill-1991 sal-1993, seta’ jitqies li jissostitwixxi t‑taxxa fuq in-negozju normalment dovuta għall-istess snin. Għaldaqstant, l-eżenzjoni mit-taxxa fuq in-negozju matul dan il-perijodu ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat (premessi 22 sa 33 u 53).

62      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni applikabbli għas-snin 1994 sal-2002 kienet tistabbilixxi għajnuna mill-Istat rappreżentata mid-differenza bejn it-taxxa li France Télécom kellha ssostni fil-kundizzjonijiet ta’ dritt komuni u l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet ta’ taxxa fuq in-negozju li effettivament ġew addebitati lil din tal-aħħar (iktar ’il quddiem id-“differenza fit-tassazzjoni”). Din l‑għajnuna ġdida, implementata illegalment bi ksur tal-Artikolu 88(3) KE hija, barra minn hekk, inkompatibbli mas-suq komuni. Għaldaqstant, hija għandha tiġi rkuprata (premessi 34 sa 53 tad‑deċiżjoni kkontestata).

63      Sabiex is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni tikkwalifika bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 87(1), il-Kummissjoni argumentat kif ġej.

64      L-ewwel nett, il-Kummissjoni spjegat ir-raġunijiet għalfejn hija kienet tal-fehma li għandu jiġi miċħud l-argument tal-awtoritajiet Franċiżi li l-vantaġġ ikkonstatat matul il-perijodu 1994-2002 kien iktar milli kkumpensat bl-ammont tal-ġbir tal-ammont globali li France Télécom kienet suġġetta għalih matul il‑perijodu 1991-1993 (premessi 35 sa 41 tad-deċiżjoni kkontestata).

65      Qabel kollox, il-Kummissjoni sostniet li l-Liġi 90‑568 kienet stabbiliet żewġ sistemi ta’ tassazzjoni suċċessivi u distinti: sistema ta’ eżenzjoni, applikabbli mill-1991 sal-1993, bis-sostituzzjoni ta’ ġbir ta’ ammont globali flok it-taxxi tad-dritt komuni, fosthom it-taxxa fuq in-negozju, minn naħa; sistema speċjali u ta’ deroga, li twassal għal tassazzjoni mhux suffiċjenti fil-qasam tat-taxxa fuq in-negozju, applikabbli, oriġinarjament, mill-1994 u li ntemmet bit-tassazzjoni stabbilita għas-sena 2003, min-naħa l‑oħra (premessi 36 u 38 tad-deċiżjoni kkontestata).

66      Imbagħad, fil-premessa 37 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, skont il-ġurisprudenza, għajnuna mogħtija lil impriża ma setgħetx tiġi kkumpensata permezz ta’ obbligu ta’ ħlas speċifiku fuq l‑istess impriża (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, Ġabra p. 709).

67      Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkunsidrat li ma setgħetx taċċetta l‑kumpens bejn id-differenza fit-tassazzjoni li France Télécom kienet ibbenefikat minnha mill-1994 sal-2002 u l-ġbir ta’ ammont globali mħallas mill-1991 sal-1993, li ma kien marbut mat-taxxa fuq in-negozju la speċifikament mil-Liġi 90‑568 u lanqas mill-metodi ta’ kalkolu tagħha (premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata).

68      Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ġbir ta’ ammont globali inkwistjoni kien iktar simili għall-ħlas ta’ sehem fuq il-qligħ tas-sid mill-kapital milli għal taxxa. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kien ikun biss eċċezzjonalment li l-Kummissjoni setgħet taċċetta li dan il-ħlas jikkumpensa għall‑eżenzjoni totali mit-taxxa fuq in-negozju li France Télécom kienet ibbenefikat minnha mill-1991 sal-1993. Applikazzjoni normali tal-liġi setgħet, min-naħa l-oħra, twassal għal kunsiderazzjoni li din l‑eżenzjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, li l-ammont tagħha kellu jiżdied ma’ dak tad-differenza fit-tassazzjoni li France Télécom ibbenefikat minnha mis-sena 1994 taħt is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni (premessi 38 u 39 tad‑deċiżjoni kkontestata).

69      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li r-raġunament li jipprovdi li kien hemm lok li jsir kumpens bejn il-ħlasijiet li saru minn France Télécom favur l-Istat mill-1991 sal-1993 u kull taxxa li France Télécom kienet ibbenefikat mill-1994 jippresupponi li l-eċċess, meta mqabbel mad-dritt komuni, tat-tassazzjoni imposta fuq France Télécom mill-1991 sal-1993 kellu jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala kreditu ta’ taxxa, u dan ma jirriżultax mill‑Liġi 90‑568. Din il-ġustifikazzjoni teoretika a posteriori lanqas ma tikkorrispondi għall-applikazzjoni normali tal-liġi tat-taxxa Franċiża, iżda għandha l-għan waħdieni li jiġi evitat l-irkupru tal-għajnuna mill‑Istat mogħtija lil France Télécom (premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata).

70      It-tieni nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-differenza fit-tassazzjoni kienet ta’ vantaġġ għal France Télécom, mogħti permezz ta’ riżorsi li kellhom ikunu parti mill-baġit tal-Istat, u kienet tikkostitwixxi, għaldaqstant, għajnuna mill-Istat (premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata).

71      It-tielet nett, fil-premessi 43 u 44 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni indikat li hija ma setgħetx, fl-istadju tad-deċiżjoni li tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, tieħu inkunsiderazzjoni l-argument tar-Repubblika Franċiża li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis tal-bażijiet tat-taxxa tal-kumpanniji li kien ġie kkawżat mill‑ħlas ta’ somom ogħla bħala taxxa fuq in-negozju sabiex jiġi ddeterminat il-vantaġġ nett li France Télécom tibbenefika minnu (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Ġunju 1995, Siemens vs Il‑Kummissjoni, T‑459/93, Ġabra p. II‑1675).

72      Ir-raba’ nett, peress li ċaħdet l-argumenti ppreżentati mir‑Repubblika Franċiża li l-għajnuna inkwistjoni ma setgħetx tiġi rkuprata minħabba l-applikazzjoni tar-regoli tal-prekrizzjoni previsti mill‑Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 il-Kummissjoni, kkunsidrat li l-għajnuna kienet tikkostitwixxi għajnuna ġdida u mhux għajnuna eżistenti (premessa 45).

73      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni indikat li l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 ma kellhiex l-effett li tittrasforma għajnuna ġdida f’għajnuna eżistenti, iżda biss li tipprevjeni lill-Kummissjoni milli tordna l-ikupru tal-għajnuna mogħtija iktar minn għaxar snin qabel id-data li fih il‑preskrizzjoni ssir effettiva (premessi 46 sa 48 tad-deċiżjoni kkontestata).

74      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni sostniet li l-Liġi 90‑568 kienet stabbiliet sistema ta’ għajnuna u li l-preskrizzjoni eventwali tikkonċerna biss l‑għajnuna mogħtija fil-kuntest ta’ din is-sistema u mhux is-sistema fiha nfisha. Il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għaldaqstant huwa l-jum li fih kull għajnuna kienet effettivament ingħatat lil France Télécom, jiġifieri, kull sena, id-data li fiha t-taxxa fuq in-negozju kienet dovuta (premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata).

75      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni żiedet li t-terminu ta’ preskrizzjoni kien ġie interrott permezz tat-talba għal informazzjoni indirizzata lir‑Repubblika Franċiża fit-28 ta’ Ġunju 2001 (premessa 50 tad‑deċiżjoni kkontestata).

76      Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li, peress li l-ewwel għajnuna identifikata kienet ingħatat għas-sena 1994, jiġifieri inqas minn għaxar snin qabel it-28 ta’ Ġunju 2001, l-għajnuna inkwistjoni kellha tiġi rkuprata fl-intier tagħha (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

77      Il-ħames nett, il-Kummissjoni tosserva li l-awtoritajiet Franċiżi ma kienu ressqu ebda argument speċifiku sabiex tiġi stabbilita l‑kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq komuni u li ma kienet tara l-ebda bażi legali sabiex din l-għajnuna tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni (premessa 52).

78      Għalhekk, fil-premessa 53 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li, l-ewwel nett, is-sistema ta’ taxxa fuq in-negozju applikabbli għal France Télécom matul il-perjodu 1991-1993 ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u, li, it-tieni nett, id-differenza fit-tassazzjoni li minnha bbenefikat France Télécom matul il-perijodu 1994‑2002, minħabba s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni u implementata illegalment, li għaldaqstant kellha tiġi rkuprata.

79      Madankollu, l-ammont eżatt li kellu jiġi rkuprat ma setax jiġi ddeterminat minħabba informazzjoni diverġenti mogħtija mill‑awtoritajiet Franċiżi fil-proċedura amministrattiva. Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għajnuna li kellha tiġi rkuprata kienet somma – mingħajr interessi − ta’ bejn EUR 798 miljun u EUR 1.14 biljun (premessi 54 sa 59).

80      Fil-premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għal rapport li ntbagħat lill-Parlament Franċiż mid-Direttorat Ġenerali tat‑Taxxa f’Novembru 2001 li jgħid li “n-normalizzazzjoni immedjata tal-kundizzjonijiet ta’ tassazzjoni ta’ France Télécom rigward it-taxxa fuq in-negozju twassal, b’rati mhux mibdula, għal tassazzjoni żejda ta’ madwar EUR 198 miljun għall‑impriża”.

81      Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-istima tal-15 ta’ Mejju 2003, li r-riżultati tagħha huma ppreżentati bħala tabella fil‑premessa 54 tad-deċiżjoni kkontestata. Skont iċ-ċifri mogħtija mir‑Repubblika Franċiża, it-tassazzjoni teoretika kumulattiva ta’ France Télécom skont id-dritt komuni, għas-snin 1994 sa 2002, kienet ta’ EUR 8.362 biljun. It-tassazzjoni effettiva kumulattiva fuq l-impriża għal dawn l-istess snin inkonformità mas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni kienet ta’ EUR 7.222 biljun. Id-differenza fit-tassazzjoni li France Télécom ibbenefikat minnha matul il-perijodu 1994-2002 għalhekk hija ta’ EUR 1.14 biljun.

82      Il-Kummissjoni osservat, barra minn hekk, li, permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Jannar 2004, l-awtoritajiet Franċiżi kienu informawha bl-ammont ta’ tassazzjoni li kellha titħallas minn France Télécom, skont id-dritt komuni, għas-sena 2003 (EUR 773 miljun) u kkonfermaw il-validità tal‑istima tal-15 ta’ Mejju 2003 (premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata). Kien biss fil-laqgħat miżmuma fis-16 u fit-23 ta’ Ġunju 2003 li l‑awtoritajiet Franċiżi qajmu dubji dwar kemm wieħed seta’ joqgħod fuq dawn l-ammonti (premessi 56 u 57 tad-deċiżjoni kkontestata).

83      Fil-5 ta’ Lulju 2004, l-awtoritajiet Franċiżi ppreżentaw stima ġdida. Din twassal għal riżultati differenti, riprodotti bħala tabella fil-premessa 58 tad-deċiżjoni kkontestata. It-tassazzjoni teoretika kumulattiva ta’ France Télécom skont id-dritt komuni, għas-snin 1994 sa 2002, tnaqqset għal EUR 8.02 biljun. Għalhekk id-differenza fit-tassazzjoni li France Télécom ibbenefikat minnha matul il-perijodu 1994-2002 hija ta’ EUR 798 miljun.

84      Minħabba indikjazzjonijiet kontradittorji mibgħuta mir-Repubblika Franċiża matul il-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni kkonkludiet li hija ma setgħetx tistabbilixxi l-ammont li għandu jiġi rkuprat, li kien ta’ bejn EUR 798 miljun u EUR 1.14 biljun, miżjud bl-interessi. Skont il-Kummissjoni, l-ammont eżatt li kellu jiġi rkuprat kellu jiġi ddefinit mill-awtoritajiet Franċiżi, inkonformità mad-dmir tagħhom ta’ kooperazzjoni leali fil-fażi ta’ implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (premessi 59 u 60 tad‑deċiżjoni kkontestata).

85      Fid-dawl ta’ dak kollu li ngħad qabel, id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jgħid li ġej:

“Artikolu 1

L-għajnuna mill-Istat, mogħtija illegalment mir-[Repubblika Franċiża], bi ksur tal-Artikolu 88(3) […] KE, favur France Télécom permezz tas-sistema ta’ taxxa fuq in-negozju applikabbli għal din l-impriża bejn l-1 ta’ Jannar 1994 u l-31 ta’ Diċembru 2002 […] hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1.      [Ir-Repubblika Franċiża] għandha tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mingħand France Télécom l-għajnuna mogħtija ddefinita fl‑Artikolu 1.

2.      L-irkupru jseħħ mingħajr dewmien skont il-proċeduri tal-liġi nazzjonali, sakemm dawn jippermettu l-implementazzjoni immedjata u effettiva ta’ din id-deċiżjoni.

3.      L-għajnuna mogħtija li għandha tiġi rkuprata tinkludi l-interessi b’effett mid-data li fiha l-għajnuna inkwistjoni tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-benefiċjarja, sad-data ta’ meta tiġi rkuprata.

[…]

Artikolu 3

[Ir-Repubblika Franċiża] għandha tinforma lill-Kummissjoni, fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika ta’ din id-deċiżjoni, bil-miżuri li hija għandha l-ħsieb tadotta u dawk li diġà adottat sabiex tikkonforma ruħha ma’ din id-deciżjoni. Sabiex tagħmel dan, [ir-Repubblika Franċiża] għandha tuża l-kwestjonarju anness ma’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 4

Din id-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.” [traduzzjoni mhux ufiċjali]

86      Fil-25 ta’ Ottubru 2006, il-Kummissjoni ressqet rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi naqset milli teżegwixxi, fit-terminu previst, id-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Franċiża kienet naqset mill-obbligi li hija kellha skont l‑Artikoli 2 u 3 ta’ din id-deċiżjoni, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 249 KE u l-Artikolu 10 KE.

87      Permezz ta’ sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Il‑Kummissjoni vs Franza (C‑441/06, Ġabra p. I‑8887), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikors tal-Kummissjoni huwa fondat.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

88      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-13 ta’ Ottubru 2004, ir‑Repubblika Franċiża ppreżentat rikors, irreġistrat taħt in-numru ta’ referenza T‑427/04.

89      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fl-10 ta’ Jannar 2005, France Télécom ressqet rikors, irreġistrat taħt in-numru ta’ referenza T-17/05.

90      Permezz ta’ att irreġistrat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ Mejju 2008, France Télécom talbet li, għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, il-Kawżi T‑427/04 u T‑17/05 jingħaqdu, skont l-Artikolu 50(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

91      Il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq din it-talba, rispettivament fis-16 u d-19 ta’ Ġunju 2008.

92      Permezz ta’ digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tad-19 ta’ Settembru 2008, il-Kawżi T‑427/04 u T‑17/05 ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura.

93      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) bagħtet lill-partijiet domandi bil-miktub dwar l-effett, f’dawn il‑kawżi magħquda, tas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 88 iktar ’il fuq, kif ukoll l-azzjoni meħuda mill-partijiet f’din is-sentenza u ddeċidiet li tibda l-proċedura orali.

94      Il-partijiet irrispondew għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal‑Prim’Istanza fit-termini mogħtija lilhom. Ir-Repubblika Franċiża, b’mod partikolari, indikat li hija kienet qed tirrinunzja għall-ħames motiv tar-rikors tagħha.

95      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu fis-seduta tat-18 ta’ Novembru 2008.

96      Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Marzu 2009, il-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla) fetħet mill-ġdid il-proċedura orali sabiex tagħmel domandi lill-Kummissjoni u tippermetti lir-rikorrenti li tippreżenta osservazzjonijiet dwar ir-risposti għalihom. Il-Kummissjoni u France Télécom ippreżentaw ir-risposta u l-osservazzjonijiet tagħhom fit-termini mogħtija lilhom.

97      Ir-Repubblika Franċiża u France Télécom talbu li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

98      Il-Kummissjoni talbet li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikorsi bħal infondati;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

1.     Ġabra fil-qosor tal-motivi ta’ annullament

99      Ir-Repubblika Franċiża tinvoka, insostenn tar-rikors tagħha, erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u żball ta’ liġi meta kkunsidrat li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, fis-seħħ mill-1994 sal-2002, kienet tat vantaġġ lil France Télécom. Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-Repubblika Franċiża tallega l-ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża. Permezz tat‑tielet motiv tagħha, ir-Repubblika Franċiża ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kisret l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 billi ordnat l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni. Ir-raba’ motiv, ippreżentat sussidjarjament, huwa bbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn hija tordna l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni, tikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi.

100    France Télécom ippreżentat, insostenn tar-rikors tagħha, ħames motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tagħha tad-difiża. Permezz tat-tieni motiv tagħha, li huwa maqsum f’erba’ partijiet, France Télécom issostni li l-Kummissjoni vvizzjat id-deċiżjoni kkontestata bi tliet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u bi żball ta’ liġi meta kkunsidrat li hija kienet ibbenefikat minn vantaġġ. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999. Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 14 tal-istess regolament, jinqasam f’żewġ partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq il-ksur tal‑prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li l-miżura li l-irkupru tagħha ġie ordnat ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, u t‑tieni hija bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, peress li l-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata ma jistax jiġi kkalkolat. Permezz tal-ħames motiv tagħha, France Télécom issostni li l-emendi l-oħra għajr dawk ortografiċi jew grammatikali magħmula mill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni fid-deċiżjoni kkontestata wara l-adozzjoni tagħha mill-kulleġġ tal-Kummissarji jikkostitwixxu ksur tar-regoli dwar l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal‑Kummissjoni.

101    Il-Qorti tal-Prim’Istanza tikkunsidra opportun li fl-ewwel lok teżamina l-ħames motiv imqajjem minn France Télécom, ibbażat fuq il-ksur tar-regoli dwar l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni.

2.     F’dak li jikkonċerna l-osservanza tar-regoli dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni

 L-argumenti tal-partijiet

102    Permezz tal-ħames motiv tagħha, France Télécom tikkunsidra li, billi awtorizzat lill-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni li jagħmel “reviżjoni ġuridiko-lingwistika” tat-test finali tad-deċiżjoni kkontestata u billi ma vverifikatx l-użu li sar minn din l-awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ kolleġjalità.

103    Skont France Télécom, il-prinċipju ta’ kolleġjalità, li jirriżulta mill-Artikolu 219 KE, huwa bbażat fuq l-ugwaljanza tal-membri tal-Kummissjoni fil-parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjonijiet. Għaldaqstant, fit-test ta’ deċiżjoni wara l-adozzjoni formali tagħha mill-Kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni, jistgħu jsiru biss korrezzjonijiet purament ortografiċi jew grammatikali, u kull emenda oħra hija ta’ kompetenza esklużiva tal-Kummissjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555, punt 68).

104    France Télécom issostni li dawn ir-regoli ma ġewx osservati f’dan il-każ, peress li l-paragun bejn il-verżjoni approvata mill-kulleġġ tal‑membri tal-Kummissjoni fl-1667 laqgħa tagħha, fl-20 ta’ Lulju 2004, u l-verżjoni nnotifikata lir-Repubblika Franċiża tat-3 ta’ Awwissu 2004 juru li hemm żewġ emendi importanti, li jmorru sew lil hinn minn sempliċi korrezzjonijiet ortografiċi jew grammatikali.

105    Fl-ewwel lok, il-premessa 55 tal-verżjoni nnotifikata tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi l-frażi li ġejja, li ma kinitx inkluża fil-verżjoni approvata mill-kulleġġ:

“Il-Kummissjoni tinnota li l-ittra tad-29 ta’ Jannar 2004 tikkonferma l‑fondatezza tal-metodu ta’ stima żviluppat fl-ittra tal-15 ta’ Mejju 2003.”

106    Fit-tieni lok, fil-premessa 59 tal-verżjoni nnotifikata tad-deċiżjoni kkontestata, it-terminu “indikattiv”, li jirreferi għal-limitu massimu u minimu li bejniethom jinsab l‑ammont tal-għajnuna inkwistjoni, kien ġie mħassar.

107    Issa, dawn l-emendi jirrigwardaw aspetti legali fundamentali tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-affidabbiltà tal-metodu ta’ evalwazzjoni użat mill-Kummissjoni, meta, min-naħa l-oħra, il-kulleġġ tal-membri ma kienx ikkunsidra li seta’ jistabbilixxi ammont, u lanqas limitu massimu u minimu, b’mod definittiv. B’risposta għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza magħmula wara l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, France Télécom osservat li t-terminu “indikattiv” kien ġie miżjud espressament waqt id-deliberazzjoni tal-kulleġġ. Min-naħa l-oħra, il-frażi miżjuda mal-premessa 55 fil-verżjoni adottata tad-deċiżjoni kkontestata, li tagħti l-impressjoni li r-Repubblika Franċiża kienet irrikonoxxiet il‑fondatezza tal-metodi tal-evalwazzjoni tal-vantaġġ li France Télécom kienet ibbenefikat minnu, tikkostitwixxi element li huwa sostanzjalment ineżatt, li ma kienx jinsab fit-test approvat mill-kulleġġ. B’dan il-mod, l-emendi li saru fid-deċiżjoni jbiddlu s-sens tagħha, bi ksur tal-“prinċipju ta’ kolleġjalità”.

108    Fir-risposta tagħha, France Télécom issostni li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, wara l-preżentata tal-att promotur, il-Kummissjoni ma setgħetx tneħħi, permezz ta’ sempliċi miżura ta’ regolarizzazzjoni retroattiva, difett sostanzjali li kien qed jivvizzja d‑deċiżjoni kkontestata.

109    Il-Kummissjoni ssostni li d-differenzi kkonstatati bejn it-test approvat mill-kulleġġ u l-verżjoni nnotifikata tad-deċiżjoni kkontestata huma mingħajr importanza, peress li ma jaffettwawx it-tifsira tagħha. Fi kwalunkwe każ, ġiet adottata rettifika fid-19 ta’ Jannar 2005, li ġiet nnotifikata fl-istess jum lir-Repubblika Franċiża, li tikkonforma t-test tal‑verżjoni nnotifikata tad-deċiżjoni kkontestata mal-abbozz tad‑deċiżjoni approvata mill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni fl-1667 laqgħa tiegħu.

110    Waqt is-seduta, il-Kummissjoni spjegat id-diverġenzi bejn l-abbozz ta’ deċiżjoni approvat mill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni u l-verżjoni nnotifikata lir-Repubblika Franċiża permezz tal-fatt li r‑“reviżjoni ġuridiko-lingwistika”, li kienet saret wara l-approvazzjoni tal-abbozz mill-membri, kienet tirrigwarda, bi żball, test differenti minn dak li tressaq quddiem il-kulleġġ.

111    B’risposta għad-domandi bil-miktub tal-Qorti tal-Prim’Istanza li saru wara l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, il-Kummissjoni sostniet, l‑ewwel nett, li l-kulleġġ tal-membri tagħha kienu approvaw, fid-19 u l‑20 ta’ Lulju 2004, test inizjali u awtorizzat lill-membru responsabbli għall-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni sabiex jiddeċiedi, bil-kunsens tal-President, il-verżjoni finali tad-deċiżjoni kkontestata u jadotta din id-deċiżjoni.

112    Hija sostniet, sussegwentement, li, peress li d-diverġenzi formali bejn l-abbozz ta’ deċiżjoni approvat matul il-laqgħa tad-19 u tal-20 ta’ Lulju 2004 u l-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata adottata fit-2 ta’ Awwissu 2004 la kienu jaffettwaw l-elementi ta’ fatt u lanqas ir-raġunament legali li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, il-membru responsabbli għall‑kwisjonijiet ta’ kompetizzjoni ma kienx mar lil hinn mill-portata tal-awtorizzazzjoni li ngħatatlu mill-kulleġġ.

113    Hija indikat, fl-aħħar nett, li, peress li l-deċiżjoni kkontestata, fir‑redazzjoni tagħha tat-2 ta’ Awwissu 2004, kienet ġiet adottata legalment, l-ebda rettifika ma kienet meħtieġa taħt l-aspett ġuridiku. Skont il-Kummissjoni, hija setgħet madankollu tistabbilixxi mill-ġdid it-test tal-abbozz approvat mill-kulleġġ fl-20 ta’ Lulju 2004, kif hija tikkunsidra li għamlet permezz tar-rettifika tad-19 ta’ Lulju 2005, li ġiet approvata speċifikament mill-kulleġġ.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

114    Huwa paċifiku li, fil-laqgħa tiegħu tad-19 u tal-20 ta’ Lulju 2004, il‑kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni approva abbozz ta’ deċiżjoni mmotivata, li jikkonstata l-illegalità u l-inkompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna inkwistjoni u li jordna l-irkupru tagħha. Barra minn dan, il-kulleġġ awtorizza lill-membru responsabbli għall-kompetizzjoni sabiex jadotta, bil-kunsens tal-President, id-deċiżjoni finali bil-Franċiż, il-lingwa awtentika, wara “reviżjoni ġuridiko-lingwistika”. Imbagħad, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata fit-2 ta’ Awwissu 2004 u nnotifikata lir-Repubblika Franċiża fit-3 ta’ Awwissu 2004.

115    Il-partijiet jaqblu li jirrikonoxxu, u mill-atti tal-proċess jirriżulta, li l‑verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata nnotifikata lir-Repubblika Franċiża fit-3 ta’ Awwissu 2004 kellha, imqabbla mat-test approvat mill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni fil-laqgħa tad-19 u l-20 ta’ Lulju preċedenti, xi diverġenzi. Huwa wkoll paċifiku li dawn id-differenzi kienu korretti permezz ta’ rettifika, adottata fid-19 ta’ Jannar 2005. Fl‑istess jum, jiġifieri wara l-preżentata ta’ dawn ir-rikorsi, il‑Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Franċiża b’verżjoni kkonsolidata tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet tinkludi dawn il‑korrezzjonijiet.

116    Skont l-Artikolu 219 KE, id-deliberazzjonijiet tal-Kummissjoni jsiru bil-maġġoranza tal-għadd tal-membri tagħha. Il-prinċipju ta’ kolleġjalità stabbilit b’dan il-mod huwa bbażat fuq l-ugwaljanza tal‑membri tal-Kummissjoni fil-parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjoni u b’mod partikolari jimplika, minn naħa, li d-deċiżjonijiet jiġu ddeliberati b’mod kollettiv, u, min-naħa l-oħra, li l-membri tal-kulleġġ jkunu kollettivament responsabbli, fuq il-livell politiku, għad-deċiżjonijiet meħuda (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Settembru 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni, 5/85, Ġabra p. 2585, punt 30).

117    Għalkemm il-Kummissjoni tista’, mingħajr ma tikser il-prinċipju ta’ kolleġjalità, tawtorizza lil wieħed mill-membri tagħha sabiex jadotta kategoriji speċifiċi ta’ atti ta’ amministrazzjoni u ta’ tmexxija (sentenza AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni, punt 117 iktar ’il fuq, punt 37), id-deċiżjonijiet li bihom il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni u dwar il-ħtieġa li tordna l-irkupru jippresupponu eżami tal-kwistjonijiet fattwali u legali kumplessi u ma jistgħux, fil‑prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala atti ta’ amministrazzjoni u ta’ tmexxija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ April 1995, ASPEC et vs Il‑Kummissjoni, T‑435/93, Ġabra p. II‑1281, punti 103 sa 114). Minn dan isegwi li d-dispożittiv u l-motivi ta’ deċiżjonijiet bħal dawn, li għandhom ikunu mmotivati skont l‑Artikolu 253 KE, jikkostitwixxu ħaġa indiviżibbli, u huwa biss il‑kulleġġ li huwa kompetenti sabiex, skont il-prinċipju ta’ kolleġjalità, jadotta dawn it-tnejn fl-istess waqt (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs BASF et, punt 104 iktar ’il fuq, punti 66 u 67).

118    Għalhekk, fil-prinċipju, huwa l-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni li għandu l‑kompetenza li jadotta l-verżjoni finali tad-deċiżjonijiet dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u dwar il-kompatibbiltà ta’ dawn mas-suq komuni. Wara din l-adozzjoni, jistgħu jsiru biss korrezzjonijiet purament ortografiċi jew grammatikali, u kull emenda oħra hija fil-kompetenza esklużiva ta’ din tal-aħħar (ara, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs BASF et, punt 103 iktar ’il fuq, punt 68).

119    Ma huwiex eskluż, madankollu, li, kif jipprevedi, barra minn hekk, it‑tieni paragrafu tal-Artikolu 13 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni, fil-verżjoni tagħhom applikabbli fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 213), il-kulleġġ tal-membri tal‑Kummissjoni jagħti struzzjonijiet lil wieħed jew iktar mill-membri tiegħu sabiex jadotta t-test finali ta’ deċiżjoni li l-partijiet essenzjali tagħha jkunu ġew deċiżi fid-deliberazzjonijiet tiegħu. Meta l-kulleġġ jagħmel użu minn dan id-dritt, hija l-qorti Komunitarja, li jkollha quddiemha l-kwistjoni tar-regolarità tal-eżerċizzju ta’ din is-setgħa, li għandha tivverifika jekk il-kulleġġ jistax jiġi kkunsidrat li ħa d-deċiżjoni inkwistjoni fil-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ASPEC et vs Il‑Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punt 122).

120    F’dan il-każ, mill-minuti tal-1667 laqgħa tal‑kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni, li saret fid-19 u l-20 ta’ Lulju 2004, jirriżulta li l-kulleġġ approva d-deċiżjoni dwar l-għajnuna inkwistjoni “kif stabbilit fid-dokument C (2004) 2651/12” u “awtorizza [lill-membru responsabbli għall-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni], bil-kunsens [tal‑President], li jadotta l-verżjoni finali, bil-Franċiż bħala l-verżjoni awtentika, [tad-deċiżjoni] inkwistjoni, wara reviżjoni ġuridiko‑lingwistika”. Issa, il-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata li ġiet adottata fit-2 ta’ Awwissu 2004 u nnotifikata lir-Repubblika Franċiża l-għada kienet differenti f’mill-inqas żewġ punti mill-abbozz approvat mill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni. Għaldaqstant għandu jiġi eżaminat jekk, kif issostni France Télécom, dawn id-diverġenzi humiex sostanzjali, minkejja li l-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni ma jistax jiġi kkunsidrat li ħa d-deċiżjoni kkontestata fil-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi tagħha.

121    Minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata kif adottata fit-2 ta’ Awwissu 2004 kienet tinkludi, fl-aħħar parti tal-premessa 55, il-frażi li ġejja, li ma kinitx tinsab fit-test approvat mill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni:

“Il-Kummissjoni tinnota li l-ittra tad-29 ta’ Jannar 2004 tikkonferma l‑fondatezza tal-metodu ta’ stima żviluppat fl-ittra tal-15 ta’ Mejju 2003.”

122    Min-naħa l-oħra, fil-premessa 59, it-terminu “indikattiv”, li jinsab fil-parti tal‑frażi “il-Kummissjoni […] tikkunsidra li [France Télécom] ibbenefikat minn għajnuna mill-Istat li l-ammont indikattiv tiegħu huwa bejn [EUR] 798 […] u [EUR] 1 140 miljun f’kapital” fit-test approvat mill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni, tħalla barra mill-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata adottata fit-2 ta’ Awwissu 2004.

123    L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li d-diverġenzi li hemm bejn il-verżjoni tad‑deċiżjoni kkontestata adottata fit-2 ta’ Awwissu 2004 u l-abbozz approvat mill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni fis-26 ta’ Lulju 2004 jirriżultaw, skont id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni waqt is-seduta, ikkorroborati mid-dokumenti li hija pproduċiet bħala anness għar-risposti tagħha għad-domandi li sarulha wara s-seduta (ara l-punt 111 iktar ’il fuq), għaliex ir‑reviżjoni “ġuridiko-lingwistika” magħmula wara d-deliberazzjoni tal‑kulleġġ kienet, b’mod żbaljat, għal test differenti minn dak li kien ġie approvat mill-kulleġġ. Madankollu, jidher mill-kliem tal-minuti tal‑1667 laqgħa tal-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni li hija ma kellhiex l-intenzjoni li tiddeċiedi dwar it-test finali tad-deċiżjoni kkontestata, iżda li hija tat l-inkarigu sabiex jiffinalizza t-test lill-membru responsabbli għall‑kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni li jaġixxi bil-kunsens tal-President tal-Kummissjoni.

124    Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li, meħuda fil-kuntest tagħha, il‑frażi mdaħħla fl-aħħar parti tal-premessa 55 tal-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata adottata fit-2 ta’ Awwissu 2004 tikkostitwixxi sempliċi kumment li jiżviluppa l-idea li ġiet stabbilita fil-frażi preċedenti, jiġifieri li l‑awtoritajiet Franċiżi kienu “enfasizzaw li l-estrapolazzjoni b’lura” ta’ din iċ-ċifra għas-snin preċedenti kienet tikkonferma u ssaħħaħ il‑pożizzjoni tagħhom peress li hija turi t-tassazzjoni żejda ta’ [France Télécom] meta mqabbel mad-dritt ġenerali”. Iż-żieda tal-frażi inkwistjoni, għalhekk, ma tbiddilx sostanzjalment il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata la fil-fatt u lanqas fid-dritt.

125    Bl-istess mod, l-ommissjoni tal-kelma “indikattiv” fil-premessa 59 tal‑verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata adottata fit-2 ta’ Awwissu 2004 hija, fiha nfisha, mingħajr importanza. Fil-fatt, minkejja l-preżenza tal-kelma “indikattiv” fil-premessa 59 tal-verżjoni rettifikata tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ammont minimu kkunsidrat f’dan l-Artikolu kellu jitqies li jikkostitwixxi l‑ammont minimu tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument li l-ammonti msemmija fil-punt 59 tad-deċiżjoni kkontestata huma biss indikattivi, mingħajr saħħa legali vinkolanti (sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 88 iktar ’il fuq, punti 31, 33 u 35).

126    Barra minn hekk, France Télécom sostniet b’mod żbaljat, fl‑osservazzjonijiet tagħha dwar ir-risposti tal-Kummissjoni, li l‑kulleġġ kien “daħħal” it-terminu “indikattiv” fit-test li huwa kien approva. Dan it-terminu, fil-fatt, diġà kien inkluż fil-verżjoni tat-test ppreżentata lill-kulleġġ, kif juru d-dokumenti mibgħuta mill‑Kummissjoni wara l-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza.

127    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ommissjoni tal-kelma “indikattiv” fil-premessa 59 tal-verżjoni adottata tad-deċiżjoni kkontestata ma tikkontradixxix ir-rieda espressa tal-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni u bl-ebda mod ma biddlet il-portata tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

128    B’hekk, peress li d-diverġenzi formali bejn il-verżjoni tad-deċiżjoni kkontestata adottata fit-2 ta’ Awwissu 2004 u t-test li kien ġie approvat mill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni fid-19 u l-20 ta’ Lulju 2004 ma’ kellhom l-ebda effett fuq il-portata tad-deċiżjoni kkontestata, il‑kulleġġ jista’ jiġi kkunsidrat li ħa din id-deċiżjoni fil-punti kollha tagħha ta’ fatt u ta’ liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ASPEC et vs Il‑Kummissjoni, punt 118 iktar ’il fuq, punt 122). Minn dan isegwi li France Télécom ma hijiex iġġustifikata li ssostni li l-membru responsabbli għall-kwistjonijiet ta’ kompetizzjoni, li jaġixxi bil-kunsens tal-President, qabeż il-limiti tal-awtorizzazzjoni mogħtija lilu mill-kulleġġ u li d-deċiżjoni kkontestata, għalhekk, ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità.

129    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u għalkemm ma kinitx obbligata tagħmel dan, il-Kummissjoni setgħet, kif għamlet, terġa’ tirrediġi, permezz ta’ rettifika adottata mill‑kulleġġ tal-membri tagħha, it-test inizjali approvat matul il-laqgħa tal-kulleġġ tad-19 u l-20 ta’ Lulju 2004 u tinnotifika verżjoni kkonsolidata tad-deċiżjoni kkontestata li tinkludi dawn ir-rettifiki, u dan anki wara l-preżentata tar-rikorsi mir-rikorrenti.

130    Għalhekk il-ħames motiv invokat minn France Télécom għandu jiġu miċħud.

3.     F’dak li jikkonċerna r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar‑Repubblika Franċiża

 L-argumenti tal-partijiet

131    Ir-Repubblika Franċiża ssostni, permezz tat-tieni motiv tagħha, li l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata bi ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u bi ksur, fil-konfront tagħha, tad-drittijiet tad-difiża.

132    Hija tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad‑difiża fi kwalunkwe proċedura mibdija fil-konfront ta’ persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju, li għandu jiġi osservat anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni speċifika. Skont dan il-prinċipju, il-persuna li kontriha l-Kummissjoni tkun bdiet proċedura amministrattiva għandha tingħata l-possibbiltà li tesprimi ruħha fuq ir‑realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċ-ċirkustanzi allegati u fuq id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha rigward l‑eżistenza ta’ ksur tad-dritt Komunitarju (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1986, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, 40/85, Ġabra p. 2321, punt 28).

133    Ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Kummissjoni, wara li kkwalifikat is‑sistema stabbilita mill-Artikoli 18 sa 21 tal-Liġi 90‑568 bħala “sistema fiskali ta’ deroga” fid-deċiżjoni tal-ftuħ, ibbażat ruħha fuq in-natura parzjalment mhux fiskali tal-ġbir ta’ ammont globali sabiex tirrifjuta l-kumpens bejn il-perijodu mill-1991 sal-1993, minn naħa, u l-perijodu mill-1994 sal-2002, min-naħa l-oħra. Issa, l-argument li l-ġbir ta’ ammont globali kien jikkostitwixxi parzjalment parteċipazzjoni fil-qligħ ma ġiex invokat fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u hija ma setgħet tagħmel l-ebda osservazzjoni f’dan ir-rigward. Peress li dan l-argument jikkostitwixxi l-bażi tad-deċiżjoni kkontestata, din għandha tiġi annullata.

134    Skont ir-Repubblika Franċiża, il-fatt li hija setgħet tiddiskuti, matul il-proċedura amministrattiva, il-pożizzjoni provviżorja tal‑Kummissjoni li l-ġbir ta’ ammont globali seta’ jiġi kkwalifikat għal kollox bħala parteċipazzjoni fil-qligħ ma tippermettix l-esklużjoni tal-motiv ibbażat fuq id-drittijiet tad-difiża, peress li, minn naħa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkwalifikatx il-ġbir inkwistjoni bħala parteċipazzjoni – iżda kkunsidrat li kien parzjalment taxxa u parzjalment parteċipazzjoni – u, min-naħa, li din il-kwalifika mħallta, li hija ma setgħetx tiddiskuti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kellu impatt determinanti fuq l-eżitu tal-proċedura.

135    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

136    Hija ġurisprudenza stabbilita li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża fi kwalunkwe proċedura mibdija fil-konfront ta’ persuna li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju kontra din l-istess persuna jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju. Dan il-prinċipju jirrikjedi li l‑persuna li kontriha l-Kummissjoni tkun bdiet proċedura amministrattiva għandha tingħata l-possibbiltà, matul din il-proċedura, tesprimi ruħha utilment fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċ-ċirkustanzi allegati u fuq id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal‑allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tad-dritt Komunitarju (sentenza Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, punt 133 iktar ’il fuq, punt 28; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Marzu 2000, Kish Glass vs Il‑Kummissjoni, T‑65/96, Ġabra p. II‑1885, punt 32, u tas-6 ta’ Marzu 2003, Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, T‑228/99 u T‑233/99, Ġabra p. II‑435, punt 121).

137    Issa, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni għandha tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, meta, wara eżami preliminari, hija jkollha dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas‑suq komuni. Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax tiġi obbligata tippreżenta analiżi kompluta fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni fil-komunikazzjoni tagħha dwar il-ftuħ ta’ din il-proċedura. Min‑naħa l-oħra, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha sabiex l-Istat Membru li tkun infetħet il-proċedura kontrih ikun jista’ jesprimi ruħu fuq il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jikkostitwixxu l-motivi tad-deċiżjoni finali li permezz tagħha l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il‑kompatibbiltà tal-miżura kwistjoni mas-suq komuni [ara, f’dan is‑sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-31 ta’ Mejju 2006, Kuwait Petroleum (Nederland) vs Il‑Kummissjoni, T‑354/99, Ġabra p. II‑1475, punt 85].

138    Għalhekk, is-sempliċi fatt li, fid-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni biddlet l-analiżi tagħha dwar in-natura tal-ġbir ta’ ammont globali huwa tali li jwassal, fil-konfront tar-Repubblika Franċiża, għal ksur tad-drittijiet tad-difiża biss jekk l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ ftuħ jew, sussegwentement, ipprovduti waqt id‑dibattitu kontradittorju matul il-proċedura amministrattiva, ma kinux jippermettu lill-awtoritajiet Franċiżi li jiddiskutu utilment il-punti ta’ fatt u ta’ liġi kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, id‑diverġenzi bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni ta’ ftuħ li jirriżultaw mill-adozzjoni mill-Kummissjoni, totalment jew parzjalment, tal-argumenti mressqa mir-Repubblika Franċiża bħala tagħha ma jistgħux iwasslu għal ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-konfront ta’ dan l-Istat Membru.

139    Għandu jiġi kkonstatat li, meta indikat, fil-premessa 63 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, li l-ġbir ta’ ammont globali “jidher li huwa ġbir fuq ir-riżultati tal-operat ta’ [France Télécom], iktar milli mod speċifiku sabiex tiġi imposta t‑taxxa fuq in-negozju fuq [France Télécom]”, il-Kummissjoni tat il-possibbiltà lir-Repubblika Franċiża li tiddiskuti, matul il-proċedura amministrattiva, in-natura tal-imsemmi ġbir. Madankollu, mid‑dikjarazzjonijiet tal-gvern Franċiż fis-seduta jirriżulta li, matul il‑proċedura, il-kwistjoni tal-possibbiltà li jsir kumpens bejn t-tassazzjoni żejda allegata minħabba dan il-ġbir mill-Istat Membru, minn naħa, u l‑eżenzjoni tat-taxxa fuq in-negozju li France Télécom ibbenefikat minnha mill-1991 sal-1993 kif ukoll id-differenza fit-tassazzjoni li hija bbenefikat minnha mill-1994 sal-2002, min-naħa l-oħra, ġie indirizzat. Issa, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni kienet qalet speċifikament li kien impossibbli li jiġi aċċettat il‑kumpens bejn il-ġbir ta’ ammont globali u t-taxxa fuq in-negozju dovuta minn France Télécom għas-snin 1991 sal‑1993 minħabba li l-ġbir msemmi ma kellux natura fiskali. B’hekk l‑indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni ta’ ftuħ ippermettew lir‑Repubblika Franċiża li tikkontesta l-kwalifika li l‑Kummissjoni kellha l-ħsieb tagħti f’dak il-punt lill-ġbir ta’ ammont globali.

140    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li, għalkemm, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, hija kien beħsiebha tikkontesta kompletament in-natura fiskali tal-ġbir ta’ ammont globali, il-Kummissjoni biddlet l-analiżi tagħha fid-deċiżjoni kkontesta, li fiha hija kkunsidrat li dan il-ġbir kien ta’ natura mħallta, parzjalment fiskali u parzjalment mhux fiskali, ma jurix li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha tagħha sabiex ir-Repubblika Franċiża tkun tista’ tesprimi ruħha dwar il-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi li jikkostitwixxu l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

141    Barra minn hekk, kif għadu kif intqal, peress li hija kkontestat, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-fatt li l-ġbir ta’ ammont globali jista’ jiġi kkunsidrat bħala tassazzjoni, il-Kummissjoni qieset, fil-bidu, li s-sostituzzjoni ta’ dan il-ġbir bit-taxxa fuq in-negozju dovuta għas-snin 1991 sal-1993 ma setgħetx, mal-ewwel daqqa t’għajn, tiġi aċċettata u li, għaldaqstant, l-eżenzjoni totali mit‑taxxa fuq in-negozju li France Télécom kienet ibbenefikat minnha għal dawn l-istess snin setgħet tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat. Min-naħa l-oħra, il‑kwalifika “imħallta”, adottata finalment fid-deċiżjoni kkontestata, wasslet lill-Kummissjoni sabiex taċċetta li l-ġbir ta’ ammont globali ssostitwixxa t-taxxa fuq in-negozju dovuta minn France Télécom għas-snin 1991 sal-1993. Għalhekk id-differenzi bejn id-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni ta’ ftuħ jirriżultaw mill-aċċettazzjoni ta’ parti mill‑argumenti ppreżentati mir-Repubblika Franċiża matul il-proċedura amministrattiva, u dan ma jistax jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tad-difiża ta’ dan l-Istat Membru.

142    Minn dan isegwi li r-Repubblika Franċiża ma hijiex iġġustifikata li ssostni li d-drittijiet tagħha tad-difiża inkisru u li, konsegwentement, it-tieni motiv tagħha għandu jiġi miċħud.

4.     F’dak li jikkonċerna r-rispett tad-drittijiet proċedurali ta’ France Télécom

 L-argumenti tal-partijiet

143    Għalkemm tirrikonoxxi li l-partijiet interessati minn proċedura miftuħa mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma għandhomx l-istess drittijiet bħall-Istat Membru destinatarju tad‑deċiżjoni, France Télécom tikkunsidra li d-drittijiet tad-difiża – li r-rispett tagħhom fi kwalunkwe proċedura li tinfetaħ fil-konfront ta’ persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju lil din l-istess persuna jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jkun żgurat, anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni − inkisru fil-konfront tagħha.

144    Permezz tal-ewwel motiv tagħha, hija ssostni li ma ngħatatx il-possibbiltà li ssostni utilment l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-natura “mħallta” tal-ġbir ta’ anmmont globali li fuqha l-Kummissjoni bbażat ruħha fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-għajnuna inkwistjoni (premessi 31 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata). Preċedentement, la fid‑deċiżjoni ta’ ftuħ, la fl-atti bil-miktub ulterjuri tagħha, u lanqas fil‑laqgħat li saru fil-kuntest tal-proċedura, il-Kummissjoni qatt ma tat x’tifhem li hija setgħet tikkunsidra dan il-ġbir bħala parzjalment ta’ natura fiskali u parzjalment ta’ trasferiment b’vantaġġ favur il-proprjetarju. Bil-kontra, dan il-ġbir ġie kkwalifikat bħala taxxa fid-deċiżjoni ta’ ftuħ u l-Kummissjoni għaldaqstant ikkunsidrat li l-Liġi 90‑568 kienet stabbiliet sistema ta’ tassazzjoni waħda għall‑perijodu 1991-2002 (punt 33 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ). Id-deċiżjoni kkontestata għalhekk hija bbażata fuq fatti u kunsiderazzjonijiet li fuqhom France Télécom ma setgħetx tippreżenta l-fehma tagħha. Għaldaqstant, il‑Kummissjoni ma tistax tikkritikaha talli naqset milli tippreżenta l-osservazzjonijiet bil‑miktub tagħha wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ u l-laqgħat ta’ Ġunju 2004 kienu ddedikati mhux għall-kwistjoni tal-kumpens, iżda għal dik tal-kalkolu tal-allegata għajnuna mill-Istat.

145    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

146    Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-proċedura amministrattiva fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat hija miftuħa biss kontra l-Istat Membru kkonċernat. L-impriżi benefiċjarji tal-għajnuna huma kkunsidrati biss bħala persuni “interessati” f’din il-proċedura [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein-Westfalen vs Il‑Kummissjoni, punt 137 iktar ’il fuq, punt 122, u Kuwait Petroleum (Nederland) vs Il‑Kummissjoni, punt 138 iktar ’il fuq, punt 80].

147    Din il-ġurisprudenza tagħti essenzjalment lill-partijiet interessati r-rwol ta’ sorsi ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mibdija skont l-Artikolu 88(2) KE. Minn dan isegwi li l-partijiet interessati, mhux talli ma jistgħux jinvokaw id-drittijiet tad-difiża mogħtija lill-persuni li fil-konfront tagħhom tinfetaħ proċedura (ara l-punt 136 iktar ’il fuq), iżda għandhom biss id-dritt li jiġu assoċjati mal-proċedura amministrattiva b’mod adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal‑każ inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 1998, British Airways et vs Il‑Kummissjoni, T‑371/94 u T‑394/94, Ġabra p. II‑2405, punti 59 u 60, u Westdeutsche Landesbank Girozentrale u Land Nordrhein‑Westfalen vs Il‑Kummissjoni, punt 137 iktar ’il fuq, punt 125).

148    Ġie deċiż, barra minn hekk, li, jekk il-Kummissjoni ma tistax tkun obbligata tippreżenta analiżi kompluta fir-rigward tal-għajnuna fil‑komunikazzjoni tagħha dwar il-ftuħ ta’ din il-proċedura, huwa neċessarju, min-naħa l-oħra, li hija tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha sabiex ma tirrendix mingħajr skop id-dritt tal‑partijiet interessati li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom [sentenza Kuwait Petroleum (Nederland) vs Il‑Kummissjoni, punt 138 iktar ’il fuq, punt 85].

149    Madankollu, id-dritt għall-informazzjoni tal-partijiet interessati ma jmurx lil hinn minn dak għal smigħ mill-Kummissjoni. B’mod partikolari, ma jistax jiġi estiż għad-dritt ġenerali ta’ espressjoni fuq il-punti kollha potenzjalment importanti mqajma matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara d-digriet tal-President tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tal-4 ta’ April 2002, Technische Glaswerke Ilmenau vs Il‑Kummissjoni, T‑198/01 R, Ġabra p. II‑2153, punt 84, u l-ġurisprudenza ċċitata).

150    Fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni ta’ ftuħ, li kienet tidentifika speċifikament l-għajnuna inkwistjoni, ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali (ara l-punt 38 iktar ’il fuq). Konsegwentement, France Télécom ġiet informata suffiċjentement bl-eżistenza ta’ proċedura ta’ eżami u setgħet tippreżenta l-osservazzjonijiet li hija kkunsidrat bħala utli.

151    Barra minn hekk, meta ġie indikat fid-deċiżjoni ta’ ftuħ li hija kellha l-intenzjoni li tikkunsidra l-ġbir ta’ ammont globali bħala parteċipazzjoni fir-riżultati tal-operat, il-Kummissjoni tat lil France Télécom il-possibbiltà li tiddiskuti utilment in-natura tal-imsemmi ġbir ta’ ammont globali (ara l-punt 140 iktar ’il fuq).

152    Rigward l-argument ibbażat fuq allegata kontradizzjoni bejn il-punti 29 u 33 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, minn naħa, u l-punt 63 ta’ din id‑deċiżjoni, min-naħa l-oħra, dan ma jistax jintlaqa’. Għalkemm, fil‑punt 29 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, ċertament, il-Kummissjoni użat l‑espressjoni “sistema ta’ tassazzjoni li teċċedi d-dritt komuni”, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li teskludi, fl-istadju tal-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-possibbiltà ta’ kumpens bejn il-ġbir ta’ ammont globali u t-taxxa fuq in-negozju dovuta minn France Télécom għas‑snin 1991 sal‑1993 tirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkunsidrata globalment. Għalhekk France Télécom ingħatat il-possibbiltà li tippreżenta l-osservazzjonijiet kollha tagħha intiżi sabiex jiġi ammess dan il-kumpens.

153    Għaldaqstant, l-ewwel motiv ta’ France Télécom jista’ biss jiġi miċħud.

5.     F’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

 L-argumenti tal-partijiet

 Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet marbuta mal-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali

154    Permezz tal-ewwel parti tat-tieni motiv tagħha, France Télécom issostni li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni kienet iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet marbuta mal-istruttura ġenerali tas-sistema ta’ tassazzjoni u li, għaldaqstant, il-kundizzjoni ta’ selettività tal-miżura inkiwstjoni ma hijiex sodisfatta (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Ottubru 2002, Diputación Foral de Álava vs Il‑Kummissjoni, T‑346/99 sa T‑348/99, Ġabra p. II‑4259, punt 58). Fil-komunikazzjoni dwar l‑applikazzjoni tar-regoli rigward għajnuna mill-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni dirett ta’ impriżi li hija ppubblikat fl-1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol 1, p. 277), il-Kummissjoni rrikonoxxiet ukoll li l‑miżuri “li l-loġika ekonomika tagħhom tagħmilhom neċessarji għat-tħaddim u l-effikaċja tas-sistema fiskali” ma kellhomx jiġu kkunsidrati neċessarjament bħala għajnuna mill-Istat.

155    Issa, is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni kellha l-għan waħdieni li żżomm il-livell tar-riżorsi li l-amministrazzjoni tal-PTT kienet tipprovdi lill-Istat qabel mal-PTT sar persuna pubblika u li jiġi evitat li dawn ir-riżorsi jkunu ttrasferiti mill‑Istat lill-awtoritajiet lokali, fid-dawl tad-diffikultà li jiġi stabbilit, mill-1991, tassazzjoni li ssir fuq il-bażi tal-komun. Dawn il-miżuri kienu għalhekk iġġustifikati mill-istruttura tas-sistema fiskali u ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.

156    Il-Kummissjoni ssostni li l-kwistjoni ta’ jekk miżura li tistabbilixxi vantaġġ selettiv, bħas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, tistax tkun iġġustifikata permezz ta’ kunsiderazzjonijiet rigward in-natura jew l-istruttura tas‑sistema teħtieġ analiżi oġġettiva tas-sistema fiskali Franċiża inġenerali u tas-sistema tat-taxxa fuq in-negozju b’mod partikolari. Fuq dan il-punt, l-oneru tal-prova huwa fuq l-Istat Membru. Hija tibbaża ruħha f’dan ir-rigward fuq il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Mejju 1999, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑6/97, Ġabra p. I‑2981, I‑2983).

157    Issa, ir-Repubblika Franċiża qatt ma sostniet, la matul il-proċedura amministrattiva u lanqas fir-rikors tagħha quddiem il-Qorti tal‑Prim’Istanza, li seta’ jkun hemm f’dan il-każ ġustifikazzjoni bħal dik imressqa minn France Télécom fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tieni motiv tagħha. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, ma tara l-ebda raġuni li biha jista’ jingħad li t-trattament vantaġġjuż mogħti lil France Télécom jirriżulta minn xi rekwiżit tas-sistema tat-taxxa fuq in-negozju fi Franza.

 Fuq in-natura tal-ġbir ta’ ammont globali

158    Ir-Repubblika Franċiża ssostni, fl-ewwel lok, u France Télécom ssostni wkoll, permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv tagħha, li l-ġbir li France Télécom ġiet suġġetta għalih, għas-snin 1991 sal-1993, skont l-Artikoli 18 u 19 tal-Liġi 90‑568, huwa ta’ natura purament fiskali.

159    Ir-Repubblika Franċiża u France Télécom jallegaw, l-ewwel nett, li d‑dispożizzjonijiet tal-Liġi 90‑568 dwar il-ġbir favur il-baġit ġenerali tal‑Istat li għaliha kienet suġġetta France Télécom għall-perijodu 1991‑1993, jiġifieri l-Artikoli 18 u 19 tal-Liġi 90‑568, huma inklużi fil‑Kapitolu IV, intitolat “Tassazzjoni”, u ma kellhom l-ebda skop ieħor ħlief li jiġġeneraw dħul ta’ taxxa komparabbli mar-riżorsi pprovduti lill-baġit tal-Istat mill-bilanċ li kien sar mill-amministrazzjoni tal-PTT qabel il-ħolqien ta’ France Télécom.

160    Huma jirreferu għar-rapport Nru 1229 ta’ Fourré, relatur f’isem il‑kumitat dwar il-produzzjoni u l-kummerċ tal-Assemblea Nazzjonali, tal-11 ta’ April 1990, dwar l-abbozz ta’ liġi li wassal għal-Liġi 90‑568. Skont dan ir-rapport, id-deroga mis-sistema ta’ dritt komuni prevista fl-Artikolu 19 tal-Liġi 90‑568 kienet iġġustifikata mill-ħtieġa li jinkisbu, permezz ta’ taxxa speċjali, riżorsi komparabbli, bi profitt għall-baġit tal-Istat, għall-ġbir imħallas sal-ħolqien ta’ France Télécom mill-amministrazzjoni tal-PTT. Din is-sistema speċjali ta’ taxxa, barra minn hekk, kellha tkun limitata għaż-żmien meħtieġ, fid-dawl taż-żieda mistennija fid-dħul mill-bejgħ, sabiex l-istabbiliment tat-tassazzjoni ta’ France Télécom skont id-dritt komuni jirriżulta fi dħul ta’ ammont komparabbli ma’ dak tal-ġbir speċjali.

161    Il-ġbir ta’ ammont globali, previst fl-Artikolu 19 tal-Liġi 90‑568, għalhekk għandu natura fiskali, minħabba l-pożizzjoni li jinsab fiha fit-test tal-liġi ċċitata iktar ’il fuq u minħabba l-għan tiegħu. Huwa jissostitwixxi, fil-fatt, it-taxxi kollha ta’ dritt komuni li France Télécom, fin-nuqqas ta’ din is-sistema speċjali ta’ tassazzjoni, kien ikollha tħallas. Fil-premessi 28, 29 u 36 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni barra minn hekk aċċettat li l-ġbir speċjali “kellu elementi tipiċi ta’ tassazzjoni”.

162    Ir-Repubblika Franċiża u France Télécom jikkritikaw, imbagħad, il‑kwalifika ta’ “parteċipazzjoni fir-riżultati tal-operat” magħmula mill‑Kummissjoni fil-premessa 27 tad-deċiżjoni kkontestata.

163    Minn naħa, ir-Repubblika Franċiża tikkontesta r-rilevanza tal‑paragun magħmul, fil-premessa 24 tad-deċiżjoni kkontestata bejn il-“profitti li PTT kien iħallas lill-Istat fl-1989 u l-1990” u l-ġbir ta’ ammont globali.

164    Fil-fatt, il-kontribuzzjoni tal-profitti miksuba mill-amministrazzjoni tal-PTT fil-baġit tal-Istat irriżultat mir-regoli tal-baġit nazzjonali, li bihom il-bilanċ tal-baġits annessi, bħal dak tal-PTT, jiddaħħal fil‑baġit ġenerali, mingħajr il-ħtieġa ta’ deċiżjoni ta’ tmexxija, bħall-ħlas ta’ dividend, jew tassazzjoni. Is‑sitwazzjoni ta’ France Télécom, entità pubblika li għandha l‑awtonomija legali, min-naħa l-oħra, ma tistax tiġi mqabbla mas‑sitwazzjoni preċedenti, li fiha l-PTT kien servizz pubbliku amministrattiv tal-Istat.

165    Min-naħa l-oħra, il-ġbir ta’ ammont globali, min-natura tiegħu, huwa ta’ natura purament fiskali, u din il-kwalifika teskludi li jista’ jkun hemm, anki parzjalment, parteċipazzjoni fir-riżultati tal-operat.

166    L-ewwel nett, id-deċiżjoni li minnha jirriżulta dan il-ġbir hija ta’ natura leġiżlattiva, peress li l-prinċipju tat-tassazzjoni ġie stabbilit fl‑Artikolu 19 tal-Liġi 90‑568 u l-ammont annwali tal-ġbir huwa ddefinit kull sena permezz tal-liġi tal-finanzi. Min-naħa l-oħra, is-sempliċi tqassim ta’ dividendi ma jeħtieġx intervent ta’ liġi.

167    It-tieni nett, l-ammont ta’ dividend jew ta’ parteċipazzjoni fir-riżultati tal-operat ma setax jiġi ddeterminat qabel ma jkun magħruf ir-riżultat tal-eżerċizzju. Issa, l-ammont massimu tal-ġbir ta’ ammont globali ġie stabbilit minn meta daħlet fis-seħħ il-Liġi 90‑568 u l-ammont effettivament addebitat lil France Télécom permezz tal‑liġijiet tal-finanzi għas-snin 1991 sa 1993 kien, kull sena, daqs l-ammont massimu stabbilit fl-Artikolu 19 tal-Liġi 90‑568. Min-naħa l-oħra, l‑ammont ta’ dividend jiddependi fuq ir-riżultat miksub effettivament matul l-eżerċizzju.

168    It-tielet nett, il-ġbir ta’ ammont globali kellu jiġi inkluż fil-kontijiet tal-ispejjeż ta’ France Télécom, u dan huwa kompatibbli man-natura fiskali ta’ dan il-ġbir. Min-naħa l-oħra, il-ħlas ta’ parteċipazzjoni tal-operat ma kienx ikollha effett fuq ir-riżultat tal-operat, iżda kien inaqqas il-fondi tiegħu.

169    Ir-raba’ nett, matul il-perijodu 1994-1996, li fih seħħet it-trasformazzjoni ta’ France Télécom f’kumpannija pubblika, il-qligħ tal-impriża (FRF 21.2 biljun) irdoppja meta mqabbel mal-perijodu mill-1991 sal-1993 (FRF 10.1 biljun). Issa, matul dan l-istess perijodu, France Télécom qatt ma kellha tħallas parteċipazzjoni fil-qligħ.

170    Il-ħames nett, il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda bidu ta’ prova tal-allegazzjoni, li tinsab fil-premessa 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ġbir ta’ ammont globali kien ta’ natura mħallta, parzjalment fiskali u parzjalment ta’ remunerazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-Istat.

171    Skont il-Kummissjoni, il-kwistjoni dwar jekk il-ġbir ta’ ammont globali kienx ta’ natura fiskali ma huwiex rilevanti, ġaladarba, anki jekk ikun il-każ, il-kumpens bejn dan il-ġbir u d-differenza fit-tassazzjoni kkonstatata kull sena mill-1994 sal-2002 ma jistax isir. Il-ġbir li sar mingħand France Télécom għas-snin 1991 sal-1993, fil-fatt, minn naħa, jissostitwixxi t-tassazzjoni kollha li normalment issir fuq France Télécom u, min-naħa l-oħra, jista’ jiġi kkunsidrat bħala ħlas akkont għall-kontribuzzjonijiet tat-taxxa fuq in-negozju li France Télécom kellha tkun suġġetta għalihom mill-1994.

172    Dwar in-natura tal-ġbir ta’ ammont globali, il-Kummissjoni tikkunsidra li, f’kull każ, dan kien biss parzjalment ta’ natura fiskali u hija tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti fuq dan il-punt.

 Fuq in-natura indiviżibbli tas-sistema fiskali applikabbli għal France Télécom matul il-perijodu 1991-2002

173    Ir-Repubblika Franċiża ssostni, fit-tieni lok, u France Télécom ssostni, fit-tielet parti tat-tieni motiv tagħha, li s-sistema fiskali speċifika għal France Télécom stabbilita mil-Liġi 90‑568 kienet ta’ natura globali, li tkopri l-perijodu kollu 1991-2002, u ma kinitx tesprimi r-rieda tal-awtoritajiet pubbliċi li jagħtu lil France Télécom l-inqas vantaġġ.

174    Il-Liġi 90‑568, fil-fatt, kienet oriġinarjament stabbiliet sistema fiskali globali waħda, maqsuma f’żewġ perijodi. Matul l-ewwel stadju, mill-1991 sal-1993, l-istabbiliment ta’ kontribuzzjoni li tissostitwixxi t-taxxi diretti kollha tad-dritt komuni, b’mod partikolari t-taxxa fuq in-negozju, kellu l-għan waħdieni li ma jkunx hemm telf ta’ dħul għall-baġit tal-Istat. Matul it-tieni stadju mill-1994 sal-2002 kif l-awtoritajiet Franċiżi ddikjaraw fir-risposta tagħhom tas-26 ta’ Settembru 2001 għall-ewwel talba għal informazzjoni mill-Kummissjoni (ara l-punt 37 iktar ’il fuq), l-issuġġettar ta’ France Télécom għat-taxxa fuq in-negozju fil-post tal-istabbiliment prinċipali tagħha kellu l-għan waħdieni li ma jkunx hemm trasferiment ta’ dħul tal-baġit tal-Istat lejn dak tal-awtoritajiet lokali li France Télécom kellha stabbiliment fihom, u bl-ebda mod li jingħata vantaġġ lil France Télécom. Barra minn hekk l-eżistenza ta’ differenza ta’ tassazzjoni matul il-perijodu 1994-2002 ġie kkonstatat biss a posteriori.

175    Peress li l-Liġi 90‑568 stabbiliet sistema fiskali waħda, il-modalitajiet sussegwenti ta’ tassazzjoni ta’ France Télécom għat-taxxa fuq in-negozju ma jistgħux jiġu mifruda u għandhom, għalhekk, jiġu analizzati waħda mal-oħra. Barra minn hekk, dan hu l-mod kif imxiet il-Kummissjoni, meta indikat, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ li, meta hija rreferiet għas-“sistema” jew għas-“sistema b’deroga”, hija fehmet b’dan is-“sistema tranżitorja u s-sistema definittiva”. Fin‑nuqqas ta’ emenda għas-sistema inizjali fis-sustanza tagħha, iċ‑ċirkustanzi ta’ dan il-każ huma differenti mill-kuntest li fih ingħatat is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ April 2002, Government of Gibraltar vs Il‑Kummissjoni (T‑195/01 u T‑207/01, Ġabra p. II‑2309, punt 111).

176    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kwistjoni dwar jekk France Télécom ġietx suġġetta għal sistema ta’ tassazzjoni waħda maqsuma f’żewġ perijodi jew għal żewġ sistemi suċċessivi u differenti ma hijiex rilevanti, ladarba ma jistax jiġi kkontestat li r-regoli applikabbli għas-snin 1991 sal-1993 kienu differenti minn dawk applikabbli għas-snin 1994 sal-2002 u li, f’kull każ, anki jekk jingħad li hija sistema waħda, il-kumpens issuġġerit mir-Repubblika Franċiża ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni.

 Fuq in-neċessità li jkun hemm kumpens

177    Ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra, fit-tielet lok, u France Télécom issostni, fir-raba’ parti tat-tieni motiv tagħha, li l-Kummissjoni kellha tagħmel kumpens bejn t-tassazzjoni żejda li France Télécom kienet ġiet suġġetta għalihA mis-sena 1991 sas-sena 1993 u d-differenza fit-tassazzjoni li din kienet ibbenefikat minnha mis-sena 1994 sas-sena 2002.

178    L-ewwel nett, ir-Repubblika Franċiża u France Télécom jikkontestaw ir-raġunament magħmul mill-Kummissjoni fil-premessi 38 u 41 tad‑deċiżjoni kkontestata sabiex tirrifjuta li tagħmel kumpens bejn t-tassazzjoni żejda li France Télécom kienet suġġett għaliha mill-1991 sal-1993 u d-differenza fit-tassazzjoni li hija bbenefikat minnha mill-1994 sal-2002. Hija ssostni li r-referenza magħmula mill-Kummissjoni għas‑sentenza tad-19 ta’ Mejju 1999, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 157 iktar ’il fuq, kif ukoll għad-Deċiżjoni tagħha 2002/581/KE, tal-11 ta’ Diċembru 2001, dwar is-sistema tal-għajnuna mill-Istat implementata mill-Italja favur il-banek (ĠU 2002, L 184, p. 27), hija mingħajr rilevanza, ladarba, f’dan il-każ, il-ġbir ta’ ammont globali kien tal-istess natura bħat-taxxa fuq in-negozju li hija kienet suġġetta għaliha mill-1994 sal-2002 u li dawn il-miżuri kollha ġew stabbiliti mill-istess liġi.

179    Barra minn hekk, fil-punti 28, 33 u 116 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ, il‑Kummissjoni nfisha aċċettat li l-Liġi 90‑568 kienet stabbiliet sistema “derogatorja” waħda, li biha l-Kummissjoni nfisha spjegat li hija kienet qed tirreferi fl-istess waqt għas-sistema “tranżitorja” – jiġifieri l-modalitajiet dwar il‑ġbir ta’ ammont globali – u għas-sistema “definittiva” – jiġifieri s‑sistema speċifika ta’ tassazzjoni.

180    It-tieni nett, l-awtoritajiet Franċiżi u France Télécom isostnu li l‑Kummissjoni kienet obbligata tagħmel analiżi globali tal-impatt ta’ miżura li tista’ tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat.

181    B’mod preliminari, ir-Repubblika Franċiża u France Télécom josservaw li l-Kummissjoni diġà għamlet kumpens ta’ diversi snin, u ħadet inkunsiderazzjoni l-prodotti u l-ispejjeż kollha relatati mal-mekkaniżmu tal‑Livret bleu (ktejjeb ta’ kont ta’ tfaddil mingħajr taxxa) fid-deċiżjoni tagħha 2003/216/KE, tal-15 ta’ Jannar 2002, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata mir-Repubblika Franċiża favur Crédit mutuel (ĠU 2003, L 88, p. 39).

182    Bl-istess mod, fid-Deċiżjoni 2000/735/KE, tal-21 ta’ April 1999, dwar it-trattament tal-“ftehim technolease” bejn Philips u Rabobank mill-amministrazzjoni tat-taxxa Olandiża (ĠU 2000, L 297, p. 13), il-Kummissjoni kkunsidrat l-effetti fiż-żmien tas-sistema fiskali li hija kienet eżaminat, mingħajr ma użat il-kunċett ta’ kreditu ta’ taxxa.

183    Barra minn hekk, il-Kummissjoni nfisha għamlet kumpens bejn spejjeż ta’ natura differenti fid-Deċiżjoni 1999/676/KE, tal-20 ta’ Lulju 1999, dwar allegata għajnuna li Franza tat lill-kumpannija Sécuripost (ĠU L 274, p. 37), u, anki, fid-deċiżjoni kkontestata, billi aċċettat il-kumpens bejn il-ġbir ta’ ammont globali, li hija kkunsidrat li huwa ta’ natura mħallta, fiskali u mhux fiskali, minn naħa, u l-kontribuzzjonijiet tat-taxxa fuq in-negozju dovuti minn France Télécom għas-snin 1991 sal-1993, min-naħa l-oħra.

184    B’mod iktar ġenerali, ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li l‑Kummissjoni għandha l-obbligu li tagħmel eżami globali tal-miżuri li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat fid-dawl tal-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 87(1) KE. Dan l-obbligu jirriżulta mill-għan ta’ din id-dispożizzjoni. Eżami globali huwa neċessarju b’mod partikolari sabiex jiġi evalwat jekk il-miżura inkwistjoni tistax twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni u jekk hija tikkostitwixxix vantaġġ. L-obbligu li jsir eżami globali tad-dispożittiv stabbilit mil-Liġi 90‑568 għall‑perijodu kollu mill-1991 sal-2002 jirriżulta wkoll mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tas-27 ta’ Jannar 1998, Ladbroke Racing vs Il‑Kummissjoni, T‑67/94, Ġabra p. II‑1, punt 76).

185    It-tielet nett, ir-Repubblika Franċiża u France Télécom sostnew li, f’dan il-każ, il-kumpens bejn iż-żewġ fażijiet tas-sistema fiskali jirriżulta f’tassazzjoni żejda meta mqabbel mad-dritt komuni għall-perijodu kollu mill‑1991 sal-2002 u li, għaldaqstant, France Télécom ma bbenefikat minn ebda vantaġġ.

186    Wara li osservat li l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet li France Télécom kienet suġġetta għal tassazzjoni żejda għall-perijodu kollu 1991-2002, ir-Repubblika Franċiża evalwat l-ammont għal mill-inqas EUR 1.4 biljun u, probabbilment, għal iktar minn EUR 1.7 biljun. Billi qieset li France Télécom kienet ibbenefikat minn vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għamlet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata mill-Qorti tal-Prim’Istanza.

187    Rigward il-kumpens bejn il-perijodi, France Télécom tispjega madankollu li “l-ammont allegat ta’ tassazzjoni nieqsa matul il-perjodu 1994-2002 jirriżulta biss minn sempliċi stima u ma jippermettix li jiġi stabbilit b’ċertezza l-ammont tal-għajnuna li hija allegatament ibbenefikat minnha matul il-perjodu 1994-2002” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

188    Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kumpens mitlub mir-Repubblika Franċiża u France Télécom iwassal sabiex titneħħa d-distinzjoni neċessarja bejn l‑obbligi li l-Istat għandu jassumi inkwantu azzjonista u l-obbligi li jista’ jkollu inkwantu persuna pubblika.

189    Il-Kummissjoni tqis li jekk tiġi aċċettata l-possibbiltà ta’ kumpens bħal dan, l-istħarriġ tal-għajnuna mogħtija lill‑impriżi pubbliċi jsir prattikament impossibbli. Il-kumpens mitlub f’din il-kawża mir-Repubblika Franċiża u minn France Télécom imur lil hinn sew mill-kumpens bejn l-ispejjeż u d-dħul marbuta ma’ missjoni ta’ servizz pubbliku, jiġifieri dak li kien inkwistjoni fil-kawża li wasslet għad-Deċiżjoni 2003/216. It‑teorija tar-Repubblika Franċiża tkun tfisser li jiġi aċċettat kumpens għal obbligu permezz ta’ obbligu ogħla iżda ta’ natura differenti. Issa, kumpens bħal dan huwa eskluż mill-ġurisprudenza (sentenza tat-2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 34).

190    Fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tikkontesta l-interpretazzjoni tar‑Repubblika Franċiża li biha hija diġà għamlet, fil-kawża li wasslet għad-Deċiżjoni 2000/735, kumpens bejn l-effetti fuq żmien qasir u l-effetti fit-tul ta’ miżura ta’ taxxa. F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li hija eskludiet li l-miżura inkwistjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat wara li osservat li d-dispożittiv inkwistjoni kien jikkonsisti fl-applikazzjoni pura u sempliċi ta’ regoli ta’ taxxa tad-dritt komuni. Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-kundizzjoni ta’ selettività ma ġietx sodisfatta.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

 Fuq l-eżistenza ta’ vantaġġ

191    F’dan il-każ, il-partijiet ma jaqblux fuq il-kwistjoni dwar jekk France Télécom ibbenefikatx minn vantaġġ skont is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni.

192    Fil-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddefinixxiet il‑vantaġġ li hija tikkunsidra li France Télécom ibbenefikat minnu bħala wieħed ikkostitwit mid-“differenza bejn it-taxxa fuq in-negozju effettivament imħallsa minn France Télécom u dik li kellha tkun dovuta skont id-dritt komuni mill-1 ta’ Jannar 1994 sal-1 ta’ Jannar 2003” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

193    Fis-sottomissjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti ma jikkontestawx espressament l-eżistenza ta’ differenza ta’ tassazzjoni favur France Télécom matul il-perjodu 1994-2002, iżda jikkritikaw lill-Kummissjoni li firdet b’mod abbużiv dan il-perijodu minn dak li matulu France Télécom kienet ġiet suġġetta għall-ġbir ta’ ammont globali (1991-1993) u għaldaqstant, irrifjutat b’mod żbaljat li tagħmel kumpens bejn il-flussi ta’ tassazzjoni għal dawn iż-żewġ perijodi. Waqt is-seduta, min-naħa l-oħra, France Télécom sostniet l-ineżattezza tal-kalkoli li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tistma li, matul il-perijodu 1994-2002, l-impriża kienet ibbenefikat minn differenza ta’ tassazzjoni.

194    Skont l-Artikolu 87(1) KE, bla ħsara ta’ kull deroga prevista mit-Trattat KE, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun imkompatibbli mas-suq komuni. Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kwalifika ta’ għajnuna mill-Istat tippresupponi li l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 87(1) KE ikunu sodisfatti b’mod kumulattiv (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg, C‑280/00, Ġabra p. I‑7747, punti 74 u 75, u l-ġurisprudenza ċċitata).

195    Dwar il-kunċett ta’ vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, dan jestendi għal kull miżura li teżenta impriża minn spiża li inkella kien ikollha tbati. Skont ġurisprudenza kostanti, fil-fatt, il-kunċett ta’ għajnuna huwa iktar ġenerali minn dak ta’ sussidju għaliex dan jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi bħas-sussidji nfushom, iżda wkoll interventi li, taħt forom differenti, itaffu l-ispejjeż li normalment huma ta’ piż għall-baġit ta’ impriża u li, għaldaqstant, mingħajr ma jkunu sussidji fit-tifsira stretta tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Diċembru 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑66/02, Ġabra p. I‑10901, punt 77, u l-ġurisprudenza ċċitata).

196    B’hekk, miżura li biha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni fiskali li, minkejja li ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal‑Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli mill-persuni l-oħra li jħallsu t-taxxi, tikkostitwixxi għajnuna mill‑Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE (ara s-sentenzi tad-19 ta’ Mejju 1999, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 156 iktar ’il fuq, punt 16, u tal-15 ta’ Diċembru 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 195 iktar ’il fuq, punt 78, u l-ġurisprudenza ċċitata).

197    Barra minn hekk, in-natura tal-għanijiet segwiti mill-miżuri tal-Istat u l‑ġustifikazzjoni tagħhom huma nieqsa minn kull impatt fuq il-kwalifika tagħhom bħala għajnuna. Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-fatt, l-Artikolu 87 KE ma jagħmilx distinzjoni bejn l-interventi mill-Istati skont il-kawża jew l-għan tagħhom, iżda jiddefinixxihom skont l-effetti tagħhom (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 2003, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑409/00, Ġabra p. I‑1487, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

198    Sabiex tiġi evalwata, f’dan il-każ, il-fondatezza tat-talba tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ favur France Télécom irrappreżentat mid-differenza fit-tassazzjoni li hija bbenefikat minnha mill-1994 sal-2002, fl-ewwel lok, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-Kummissjoni setgħetx teżamina s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni indipendentement mill-ġbir ta’ ammont globali. Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni kinitx ġustifikata li tirrifjuta li tagħmel kumpens bejn id-differenza fit-tassazzjoni li France Télécom ibbenefikat minnha mill-1994 sal-2002 u t-tassazzjoni żejda li, skont ir-rikorrenti, kellu jitħallas mill-impriża għas-snin 1991 sal-1993. Fit-tielet lok, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-eżistenza ta’ differenza fit-tassazzjoni għall-perijodu 1994-2002.

–       F’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li tiġi eżaminata s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni indipendentment mill-ġbir ta’ ammont globali

199    Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tikkunsidra globalment il-miżuri kumplessi sabiex tiddetermina jekk dawn jagħtux lill-impriża benefiċjarja vantaġġ ekonomiku li hija ma kinitx tikseb taħt kundizzjonijiet normali tas-suq (sentenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1996, SFEI et, C‑39/94, Ġabra p. I‑3547, punt 60; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, BP Chemicals vs Il‑Kummissjoni, T‑11/95, Ġabra p. II‑3235, punti 169 u 170).

200    Huwa paċifiku li l-Liġi 90‑568 stabbiliet sistema fiskali b’deroga, applikabbli b’mod partikolari għal France Télécom, ikkaratterizzata minn diviżjoni f’żewġ fażijiet. Matul l-ewwel fażi, mill-1991 sal-1993, France Télécom ma kienet suġġetta għall-ebda taxxa jew ġbir ieħor barra l-ġbir ta’ ammont globali. Matul it-tieni fażi, li bdiet fl-1994 u li, inizjalment, ma kellhiex terminu speċifiku, France Télécom kienet suġġetta għat-taxxi kollha tad-dritt komuni, iżda kienet, fir-rigward tat-taxxi lokali, fosthom it-taxxa fuq in-negozju, suġġetta għalihom skont il-modalitajiet li jidderogaw mid-dritt komuni, li jikkostitwixxu s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni. B’hekk ir‑rikorrenti jsostnu ġustament li d-dispożizzjonijiet kollha relatati mal-modalitajiet ta’ tassazzjoni ta’ France Télécom għas-snin 1991 sal-2002 jinsabu fl-istess kapitlu tal-liġi ċċitata iktar ’il fuq u ġew stabbiliti permezz ta’ att legali wieħed.

201    Madankollu, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-għajnuna inkwistjoni kienet ikkostitwita mid‑dispożizzjonijiet fiskali speċifiċi applikabbli għal France Télécom, iżda mid-differenza fit-tassazzjoni li tirrappreżenta d-differenza bejn l-ammont ta’ kontribuzzjonijiet tat-taxxa fuq in-negozju li l-impriża kien ikollha tħallas li kieku kienet suġġetta għat-taxxa tad-dritt ġenerali u dak li effettivament kellha tħallas skont id-dispożizzjonijiet tat-taxxa speċifiċi li kienet suġġetta għalihom (ara l-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata).

202    Minn dan isegwi li, minħabba n-natura annwali tat-taxxa fuq in-negozju prevista fil-punt I tal-Artikolu 1447 u l-punt I tal-Artikolu 1478, tal-code général des impôts (ara l-punt 17 iktar ’il fuq), vantaġġ bħal dak li ġie ddefinit fil-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata ma setax jiġi kkonstatat darba għal dejjem f’mument preċiż, iżda kellu jiġi kkonstatat kull sena li għaliha t-taxxa fuq in-negozju kienet dovuta minn France Télécom. Għaldaqstant, il‑Kummissjoni ma setgħetx tikkunsidra li tagħmel analiżi globali u a priori tad-dispożizzjonijiet kollha rilevanti tal-Liġi 90‑568 fis-seħħ mill-1991 sal-2002 u hija, bil-kontra, irraġunat ġustament sena b’sena.

203    Il-Kummissjoni osservat, ukoll ġustament, fil-premessa 36 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-regoli applikabbli għal France Télécom matul il-perijodu 1991-1993 (ġbir ta’ ammont globali) kienu differenti minn dawk li kienu fis-seħħ matul il-perijodu 1994-2002 (sistema speċifika ta’ tassazzjoni). B’hekk, il-Kummissjoni qieset li, matul l-ewwel perijodu, il-ġbir ta’ ammont globali kien issostitwixxa għal kollox il-kontribuzzjoni tat-taxxa fuq in-negozju li kienet tkun dovuta kull sena minn France Télécom skont id-dritt komuni (premessa 33 tad-deċiżjoni kkontestata). Min-naħa l-oħra, skont il-Kummissjoni, l-issuġġettar ta’ France Télécom għas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni wassal kull sena, matul it-tieni perijodu, għal differenza ta’ tassazzjoni b’vantaġġ għall‑impriża.

204    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tikser l-obbligu tagħha li tagħmel eżami globali tal-miżuri li jistgħu jistabbilixxu għajnuna mill-Istat, tiddistingwi, fl-analiżi tagħha, is‑sistema speċifika ta’ tassazzjoni minn dik tal-ġbir ta’ ammont globali.

–       F’dak li jirrigwarda l-possibbiltà ta’ kumpens

205    Ir-rikorrenti jsostnu li l-vantaġġ ikkostitwit mid-differenza ta’ tassazzjoni favur France Télécom mill-1994 sal-2002 huwa iktar milli kkumpensat mill-ammont ta’ ġbir ta’ ammont globali li l-impriża kienet suġġetta għalih mill-1991 sal-1993. Sabiex jiġi ġġustifikat dan il-kumpens, ir‑Repubblika Franċiża u France Télécom isostnu li l-Liġi 90‑568 stabbiliet sistema waħda ta’ tassazzjoni u li l-ġbir ta’ ammont globali kien ta’ natura esklużivament fiskali.

206    Skont il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni, meta teżamina miżura li tista’ tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, hija marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti kollha ta’ din l-għajnuna għall-benefiċjarju potenzjali u, b’mod partikolari, li tnaqqas, jekk ikun il-każ, il-piż speċifiku li hemm fuq vantaġġ (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Ġunju 1970, Franza vs Il‑Kummissjoni, 47/69, Ġabra p. 487, punt 7).

207    Min-naħa l-oħra, is-sempliċi fatt li miżura partikolari ta’ eżenzjoni tiġi kkumpensata, mill-perspettiva tal-benefiċjarju, biż-żieda ta’ spiża speċifika distinta u mingħajr konnessjoni mal-ewwel waħda ma jfissirx li l-ewwel waħda ma tistax tiġi kkwalifikata bħala għajnuna mill-Istat (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, p. 195, punt 34).

208    Il-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti li t-tassazzjoni żejda mħallsa minn France Télécom mill-1991 sal-1993, minħabba l-ġbir ta’ ammont globali, jikkumpensa d-differenza ta’ tassazzjoni li hija kienet ibbenefikat minnha mill-1994 sal-2002 tiddependi għalhekk fuq l-analiżi tal-karatteristiċi oġġettivi tal-ġbir ta’ ammont globali u fuq il-kwistjoni dwar jekk jistax jitqies bħala spiża inerenti għall‑vantaġġ li jirriżulta għal France Télécom, jekk ikun il-każ, mill-issuġġettar tagħha għas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni.

209    F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Liġi 90‑568 stabbiliet sistema fiskali ta’ deroga, li tapplika b’mod partikolari għal France Télécom, ikkaratterizzata minn diviżjoni f’żewġ fażijiet. Matul l-ewwel fażi, mill‑1991 sal-1993, France Télécom ma kienet suġġetta għall-ebda taxxa jew ġbir ieħor barra l-ġbir ta’ ammont globali. Matul it-tieni fażi, li, inizjalment, kellha tibda fl-1994 u ma kellhiex terminu ta’ żmien, France Télécom kienet suġġetta għat-taxxi kollha tad-dritt komuni, iżda fir-rigward tat-taxxi lokali, fosthom it-taxxa fuq in-negozju, skont il-modalitajiet li jidderogaw mid-dritt komuni, li jikkostitwixxu s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni.

210    Barra minn hekk, mill-argumenti tar-Repubblika Franċiża, li tirreferi għar-rapport fuq l-abbozz ta’ liġi li wassal għal-Liġi 90‑568, ippreżentat fl-Assemblea Nazzjonali Franċiża fil-11 ta’ April 1990, jirriżulta li d-deroga mis-sistema ta’ dritt komuni prevista fl-Artikolu 19 tal-imsemmija liġi – jiġifieri l-ġbir ta’ ammont globali – kienet iġġustifikata mill-ħtieġa li jinkisbu, permezz ta’ taxxa speċjali, riżorsi komparabbli, b’vantaġġ għall-baġit tal-Istat, għall-ġbir imħallas sal-ħolqien ta’ France Télécom mill-amministrazzjoni tal-PTT, għaż-żmien meħtieġ, fid-dawl taż-żieda mistennija fid-dħul mill-bejgħ, sabiex l-istabbiliment tat-tassazzjoni ta’ France Télécom skont id-dritt komuni jirriżulta fi dħul ta’ ammont komparabbli (ara l-punt 160 iktar ’il fuq). Dan il-ġbir ta’ ammont globali, barra minn hekk, ġie stabbilit kull sena għall-ammont ta’ riżorsi li jirriżultaw kull sena mill-baġit anness tal-PTT sal-ħolqien ta’ France Télécom.

211    Għalhekk, min-natura, mill-għanijiet u min-natura temporanja tal-ġbir ta’ ammont globali jirriżulta li dan il-ġbir issostitwixxa, kull sena li fiha kellu jitħallas minn France Télécom, il-ġbir kollu normalment dovut minn France Télécom għas-sena inkwistjoni. Issa, dan il-ġbir kollu jinkludi t-taxxi diretti kollha li l-impriżi huma normalment suġġetti għalihom – jiġifieri, mhux biss it-taxxa fuq in-negozju, iżda wkoll it-taxxa fuq il-kumpanniji u t-taxxi fuq il-proprjetà immobbli.

212    Min-naħa l-oħra, il-ġbir ta’ ammont globali, minħabba li huwa dovut kull sena u li huwa ta’ natura temporanja, ma kellux l-effett li jissostitwixxi t-tassazzjoni li, possibbilment, ġiet evaża matul is-snin ta’ wara. It-tmiem tal-ġbir ta’ ammont globali mis-sena 1994, fil-fatt, jirriżulta minħabba li, skont it-tbassir ikkonfermat mil-leġiżlatur, l-issuġġettar ta’ France Télécom għat-taxxi tad-dritt komuni u għas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, fir-rigward tat-taxxa fuq in-negozju, kellu jipprovdi lill-Istat riżorsi komparabbli ma’ dawk li rriżultaw sal-1990 mill-baġit anness tal-PTT, riżorsi li l-ammont ta’ ġbir globali kellu l-għan li jiggarantixxi mill-1991 sal-1993.

213    Għalhekk, il-ġbir ta’ ammont globali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala spiża inerenti għall-implementazzjoni tas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, iżda pjuttost bħala modalità ta’ tassazzjoni speċifika għal France Télécom implementata għas-snin preċedenti għall-1994. Għaldaqstant, il‑Kummissjoni ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-kumpens mitlub mir-rikorrenti u hija għamlet ġustament analiżi kull sena tal‑konsegwenzi tal-issuġġettar ta’ France Télécom għal sistema ta’ tassazzjoni speċifika.

214    Fil-fatt, anki jekk, kif issostni r-Repubblika Franċiża, il-ġbir ta’ ammont globali kien, fil-liġi Franċiża, ta’ natura esklużivament fiskali, għandu jiġi mfakkar li dan issostitwixxa, mill-1991 sal-1993, kull ħlas b’vantaġġ lill-Istat li jitħallas minn France Télécom, u mhux biss it‑taxxa fuq in-negozju. Issa, tnaqqis fl-ispejjeż bħalma hija s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni − li ssuġġettat lil France Télécom, mill‑1994 sal-2002, għal kontribuzzjonijiet ta’ taxxa fuq in-negozju inqas minn dawk li l-impriża kienet tintalab mid-dritt komuni − ma jistax jiġi kkumpensat permezz tat-tassazzjoni ta’ spiża speċifika differenti − jiġifieri, f’dan il-każ, ħlas li ssostitwixxa taxxi oħra barra t-taxxa fuq in-negozju kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-ħlas ta’ dividendi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 196 iktar ’il fuq, punt 34).

215    Barra minn hekk, is-sempliċi fatt li l-ġbir ta’ ammont globali u s‑sistema speċifika ta’ tassazzjoni it-tnejn li huma ġew stabbiliti bil‑Liġi 90‑568 ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-issuġġettar ta’ France Télécom għall-ġbir ta’ ammont globali kien inerenti fl-istabbiliment tas‑sistema speċifika ta’ tassazzjoni. Fil-fatt, il-fatt li l-ġbir ta’ ammont globali u s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni ġew stabbiliti mill-istess att leġiżlattiv, kif ġie mfakkar fil-punt 201 iktar ’il fuq, ma huwiex biżżejjed sabiex juri li l-istabbiliment tas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni sa mill-1994 wassal għall-ħtieġa tas-sistema ta’ ġbir ta’ ammont globali mill-1991 sal-1993, jew li l-implementazzjoni tal-ġbir ta’ ammont globali matul il-snin 1991 sal-1993 kienet timplika l-implementazzjoni tas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni għas-snin wara l-1994.

216    Barra minn hekk, fid-dawl tal-modalitajiet ta’ determinazzjoni tal-ammont ta’ ġbir globali, li huwa kull sena daqs ir-riżorsi li qabel kienu jirriżultaw kull sena mill-baġit anness tal-PTT, ir-Repubblika Franċiża lanqas ma waslet li turi li l-modalitajiet ta’ tassazzjoni proprji għall-perijodu 1991-1993 ġew stabbiliti peress li ġie previst inqas tassazzjoni matul il-perijodu sussegwenti. Bil-kontra, il-fatt li, oriġinarjament, l-ebda limitu ta’ żmien ma kien ġie previst fl-applikazzjoni tas‑sistema speċifika ta’ tassazzjoni jissuġġerixxi li l-Istat Membru qies il-livell tar-riżorsi ta’ taxxa li jirriżultaw mis‑sistema speċifika ta’ tassazzjoni bħala suffiċjenti u huwa fih innifsu f’kontradizzjoni mal-loġika li l-ġbir ta’ ammont globali kien intiż sabiex jissostitwixxi tassazzjoni insuffiċjenti sa mill-1994.

217    Dan l-argument, barra minn hekk, huwa wkoll f’kontradizzjoni ma’ dak imressaq mir-rikorrenti, li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni ma kellhiex l-għan li tissuġġetta lil France Télécom għal tassazzjoni inqas oneruża minn dik tad-dritt komuni. F’kull każ, għandu jiġi mfakkar, f’dan ir‑rigward, li l-għajnuna mill-Istat ma hijiex ikkaraterizzata mill-kawżi jew l-għanijiet tagħhom, imma hija ddefinita skont l-effetti tagħha (ara s-sentenza Spanja vs Il‑Kummissjoni, punt 197 iktar ’il fuq, punt 46, u l-ġurisprudenza ċċitata).

218    Għaldaqstant il-Kummissjoni rrifjutat ġustament li tagħmel kumpens bejn l-ammonti globali mħallsa minn France Télécom mill-1991 sal-1993, minn naħa, u d-differenza fit-tassazzjoni li tirriżulta, possibbilment, mis-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, għas-snin 1994 sal-2002, min-naħa l-oħra.

–       F’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ differenza ta’ tassazzjoni

219    Mill-premessi 54 sa 59 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex tistabbilixxi li France Télécom kienet ġiet intaxxata inqas minn dak li kienet tiġi suġġetta għalih kieku hija kienet ġiet suġġetta għat-taxxa fuq in-negozju skont id-dritt komuni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq data li ntbagħtet lilha mir-Repubblika Franċiża, matul il-proċedura amministrattiva.

220    Huwa paċifiku, fil-fatt, li, għall-inqas għal tliet darbiet matul il-proċedura amministrattiva (ara l-punti 39, 43 u 51 iktar ’il fuq), ir-Repubblika Franċiża bagħtet lill-Kummissjoni data li turi li, kull sena, mill-1994 sal-2002, France Télécom kienet ibbenefikat minn differenza ta’ tassazzjoni. L-ammont preċiż tal-għajnuna inkwistjoni ma setax jiġi ddeterminat mill-Kummissjoni, minħabba n-natura diverġenti tad-data pprovduta mill-Istat Membru, iżda, fil-premessa 59 tad‑deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li dan l-ammont kellu jkun inkluż bejn ammont minimu u ammont massimu li kienu sempliċement jirriproduċu l-elementi mibgħuta mill-awtoritajiet Franċiżi (ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 88 iktar ’il fuq, punti 31 sa 35).

221    Huwa minnu li, matul il-proċedura amministrattiva, l-awtoritajiet Franċiżi insistew fuq in-natura approssimattiva tal-istima tal-15 ta’ Mejju 2003 u dik tal-5 ta’ Lulju 2004. Madankollu, kemm matul il-proċedura amministrattiva kif ukoll fis-sottomissjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, huma bbażaw ruħhom fuq dawn iċ-ċifri sabiex juru li France Télécom kienet ġiet suġġetta għal tassazzjoni iktar oneruża minn dik li kienet tirriżulta mill-applikazzjoni tad-dritt komuni matul il-perijodu 1991-2002, meħud globalment.

222    B’hekk l-awtoritajiet Franċiżi, b’risposta għad-deċiżjoni ta’ ftuħ, indikaw dan li ġej fl-ittra tagħhom tal-15 ta’ Mejju 2003 (ara l-punt 39 iktar ’il fuq):

“Din l-analiżi finali, bla preġudizzju għall-eżami tal-fajls tal-Kummissjoni u tal-osservazzjonijiet ta’ terzi, tikkonferma li France Télécom ma bbenefikatx, taħt is-sistema fiskali li ġiet applikata għaliha bejn l-1991 u l-2002, minn vantaġġ li jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

Fil-fatt, mhux talli ma bbenefikatx minn għajnuna mill-Istat taħt is-sistema speċifika li għaliha kienet suġġetta, iżda bil-kontra France Télécom ħallset taxxa żejda sinifikattiva, iktar minn EUR 1.4 biljun barra aġġustament għall-għoli tal-ħajja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

223    Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li, matul il-proċedura amministrattiva, l-informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni ġiet ippreżentata bħala approssimattiva, iżda mhux bħala dubjuża fir-rigward tal-eżistenza ta’ differenza ta’ tassazzjoni li France Télécom ibbenefikat minnha mill-1994 sal-2002.

224    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalxejn li France Télécom sostniet waqt is-seduta li d-data kkunsidrata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kienet ir-riżultat ta’ estrapolazzjonijiet u ma kellhiex x’taqsam mar-realtà. Fil-fatt, il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill‑Istat għandha tiġi evalwata skont l-informazzjoni li l-Kummissjoni seta’ jkollha fid-dispożizzjoni tagħha meta hija adottatha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, Ġabra p. I‑2577, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

225    Konsegwentement, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonstatata li, mill-1994 sal-2002, France Télécom kienet ibbenefikat f’kull sena minn vantaġġ selettiv, kkostitwit mill-eżistenza, għall-benefiċċju tagħha, ta’ differenza ta’ tassazzjoni.

 Fuq il-ġustifikazzjoni tal-koerenza tas-sistema tat-taxxa

226    France Télécom issostni li d-differenza fit-tassazzjoni li hija bbenefikat minnha hija ġġustifikata mill-istruttura ġenerali tas-sistema tat-taxxa u ma tikkostitwixxix, konsegwentement, għajnuna mill-Istat.

227    L-Artikolu 87(1) KE jipprojbixxi l-għajnuna mill-Istat li tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi, jiġifieri l-għajnuna selettiva (sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2005, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 196 iktar ’il fuq, punt 94; ara wkoll, u f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta’ Novembru 2001, Adria‑Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, C‑143/99, Ġabra p. I‑8365, punt 34).

228    Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, għandu jiġi stabbilit jekk, fil-kuntest ta’ sistema legali partikolari, miżura tal-Istat hijiex tali li tiffavorixxi lil ċerti impriżi jew ċerti produtturi meta mqabbla ma’ impriżi oħrajn li huma f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli fir-rigward tal-għan tal-miżura kkonċernata (ara s-sentenza Adria-Wien Pipeline u Wietersdorfer & Peggauer Zementwerke, punt 228 iktar ’il fuq, punt 41, u l-ġurisprudenza ċċitata).

229    Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li l-kunċett ta’ għajnuna mill‑Istat ma jirreferix għall-miżuri tal-Istat li jintroduċu divrenzjar bejn l‑impriżi u, għaldaqstant, a priori selettivi, meta dan id-divrenzjar jirriżulta min-natura jew mill-istruttura ġenerali tas-sistema ta’ spejjeż li jagħmlu parti minnha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Settembru 2006, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑88/03, Ġabra p. I‑7115, punt 52; ara wkoll f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 33, u tal-15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, Ġabra p. I‑11137, punt 51).

230    Il-ġustifikazzjoni bbażata fuq in-natura jew l-istruttura ġenerali tas‑sistema tat-taxxa tirreferi, min-naħa tagħha, għall-koerenza ta’ miżura ta’ taxxa mal-loġika interna tas-sistema tat-taxxa li tagħmel parti minnha (ara s‑sentenza Diputación Foral de Álava vs Il‑Kummissjoni, punt 155 iktar ’il fuq, punt 59, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

231    F’dan il-każ, in-natura a priori selettiva tal-għajnuna inkwistjoni ma toħloqx dubju, peress li mil-Liġi 90‑568 jirriżulta li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni kienet applikabbli għal France Télécom u għal impriża oħra biss. Huwa fil-fatt paċifiku li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni tikkostitwixxi sistema fiskali ta’ deroga mir-regoli applikabbli fil-qasam tat‑taxxa fuq in-negozju u għall-impriżi kollha li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika komparabbli għal dik ta’ France Télécom, fid-dawl tal-għanijiet intiżi permezz ta’ din it-taxxa, li tiġi stabbilita skont il-kapaċità kontributtiva tal-persuni taxxabbli, evalwata skont kriterji ekonomiċi bbażati fuq id-daqs tal-attivitajiet eżerċitati minnhom fit-territorju tal‑awtoritajiet lokali fejn l-impriżi għandhom stabbilimenti (ara l‑punti 16 sa 24 iktar ’il fuq).

232    Rigward il-kwistjoni dwar jekk is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni hijiex iġġustifikata minħabba n-natura u l-istruttura tas-sistema fiskali, għandu jiġi osservat, b’mod preliminari, li dan l-argument la tressaq mir-Repubblika Franċiża matul il-proċedura amministrattiva u lanqas fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Issa, kif osservat ġustament il-Kummissjoni, l-oneru tal-prova tal-eżistenza ta’ dawn il-ġustifikazzjonijiet qiegħed fil-prinċipju fuq l-Istat Membru. Minn dan isegwi li France Télécom ma tistax, f’dan ir-rikors, tibbaża ruħha, insostenn tal-argumenti tagħha, fuq punti ta’ fatt li l-Kummissjoni ma kinitx taf bihom meta adottat id-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nuova Agricast, punt 225 iktar ’il fuq, punt 54, u l-ġurisprudenza ċċitata).

233    Sabiex issostni t-teżi li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni hija ġġustifikata permezz tal‑loġika interna tas-sistema ta’ taxxa applikabbli għall-impriżi li jeżerċitaw l-attivitjiet tagħhom fi Franza, France Télécom tallega żewġ ġustifikazzjonijiet.

234    Minn naħa, is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni għandha l-għan li tevita li d-dħul mit-taxxa fuq in-negozju dovuta minn France Télécom jiġi “ttrasferit” mill-Istat lill-awtoritajiet lokali.

235    F’dan ir-rigward, France Télécom bl-ebda mod ma stabbiliet li kien impossibbli għall-Istat li jipprevedi li, mill-1994, it-taxxa fuq in-negozju li għaliha kienet suġġetta l-impriża kienet ser tiġi imħallsa taħt il-kundizzjonijiet tad-dritt komuni, u mbagħad imdaħħla fil-baġit tal-Istat minflok f’dak ta’ kull awtorità lokali fejn l-impriża kellha stabbiliment.

236    Għaldaqstant, anki jekk jingħad li l-għan li t-taxxa fuq in-negozju dovuta minn France Télécom tingħata lill-Istat jista’ jiġġustifika l-miżuri ta’ deroga applikabbli għal din l-impriża u minkejja li t-taxxa fuq in-negozju tikkostitwixxi taxxa li d-dħul minnha jingħata lill-awtoritajiet lokali, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrietx li l-istess għan ma setax jintlaħaq permezz ta’ miżuri li ma jagħtuha l-ebda vantaġġ.

237    Konsegwentement, France Télécom ma hijiex iġġustifikata li ssostni, f’kull każ, li l-vantaġġ selettiv li hija bbenefikat minnu huwa l-konsegwenza neċessarja tal-fatt li d-dħul mit-taxxa fuq in-negozju imposta fuqha taħt is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni jiġi mgħoddi lill-baġit tal-Istat.

238    Min-naħa l-oħra, skont France Télécom, din is-sistema ta’ deroga kienet saret neċessarja minħabba d-diffikultà li tiġi implementata mill-1991 tassazzjoni li ssir fuq il-bażi tal-komun, l-iktar minħabba n-nuqqas ta’ kontabbiltà adattata għat-tqassim tal-bażijiet tat-taxxa fuq in-negozju.

239    Madankollu, għandu jiġi osservat li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni daħlet fis-seħħ mill-1994, jiġifieri matul ir-raba’ sena wara t-trasformazzjoni tal-PTT f’impriża. Issa, minkejja li France Télécom indikat li, fl-1990, id-data dwar il-kontabbiltà patrimonjali neċessarja għall-istabbiliment tat‑taxxa fuq in-negozju għal kull stabbiliment ma kinitx immedjatament disponibbli, hija min-naħa l-oħra ma tat l-ebda ġustifikazzjoni sabiex turi li t-tqassim fuq bażi komunali tat-taxxa fuq in-negozju, li hija finalment għamlet għall-finijiet tat-tassazzjoni stabbilita għas-sena 2003, ma setax isir sa mill-bidu tas-snin 90. Id-data rilevanti għat-tassazzjoni stabbilita għall-1994, fil-fatt, kienet dik relattiva għall-1992, li kienet tikkostitwixxi l-perijodu ta’ referenza għal din it-tassazzjoni (ara l-punt 21 iktar ’il fuq).

240    Għaldaqstant, l-ebda wieħed mill-argumenti mressqa minn France Télécom ma huwa tali li juri li s-sistema fiskali ta’ deroga li ġiet applikata u li tat vantaġġ lil din l-impriża kienet iġġustifikata permezz tan-natura jew tal-istruttura tas-sistema fiskali.

241    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ebda wieħed mill‑argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jista’ jintlaqa’ u li ewwel motiv tar-Repubblika Franċiża kif ukoll it-tieni motiv ta’ France Télécom għandhom jiġu miċħuda.

6.     F’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi

 L-argumenti tal-partijiet

242    Ir-Repubblika Franċiża, permezz tar-raba’ motiv tagħha, ippreżentat sussidjarjament, u France Télécom, permezz tal-ewwel parti tar-raba’ motiv tagħha, ifakkru li, skont l-Artikolu 14 tar‑Regolament Nru 659/1999, il-Kummissjoni ma tistax teżiġi l‑irkupru ta’ għajnuna jekk, b’dan il-mod, hija tmur kontra prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju u li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-prinċipju ta’ ċertezza legali huma parti mill‑prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju. Fir-rapport tagħha C (2004) 434, tad-9 ta’ Frar 2004, dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni diretta tal-impriżi, il‑Kummissjoni aċċettat ukoll li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ jostakola deċiżjoni ta’ rkupru f’każijiet eċċezzjonali, b’mod partikolari meta sistema simili kienet ġiet eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE, jew kienet ġiet iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni fil‑passat.

243    Dwar il-portata ta’ dan il-prinċipju, France Télécom issostni li mill‑ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Prim’Istanza jirriżulta li l-possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi hija miftuħa għal kull operatur ekonomiku li jkollu aspettattivi fondati mnissla minn istituzzjoni [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik)/KEE, 265/85, Ġabra p. 1155, punt 44].

244    France Télécom tirrikonoxxi li, fil-prinċipju, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna ma jistax ikollhom aspettattivi leġittimi dwar il-legalità ta’ għajnuna ħlief jekk din ingħatat fl-osservanza tal-proċedura prevista mill-Artikolu 88 KE u li operatur diliġenti għandu normalment jkollu l-possibbiltà li jiżgura li din il-proċedura ġiet osservata. Madankollu, il-ġurisprudenza ma teskludix il-possibbiltà għall-benefiċjarju li jibbaża ruħu fuq ċirkustanzi eċċezzjonali li jistgħu jnisslu fih aspettattivi leġittimi fil-legalità tal-għajnuna (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 1990, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑5/89, Ġabra p. I‑3437, punt 16) u l-Kummissjoni aċċettat din il-possibbiltà fid-deċiżjonijiet tagħha [premessa 80 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/76/KE, tat-13 ta’ Mejju 2003, dwar is-sistema ta’ għajnuna mill‑Istat implementata minn Franza favur ċentri ta’ koordinament u ċentri loġistiċi (ĠU 2004, L 23, p. 1)].

245    F’dan il-każ, France Télécom hija tal-fehma li jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali tali li jnisslu fiha aspettattivi leġittimi sa fejn is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni ma kinitx tikkostitwixxi vantaġġ li jista’ jiġi kkwalifikat bħala għajnuna mill-Istat.

246    Ir-Repubblika Franċiża u France Télécom ifakkru li s-sistema fiskali eżaminata mill-Kummissjoni f’dan il-każ hija dik stabbilita mill‑Artikoli 18 sa 21 tal-Liġi 90‑568, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 28, 32 u 61 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ u mill-premessi 17 u 21 tad-deċiżjoni kkontestata.

247    Issa, l-Artikolu 21 tal-Liġi 90‑568 kien diġà ġie eżaminat mid‑dipartimenti tal-Kummissjoni, wara lment, ippreżentat fl-4 ta’ Mejju 1990 dwar ir-regoli speċifiċi ta’ ssuġġettar ta’ La Poste għat‑taxxa fuq in-negozju. Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 1995 (ĠU 1995, C 262, p. 11, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar La Poste”), il‑Kummissjoni ammettiet li l-vantaġġ ta’ taxxa stabbilit, għall-benefiċċju ta’ La Poste, mill-Artikolu 21 tal-Liġi 90‑568, ma kienx jikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Din id-deċiżjoni ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-27 ta’ Frar 1997, FFSA et vs Il‑Kummissjoni (T‑106/95, Ġabra p. II‑229). Fl-eżami ta’ din id-dispożizzjoni, il-Kummissjoni kellha neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli dwar is-sistema tat-taxxa fuq in-negozju applikabbli għal France Télécom. Issa, jekk hija kellha xi dubju dwar jekk din tal-aħħar kinitx tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, hija kellha, skont id-dmir tagħha ta’ diliġenza, tiftaħ il‑proċedura ta’ eżami skont l-Artikolu 88(3) KE. Peress li ma nbdietx din il-proċedura, u fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ dan il-każ, France Télécom u l-awtoritajiet Franċiżi kellhom raġun ikollhom aspettattivi leġittimi dwar il-kompatibbiltà tas-sistema tat-taxxa fuq in-negozju li tirriżulta mil‑Liġi 90‑568 mal-Artikolu 87(1) KE.

248    Ir-Repubblika Franċiża u France Télécom jinvokaw erba’ argumenti addizzjonali biex isostnu l-argument tagħhom li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi f’dan il-każ jipprekludi l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat identifikata mill-Kummissjoni.

249    L-ewwel nett, iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ huma simili għal dawk prevalenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-1 ta’ Lulju 2004, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni (T‑308/00, Ġabra p. II‑1933).

250    Fit-tieni lok, il-konvinzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi u ta’ Franza Télécom, kienet iktar b’saħħitha għaliex l-għan intiż mis-sistema speċifika ta’ tassazzjoni ma kienx li jingħata l-inqas vantaġġ lil France Télécom, iżda biss sabiex jiġi żgurat li l-issuġġettar progressiv ta’ France Télécom għar-regoli tat-taxxa tad-dritt komuni jkollu effett newtrali fuq il-baġit tal-Istat. B’mod differenti minn għajnuna ta’ taxxa, li normalment hija kkostitwita minn miżuri ta’ eżenzjoni jew tnaqqis tar-rati ta’ tassazzjoni, ma hemm xejn minn dan f’dan il-każ. Bil-kontra, sal‑1999 France Télécom u l-awtoritajiet Franċiżi kienu konvinti li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni kienet twassal għal tassazzjoni żejda meta mqabbla mad-dritt komuni. B’hekk, France Télécom ma setgħetx tissuspetta li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni setgħet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

251    It-tielet nett, fid-Deċiżjoni 2006/621/KE, tat-2 ta’ Awwissu 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur France Télécom (ĠU 2006, L 257, p. 11), il-Kummissjoni kkunsidrat li, “minħabba l-fatt li France Télécom setgħet [kellha] aspettattivi leġittimi dwar il-fatt li l-aġir tar-[Repubblika Franċiża] ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat”, “li tordna l-irkupru tal-għajnuna imur kontra l-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (premessa 264). Issa, f’dan il-każ, France Télécom ma kinitx konxja tal-fatt li hija kienet tibbenefika minn vantaġġ qabel ma saru l-ewwel stimi stabbiliti mill-awtoritajiet Franċiżi. Sa dak iż-żmien, jiġifieri, għall-inqas sal-2000, France Télécom kienet stmat pjuttost li l‑modalitajiet speċifiċi tal-issuġġettar tagħha għat-taxxa fuq in-negozju kienu jikkostitwixxu għaliha żvantaġġ kompetittiv fir-relazzjonijiet tagħha mal-awtoritajiet lokali. Barra minn hekk hija talbet li tadatta s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni mad-dritt komuni.

252    Ir-raba’ nett, il-Kummissjoni ma kellhiex, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata, prattika deċiżjonali suffiċjentement stabbilita u l-ebda sistema ta’ tassazzjoni komparabbli għall-miżuri inkwistjoni f’dan il-każ ma ġiet ikkunsidrata bħala għajnuna mill-Istat.

253    Fir-replika tagħha, ir-Repubblika Franċiża tikkontesta l-argument tal‑Kummissjoni li hija ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi peress li ma nnotifikatx is-sistema inkwistjoni. Fil-fatt, jistgħu jinvokaw dan il-prinċipju kemm il‑benefiċjarju ta’ għajnuna kif ukoll l-Istat Membru li ta din l-għajnuna. Il-portata tal-ġurisprudenza invokata mill-Kummissjoni hija limitata għal rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u din il‑ġurisprudenza ma tipprekludix li Stat Membru jibbaża ruħu fuq ir-rispett ta’ dan il-prinċipju fir-rigward tal-benefiċjarju tal-għajnuna fil-kuntest ta’ rikors għal annullament.

254    Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li Stat Membru ma jistax jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi la fir-rigward tiegħu u lanqas fir-rigward tal-benefiċjarju tal-għajnuna fil-każ li jkun naqas li jinnotifika lill-Kummissjoni b’għajnuna ġdida. Għalhekk, fin‑nuqqas ta’ notifika tal-miżuri kontenzjużi mir-Repubblika Franċiża, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jipprekludi l-obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna mogħtija illegalment (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 245 iktar ’il fuq, punti 14 u 17, u tal-11 ta’ Novembru 2004, Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il‑Kummissjoni, C‑183/02 P u C‑187/02 P, Ġabra p. I‑10609, punt 44; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Settembru 1998, BFM u EFIM vs Il‑Kummissjoni, T‑126/96 u T‑127/96, Ġabra p. II‑3437, punt 69, u tal-10 ta’ April 2003, Scott vs Il‑Kummissjoni, T‑366/00, Ġabra p. II‑1763, punt 61).

255    Il-Kummissjoni ssostni, fit-tieni lok, li, fid-deċiżjoni dwar La Poste, hija la eżaminat u lanqas ma ħadet pożizzjoni fuq id-dispożizzjonijiet tal-Liġi 90‑568 dwar is-sistema ta’ taxxa fuq in-negozju applikabbli għal France Télécom. Madankollu, peress li dawn id-dispożizzjonijiet ma ġewx innotifikati, is-silenzju tal-Kummissjoni ma jistax jiġi interpretat bħala approvazzjoni (sentenzi Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il‑Kummissjoni, punt 255 iktar ’il fuq, punt 52).

256    F’kull każ, il-Kummissjoni tikkunsidra li, peress li l-Qorti tal‑Prim’Istanza, fis-sentenza FFSA et vs Il‑Kummissjoni, punt 247 iktar ’il fuq, iddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi 90‑568 dwar La Poste kienu jikkostitwixxi għajnuna kompatibbli mas-suq komuni, ir‑Repubblika Franċiża ma setgħetx leġittimament tibbaża l-aspettattivi tagħha fuq il-fatt li d-dispożizzjonijiet applikabbli għal France Télécom ma kinux jikkostitwixxu għajnuna. L-awtoritajiet Franċiżi kellhom, f’dawn iċ‑ċirkustanzi, jinnotifikaw id-dispożizzjonijiet inkwistjoni (sentenza Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il‑Kummissjoni punt 255 iktar ’il fuq, punti 48 sa 50).

257    Il-Kummissjoni ssostni, fit-tielet lok, li r-referenza għad‑Deċiżjoni 2006/621 ma hijiex effettiva, peress li ċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ u dawk tal-kawża li fiha ttieħdet din id-deċiżjoni huma differenti.

258    Il-Kummissjoni ssostni, fir-raba’ lok, li, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, hija ma effettwatx tibdil ta’ politika rigward l-għajnuna ta’ natura fiskali, iżda applikat għas-sitwazzjoni ta’ dan il-każ ir-regoli oġġettivi stabbiliti mill-Artikolu 87(1) KE.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

259    Skont ġurisprudenza stabbilita, anki fin-nuqqas ta’ test, il-possibbilità li wieħed jinvoka l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull individwu li fir-rigward tiegħu, istituzzjoni, billi tkun tagħtu assigurazzjonijiet preċiżi, nisslet tamiet fondati [ara s-sentenza Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs KEE, punt 244 iktar ’il fuq, punt 44, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Isranza tal-21 ta’ Lulju 1998, Mellett vs Il‑Qorti tal‑Ġustizza, T‑66/96 u T‑221/97, ĠabraSP p. I‑A‑449 u II‑1305, punt 104, u l-ġurisprudenza ċċitata].

260    Jikkostitwixxu assigurazzjonijiet bħal dawn, tkun xi tkun il-forma li jiġu kkomunikati fiha, informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti, li tkun ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli. Min-naħa l-oħra, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ assigurazzjonijiet preċiżi li jkunu ngħatawlu mill-amministrazzjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Frar 2006, TEA‑CEGOS vs Il‑Kummissjoni, T‑376/05 u T‑383/05, Ġabra p. II‑205, punt 88, u l-ġurisprudenza ċċitata).

261    Minn dan il-prinċipju, applikabbli speċjalment fil-qasam ta’ stħarriġ ta’ għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, jirriżulta li l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-għajnuna tista’ tiġi invokata (sentenza Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 244 iktar ’il fuq, punt 16), bil-kundizzjoni li dan il-benefiċjarju jkollu assigurazzjonijiet suffiċjentement preċiżi, li jirriżultaw minn azzjoni pożittiva tal-Kummissjoni, li jippermettulu li jikkunsidra li l‑miżura ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Min-naħa l-oħra, fin-nuqqas ta’ teħid ta’ pożizzjoni espressa tal-Kummissjoni fuq miżura li ġiet innotifikata lilha, is-silenzju miżmum mill-istituzzjoni ma jistax, abbażi tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi tal-impriża li tibbenefika minn għajnuna mill-Istat, jipprekludi l-irkupru tagħha (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il‑Kummissjoni, punt 255 iktar ’il fuq, punt 44).

262    Madankollu, fid-dawl tan-natura imperattiva tal-istħarriġ tal-għajnuna mill-Istat magħmul mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 88 KE, l-impriżi benefiċjarji ta’ għajnuna jista’ jkollhom, fil-prinċipju, aspettattivi leġittimi fil-legalità ta’ għajnuna biss jekk din tkun ingħatat fl-osservanza tal-proċedura prevista minn l-imsemmi artikolu. Fil-fatt, operatur ekonomiku diliġenti għandu normalment ikun kapaċi jiżgura li din il-proċedura ġiet osservata. Għalhekk, ukoll, Stat Membru li l-awtoritajiet tiegħu taw għajnuna bi ksur tar-regoli tal-proċedura previsti fl-Artikolu 88 KE ma jistax jinvoka l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarji sabiex jevita l-obbligu li jieħu l-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordnalu jirkupra l-għajnuna (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, punt 245 iktar ’il fuq, punti 14 u 17, u tad-19 ta’ Ġunju 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑39/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 24, u l‑ġurisprudenza ċċitata).

263    Ċertament, il-possibbiltà, għall-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali, li jinvoka ċirkustanzi eċċezzjonali, li setgħu nisslu l-aspettattivi leġittimi tiegħu fil-legalità ta’ din l-għajnuna, u li jiġi prekluż, għaldaqstant, mir-rimbors tagħha ma tistax tiġi eskluża [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza BFM u EFIM vs Il‑Kummissjoni, punt 255 iktar ’il fuq, punt 70, u tal-5 ta’ Awwissu 2003, P & O European Ferries (Vizcaya) u Diputación Foral de Vizcaya vs Il‑Kummissjoni, T‑116/01 u T‑118/01, Ġabra p. II‑2957, punti 201 u 204].

264    F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-għajnuna inkwistjoni ma ġietx innotifikata, peress li hija ġiet eżaminata mill-Kummissjoni wara lment magħmul wara li kien ingħata l‑ewwel element tal-għajnuna − jiġifieri d-differenza fit-tassazzjoni li bbenefikat minnha France Télécom għas-sena 1994. Għalhekk għandu jiġi konkluż li, fil-prinċipju, la r-Repubblika Franċiża u lanqas France Télécom ma jistgħu jibbażaw ruħhom fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-għajnuna inkwistjoni sabiex jikkontestaw id-deċiżjoni ta’ rkupru, għajr jekk tintwera l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li setgħu jnisslu l-aspettattivi leġittimi ta’ France Télécom fil-legalità tal‑għajnuna inkwistjoni.

265    Iċ-ċirkustanza eċċezzjonali invokata f’dan is-sens mir-Repubblika Franċiża u minn France Télécom tikkonsisti fl-eżami tal-Artikolu 21 tal‑Liġi 90‑568 mill-Kummissjoni, li fi tmiemu din tal-aħħar ikkonkludiet, wara d-deċiżjoni fir-rigward ta’ La Poste, li t‑tnaqqis tal-bażijiet ta’ tassazzjoni b’85 % tal-valur tagħhom, applikabbli għal La Poste − imma mhux għal France Télécom − skont il-punt I 3 tal-Artikolu 21 ma kienx jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Ir-rikorrenti josservaw li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni ġiet stabbilita mill-istess artikolu u li kienet applikabbli wkoll għall-La Poste. Issa, fl-eżami tagħha, il‑Kummissjoni ma kkunsidratx li din is-sistema kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

266    L-ewwel nett, għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward li, fuq l-ammissjoni stess tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni fuq is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni. Issa, il-possibbiltà li jiġi invokat il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jippresupponi li l-benefiċjarju jista’ juri li rċieva assigurazzjonijiet preċiżi mill‑amministrazzjoni (ara l-punt 261 iktar ’il fuq).

267    It-tieni nett, mit-termini stess tad-deċiżjoni dwar La Poste jirriżulta li d‑dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu 21 tal-Liġi 90‑568, b’mod partikolari dawk dwar it-taxxa fuq in-negozju u dwar is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, ma ġewx eżaminati. Il-silenzju li żammet il-Kummissjoni fuq is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni fid-deċiżjoni dwar La Poste ma setax għalhekk jipprovdi bażi suffiċjenti għall-aspettattivi leġittimi ta’ La Poste, lanqas a fortiori għal dawk ta’ France Télécom, sa fejn din is-sistema fiskali ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il‑Kummissjoni, punt 255 iktar ’il fuq, punt 44).

268    It-tielet nett, kif issostni l-Kummissjoni fid-difiża tagħha, l‑evalwazzjoni magħmula fid-deċiżjoni dwar La Poste li t-tnaqqis ta’ bażijiet inkwistjoni f’din il-kawża ma jikkostitwixxix għajnuna mill‑Istat, ġiet invalidata mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza FFSA et vs Il‑Kummissjoni, punt 247 iktar ’il fuq. Fil-punti 167 u 168 ta’ din is‑sentenza, fil-fatt, il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet li d‑dispożizzjonijiet inkwistjoni tal-Artikolu 21 tal-Liġi 90‑568 kienu jistabbilixxu għajnuna mill-Istat li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 87(1) KE, għalkemm din hija kompatibbli mas-suq komuni minħabba d-deroga prevista fl-Artikolu 86(2) KE favur kumpanniji pubbliċi. L-appell li sar minn din is-sentenza ġie miċħud mill‑Qorti tal-Ġustizzja (digriet tal-25 ta’ Marzu 1998, FFSA et vs Il‑Kummissjoni, C‑174/97 P, Ġabra p. I‑1303). B’hekk, anki jekk jingħad li d-deċiżjoni dwar La Poste setgħet twassal lir-Repubblika Franċiża u lil France Télécom sabiex jistennew li l-miżuri previsti fl-Artikolu 21 tal-Liġi 90‑568 ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, dawn it-tamiet instab li ma humiex fondati u għalhekk ma humiex fost dawk li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jista’ jiggarantixxi r-rispett tagħhom.

269    Ir-raba’ nett, f’kull każ, id-data li fiha n-notifika tal-għajnuna inkwistjoni kellha ssir – jiġifieri qabel id-data li fiha l-kontribuzzjoni tat-taxxa fuq in-negozju li France Télécom kellha tħallas għas-sena 1994 saret dovuta − għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni kienet għadha ma adottatx id-deċiżjoni dwar La Poste.

270    Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Franċiża u France Télécom ma wrewx li jeżistu ċirkustanzi eċċezzjonali li ppermettewlhom jinvokaw il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

271    L-ebda wieħed mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti ma huwa tali li jirribatti din l‑evalwazzjoni.

272    Fl-ewwel lok, fil-fatt, ir-Repubblika Franċiża tirreferi għar-rapport C (2004) 434, tad-9 ta’ Frar 2004, dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar għajnuna mill-Istat għall-miżuri relatati mat-tassazzjoni diretta ta’ impriżi. Anki jekk jingħad li r-rikorrenti beħsiebha ssostni li dan ir-rapport jorbot lill-Kummissjoni, biżżejjed jiġi osservat li dan jindika b’mod partikolari li “il-fatt li tiġi awtorizzata parti minn sistema bl-ebda mod ma jippreġudika l-konformità mar-regoli tat-Trattat tal-aspetti l-oħra ta’ din l‑istess sistema. B’hekk, it-termini stess ta’ dan ir-rapport jeskludu l-possibbiltà li argument jiġi bbażat fuq l-approvazzjoni tal-miżura stabbilita fil-punt I 3 tal-Artikolu 21 tal-Liġi 90‑568 sabiex jiġi konkluż li għandhom jiġu awtorizzati l-miżuri stabbiliti mid-dispożizzjonijiet l-oħra tal-istess artikolu.

273    Fit-tieni lok, l-argument tar-Repubblika Franċiża li ċ-ċirkustanzi ta’ dawn il-kawżi huma simili għal dawk prevalenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, punt 249 iktar ’il fuq, lanqas ma jista’ jintlaqa’. Fil-kawża inkwistjoni, fil-fatt, il-Qorti tal‑Prim’Istanza ddeċidiet li l-fatt li l-benefiċjarju ta’ għajnuna ma jistax jibbaża ruħu fuq il‑prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, peress li l-għajnuna ma ġietx innotifikata, ma jċaħħadx lil dan il-benefiċjarju mill-possibbiltà li jinvoka l-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

274    Issa, il-kawża li wasslet għas-sentenza Il‑Kummissjoni vs Salzgitter, punt 249 iktar ’il fuq, kienet ikkaratterizzata minn ċirkustanzi speċifiċi, fosthom it-teħid ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet kontra d-dispożizzjoni li abbażi tagħha l-għajnuna inkwistjoni kienet ingħatat, l-irtitrar parzjali u impliċitu ta’ din id-deċiżjoni, bidla fl‑analiżi mill-Kummissjoni, inċertezza dwar jekk applikazzjonijiet ġodda tad-dispożizzjoni inkwistjoni kellhomx jiġu nnotifikati u nuqqas għal tul ta’ żmien ta’ azzjoni mill-Kummissjoni meta hija kienet taf perfettament bl-għajnuna inkwistjoni.

275    Meta jsir tqabbil, f’dawn il-kawżi, id-dispożizzjonijiet tal-Liġi 90‑568 li fuqhom kienet ibbażata is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni ma ġewx innotifikati lill-Kummissjoni u, għalhekk, ma setgħux ikunu s-suġġett ta’ deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet.

276    F’dan ir-rigward, u fit-tielet lok, l-argument tar-rikorrenti li r‑Repubblika Franċiża setgħet tastjeni milli tinnotifika s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni, peress li ma kienx evidenti li l-leġiżlatur Franċiż kellu l‑intenzjoni li jagħti għajnuna mill-Istat lil France Télécom, ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, minn naħa, l-intenzjoni tal-Istat Membru hija irrilevanti għall-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat (ara l-punt 198 iktar ’il fuq). Min-naħa l-oħra, in-notifika ta’ miżura li tista’ tagħti vantaġġ lil kumpannija hija l-mezz, previst mit-Trattat, li jippermetti lill-Istati Membri li jiżguraw li huma ma jagħtux għajnuna mill-Istat li hija illegali u lill-impriżi li ma jibbenefikawx minn din l-għajnuna. Issa, peress li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni kienet tikkostitwixxi mod ta’ ssuġġettar għat‑taxxa fuq in-negozju li jidderoga mid-dritt komuni u li jirrigwarda żewġ impriżi, ma setax jiġi eskluż a priori li din hija għajnuna mill-Istat. Madankollu huwa paċifiku li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, fin-nuqqas ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, meta l-għajnuna hija implementata mingħajr notifika minn qabel lill-Kummissjoni, b’tali mod li hija illegali skont l-Artikolu 88(3) KE, il-benefiċjarju tal-għajnuna ma jistax ikollu, f’dan il-mument, aspettattivi leġittimi fil-legalità tagħha (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza Demesa u Territorio Histórico de Álava vs Il‑Kummissjoni, punt 254 iktar ’il fuq, punt 45).

277    Fir-raba’ lok, kif issostni l-Kummissjoni, il-kundizzjonijiet li taħthom tista’ tiġi rikonoxxuta l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huma speċifiċi għal kull każ. B’hekk, il-fatt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li France Télécom setgħet tinvoka dan il-prinċipju fil‑kawża li wasslet għad-Deċiżjoni 2006/621 hija, fiha nfisha, irrilevanti fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-impriża tistax tibbenefika minn din il-protezzjoni f’dan il-każ.

278    Fil-ħames lok, fl-aħħar nett, l-argument tar-Repubblika Franċiża li l‑Kummissjoni ma kellhiex prattika deċiżjonali stabbilita fil-materja għandu jiġi miċħud ukoll. Fil-fatt, dan in-nuqqas ta’ prattika, jekk jingħad li huwa stabbilit, ma jistax isostni l-argument li r-rikorrenti setgħu leġittimament jistennew li s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni ma tistabbilixxix għajnuna mill-Istat.

279    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argumenti tar-rikorrenti ma jistgħux jintlaqgħu, u li, għaldaqstant, għandhom jinċaħdu kemm ir-raba’ motiv imressaq mir-Repubblika Franċiża kif ukoll l-ewwel parti tar-raba’ motiv imressaq minn France Télécom.

7.     Rigward il-possibbiltà li jiġi ordnat l-irkupru ta’ għajnuna f’ammont mhux speċifikat u l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

 L-argumenti tal-partijiet

280    France Télécom, fit-tieni parti tar-raba’ motiv tagħha, issostni li l‑possibbiltà tad-determinazzjoni tal-ammont eżatt ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni hija kundizzjoni għall-irkupru tagħha u tikkunsidra li n-natura ipotetika tal-ammont li għandu jiġi rkuprat imur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.

281    France Télécom tindika li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jistax ikun limitat għall-kundizzjonijiet meħtieġa għat-tnissil ta’ aspettattivi leġittimi fil-benefiċjarju tal-għajnuna (sentenza Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, punt 249 iktar ’il fuq) u li dan il-prinċipju jirrikjedi li kull att tal-amministrazzjoni li jipproduċi effetti legali għandu jkun ċar u preċiż, sabiex l-interessat ikun jista’ jkun jaf mingħajr ambigwità d‑drittijiet tiegħu u l-obbligi tiegħu u jaġixxi konsegwentement (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ottubru 1998, Langnese‑Iglo vs Il‑Kummissjoni, C‑279/95 P, Ġabra p. I‑5609, punt 78). Għalhekk, skont dan il-prinċipju, il-Kummissjoni kienet marbuta li tagħti lir-Repubblika Franċiża informazzjoni li tagħtiha l-possibbiltà li tiddetermina mingħajr diffikultà żejda l-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat, u, b’mod partikolari, l-iffissar tal-parametru li bih jista’ jitkejjel id-daqs tal-vantaġġi antikompetittivi li France Télécom ibbenefikat minnhom (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1973, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, 70/72, Ġabra p. 813; tat-13 ta’ Lulju 1988, Franza vs Il‑Kummissjoni, 102/87, Ġabra p. 4067, punt 33, u tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑480/98, Ġabra p. I‑8717, punt 25).

282    Issa, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tiddefinixxi firxa indikattiva mingħajr ma speċifikat il-parametri meħtieġa għall-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandu jiġi rkuprat. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata ma tistax tiġi kkunsidrata bħala waħda li għandha effetti legali ċari u preċiżi, u dan bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

283    Fil-fatt, ikun impossibbli li jiġi kkalkolat l-ammont eżatt tad-differenza bejn il-kontribuzzjonijiet tat-taxxa fuq in-negozju li France Télécom kellha tħallas għas-snin preċedenti għall-2003 u l-ammont ta’ tassazzjoni li kien ikollha tħallas kieku t-taxxi ġew imposti skont il-kundizzjonijiet tad-dritt komuni.

284    France Télécom, fil-fatt, ma għandhiex sistema ta’ kontabbiltà analitika li biha tista’ tqassam il-bażijiet ta’ tassazzjoni skont il-komun, peress li l-ewwel informazzjoni disponibbli tikkonċerna l-2001, li hija, skont l-Artikolu 1467 A tal-code général des impôts, il-perijodu ta’ referenza għall‑istabbiliment tat-tassazzjoni dovuta għas-sena 2003 (ara l-punt 21 iktar ’il fuq). France Télécom għandha madwar 19 000 stabbiliment, li għaddew minn bidliet sinjifikattivi bejn l-1991 u l-2000, u dan jagħmilha impossibbli li jkun hemm tqassim reali tal-bażijiet ta’ tassazzjoni għas-snin qabel l-2001.

285    Barra minn hekk, l-impossibbiltà li jitqassmu l-bażijiet ta’ tassazzjoni għall‑kalkolu tal-ammont tat-taxxa li France Télécom kien ikollha tħallas normalment timplika wkoll li huwa impossibbli li jiġu stabbiliti r-rati lokali applikabbli, li, barra minn hekk, ma għadhomx disponibbli. B’hekk, l‑ammonti mibgħuta mill-Kummissjoni f’Mejju 2003 kienu inkisbu, għas-snin 1994 sa 1999, skont rata medja nazzjonali ta’ tassazzjoni ta’ France Télécom kkalkolata permezz ta’ estrapolazzjoni lineari mir-rata medja mwieżna nazzjonali.

286    Id-data mibgħuta f’Lulju 2004 hija ta’ natura iktar affidabbli, minħabba li hija stabbilita abbażi tal-ammont li effettivament France Télécom kellha tħallas taħt id-dritt komuni għas-sena 2003, iżda hija bbażata wkoll, għas-snin preċedenti, fuq rikostituzzjoni fittizja permezz ta’ estrapolazzjoni.

287    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-data mibgħuta mir-Repubblika Franċiża matul il-proċedura amministrattiva setgħet biss tkun ta’ natura indikattiva u approssimattiva ħafna, u l-Kummissjoni ġiet debitament avżata b’dan. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni ħadet ukoll dan inkunsiderazzjoni, kif jirriżulta mill-minuti tal-laqgħa tal-kulleġġ tal‑membri tal-Kummissjoni li matulu ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, ikun impossibbli li jiġi kkalkolat l-ammont eżatt tal‑vantaġġ li France Télécom allegatament ibbenefikat minnu abbażi tal-parametri definiti fid-deċiżjoni kkontestata. Issa, fid-Deċiżjonijiet 2003/216 u 2006/621, il‑Kummissjoni kienet ikkonkludiet, mill-impossibbiltà ta’ kalkolu tal‑ammont ta’ għajnuna li hija kienet identifikat, li ma kienx possibbli li tordna l-irkupru tagħha.

288    Il-Kummissjoni ssostni, b’mod preliminari, li hija tista’, skont ġurisprudenza stabbilita, tillimita ruħha li tikkonstata l-obbligu ta’ ħlas lura tal-għajnuna u tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali l-kompitu tal‑kalkolu tal-ammont eżatt tal-għajnuna li għandha titħallas lura.

289    Il-Kummissjoni ssostni, imbagħad, li n-nuqqas ta’ data ta’ kontabbiltà ċerta ma tostakolax l-irkupru ta’ għajnuna, meta din tista’ tiġi identifikata preċiżament. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, l-għajnuna inkwistjoni ġiet iddefinita preċiżament bħala d-differenza fit-tassazzjoni korrispondenti għad-differenza bejn it-tassazzjoni għat-taxxa fuq in-negozju li kellha tħallas France Télécom li kieku ġiet suġġetta għad-dritt komuni u t-tassazzjoni li effettivament kienet suġġetta għaliha din l-impriża, mill‑1994 sal-2002. Il-kwantifikazzjoni eżatta tal-għajnuna inkwistjoni hija mingħajr effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, iżda taqa’ taħt il-fażi ta’ implementazzjoni tagħha, li hija bbażata fuq l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri prevista fl‑Artikolu 10 KE.

290    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, l-użu ta’ metodu ta’ estrapolazzjoni mid-data disponibbli huwa ammissibbli. Dan il-metodu ġie użat ukoll mir-Repubblika Franċiża matul il-proċedura amministrattiva u kien wassal għal żewġ serje ta’ riżultati kkunsidrati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi stabbilita l-firxa indikattiva li fiha jinsab l-ammont li għandu jiġi rkuprat.

291    In-natura indikattiva ta’ dawn l-ammonti ttieħdet debitament inkunsiderazzjoni mill-kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni [PV (2004) 1667 finali, tad-19 u l-20 ta’ Lulju 2004, punt 20.1, p. 34] u, għaldaqstant, it-terminu “indikattiv” kellu jiżdied fil-punt 59 tad‑deċiżjoni kkontestata permezz ta’ rettifika adottata fid-19 ta’ Jannar 2005 [C (2005) 75 finali] u nnotifikata fl-istess jum mir-Repubblika Franċiża.

292    Fit-tieni lok, ma tistax tiġi allegata b’mod serju l-impossibbiltà tal-irkupru tal-ammonti tat-tassazzjoni li France Télécom kellha tbati kieku kienet suġġetta għad-dritt komuni.

293    L-ewwel nett, l-awtoritajiet Franċiżi bbażaw ruħhom suċċessivament fuq żewġ serje ta’ data, ippreżentati fil-15 ta’ Mejju 2003 u fid-29 ta’ Jannar 2004, li huma ppreżentaw bħala suffiċjentement kredibbli, sabiex jippruvaw jistabbilixxu n-nuqqas ta’ vantaġġ għal France Télécom matul il-perijodu 1991-2002. Issa, huwa biss meta huma ndunaw li l‑Kummissjoni kienet ser tirrifjuta li taċċetta l-argument ibbażat fuq il-kumpens bejn il-ġbir ta’ ammont globali mingħand France Télécom għall-perijodu mis-sena 1991 sas-sena 1993 u d-differenza fit-tassazzjoni li tirriżulta mis-sistema speċifika ta’ tassazzjoni għas-snin 1994 sal-2002, li r-Repubblika Franċiża sostniet, għall-ewwel darba, li dawn l-istimi ma kinux affidabbli.

294    Fit-tieni lok, huma kompletament infondati l-allegazzjonijiet li l‑informazzjoni meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal‑kontribuzzjonijiet tat-taxxa fuq in-negozju li normalment kienu jkunu dovuti minn France Télécom għas‑snin 1994 sal-2002 ma hijiex disponibbli.

295    Fil-fatt, huwa improbabbli li France Télécom ma tistax tkun taf bi preċiżjoni suffiċjenti l-lok ġeografiku tal-assi tagħha għal perijodu li ma tantx huwa ’l bogħod. Dwar ir-rati ta’ tassazzjoni li ġew deċiżi fis-snin inkwistjoni mill‑awtoritajiet lokali fit-territorju tagħhom fejn France Télécom kellha xi stabbilimenti, dawn huma data pubblika li l-għibien tagħha hija inspjegabbli għal kollox.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

296    Għandu jiġi mfakkar, b’mod preliminari, li, b’risposta għad-domandi li sarulha mill-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-Repubblika Franċiża qalet li, wara s-sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 93 iktar ’il fuq, hija kienet qed tirtira l-ħames motiv tar-rikors tagħha li fih hija sostniet li l‑impossibbiltà li jiġi kkalkolat l-ammont eżatt tal-għajnuna inkwistjoni kienet tipprekludi l-eżekuzzjoni tal-obbligu tal-irkupru tal-imsemmija għajnuna u hija kienet eżegwit b’mod provviżorju l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huma biss l-argumenti ppreżentati minn France Télécom li ser jittieħdu inkunsiderazzjoni.

297    Skont ġurisprudenza kostanti, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tindika fid-deċiżjoni li tordna l-irkupru ta’ għajnuna illegali, l-ammont preċiż tal-għajnuna li għandu jitħallas lura. Fil-fatt, ir-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju f’dan il-qasam huma limitati sabiex, minn naħa, l-irkupru ta’ għajnuna mogħtija illegalment twassal għall-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti u, min-naħa l-oħra, li dan il-ħlas lura jsir skont il-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali, mingħajr ma l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar tkun tista’ tippreġudika l-portata u l-effettività tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza Ladbroke Racing vs Il‑Kummissjoni, punt 185 iktar ’il fuq, punt 187, u l-ġurisprudenza ċċitata).

298    Huwa biżżejjed għalhekk li l-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata jista’ jsir, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fid‑deċiżjoni, mingħajr diffikultà żejda (sentenza tat-13 ta’ Lulju 1988, Franza vs Il‑Kummissjoni, punt 282 iktar ’il fuq, punt 33).

299    Il-Kummissjoni b’hekk tista’ tillimita ruħha li tikkonstata l-obbligu ta’ ħlas lura tal-għajnuna inkwistjoni u tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali l-kompitu tal-kalkolu tal-ammont preċiż tal-għajnuna li għandha titħallas lura, speċjalment meta dan il-kalkolu jeħtieġ it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ sistemi ta’ tassazzjoni jew tas-sigurtà soċjali li l-modalitajiet tagħhom huma stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli (sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il‑Kummissjoni, punt 282 iktar ’il fuq, punt 26, u Ladbroke Racing vs Il‑Kummissjoni, punt 185 iktar ’fuq, punt 188).

300    Madankollu, id-dritt mogħti lill-Kummissjoni li tastjeni milli tindika l-ammont preċiż tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata ma jistax tippermetti lill-istituzzjoni li tevita l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jeżiġi li kull att tal-amministrazzjoni li jipproduċi effetti ġuridiċi għandu jkun ċar u preċiż, sabiex l-interessati jkunu jistgħu jkunu jafu b’mod ċar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom u jaġixxu konsegwentement (sentenza Langnese‑Iglo vs Il‑Kummissjoni, punt 282 iktar ’il fuq, punt 78).

301    F’dan il-każ, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni indikat, fil-punt 59 tad-deċiżjoni kkontestata li l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni kellu jkun bejn EUR 798 miljun u EUR 1.14 biljun. Għaldaqstant l-ammont ta EUR 798 miljun għandu jiġi kkunsidrat li jikkostitwixxi l-ammont minimu tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, b’mod konformi mal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata. Id-dispożittiv ta’ deċiżjoni dwar għajnuna mill-Istat ma jistax, fil-fatt, jiġi mifrud mill-motivazzjoni tagħha, b’tali mod li hija għandha tiġi interpretata, jekk ikun meħtieġ, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-motivi li wasslu għall-adozzjoni tagħha. Peress li l-ammonti li jikkostitwixxu l-ammont massimu u l-ammont minimu li bejniethom jinsab l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni ma humiex ta’ natura indikattiva, id-deċiżjoni kkontestata tinkludi l-indikazzjonijiet xierqa sabiex tippermetti lir‑Repubblika Franċiża tiddetermina hija stess, mingħajr diffikultà żejda, l-ammont finali tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata (ara, f’dan is-sens, is‑sentenza Il‑Kummissjoni vs Franza, punt 88 iktar ’il fuq, punti 31 sa 40, u l-ġurisprudenza ċċitata).

302    Fil-fatt, minn naħa, fil-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, l‑għajnuna inkwistjoni kienet identifikata speċifikament bħala “d‑differenza bejn it-taxxa fuq in-negozju effettivament imħallsa minn France Télécom u dik li kienet tkun dovuta taħt id-dritt komuni mill-1 ta’ Jannar 1994 sal-1 ta’ Jannar 2003”.

303    Barra minn hekk, fil-premessi 54 sa 60 tad-deċiżjoni kkontestata, il‑Kummissjoni ppreżentat l-istimi li ntbagħtu lilha mir-Repubblika Franċiża matul il-proċedura amministrattiva u bbażat ruħha fuq din id‑data sabiex tiddetermina l-ammont tal-għajnuna inkwistjoni. B’dan il-mod, il-Kummissjoni, ġustament, indikat li metodi għall‑approssimazzjoni tal-ammont tal-għajnuna inkwistjoni bħal dawk użati f’dan il-każ setgħu jiġu ammessi, ladarba l-Istat Membru u l-impriża ma setgħux jagħmlu kalkolu eżatt tal-vantaġġ li France Télécom ibbenefikat minnu.

304    B’hekk, ladarba l-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata seta’ jsir, fid-dawl tal-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjonijiet ikkontestati, mingħajr diffikultà żejda, il-Kummissjoni setgħet tindika, fil-premessi 59 u 60 tal-imsemmija deċiżjoni, li l-ammont eżatt tal‑għajnuna li għandha tiġi rkuprata kien ser jiġi ddefinit mill‑awtoritajiet Franċiżi matul il-fażi ta’ implementazzjoni ta’ din l-istess deċiżjoni.

305    Għaldaqstant France Télécom ma tistax issostni leġittimament li, minħabba l-impossibbiltà tal-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna inkwistjoni, l-obbligu sabiex tkun irkuprata din l-għajnuna jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Għaldaqstant, it-tieni parti tar-raba’ motiv ta’ France Télécom għandu jiġi miċħud.

8.     F’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tar-regoli tal-preskrizzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

306    Permezz tat-tielet motiv tagħhom, ir-Repubblika Franċiża u France Télécom ifakkru li, skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999, is-setgħat tal-Kummissjoni sabiex tirkupra l-għajnuna għandhom ikunu suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin u t-terminu ta’ preskrizzjoni għandu jibda l-jum li fih l-għajnuna tingħata lill-benefiċjarju, bħala għajnuna individwali jew fil-kuntest ta’ skema ta’ għajnuna.

307    Kemm ir-Repubblika Franċiża kif ukoll France Télécom jikkontestaw l-analiżi tal-Kummissjoni li tgħid li għajnuna inkwistjoni ngħatat fil‑kuntest ta’ sistema ta’ għajnuna u li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu huwa d-data meta l-ewwel għajnuna effettivament ingħatat lil France Télécom, jiġifieri l-1 ta’ Jannar 1994.

308    Huma jqisu, bil-kontra, li, b’mod konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu huwa d-data li fiha obbligu legali vinkolanti stabbilixxa l-miżura inkwistjoni, jiġifieri t-2 ta’ Lulju 1990, id-data meta l-Liġi 90‑568, li l-Artikolu 21 tagħha jistabbilixxi b’mod ċar u preċiż il-modalitajiet speċifiċi ta’ tassazzjoni applikabbli għal France Télécom sa mill-1994, ġiet ippromulgata u daħlet fis-seħħ. Hija ressqet sitt argumenti sabiex issostni din it-teżi.

309    L-ewwel nett, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Istati Membri jiksru l-obbligu tagħhom li jinnotifikaw għajnuna ġdida li jirriżulta mill‑Artikolu 88(3) KE, meta, indipendentement minn kwalunkwe ħlas, huma jaċċettaw obbligu legali vinkolanti fir-rigward ta’ għajnuna.

310    It-tieni nett, rigward ukoll in-notifika ta’ għajnuna ġdida, il‑ġurisprudenza tikkonferma l-prattika tal-Kummissjoni (sentenza tal‑Qorti tal-Prim’Istanza tal-14 ta’ Jannar 2004, Fleuren Compost vs Il‑Kummissjoni, T‑109/01, Ġabra p. II‑127, punt 74).

311    It-tielet nett, il-fatt li l-allegata għajnuna ngħatat kull sena ma jaffettwax il-kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni, peress li r‑Regolament Nru 659/1999 ma jinkludi l-ebda regola komparabbli għal dik applikabbli għall-ksur kontinwu fil-qasam tal-kompetizzjoni.

312    Ir-raba’ nett, id-dispożizzjonijiet tat-taxxa tal-Liġi 90‑568 ma jikkostitwixxux sistema ta’ għajnuna fis-sens tal-leġiżlazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat, għaliex id-dispożittiv jikkonċerna biss impriża waħda, ġie stabbilit permezz ta’ miżura tal-Istat waħda biss li ma ġietx, min-naħa tagħha, suġġetta għal xi emenda qabel it-tħassir tagħha, ma kienx jeħtieġ miżura ta’ applikazzjoni ulterjuri u ma kellux l-għan li jagħti vantaġġ lill-impriża.

313    Il-ħames nett, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999 jistabbilixxi l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni fid-data li fiha l-għajnuna “tingħata” u mhux dik meta l-għajnuna “titħallas”, u dan indipendentement mill-verżjoni lingwistika (per eżempju “concedido” bl‑Ispanjol, “mogħtija” bl-Ingliż, “gewährt” bil-Ġermaniż, “come concesso” bit-Taljan). It-termini tal-Artikolu 15, barra minn hekk, huma distinti minn dawk tal-Artikolu 14 tal-istess regolament, li jistabbilixxu li l-kalkolu tal-interessi jibda minn meta l-għajnuna tkun “fid-dispożizzjoni”. It-teħid inkunsiderazzjoni tad-data li fiha l-għajnuna tingħata huwa, fil-prinċipju tiegħu, konformi mal-prattika deċiżjonali tal-Kummissjoni [Deċiżjoni 2002/14/KE, tat-12 ta’ Lulju 2000, dwar l-għajnuna mill-Istat li ngħatat minn Franza lil Scott Paper SA vs Kimberly-Clark (ĠU 2002, L 12, p. 1)], ikkonfermata mill‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (sentenza Scott vs Il‑Kummissjoni, punt 255 iktar ’il fuq).

314    Is-sitt nett, it-teżi tal-Kummissjoni li l-għajnuna għandha tiġi kkunsidarata bħala mogħtija mid-data li minnha hija tista’ tiġi kkalkolata toħloq inċertezza legali, peress li ebda data ċerta ma tista’ tiġi identifikata abbażi ta’ din it-teorija.

315    Issa, l-awtoritajiet Franċiżi u France Télécom jsostnu li l-ewwel talba għal informazzjoni mingħand il-Kummissjoni ġġib id-data tat-28 ta’ Ġunju 2001, jiġifieri iktar minn għaxar snin wara t-2 ta’ Lulju 1990. Peress li l-irkupru tal-għajnuna inkwistjoni huwa preskritt, id-deċiżjoni kkontestata għandha, għal din ir-raġuni, tiġi annullata.

316    Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Franċiża tikkontesta r-rilevanza tal‑ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni fid-difiża tagħha kif ukoll ir-rilevanza tal-kwistjoni jekk l-għajnuna inkwistjoni kinitx tikkostitwixxi għajnuna eżistenti indipendentement mill-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999. L-awtoritajiet Franċiżi jżidu li t-teorija tal-Kummissjoni li tgħid li għandha ssir distinzjoni, fil-każ ta’ sistema ta’ għajnuna, bejn id-data li fiha jkun ittieħed l-obbligu legali dwar l-għajnuna, minn naħa, u d-data li fiha kull għajnuna tista’ tiġi kkalkolata, min‑naħa l-oħra, ma hijiex sostnuta u ma tirriżultax mill-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 659/1999.

317    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

318    Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 659/1999, is-setgħat tal-Kummissjoni sabiex tirkupra l-għajnuna għandhom ikunu suġġetti għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin.

319    L-Artikolu 15(2) tal-istess regolament jipprovdi:

“Il-perjodu ta’ limitazzjoni [preskrizzjoni] għandu jibda dakinhar li fih l-għajnuna llegali tingħata lill-benefiċarju jew bħala għajnuna individwali jew bħala għajnuna taħt skema ta’ għajnuna. Kull azzjoni meħudha mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni, b’rigward għall-għajnuna llegali għandha tinterrompi l-perjodu ta’ limitazzjoni. Kull interuzzjoni għandha tibda l-ħin mill-ġdid [terġa’ tibda t-terminu]. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għandu jkun sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċeduri pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.”

320    Mid-dispożizzjonijiet iċċitati hawn fuq tal-Artikolu 15(2) tar‑Regolament Nru 659/1999 jirriżulta li l-bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni huwa d-data li fiha l-għajnuna li ġie ordnat l-irkupru tagħha mill-Kummissjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala li tkun ingħatat, jiġifieri, meta l-għoti tal-għajnuna jiddependi fuq l-adozzjoni ta’ atti legali vinkolanti, id-data tal-adozzjoni ta’ dawn l-atti (sentenza Fleuren Compost vs Il‑Kumissjoni, punt 311 iktar ’il fuq, punt 74; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Scott vs Il‑Kummissjoni, punt 255 iktar ’il fuq, punti 3 u 57).

321    F’dan il-każ, ir-Repubblika Franċiża u France Télécom iqisu li l-att legali vinkolanti li ta l-għajnuna in kwistjoni huwa l-Liġi 90‑568, li jġib id-data tat-2 ta’ Lulju 1990. It-terminu ta’ preskrizzjoni għalhekk skada fl-1 ta’ Lulju 2000 u ebda miżura meħuda mill‑Kummissjoni ma interrompiet dan it-terminu, peress li l‑ewwel talba għal informazzjoni indirizzata lir-Repubblika Franċiża ġġib id-data tat-28 ta’ Ġunju 2001.

322    Madankollu, fil-premessa 42 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddefiniet il-vantaġġ li jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat bħala wieħed li jirrappreżenta “d-differenza bejn it-taxxa fuq in-negozju effettivament imħallsa minn France Télécom u dik li kienet tkun dovuta taħt id-dritt komuni mill-1 ta’ Jannar 1994 sal-1 ta’ Jannar 2003”. Għalhekk il‑Kummissjoni ma kkunsidratx li l-għajnuna inkwistjoni kienet ikkostitwita mid-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ taxxa applikabbli għal France Télécom, iżda mid-differenza fit-tassazzjoni li tirrappreżenta d-differenza bejn l-ammont tal-ispejjeż ta’ taxxa fuq in-negozju li l-impriża kien ikollha tħallas li kieku kienet ġiet suġġetta għat-taxxa taħt id-dritt komuni u dik li effettivament kellha tħallas taħt id-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ taxxa li kienet suġġetta għalihom (ara l-punt 202 iktar ’il fuq).

323    Issa, min-natura annwali tat-taxxa fuq in-negozju (ara l-punt 202 iktar ’il fuq) jirriżulta li l-eżistenza ta’ vantaġġ favur France Télécom kien jiddependi kull sena fuq il-kwistjoni dwar jekk is-sistema speċifika ta’ tassazzjoni kinitx twassal sabiex France Télécom tkun suġġetta għal ammont ta’ taxxa fuq in-negozju inqas minn dak li kienet suġġetta għalih taħt id-dritt komuni. Għandu jiġi kkonstatat li din il-kwistjoni tiddependi minnha nfisha fuq ċirkustanzi esterni għas-sistema speċifika ta’ tassazzjoni u, b’mod partikolari, fuq il-livell tar-rati ta’ tassazzjoni stabbiliti kull sena mill-awtoritajiet lokali li fit-territorju tagħhom France Télécom kellha stabbilimenti.

324    Għal din ir-raġuni, l-għajnuna inkwistjoni ma tistax tiġi kkunsidrata li kienet ingħatat, fis-sens tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 659/1999, qabel l-1994, peress li huwa f’dan iż-żmien li ġew adottati atti legali vinkolanti li ppermettew, għall-ewwel darba, li tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ differenza ta’ tassazzjoni. F’dan ir-rigward, it-teżi tar-rikorrenti ma tistax tiġi aċċettata, peress li din timplika, fil-każijiet fejn att legali jistabbilixxi sistema speċifika applikabbli fil-futur, li t-terminu ta’ preskrizzjoni jibda jiddekorri minn data meta huwa impossibbli li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk din is-sistema speċifika tistabbilixxix vantaġġ li jista’ jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

325    Għalhekk, it-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 15 tar‑Regolament Nru 659/1999 ma kienx skada fid-data tat-28 ta’ Ġunju 2001, li fiha talba għal informazzjoni ntbagħtet lir-Repubblika Franċiża. Għaldaqstant, it-terminu ta’ preskrizzjoni reġa’ beda jiddekorri f’din l-istess data u ma kienx skada fit-2 ta’ Awwissu 2004, id-data tal‑adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

326    Minn dan isegwi li t-tielet motiv ippreżentat mir-Repubblika Franċiża u minn France Télécom għandu jiġi miċħud.

327    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li ebda wieħed mill‑motivi tar‑rikorrenti ma jista’ jintlaqa’ u li, konsegwentement, it‑talbiet tagħhom għall‑annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

328    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑Repubblika Franċiża u France Télécom tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati għall-ispejjeż, kif mitlub mill‑Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikorsi huma miċħuda.

2)      Ir-Repubblika Franċiża u France Télécom SA huma kkundannati għall‑ispejjeż.

Azizi

Cremona

Frimodt Nielsen

Firem

Werrej

Il-kuntest ġuridiku

1.  Regoli applikabbli għall-għajnuna mill-Istat

2.  Regoli dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1.  Twaqqif ta’ France Télécom

2.  L-issuġġettar ta’ France Télécom għat-taxxa fuq in-negozju

Sistema ġenerali tat-taxxa fuq in-negozju

Regoli applikabbli għal France Télécom

Prinċipju ta’ ssuġġettar għat-taxxi fid-dritt komuni

Ġbir ta’ ammont globali

Sistema speċifika ta’ tassazzjoni

3.  Proċedura amministrattiva

4.  Deċiżjoni kkontestata

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

1.  Ġabra fil-qosor tal-motivi ta’ annullament

2.  F’dak li jikkonċerna l-osservanza tar-regoli dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  F’dak li jikkonċerna r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar‑Repubblika Franċiża

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4.  F’dak li jikkonċerna r-rispett tad-drittijiet proċedurali ta’ France Télécom

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

5.  F’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat

L-argumenti tal-partijiet

Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjonijiet marbuta mal-istruttura ġenerali tas-sistema fiskali

Fuq in-natura tal-ġbir ta’ ammont globali

Fuq in-natura indiviżibbli tas-sistema fiskali applikabbli għal France Télécom matul il-perijodu 1991-2002

Fuq in-neċessità li jkun hemm kumpens

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-eżistenza ta’ vantaġġ

–  F’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li tiġi eżaminata s-sistema speċifika ta’ tassazzjoni indipendentment mill-ġbir ta’ ammont globali

–  F’dak li jirrigwarda l-possibbiltà ta’ kumpens

–  F’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ differenza ta’ tassazzjoni

Fuq il-ġustifikazzjoni tal-koerenza tas-sistema tat-taxxa

6.  F’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

7.  Rigward il-possibbiltà li jiġi ordnat l-irkupru ta’ għajnuna f’ammont mhux speċifikat u l-osservanza tal-prinċipju ta’ ċertezza legali

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

8.  F’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tar-regoli tal-preskrizzjoni

L-argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.