Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta' April 2012 - Ternavsky vs Il-Kunsill

(Kawża T-163/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Anatoly Ternavsky (Moska, ir-Russja) (rappreżentanti: C. Rapin u E. Van den Haute, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara li dan ir-rikors huwa ammissibbli;

tannulla l-punt 2 tal-Anness II Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/171/PESK, tat-23 ta' Marzu 2012, li timplimenta d-Deċiżjoni 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja, u l-punt 2 tal-Anness II Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 265/2012, tat-23 ta' Marzu 2012, li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha ;

fl-eventwalità li l-Qorti Ġenerali jkollha tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż b'applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 87(6), u tal-Artikolu 90(a) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-istabbiliment manifestament żbaljat tal-fatti dwar dak li jikkonċerna r-raġunijiet li wasslu għall-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista ta' persuni ssanzjonati, imsemmija mill-atti tal-Kunsill.

It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni suffiċjenti tal-atti kkontestati, safejn ir-raġunijiet indikati ma huma ta' ebda utilità biex tinftiehem in-neċessità ta' din l-inklużjoni.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/639/PESK u tar-Regolament (KE) Nru 765/2006, kif emendati, u l-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni minn naħa waħda, sa fejn il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn l-atti kien ġie estiż għal negozjant mingħajr ma ġie muri appoġġ għall-azzjonijiet tar-reġim tal-President Lukashenko li jistgħu jiġu lilu attribwiti u, min-naħa l-oħra, sa fejn negozjanti oħra, li l-Kunsill kien jikkunsidrhom wkoll bħala li kienu qrib il-gvern tal-Bjelorussja, ma ġewx, kuntrarjament għal dak li ġara fil-każ tar-rikorrent, inklużi fil-listi Ewropej ta' sanzjoni.

____________