Language of document :

Rikors ippreżentat fil-31 ta' Marzu 2009 - Meridiana u Eurofly vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-128/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Meridiana SpA (Olbia, l-Italja) u Eurofly SpA (Milano, l-Italja) (rappreżentanti: N. Green, QC, K. Bacon, Barrister, C. Osti u A. Prastaro, avvocati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 6745 finali tat-12 ta' Novembru 2008;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 6745 finali tat-12 ta' Novembru 2008 li tiddikjara li l-proċedura għall-bejgħ tal-assi tal-kumpannija tal-ajru Alitalia, kif innotifikata mill-awtoritajiet Taljani, ma tirrappreżentax l-għoti ta' għajnuna mill-Istat favur ix-xerrej (N 510/2008)1. Ir-rikorrenti huma l-kompetituri fis-suq tat-trasport bl-ajru u ressqu lmenti mal-Kummissjoni rigward il-miżuri nnotifikati mill-awtoritajiet Taljani.

Ir-rikorrenti ressqu l-motivi segwenti insostenn tal-argumenti tagħhom.

L-ewwel nett huma jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji ta' liġi, żbalji manifesti ta' fatti u nuqqasijiet fir-raġunament minħabba li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-assi tal-Alitalia kienu se jinbigħu għal prezzijiet tas-suq. B'mod partikolari, ir-rikorrenti jsostnu li l-elementi tal-proċedura mibdija mill-Kummissjoni ma jurux l-eżistenza ta' valutazzjoni ta' perit indipendenti tal-assi ta' Alitalia qabel in-negozjati għall-bejgħ ta' dawk l-assi. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi wkoll billi naqset li tagħti biżżejjed piż lin-nuqqas ta' bidu ta' proċedura miftuħa u trasparenti għall-bejgħ tal-assi ta' Alitalia.

It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-arranġamenti għat-trasferiment tal-assi ma kinux maħsuba bl-iskop li jiġi evitat l-obbligu li titħallas lura l-għajnuna tal-Istat hija bbażata fuq żbalji ta' liġi, żbalji manifesti ta' fatt u nuqqasijiet fir-raġunament.

It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi u kisret id-dmir tagħha ta' motivazzjoni billi naqset milli tikkunsidra jekk il-liġi tal-2008 mgħoddija fl-Italja rigward il-proċedura speċjali ta' insolvenza kinitx tikkostitwixxi fiha nfisha għajnuna mill-Istat lil Alitalia u lix-xerrej, kif sostnut fl-ilment tar-rikorrenti minħabba li, fl-opinjoni tagħhom, kienet maħsuba sabiex tippermetti t-trasferiment tal-assi ta' Alitalia.

Ir-raba' nett, fil-fehma tar-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi u kisret id-dmir tagħha ta' raġunament billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni jekk numru ta' elementi tal-ilment tar-rikorrenti kienux juru l-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat, jiġifieri s-separazzjoni tal-assi ta' Alitalia f'ċirkustanzi fejn investitur privat normali ma kienx jagħmel hekk, il-ksur tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, l-inklużjoni tal-assi ta' kumpannija oħra fil-bejgħ u x-xiri ta' kumpannija oħra mix-xerrej tal-assi ta' Alitalia.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi billi naqset milli tibda l-proċedura ta' investigazzjoni formali taħt l-Artikolu 88(2) KE u minflok qatgħet il-każ wara investigazzjoni preliminari.

____________

1 - ĠU 2009 C 46, p. 6